Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R1335

    Regolament (KE) Nru 1335/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji Test b’rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 354, 31.12.2008, p. 51–59 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 14/06/2016; Imħassar b' 32016R0796

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/1335/oj

    31.12.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 354/51


    REGOLAMENT (KE) Nru 1335/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-16 ta' Diċembru 2008

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2004 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 71(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 (3) stabbilixxa Aġenzija Ewropea tal-Ferroviji, hawn aktar 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”, biex jitwettaq kontribut tekniku għall-ħolqien ta' żona ferrovjarja Ewropea mingħajr fruntieri. Wara l-iżviluppi fil-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà ferrovjarja u l-iżvilupp tas-suq u abbażi ta' l-esperjenza miksuba mill-operazzjoni ta' l-Aġenzija u r-rabta bejn l-Aġenzija u l-Kummissjoni, jeħtieġ li jsiru ċerti emendi għal dak ir-Regolament, u, b'mod partikolari, jeħtieġ li jiżdiedu ċerti kompiti.

    (2)

    Ir-Regoli nazzjonali għandhom ikunu notifikati lill-Kummissjoni kemm skond id-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-Interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (tfassil mill-ġdid) (4), (minn hawn 'il quddiem imsejħa d-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja), u d-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (Direttiva tas-Sigurta' tal-Linji tal-Ferrovija) (5). Iż-żewġ settijiet ta' regoli għandhom għalhekk jiġu eżaminati sabiex jiġi valutat, b'mod partikolari, jekk humiex kompatibbli mal-metodi komuni ta' sigurtà u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta' l-interoperabilita' (TSI) fis-seħħ, kif ukoll jekk jippermettux li jintlaħqu l-miri komuni ta' sigurtà fis-seħħ.

    (3)

    Sabiex tkun iffaċilitata l-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tqegħid fis-servizz ta' vetturi li ma jikkonformawx mat-TSIs, ir-regoli kollha tekniċi u ta' sigurtà fis-seħħ f'kull Stat Membru għandhom jiġu kklassifikati fi tliet gruppi u r-riżultati ta' din il-klassifikazzjoni għandhom jiġu ppreżentati f'dokument ta' referenza. Għaldaqstant l-Aġenzija hi meħtieġa tfassal abbozz biex jinħoloq u jiġi aġġornat dan id-dokument billi ssir referenza reċiproka għar-regoli nazzjonali għal kull wieħed mill-parametri tekniċi rilevanti u billi jiġu provduti opinjonijiet tekniċi ad hoc dwar aspetti speċifiċi ta' aċċettazzjoni reċiproka ta' proġetti. L-Aġenzija, wara li tirrivedi l-lista tal-parametri, tista' tirrakkomanda li din tkun modifikata.

    (4)

    Minħabba l-kompetenzi legali tagħha u l-livell għoli ta' kompetenza teknika, l-Aġenzija hi l-entità li għandha tipprovdi kjarifika dwar materji kumplessi li jfeġġu mill-attività fis-settur. Għalhekk, fil-kuntest tal-proċeduri li jawtorizzaw it-tqegħid fis-servizz ta' vetturi, għandu jkun possibbli li l-Aġenzija tintalab li toħroġ opinjonijiet tekniċi fil-każ ta' deċiżjoni negattiva minn awtorità ta' sigurtà nazzjonali jew dwar l-ekwivalenza tar-regoli nazzjonali għall-parametri tekniċi stabbiliti fid-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja.

    (5)

    Għandu jkun possibbli li tintalab l-opinjoni ta' l-Aġenzija dwar modifiki urġenti għat-TSIs.

    (6)

    Taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004, l-Aġenzija tista' tissorvelja l-kwalità tal-ħidma tal-korpi nnotifikati mill-Istati Membri. Studju mwettaq mill-Kummissjoni wera li hemm lok sew għall-interpretazzjoni tal-kriterji li għandhom jiġu applikati għan-notifika ta' dawn il-korpi. Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri fir-rigward tal-korpi li huma jagħżlu li jinnotifikaw u l-kontrolli li huma jistgħu jwettqu biex ikun żgurat li dawn il-kriterji jkunu ntlaħqu, huwa importanti li jiġi valutat l-impatt ta' tali differenzi fl-interpretazzjoni, u li jiġi vverifikat li huma ma jikkawżawx diffikultajiet fir-rigward tar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati ta' konformità u d-dikjarazzjoni ta' verifika KE. Għalhekk, fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha tkun tista' tissorvelja l-attività tal-korpi notifikati u, jekk ikun ġustifikat, twettaq kontrolli bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-kriterji msemmijin fid-Direttiva dwar Interoperabbiltà Ferrovjarja jintlaħqu mill-korp notifikat rilevanti.

    (7)

    L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 881/2004 jawtorizza l-Aġenzija biex tivvaluta, fuq talba tal-Kummissjoni u mill-lat ta' interoperabbiltà, applikazzjonijiet għal finanzjament Komunitarju għal proġetti ta' infrastruttura ferrovjarja. Id-definizzjoni ta' dawn il-proġetti għandha tiġi estiża biex il-koerenza tas-sistema tkun tista' wkoll tiġi valutata, bħal fil-każ ta' proġetti li jimplimentaw is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), per eżempju.

    (8)

    Wara żviluppi ta' dimensjoni internazzjonali, u b'mod partikolari d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni l-ġdida dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) fl-1999, l-Aġenżija għandha tintalab li tivvaluta r-relazzjoni bejn l-impriżi ferrovjarji u d-detenturi, b'mod partikolari fir-rigward tal-manutenzjoni, bħala estensjoni tal-ħidma tagħha fil-qasam ta' ċertifikazzjoni tal-workshops tal-manutenzjoni. F'dan il-kuntest, għandu jkun possibbli għall-Aġenzija li tindirizza rakkomandazzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tas-sistema taċ-ċertifikazzjoni ta' manutenzjoni skond l-Artikolu 14a tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija.

    (9)

    Meta tkun qed tiżviluppa l-iskemi ta' ċertifikazzjoni ta' entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni u l-workshops ta' manutenzjoni, l-Aġenzija għandha tiżgura li dawn l-iskemi jkunu konsistenti mar-responsabbilitajiet diġà allokati lill-impriżi ferrovjarji u r-rwol futur ta' entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni. Dawn l-iskemi għandhom jiffaċilitaw il-proċedura ta' ċertifikazzjoni ta' sigurtà ta' impriżi ferrovjarji u jevitaw piż amministrattiv bla bżonn u d-duplikazzjoni ta' kontrolli, spezzjonijiet u/jew verifiki.

    (10)

    Wara l-adozzjoni tat-tielet pakkett ferrovjarju, għandha ssir referenza għad-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja fil-Komunità (6) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “id-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija”), li tistabbilixxi diversi kompiti li għandhom jitwettqu mill-Aġenżija u tagħti l-possibbiltà li jkunu indirizzati rakkomandazzjonijiet ukoll.

    (11)

    Safejn hu kkonċernat il-persunal ferrovjarju, l-Aġenzija għandha wkoll tidentifika għażliet possibbli għaċ-ċertifikazzjoni ta' membri oħrajn ta' l-ekwipaġġ li jwettqu kompiti kritiċi għas-sigurtà u jivvalutaw l-impatt ta' dawn l-għażliet differenti. Hu maħsub li, minbarra s-sewwieqa tal-ferroviji u membri oħrajn ta' l-ekwipaġġ li jwettqu dmirijiet kritiċi għas-sigurtà, l-Aġenzija tirrifletti dwar l-ispeċifikar ta' kriterji biex jiġu definiti kompetenzi vokazzjonali ta' persunal ieħor involut fl-operazzjoni u l-manutenzjoni tas-sistema ferrovjarja.

    (12)

    Id-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja u d-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija jipprevedu diversi tipi ta' dokumenti, jiġifieri, dikjarazzjonijiet ta' verifika tal-KE, liċenzji u ċertifikati ta' sigurtà u regoli nazzjonali notifikati lill-Kummissjoni. Għalhekk, għandu jkun il-kompitu ta' l-Aġenzija li jiġi żgurat aċċess pubbliku għal dawk id-dokumenti kif ukoll għar-reġistri nazzjonali dwar vetturi u infrastruttura u għar-reġistri miżmumin mill-Aġenzija.

    (13)

    L-Aġenzija għandha teżamina d-dħul xieraq għall-kompiti relatati ma' l-aċċessibbiltà ta' dokumenti u reġistri skond l-Artikolu 38(2) tar-Regolament (KE) Nru 881/2004.

    (14)

    Mill-adozzjoni tat-tieni pakkett ferrovjarju, ittieħdu diversi inizjattivi marbutin ma' l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-ERTMS. Dawn jinkludu l-iffirmar ta' ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u d-diversi partijiet interessati fis-settur, l-istabbiliment ta' kumitat ta' tmexxija għall-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim ta' kooperazzjoni, l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-insedjament tas-Sistema Ewropea ta' Sinjalazzjoni tal-Ferroviji ERTMS/ECTS, il-ħatra, mill-Kummissjoni ta' koordinatur Ewropew għall-proġett ERTMS bħala proġett prijoritarju ta' interess Komunitarju, id-definizzjoni tar-rwol ta' l-Aġenzija bħala awtorità tas-sistema fil-kuntest tad-diversi programmi ta' ħidma annwali, u l-adozzjoni tat-TSI “kontroll-kmand u s-sinjalar” għal ferroviji konvenzjonali (7). Minħabba l-importanza dejjem tikber ta' l-input mill-Aġenzija f'dan il-qasam, il-kompiti tagħha għandhom jiġu speċifikati.

    (15)

    L-Aġenzija għandha rwol ewlieni fl-użu fil-ġejjieni ta’ l-ERTMS fis-sistema sħiħa tal-ferroviji. Għal dak l-għan għandha tiġi żgurata l-koerenza taż-żmien fost il-pjani migratorji nazzjonali.

    (16)

    Il-verżjoni ta' l-ERTMS adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ April 2008 għandha tħalli l-impriżi ferrovjarji li nvestew f'vetturi ferrovjarji interoperabbli jiżguraw dħul adegwat fuq l-investiment tagħhom. Din il-verżjoni għandha tiġi kompluta bi speċifikazzjonijiet ta' ttestjar armonizzati. Kull speċifikazzjoni addizzjonali mitluba minn awtorità nazzjonali tas-sigurtà m’għandhiex iżżomm bla bżonn iċ-ċaqliq ta’ vetturi ferrovjarji installati b’verżjonijiet ġejjienija ta’ ERTMS jew bil-verżjoni adottata mill-Kummissjoni fil-23 ta' April 2008, fuq linji li jkunu diġà mgħammra skond l-aħħar verżjoni.

    (17)

    Sabiex tiġi promossa l-interoperabilità, l-Aġenzija għandha tevalwa l-impatt ta’ l-adattament ta’ kwalunkwe verżjoni ta’ tagħmir ta’ l-ERTMS installat qabel il-verżjoni adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ April 2008 lejn din il-verżjoni.

    (18)

    L-Aġenzija issa għandha numru kbir ta' esperti li jispeċjalizzaw fl-interoperabbiltà u s-sigurtà tas-sistema ferrovjarja Ewropea. L-Aġenzija għandha tkun awtorizzata twettaq kompiti ad hoc fuq talba tal-Kummissjoni, soġġetti għall-kompatibbiltà ta' dawk il-kompiti mal-missjoni ta' l-Aġenzija u konformità mal-prijoritajiet l-oħrajn ta' l-Aġenzija. F'dak id-dawl, id-Direttur Eżekuttiv ta' l-Aġenzija għandu jevalwa l-amissibbiltà ta' din l-assistenza u jirrapporta mill-anqas darba fis-sena lill-Bord Amministrattiv dwar l-għoti tagħha. Il-Bord jista' jivvaluta dan ir-rapport skond is-setgħat mogħtija lilu bir-Regolament (KE) Nru 881/2004.

    (19)

    Ir-reklutaġġ ta' uffiċjali tal-proġetti b'kuntratt għal massimu ta' 5 snin kien intensiv matul l-ewwel sena meta ġiet stabbilita l-Aġenzija, li jfisser li ħafna mill-persunal tekniku għandu jħalli l-Aġenzija fi żmien qasir. Biex tiġi żgurata kwantità u kwalità adegwata ta' kompetenza u biex jiġu antiċipati diffikultajiet possibbli fil-proċeduri ta' reklutaġġ, l-Aġenzija għandha titħalla testendi l-kuntratti ta' ħidma ta' persunal bi kwalifiki speċjali għal tliet snin oħra.

    (20)

    Id-data li fiha għandu jiġi adottat il-programm ta' ħidma annwali ta' l-Aġenzija għandha tiġi emendata biex tippermetti sinkronizzazzjoni aħjar mal-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet baġitarji.

    (21)

    Il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għandu jidentifika l-objettiv ta' kull attività u lil min għandha tiġi indirizzata. Il-Kummissjoni għandha tkun informata dwar ir-riżultati tekniċi ta' kull attività peress li din l-informazzjoni tmur ferm lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tar-rapport ġenerali, li hu indirizzat lill-istituzzjonijiet kollha.

    (22)

    Billi l-għan ta' dan ir-Regolament, jiġifieri l-estensjoni tal-missjoni ta' l-Aġenzija biex tiġi inkluża l-parteċipazzjoni tagħha fis-simplifikazzjoni tal-proċedura Komunitarja għaċ-ċertifikazzjoni tal-vetturi ferrovjarji, ma jistax jintlaħaq b' mod sodisfaċenti mill-Istati Membri, u jista' għalhekk, minħabba l-iskala ta' dik l-azzjoni, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-objettiv.

    (23)

    Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN ir-Regolament:

    Artikolu 1

    Emendi

    Ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 għandu jiġi emendat kif ġej:

    1)

    L-Artikolu 2 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 2

    It-tip ta' azzjonijiet ta' l-Aġenzija

    L-Aġenzija tista':

    (a)

    tindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 6,7, 9b, 12, 14, 16, 16a, 16b, 16c, 17 u 18; u

    (b)

    tagħti opinjonijiet lill-Kummissjoni skond l-Artikoli 9a, 10, 13 u 15, u lill-awtoritajiet konċernati fl-Istati Membri skond l-Artikolu 10.”;

    2)

    L-Artikolu 3 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    l-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 għandha tinbidel b'dan li ġej:

    “1.   Għat-tfassil tar-rakkomandazzjonijiet previsti fl-Artikoli 6, 7, 9b, 12, 14, 16, 17 u 18 l-Aġenzija għandha tistabbilixxi numru limitat ta' gruppi ta' ħidma.”;

    (b)

    il-paragrafu 3 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “3.   L-awtoritajiet nazzjonali ta' sigurtà definiti fl-Artikolu 16 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija, jew, skond is-suġġett, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, għandhom jaħtru r-rappreżentanti tagħhom għall-gruppi ta' ħidma li jixtiequ jieħdu sehem fihom.”;

    3)

    L-Artikolu 8 għandu jitħassar;

    4)

    It-titolu ta' Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal minnufih wara l-Artikolu 9:

    “KAPITOLU 2a

    REGOLI NAZZJONALI, AĊĊETTAZZJONI REĊIPROKA U OPINJONIJIET TEKNIĊI”;

    5)

    Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 9a

    Regoli nazzjonali

    1.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha twettaq eżami tekniku tar-regoli nazzjonali ġodda mibgħuta lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija jew l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-Interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fil-Komunità (tfassil mill-ġdid) (*), (minn hawn 'il quddiem imsejjħa ‘id-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja’).

    2.   L-Aġenzija għandha teżamina l-kompatibbiltà tar-regoli msemmija fil-paragrafu 1 mas-CSMs u mat-TSIs fis-seħħ. L-Aġenzija għandha wkoll teżamina jekk dawk ir-regoli jippermettux li jintlaħqu s-CSTs fis-seħħ.

    3.   Jekk, wara li tkun ħadet kont tar-raġunijiet mogħtija mill-Istati Membri, l-Aġenzija tikkunsidra li kwalunkwe minn dawn ir-regoli tkun jew inkompatibbli mat-TSIs jew is-CMSs jew ma tippermettix li jintlaħqu s-CSTs, hija għandha tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni xahrejn wara t-trasmissjoni tar-regoli lill-Aġenzija mill-Kummissjoni.

    Artikolu 9b

    Il-klassifikazzjoni tar-regoli nazzjonali

    1.   L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-aċċettazzjoni tal-vetturi mqegħda fis-servizz fi Stat Membru ieħor skond il-proċeduri stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 4.

    2.   L-Aġenzija għandha, sad-19 ta' Jannar 2009 tirrevedi l-lista ta' parametri fit-taqsima 1 ta' l-Anness VII għad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja u tagħmel rakkomandazzjonijiet li hi tikkunsidra addati lill-Kummissjoni.

    3.   L-Aġenżija għandha tfassal abbozz għal dokument ta' referenza li jagħmel korrelazzjoni għar-regoli nazzjonali kollha applikati mill-Istati Membri għat-tqegħid ta' vetturi fis-servizz. Dan id-dokument għandu jkun fih ir-regoli nazzjonali ta' kull Stat Membru għal kull parametru elenkat fl-Anness VII tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja u jispeċifika wkoll il-grupp imsemmi fit-Taqsima 2 ta' dak l-Anness li taħtu jaqgħu dawn ir-regoli. Dawn ir-regoli għandhom jinkludu dawk notifikati taħt l-Artikolu 17(3) tad- Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, inklużi dawk notifikati wara l-adozzjoni tat-TSIs (każijiet speċifiċi, kwistjonijiet pendenti, derogi), u dawk notifikati taħt l-Artikolu 8 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija.

    4.   Bil-ħsieb li gradwalment jitnaqqsu r-regoli nazzjonali fil-Grupp B msemmi fit-Taqsima 2 ta' l-Anness VII tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, l-Aġenzija għandha regolarment tfassal abbozz biex jiġi aġġornat id-dokument ta' referenza u tibagħtu lill-Kummissjoni. L-ewwel verżjoni tad-dokument għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn 1 ta’ Jannar 2010.

    5.   Għall-fini ta' l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, l-Aġenzija għandha tagħmel użu mill-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà stabbiliti taħt l-Artikolu 6(5) u tistabbilixxi grupp ta' ħidma skond il-prinċipji ta' l-Artikolu 3.

    (*)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.”;"

    6)

    Il-paragrafi li ġejjin għandhom jiddaħlu fl-Artikolu 10:

    “2a.   L-Aġenzija tista' tintalab li tipprovdi opinjonijiet tekniċi:

    (a)

    minn awtorità tas-sigurtà nazzjonali jew mill-Kummissjoni, dwar l-ekwivalenza ta' regoli nazzjonali għal parametru wieħed jew aktar elenkati fit-Taqsima 1 ta' l-Anness VII għad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja;

    (b)

    mill-korp ta' appell kompetenti imsemmi fl-Artikolu 21(7) tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, fil-każ ta' deċiżjoni minn awtorità tas-sigurtà nazzjonali kompetenti li tirrifjuta t-tqegħid fis-servizz ta' vettura ferrovjarja.

    2b.   L-Aġenzija tista' tintalab mill-Kummissjoni li tipprovdi opinjonijiet tekniċi dwar modifiki urġenti għat-TSIs, skond l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja.”;

    7)

    L-Artikolu 11 għandu jitħassar;

    8)

    L-Artikolu 13 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 13

    Korpi notifikati

    1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri għall-korpi notifikati li huma jaħtru, l-Aġenzija tista', fuq talba tal-Kummissjoni, tissorvelja l-kwalità tal-ħidma ta' dawk il-korpi. L-Aġenzija għandha tippreżenta opinjoni lill-Kummissjoni fejn xieraq.

    2.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà ta' l-Istati Membri, l-Aġenzija għandha, fuq talba tal-Kummissjoni meta hija, skond l-Artikolu 28(4) tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, tikkunsidra li korp notifikat ma jilħaqx l-kriterji msemmijin fl-Anness VIII għal dik id-Direttiva, tivverifika biex tiżgura li dawk il-kriterji jintlaħqu. L-Aġenzija għandha toħroġ opinjoni lill-Kummissjoni.”;

    9)

    L-Artikolu 15 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 15

    Interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja Komunitarja

    Mingħajr preġudizzju għad-derogi previsti mill-Artikolu 9 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, fuq talba tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għandha teżamina, mill-perspettiva ta' l-interoperabbiltà, kwalunkwe proġett li jinvolvi t-tfassil u/jew il-bini jew it-tiġdid jew it-titjib tas-sottosistema li għalih tkun saret applikazzjoni għal għajnuna finanzjarja Komunitarja. F'perijodu li għandu jkun miftiehem mal-Kummissjoni skond l-importanza tal-proġett u r-riżorsi disponibbli u li ma jistax jestendi aktar minn xahrejn, l-Aġenzija għandha tagħti opinjoni dwar jekk il-proġett huwiex konformi mat-TSIs rilevanti.”;

    10)

    It-titolu ta' Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal minnufih qabel l-Artikolu 16:

    “KAPITOLU 3a

    MANUTENZJONI TA' VETTURI”;

    11)

    Għandu jiżdied il-paragrafu li ġej ma’ l-Artikolu 16:

    “Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu konsistenti mar-responsabbilitajiet diġà allokati lill-impriżi ferrovjarji kif previst fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija u l-entità responsabbli mill-manutenzjoni kif previst fl-Artikolu 14a ta' dik id-Direttiva, u għandhom jieħdu kont sħiħ tal-mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni ta' impriżi ferrovjarji u entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni.”;

    12)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 16a

    Ċertifikazzjoni ta' entitajiet responsabbli għall-manutenzjoni

    1.   Sa 1 ta’ Lulju 2010, l-Aġenzija għandha tibgħat lill-Kummissjoni rakkomandazzjoni bil-ħsieb ta' l-implimentazzjoni tas-sistema ta' ċertifikazzjoni ta’ entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni skond l-Artikolu 14a(5) tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija.

    Il-valutazzjoni u r-rakkomandazzjoni ta' l-Aġenzija għandhom b'mod partikolari jkopru l-aspetti li ġejjin b'kont debitu meħud tar-rabtiet li entità responsabbli mill-manutenzjoni jista' jkollha ma' partijiet oħrajn bħal sidien ta' vetturi, impriżi ferrovjarji u amministraturi ta' l-infrastruttura:

    (a)

    jekk l-entità responsabbli mill-manutenzjoni għandhiex fis-seħħ is-sistemi adegwati, inklużi l-proċessi operattivi u ta' ġestjoni, biex tkun żgurata l-manutenzjoni effettiva u sikura tal-vetturi;

    (b)

    il-kontenut u l-ispeċifikazzjonijiet ta' sistema ta' ċertifikazzjoni adattata għall-manutenzjoni tal-vaguni;

    (c)

    it-tip ta' korpi kompetenti għaċ-ċertifikazzjoni u r-rekwiżiti li għandhom jiġu imposti fuq entitajiet bħal dawn;

    (d)

    il-format u l-validità taċ-ċertifikati li għandhom jitqassmu lill-entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni;

    (e)

    l-ispezzjonijiet u l-kontrolli tekniċi u operattivi.

    2.   Fi żmien tliet snin mill-adozzjoni mill-Kummissjoni tas-sistema ta’ ċertifikazzjoni ta’ manutenzjoni msemmija fl-Artikolu 14a(5) tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija, l-Aġenzija għandha tibgħat rapport lill-Kummissjoni li jevalwa l-implimentazzjoni ta’ sistema bħal din. Sa l-istess data, l-Aġenzija għandha tibgħat ukoll rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni bl-għan li tiddefinixxi l-kontenut u l-ispeċifikazzjonijiet ta' sistema ta' ċertifikazzjoni simili fil-każ ta’ entitajiet responsabbli mill-manutenzjoni ta’ vetturi oħra, bħal-lokomotivi, karozzi tal-passiġġieri, unitajiet multipli elettriċi u unitajiet multipli tad-diesel.

    3.   L-Aġenzija għandha teżamina miżuri alternattivi li ġew deċiżi skond l-Artikolu 14a(8) tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji Ferrovjarji fil-kuntest tar-rapport tagħha dwar il-prestazzjoni ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-Regolament.”;

    13)

    It-titolu ta' Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal minnufih wara l-Artikolu 16a:

    “KAPITOLU 3b

    PERSUNAL FERROVJARJU”;

    14)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu16b

    Sewwieqa tal-ferroviji

    1.   Rigward kwistjonijiet marbutin mad-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunita' (**) (minn hawn 'il quddiem imsejħa ‘d-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija’) l-Aġenzija għandha:

    (a)

    tipprepara abbozz ta' mudell Komunitarju għal-liċenzja, iċ-ċertifikat u l-kopja awtentika taċ-ċertifikat, il-karatteristiċi fiżiċi tagħhom, waqt li tieħu kont fihom tal-miżuri kontra l-falsifikazzjoni;

    (b)

    tikkoopera ma' l-awtoritajiet kompetenti biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tar-reġistri għal-liċenzji u ċ-ċertifikati ta' sewwieqa tal-ferroviji. Għal dan il-għan l-Aġenzija għandha tipprepara abbozz dwar il-paramentri bażiċi tar-reġistri li għandhom jiġu stabbiliti, bħad-data li għandha tiġi rreġistrata, il-format tagħhom u l-protokoll dwar skambju tad-data, id-drittijiet ta' aċċess, it-tul ta' żmien għaż-żamma tad-data u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti f'każijiet ta' falliment;

    (c)

    tipprepara abbozz ta' kriterji Komunitarji dwar l-għażla ta' eżaminaturi u eżamijiet;

    (d)

    tevalwa l-iżvilupp taċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji billi tippreżenta lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mimm erba' snin wara l-adozzjoni tal-parametri bażiċi tar-reġistri, kif previst fl-Artikolu 22(4) tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija, rapport li jkun fih, fejn xieraq, titjib li għandu jsir fis-sistema u l-miżuri rigward l-eżami teoretiku u prattiku ta' l-għarfien professjonali ta' l-applikanti għaċ-ċertifikat armonizzat għal materjal bir-roti u l-infrastruttura rilevanti;

    (e)

    sa' l-4 ta' Diċembru 2012, teżamina l-possibbiltà ta' l-użu ta' smartcard li tikkombina l-liċenzja u ċ-ċertifikati previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija, u għandha tipprepara analiżi ta' spejjeż/benefiċċji tagħha. L-Aġenzija għandha tipprepara abbozz għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u operattivi għal tali smartcard;

    (f)

    tassisti l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija u torganizza laqgħat xierqa ma' rappreżentanti ta' l-awtoritajiet kompetenti;

    (g)

    jekk tintalab mill-Kummissjoni, twettaq analiżi ta' spejjeż/benefiċċji ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija għal sewwieqa tal-ferroviji li joperaw esklussivament fit-territorju ta' l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba. L-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji għandha tkopri perijodu ta' għaxar snin. Din l-analiżi ta' spejjeż/benefiċċji għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni fi żmien sentejn mill-istabbiliment tar-reġistri skont il-punt 1 ta' l-Artikolu 37 tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija;

    (h)

    jekk tintalab mill-Kummissjoni, twettaq analiżi ta' l-ispejjeż/benefiċċji li għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 12-il xahar qabel jiskadi l-perijodu ta' l-eżenzjoni temporanja li possibilment ikun ingħata mill-Kummissjoni;

    (i)

    tiżgura li s-sistema stabbilita taħt il-paragrafu 2(a) u (b) ta' l-Artikolu 22 tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija tkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dik id-data (***).

    2.   Rigward kwistjonijiet marbutin mad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija, l-Aġenzija għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar:

    (a)

    modifika tal-Kodiċijiet Komunitarji għat-tipi differenti fil-kategoriji A u B kif imsemmi fl-Artikolu 4(3) tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija;

    (b)

    il-kodiċijiet jirriflettu informazzjoni addizzjonali, jew restrizzjonijiet mediċi għall-użu imposti minn awtoritajiet kompetenti skond l-Anness II tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija.

    3.   L-Aġenzija tista' tagħmel talba motivata lill-awtoritajiet kompetenti għal informazzjoni dwar l-istatus ta' liċenżji tas-sewwieqa tal-ferroviji.

    (**)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51."

    (***)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.”;"

    15)

    Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 16c

    Persunal ieħor abbord

    Skond l-Artikolu 28 tad-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija, l-Aġenzija għandha, f'rapport li għandu jiġi ppreżentat sa' l-4 ta' Ġunju 2009, u b'kont meħud tat-TSI dwar il-ġestjoni ta' l-operar u t-traffiku żviluppata taħt id-Direttivi 96/48/KE u 2001/16/KE, tidentifika l-profil u l-kompiti ta' membri oħrajn ta' l-ekwipaġġ li jwettqu kompiti kritiċi ta' sigurtà li l-kwalifiki professjonali tagħhom jikkontribwixxu skond il-każ għas-sigurtà ferrovjarja li għandha tkun regolata fil-livell Komunitarju permezz ta' sistema ta' liċenzji u/jew ċertifikati li tista' tkun simili għas-sistema stabbilita bid-Direttiva tas-Sewwieqa tal-Ferrovija.”;

    16)

    Fl-Artikolu 17, it-titolu u l-paragrafu 1 għandhom jinbidlu b'dan li ġej:

    “Artikolu 17

    Kompetenzi u taħriġ professjonali

    1.   L-Aġenzija għandha tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar l-ispeċifikar ta' kriterji komuni biex jiġu definiti l-kompetenzi professjonali u għall-valutazzjoni tal-persunal involut fl-operar u l-manutenzjoni tas-sistema ferrovjarja iżda mhux koperti mill-Artikoli 16b u 16c.”;

    17)

    It-titolu ta' Kapitolu li ġej għandu jiddaħħal minnufih wara l-Artikolu 17:

    “KAPITOLU 3c

    REĠISTRI U ĠABRA TA' DATA PUBBLIKA TA' L-AĠENZIJA”;

    18)

    L-Artikolu 18 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 18

    Reġistri

    1.   L-Aġenzija għandha tfassal u tirrakkomanda lill-Kummissjoni speċifikazzjonijiet komuni għal:

    (a)

    ir-reġistri nazzjonali dwar il-vetturi skond l-Artikolu 33 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, inklużi l-arranġamenti għall-iskambju tad-data u formula standard ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;

    (b)

    ir-reġistru Ewropew tat-tipi ta' vetturi awtorizzati skond l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja, inklużi l-arranġamenti għall-iskambju tad-data ma' l-awtoritajiet nazzjonali ta' sigurtà;

    (c)

    ir-reġistru ta' infrastruttura skond l-Artikolu 35 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja.

    2.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm reġistru ta' tipi ta' vetturi ferrovjarji awtorizzati mill-Istati Membri għat-tqegħid fis-servizz fin-netwerk ferrovjarju fil-Komunità, skond l-Artikolu 34 tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja. L-Aġenzija għandha wkoll tipprepara abbozz għall-mudell ta' dikjarazzjoni ta' konformità għat-tip, skond l-Artikolu 26(4) ta' dik id-Direttiva.”;

    19)

    L-Artikolu 19 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 19

    Aċċessibbiltà għal dokumenti u reġistri

    1.   L-Aġenzija għandha pubblikament tagħmel aċċessibbli d-dokumenti u r-reġistri li ġejjin previsti fid-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja u d-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija:

    (a)

    id-dikjarazzjonijiet KE ta' verifika tas-sottosistemi;

    (b)

    id-dikjarazzjonijiet KE ta' konformità tal-kostitwenti disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà;

    (c)

    il-liċenzji maħruġa skond id-Direttiva 95/18/KE;

    (d)

    iċ-ċertifikati ta' sigurtà maħruġa skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija;

    (e)

    ir-rapporti ta' investigazzjoni mibgħuta lill-Aġenzija skond l-Artikolu 24 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija;

    (f)

    ir-regoli nazzjonali notifikati lill-Kummissjoni skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija u l-Artikoli 5(6) u 17(3) tad-Direttiva dwar l-Interoperabbiltà Ferrovjarja;

    (g)

    kollegament għar-reġistri nazzjonali dwar il-vetturi;

    (h)

    kollegament għar-reġistri ta' infrastruttura;

    (i)

    ir-reġistru Ewropew ta' tipi ta' vetturi awtorizzati;

    (j)

    ir-reġistru ta' talbiet għal bidliet u bidliet ippjanati għall-ispeċifikazzjonijiet ta' l-ERTMS;

    (k)

    ir-reġistru ta' marki tas-sidien tal-vetturi miżmuma mill-Aġenzija skond it-TSI dwar il-ġestjoni ta' l-operat u t-traffiku.

    2.   L-arranġamenti prattiċi biex jintbagħtu d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu diskussi u maqbula mill-Istati Membri u l-Kummissjoni abbażi ta' abbozz imħejji mill-Aġenzija.

    3.   Meta jintbagħtu d-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1, il-korpi konċernati jistgħu jindikaw liema dokumenti m'għandhomx jiġu żvelati lill-pubbliku għal raġunijiet ta' sigurtà.

    4.   L-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-ħruġ tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1(c) u (d) għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija fi żmien xahar minn kull deċiżjoni individwali biex dawn jinħarġu, jiġġeddu, jiġu emendati jew revokati.

    5.   L-Aġenzija tista' żżid ma' din il-ġabra ta' data pubblika kwalunkwe dokument pubbliku jew kollegament rilevanti għall-objettivi ta' dan ir-Regolament.”;

    20)

    It-titolu tal-Kapitolu 4 għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “KOMPITI SPEĊJALI”;

    21)

    Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

    “Artikolu 21a

    ERTMS

    1.   L-Aġenzija flimkien mal-Kummissjoni, għandha tassumi l-kompiti mniżżlin fil-paragrafi 2 sa 5 bil-ħsieb li.

    (a)

    tiżgura żvilupp koerenti ta' l-ERTMS;

    (b)

    tikkontribwixxi għall-konformità tat-tagħmir ta’ l-ERTMS kif implimentat fl-Istati Membri bl-ispeċifikazzjonijiet li jkunu fis-seħħ.

    2.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi proċedura għall-ġestjoni tat-talbiet għal bidliet fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sistema ERTMS. Għal dan il-għan, reġistru ta' talbiet għal bidliet u bidliet ippjanati għall-ispeċifikazzjonijiet ERTMS għandu jiġi stabbilit u miżmum mill-Aġenzija.

    L-Aġenzija għandha tirrakkomanda l-adozzjoni ta’ verżjoni ġdida biss meta l-verżjoni preċedenti tkun intużat b’rata suffiċjenti. L-iżvilupp ta’ verżjonijiet ġodda ma għandux ikun ta’ detriment għar-rata ta’ użu ta’ l-ERTMS, għall-istabilità ta’ l-ispeċifikazzjonijiet li hija meħtieġa għall-ottimizzazzjoni tal-produzzjoni tat-tagħmir ta' l-ERTMS, għad-dħul mill-investiment għall-impriżi ferrovjarji u għall-ippjanar effiċjenti ta' l-użu ta' l-ERTMS.

    3.   L-Aġenzija għandha tappoġġa l-isforzi tal-Kummissjoni fl-iżvilupp ta’ pjan ta’ l-UE għall-użu ta’ l-ERTMS kif ukoll fil-koordinazzjoni ta' l-installazzjoni ta' l-ERTMS matul il-kurituri tat-trasport trans-Ewropej.

    4.   L-Aġenzija għandha tiżviluppa strateġija għall-ġestjoni tal-verżjonijiet differenti ta' l-ERTMS, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-kompatibbiltà teknika u operattiva bejn netwerks u vetturi mgħammra b'verżjonijiet differenti u li jiġu provduti inċentivi għall-implimentazzjoni mgħaġġla tal-verżjoni li tkun fis-seħħ u ta’ verżjonijiet iktar ġodda possibbli.

    Skond l-Artikolu 6(9) tad-Direttiva dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja, l-Aġenzija għandha tiżgura li verżjonijiet suċċessivi tat-tagħmir ta’ l-ERTMS jkunu kompatibbli b'mod retrospettiv, mill-verżjoni adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ April 2008 'il quddiem.

    Rigward it-tagħmir ta’ l-ERTMS li kien introdott qabel it-23 ta’ April 2008 jew li l-installazzjoni jew l-aġġornar tiegħu kien fi stadju avvanzat f’dik id-data, l-Aġenzija għandha tħejji rapport ta’ evalwazzjoni li għandu jidentifika:

    (a)

    l-ispejjeż addizzjonali li għandhom jitħallsu minn implimentaturi bikrija bħala konsegwenza ta’ l-introduzzjoni tal-verżjoni adottata mill-Kummissjoni fit-23 ta’ April 2008;

    (b)

    il-mekkaniżmi possibbli kollha, inklużi dawk finanzjarji, li jappoġġjaw il-migrazzjoni mill-verżjonijiet preċedenti għall-verżjoni li hemm referenza għaliha fil-punt (a).

    Il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa fi żmien sena mid-data li fiha tkun irċeviet ir-rapport ta’ evalwazzjoni ta’ l-Aġenzija.

    5.   L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u tippresiedi grupp ta’ ħidma ad hoc ta’ entitajiet notifikati bl-għan li jkun ivverifikat li l-proċeduri KE ta’ verifikazzjoni mwettqa mill-entitajiet notifikati fil-kuntest ta’ proġetti speċifiċi ta’ l-ERTMS ikunu applikati b’mod konsistenti. L-Aġenzija għandha tikkopera wkoll ma’ l-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà bl-għan li tivverifika li l-proċeduri għall-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-servizz ikunu applikati b’mod konsistenti. Meta l-Aġenzija ssib li hemm sogru ta’ nuqqas ta’ kompatibilità teknika u operazzjonali bejn in-netwerks u l-vetturi mgħammra b’tagħmir li jkun suġġett għal dawn il-proċeduri, hija għandha tinforma lill-Kummissjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa.

    6.   F'każ li joħorġu inkompatibilitajiet tekniċi bejn netwerks u vetturi fil-kuntest ta' proġetti ERTMS speċifiċi, korpi notifikati u awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà għandhom jiżguraw li l-Aġenżija tkun tista' tikseb kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar il-proċeduri applikati għal verifika ‘KE’ u t-tqegħid fis-servizz kif ukoll dwar il-kondizzjonijiet operattivi. Jekk meħtieġ, l-Aġenzija għandha tirrikkomanda lill-Kummissjoni miżuri xierqa.

    7.   L-Aġenzija għandha tevalwa l-proċess ta’ ċertifikazzjoni tat-tagħmir ta’ l-ERTMS billi tressaq quddiem il-Kummissjoni sa 1 ta’ Jannar 2011 rapport li jkun fih, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet għal titjib li jrid isir.

    8.   Fuq il-bażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 7, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ispejjeż u l-benefiċċji ta’ l-użu ta’ tip wieħed ta' tagħmir tal-laboratorju, ta' linja ta’ referenza waħda u/jew ta' korp ta’ ċertifikazzjoni wieħed f’livell Komunitarju. Entità ta’ ċertifikazzjoni bħal din għandha tkun konformi mal-kriterji ta’ l-Anness VIII tad-Direttiva dwar l-Interoperabilità Ferrovjarja. Il-Kummissjoni tista’ tippreżenta rapport u, jekk ikun xieraq, tressaq proposta leġiżlattiva li ttejjeb is-sistema ta' ċertifikazzjoni ta' l-ERTMS.

    Artikolu 21b

    Assistenza lill-Kummissjoni

    1.   Fil-limiti ta' l-Artikolu 30(2)(b), l-Aġenzija għandha, fuq talba tal-Kummissjoni, tassisti lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni Komunitarja mmirata lejn it-titjib tal-livell ta' interoperabbiltà tas-sistemi ferrovjarji u lejn l-iżvilupp ta' approċċ komuni għas-sigurtà fuq is-sistema ferrovjarja Ewropea.

    2.   Din l-assistenza għandha tkun limitata fiż-żmien u l-ambitu, u mwettqa mingħajr preġudizzju għall-kompiti l-oħrajn kollha assenjati lill-Aġenzija f'dan ir-Regolament u tista' tinkludi:

    (a)

    komunikazzjoni ta' informazzjoni dwar kif aspetti speċifiċi tal-leġislazzjoni Komunitarja jkunu implimentati;

    (b)

    provvediment ta' parir tekniku f'affarijiet li jeħtieġu know-how speċifiku;

    (c)

    ġbir ta' informazzjoni permezz tal-kooperazzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali tas-sigurtà u l-korpi investigattivi previsti fl-Artikolu 6(5).

    3.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta ta' l-anqas darba fis-sena lill-Bord dwar l-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu, inkluż l-impatt tiegħu fuq ir-riżorsi.”;

    22)

    L-Artikolu 24(3) għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 26(1), il-persunal ta' l-Aġenzija għandu jikkonsisti minn:

    impjegati temporanji reklutati mill-Aġenzija għal massimu ta' ħames snin minn fost professjonisti mis-settur abbażi tal-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom fil-qasam tas-sigurtà u interoperabbiltà ferrovjarja;

    uffiċjali assenjati jew sekondati mill-Kummissjoni jew l-Istati Membri għal massimu ta' ħames snin; u

    ħaddiema oħrajn, kif definit fil-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' ħaddiema oħrajn tal-Komunitajiet Ewropej, biex iwettqu kompiti implimentattivi jew segretarjali.

    Matul l-ewwel 10 snin ta' operat ta' l-Aġenzija, il-perijodu ta' 5 snin imsemmi fl-ewwel inċiż ta' l-ewwel subparagrafu jista' jiġi estiż għal perijodu ieħor sa massimu ta' 3 snin meta meħtieġ biex tiġi garantita l-kontinwità tas-servizzi ta' l-Aġenzija.”

    23)

    L-Artikolu 25 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    fil-paragrafu 2, il-punt (c) għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “c)

    taddotta, sat-30 ta' Novembru ta' kull sena, u b'kont meħud ta' l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għas-sena li jkun jmiss u tgħaddih lill-Istati Membri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Dan il-programm ta' ħidma għandu jiġi adottat mingħajr preġudizzju għall-proċedura Komunitarja baġitarja annwali. Jekk, fi żmien 15-il jum mid-data ta' l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma, il-Kummissjoni tesprimi in-nuqqas ta' qbil tagħha mal-programm, il-Bord Amministrattiv għandu jeżamina il-programm mill-ġdid u jadottah, jekk meħtieġ emendat, fi żmien xahrejn, fit-tieni qari b'maġġoranza ta' żewġ terzi, inklużi r-rappreżentanti tal-Kummissjoni, jew b'unanimità tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri;”;

    (b)

    għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3   Il-programm ta' ħidma ta' l-Aġenzija għandu jidentifika l-objettivi ta' kull attività. B'mod ġenerali, kull attività u/jew kull eżitu huwa soġġett għal rapport lill-Kummissjoni.”;

    24)

    L-Artikolu 26(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “1.   Il-Bord Amministrattiv għandu jkun fih rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru u erba' rappreżentanti tal-Kummissjoni, kif ukoll sitt rappreżentanti mingħajr dritt għall-vot, dawn ta' l-aħħar jirrappreżentaw fil-livell Ewropew, il-gruppi li ġejjin:

    (a)

    l-impriżi ferrovjarji;

    (b)

    l-amministraturi ta' l-infrastruttura;

    (c)

    l-industrija ferrovjarja;

    (d)

    l-unions tal-ħaddiema;

    (e)

    il-passiġġieri;

    (f)

    il-klijenti tas-servizzi tat-trasport ta' merkanzija.

    Għal kull wieħed minn dawn il-gruppi, il-Kummissjoni għandha taħtar rappreżentant u sostitut, minn lista ta' preselezzjoni ta' erba' ismijiet ippreżentata mill-organizzazzjonijiet Ewropej rispettivi tagħhom bil-ħsieb li tiġi żgurata rappreżentazzjoni xierqa ta' l-interessi kollha.

    Il-membri tal-Bord Amministrattiv u s-sostituti tagħhom għandhom jinħatru abbażi ta' l-esperjenza u l-għarfien rilevanti tagħhom.”;

    25)

    L-Artikolu 33(1) għandu jinbidel b' dan li ġej:

    “1.   Sabiex twettaq il-kompitit fdati lilha mill-Artikoli 9, 9a, 10, 13 u 15, l-Aġenzija tista' twettaq mawriet fl-Istati Membri skond il-politika definita mill-Bord Amministrattiv. L-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw ix-xogħol tal-persunal ta' l-Aġenzija.”;

    26)

    L-Artikolu 36(1) għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “1.   L-Aġenzija għandha tkun miftuħa għal parteċipazzjoni mill-pajjiżi Ewropej u l-pajjiżi fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat li kkonkludew ftehim mal-Komunità Ewropea li taħtu il-pajjiżi konċernati ikunu adottaw u qed japplikaw il-leġislazzjoni Komunitarja fil-qasam kopert b'dan ir-Regolament.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, 16 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. LE MAIRE


    (1)  ĠU C 256, 27.10.2007, p. 39.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' Novembru 2007 (ĠU C 297 E, 20.11.2008, p. 140), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-3 ta' Marzu 2008 (ĠU C 93 E, 15.4.2008, p. 1) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Lulju 2008 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tal-1 ta' Diċembru 2008.

    (3)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 1. Verżjoni korretta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 3.

    (4)  ĠU L 191, 18.7.2008, p. 1.

    (5)  ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44. Verżjoni korretta fil-ĠU L 220, 21.6.2004, p. 16.

    (6)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51.

    (7)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/679/KE tat-28 ta' Marzu 2006 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabilita relatata mas-subsistema tal-kmand ta' kontroll u ta' senjalar tas-sistema trans-Ewropea ta' ferrovija konvenzjonali (ĠU L 284, 16.10.2006, p. 1).


    Top