This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32008R0452
Regulation (EC) No 452/2008 of the European Parliament and of the Council of 23 April 2008 concerning the production and development of statistics on education and lifelong learning (Text with EEA relevance)
Regolament (KE) Nru 452/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2008 dwar il-produzzjoni u l-iżvilupp ta’ l-istatistika dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament (KE) Nru 452/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ April 2008 dwar il-produzzjoni u l-iżvilupp ta’ l-istatistika dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 145, 4.6.2008, pp. 227–233
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version:
01/01/2021
| Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
|---|---|---|---|---|---|
| Modified by | 32019R1700 | Sostituzzjoni | anness taqsima titolu | 01/01/2021 | |
| Modified by | 32019R1700 | Sostituzzjoni | artikolu 4 paragrafu 1 punt (b) | 01/01/2021 | |
| Modified by | 32019R1700 | Tħassir | anness taqsima | 01/01/2021 | |
| Modified by | 32019R1700 | Sostituzzjoni | artikolu 6 paragrafu 2 | 01/01/2021 | |
| Modified by | 32019R1700 | Sostituzzjoni | anness taqsima punt 1 | 01/01/2021 | |
| Modified by | 32019R1700 | Sostituzzjoni | artikolu 3 | 01/01/2021 | |
| Modified by | 32019R1700 | Sostituzzjoni | artikolu 4 paragrafu 1 punt (a) | 01/01/2021 |
|
4.6.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
L 145/227 |
REGOLAMENT (KE) Nru 452/2008 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-23 ta’ April 2008
dwar il-produzzjoni u l-iżvilupp ta’ l-istatistika dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 285(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kk onsultaw il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (1),
Billi:
|
(1) |
Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ Diċembru 1994 dwar il-promozzjoni ta’ l-istatistika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Unjoni Ewropea (2) talbet lill-Kummissjoni sabiex, b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ l-Istati Membri, tħaffef l-iżvilupp ta’ l-istatistika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ. |
|
(2) |
Il-Kunsill Ewropew imlaqqa’ fi Brussell fit-22 u fit-23 ta’ Marzu 2005 qabel li jniedi mill-ġdid l-Istrateġija ta’ Liżbona. Huwa kkonkluda li l-Ewropa trid iġġedded il-bażi tal-kompetittività tagħha, iżżid il-potenzjal għat-tkabbir u l-produttività tagħha u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali, b’enfasi ewlenija fuq il-konoxxenza, l-innovazzjoni u l-ottimizzazzjoni tal-kapital uman. F’dak ir-rigward il-kapaċità għax-xogħol, l-addattabbiltà u l-mobbiltà taċ-ċittadini huma vitali għall-Ewropa. |
|
(3) |
Sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi, is-sistemi Ewropej ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom jadattaw għar-rekwiżiti tas-soċjetà bbażata fuq il-konoxxenza u għall-ħtieġa ta’ livell imtejjeb ta’ edukazzjoni u impjiegi ta’ kwalità aħjar. L-istatistika dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja hija ta’ importanza kbira bħala bażi għad-deċiżjonijiet politiċi. |
|
(4) |
It-tagħlim tul il-ħajja huwa element essenzjali fl-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ ħaddiema ta’ sengħa, imħarrġa u adattabbli. Fil-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2005 ġie enfasizzat li “l-kapital uman huwa l-iżjed riżors importanti ta’ l-Ewropa”. Il-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u Impjiegi inklużi l-linji gwida għall-politika ta’ l-impjiegi ta’ l-Istati Membri, approvati mill-Kunsill fid-Deċiżjoni Nru 2005/600/KE (3) tiegħu, jimmiraw lejn kontribuzzjoni aħjar għall-istrateġija ta’ Liżbona u lejn it-twaqqif ta’ strateġiji komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja. |
|
(5) |
L-adozzjoni fi Frar 2001 tar-Rapport tal-Kunsill “Objettivi tas-sistemi ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ” u l-adozzjoni fi Frar 2002 tal-programm ta’ ħidma għal dan id-deċennju dwar is-segwitu ta’ dan ir-rapport huma pass importanti għat-twettiq ta’ l-impenn biex tiġi modernizzata u mtejba l-kwalità tas-sistemi edukattivi u tat-taħriġ ta’ l-Istati Membri. L-indikaturi u l-livelli ta’ referenza ta’ prestazzjoni medja Ewropea (“benchmarks”) huma fost l-istrumenti tal-metodu miftuħ ta’ koordinament li huma importanti għall-programm ta’ ħidma “Edukazzjoni u Taħriġ 2010”. Il-Ministri ta’ l-Edukazzjoni għamlu pass deċisiv f’Mejju ta’ l-2003 billi ftiehmu dwar ħames benchmarks Ewropej li għandhom jintlaħqu sa l-2010, filwaqt li enfasizzaw li huma la jiddefinixxu l-miri nazzjonali u lanqas ma jippreskrivu d-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu mill-gvernijiet nazzjonali. |
|
(6) |
Il-Kunsill adotta, fl-24 ta’ Mejju 2005 il-Konklużjonijiet dwar “Indikaturi ġodda fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ” (4). F’dawn il-Konklużjonijiet il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġiji u proposti lill-Kunsill għall-iżvilupp ta’ indikaturi ġodda f’disa’ oqsma partikolari ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ u enfasizza wkoll li l-iżvilupp ta’ indikaturi ġodda għandu jirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għall-organizzazzjoni tas-sistemi edukattivi tagħhom u m’għandux jimponi piżijiet amministrattivi jew finanzjarji mhux meħtieġa fuq l-organizzazzjoni u l-istituzzjonijiet konċernati, u lanqas m’għandu jwassal inevitabbilment għal żieda fin-numru ta’ indikaturi użati għall-monitoraġġ tal-progress. |
|
(7) |
Il-Kunsill adotta wkoll, f’Novembru 2004, il-Konklużjonijiet dwar kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u kien hemm qbil li l-prijorità għandha tingħata fil-livell Ewropew “għat-titjib ta’ l-ambitu, tal-preċiżjoni u ta’ l-affidabbiltà ta’ l-istatistika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali sabiex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-progress”. |
|
(8) |
It-tagħrif statistiku komparabbli fil-livell Komunitarju huwa essenzjali għall-iżvilupp ta’ l-istrateġiji ta’ l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja u għall-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tagħhom. Il-produzzjoni ta’ l-istatistika għandha tkun ibbażata fuq qafas ta’ kunċetti koerenti u data komparabbli fid-dawl tat-twaqqif ta’ Sistema Ewropea ta’ Tagħrif Statistiku dwar l-edukazzjoni, t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja. |
|
(9) |
Fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi meħud kont tal-kunċett ta’ persuni żvantaġġati fis-suq tax-xogħol imsemmija fil-Linji Gwida għall-politika ta’ l-impjiegi ta’ l-Istati Membri. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni (Eurostat) qiegħda tiġbor data dwar it-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi skond ir-Regolament (KE) Nru 1552/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar l-istatistika li għandha x’taqsam mat-taħriġ vokazzjonali fl-intrapriżi (5). Madankollu hemm bżonn ta’ qafas legali usa’ biex jiġu żgurati l-produzzjoni u l-iżvilupp sostenibbli ta’ l-istatistika dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, li jkopru għall-inqas l-attivitajiet eżistenti u ppjanati rilevanti kollha. Il-Kummissjoni (Eurostat) qiegħda tiġbor data annwali dwar l-edukazzjoni mill-Istati Membri fuq bażi volontarja, permezz ta’ azzjoni konġunta mwettqa ma’ l-Istitut għall-Istatistika tal-Unesco (UIS) u ma’ l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), solitament imsejħa “ġbir ta’ data UOE”. Il-Kummissjoni (Eurostat) qiegħda wkoll tiġbor data dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja permezz ta’ sorsi domestiċi oħra bħall-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol ta’ l-Unjoni Ewropea (6) u l-istatistika Komunitarja dwar id-dħul u l-kondizzjonijiet ta’ l-għajxien (7) kif ukoll permezz tal-moduli ad hoc tagħhom. |
|
(11) |
Ladarba t-tfassil u l-monitoraġġ tal-politika fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja huma ta’ natura dinamika u jadattaw għal ambjent li qed jevolvi, il-qafas regolatorju statistiku għandu jaħseb għal ċertu livell ta’ flessibbiltà b’mod limitat u kontrollat, filwaqt li jqis il-piż għal min iwieġeb u għall-Istati Membri. |
|
(12) |
Ladarba l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħolqien ta’ standards statistiċi komuni li jippermettu l-produzzjoni ta’ data armonizzata, ma jistax jintlaħaq suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għalhekk jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv. |
|
(13) |
Il-produzzjoni ta’ statistika Komunitarja speċifika hija regolata mir-regoli stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 tas-17 ta’ Frar 1997 dwar Statistika Komunitarja (8). |
|
(14) |
Dan ir-Regolament jiżgura rispett sħiħ għad-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali kif stipulat fl-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. |
|
(15) |
It-trażmissjoni tad-data suġġetta għall-kunfidenzjalità dwar l-istatistika hija regolata mir-regoli stipulati fir-Regolament (KE) Nru 322/97 u fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 tal-11 ta’ Ġunju 1990 dwar it-trażmissjoni tad-data suġġett għall-kunfidenzjalità dwar l-statistika lill-Uffiċċju ta’ l-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (9). |
|
(16) |
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 831/2002 tas-17 ta’ Mejju 2002 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 322/97 dwar Statistika tal-Komunità dwar l-aċċess għal data kunfidenzjali għal raġunijiet xjentifiċi (10) stabbilixxa l-kondizzjonijiet li taħthom jista’ jingħata aċċess għal data kunfidenzjali trażmessa lill-awtorità Komunitarja. |
|
(17) |
Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (11). |
|
(18) |
B’mod partikulari, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tagħżel u tispeċifika s-suġġetti ta’ din l-istatistika, il-karatteristiċi tagħhom fir-rigward ta’ ħtiġijiet tekniċi jew ta’ politika, l-analiżi dettaljata tal-karatteristiċi, il-perjodu ta’ osservazzjoni u l-iskadenzi għat-trażmissjoni tar-riżultati, ir-rekwiżiti ta’ kwalità inkluża l-preċiżjoni meħtieġa u l-qafas ta’ rrappurtar ta’ kwalità. Billi dawk il-miżuri huma ta’ ambitu ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament inter alia, billi jissupplimentawh biż-żieda ta’ elementi mhux essenzjali ġodda, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE. |
|
(19) |
Il-Kumitat għall-Programmi Statistiċi, stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom (12), ġie konsultat skond l-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni, |
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ l-istatistika Komunitarja fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:
|
(a) |
“statistika Komunitarja” tfisser kif definita fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 322/97; |
|
(b) |
“produzzjoni ta’ statistika” tfisser kif definita fit-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 322/97; |
|
(ċ) |
“awtoritajiet nazzjonali” tfisser kif definita fit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 322/97; |
|
(d) |
“edukazzjoni” tfisser komunikazzjoni organizzata u sostnuta mfassla għat-tagħlim (13); |
|
(e) |
“tagħlim tul il-ħajja” tfisser kull attività tat-tagħlim li ssir tul il-ħajja, bl-għan li jittejbu l-konoxxenza, il-ħiliet u l-kompetenzi f’perspettiva personali, ċivika, soċjali u/jew marbuta mal-impjieġ (14); |
|
(f) |
“mikrodata” tfisser rekords statistiċi individwali; |
|
(g) |
“data kunfidenzjali” tfisser data li tippermetti biss l-identifikazzjoni indiretta ta’ l-unitajiet statistiċi konċernati, skond ir-Regolament (KE) Nru 322/97 u r-Regolament (Euratom, KEE) Nru 1588/90. |
Artikolu 3
Setturi
Dan ir-Regolament għandu japplika għall-produzzjoni ta’ l-istatistika fi tliet Setturi:
|
(a) |
is-Settur 1 għandu jkopri statistika dwar is-sistemi ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ; |
|
(b) |
is-Settur 2 għandu jkopri statistika dwar il-parteċipazzjoni ta’ l-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja; |
|
(ċ) |
is-Settur 3 għandu jkopri statistika oħra dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, bħal statistika dwar kapital uman u dwar il-benefiċċji soċjali u ekonomiċi, mhux koperta mis-Setturi 1 u 2. |
Il-produzzjoni ta’ statistika f’dawk is-Setturi għandha titwettaq skond l-Anness.
Artikolu 4
Azzjonijiet statistiċi
1. Il-produzzjoni ta’ l-istatistika Komunitarja fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja għandhom jiġu implimentati b’azzjonijiet statistiċi individwali kif ġej:
|
(a) |
il-konsenja regolari ta’ statistika dwar l-edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja mill-Istati Membri, fil-limiti ta’ skadenzi speċifiċi għas-Setturi 1 u 2; |
|
(b) |
l-użu ta’ sistemi oħra ta’ tagħrif statistiku u stħarriġ, biex jiġu prrovduti varjabbli statistiċi addizzjonali u indikaturi dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja, li jikkorrispondu għas-Settur 3; |
|
(ċ) |
l-iżvilupp, titjib u aġġornament ta’ standards u manwali dwar oqfsa, kunċetti u metodi statistiċi; |
|
(d) |
it-titjib tal-kwalità tad-data fil-kuntest tal-qafas ta’ kwalità, inklużi:
|
Il-kapaċitajiet disponibbli fl-Istati Membri għall-ġbir u l-proċessar ta’ data u l-iżvilupp tal-kunċetti u l-metodi għandhom jittieħdu in konsiderazzjoni mill-Kummissjoni.
Fejn ikun xieraq, għandha tingħata attenzjoni u kunsiderazzjoni speċjali lid-dimensjoni reġjonali tad-data miġbura. Fejn ikun xieraq, id-data għandha tiġi analizzata sistematikament skond is-sessi.
2. Kull meta jkun possibbli, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tfittex kooperazzjoni ma’ l-UIS, ma’ l-OECD u ma’ organizzazzjoniiet internazzjonali oħra bil-ħsieb li tiġi żgurata l-komparabbiltà internazzjonali tad-data u li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ l-isforzi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-iżvilupp u t-titjib ta’ kunċetti u metodi statistiċi u l-konsenja ta’ l-istatistika mill-Istati Membri.
3. Kull meta jiġu identifikati rekwiżiti ġodda u sinifikanti ta’ data jew kwalità insuffiċjenti ta’ data u qabel kwalunkwe ġbir ta’ data, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tniedi studji esperimentali li għandhom jitwettqu fuq bażi volontarja mill-Istati Membri. L-istudji esperimentali bħal dawn għandhom jitwettqu sabiex tiġi evalwata l-vijabbiltà tal-ġbir tad-data rilevanti, b’kont meħud tal-benefiċċji tad-disponibbiltà tad-data meta mqabbla ma’ l-ispejjeż tal-ġbir u l-piż fuq min iwieġeb. L-istudji esperimentali m’għandhomx neċessarjament iwasslu għal miżuri korrispondenti ta’ implimentazzjoni.
Artikolu 5
Trażmissjoni ta’ mikrodata dwar individwi
Meta jkun meħtieġ għall-produzzjoni ta’ statistika Komunitarja, l-Istati Membri għandhom jittrażmettu mikrodata kunfidenzjali li tirriżulta minn stħarriġ kampjunistiku lill-Kummissjoni (Eurostat) skond id-dispożizzjonijiet dwar it-trażmissjoni tad-data b’mod suġġett għall-kunfidenzjalità stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 322/97 u fir-Regolament (Euratom, KEE) Nru 1588/90. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data trażmessa ma tippermettix l-identifikazzjoni diretta ta’ l-unitajiet statistiċi (individwi).
Artikolu 6
Miżuri ta’ implimentazzjoni
1. Il-miżuri li ġejjin, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi jissuplimentawh, inklużi miżuri biex jittieħdu in konsiderazzjoni l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi rigward il-ġbir, it-trażmissjoni u l-ipproċessar tad-data, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 7(3) bil-għan li tkun żgurata t-trażmissjoni ta’ data ta’ kwalità għolja:
|
(a) |
l-għażla u l-ispeċifikazzjoni tas-suġġetti koperti mis-Setturi u l-karatteristiki tagħhom bħala risposta għal ħtiġijiet tekniċi jew ta’ politika; |
|
(b) |
l-aniliżi dettaljata tal-karatteristiċi; |
|
(ċ) |
il-perjodu ta’ osservazzjoni u l-iskadenzi għat-trażmissjoni tar-riżultati; |
|
(d) |
ir-rekwiżiti ta’ kwalità, inkluża l-preċiżjoni meħtieġa; |
|
(e) |
il-qafas ta’ rrappurtar ta’ kwalità. |
Jekk dawn il-miżuri jwasslu għall-ħtieġa ta’ tkabbir sinifikanti ta’ ġbir eżistenti ta’ data jew għall-ħtieġa ta’ ġbir ġdid ta’ data jew ta’ stħarriġ, id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu bbażati fuq analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla ma’ l-ispejjeż bħala parti minn analiżi komprensiva ta’ l-effetti u l-implikazzjonijiet, b’kont meħud tal-benefiċċji tal-miżuri, l-ispejjeż għall-Istati Membri u l-piż fuq min iwieġeb.
2. Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu kont ta’ dawn li ġejjin:
|
(a) |
għas-Setturi kollha, il-piż potenzjali fuq istituzzjonijiet edukattivi u fuq individwi; |
|
(b) |
għas-Setturi kollha, ir-riżultati ta’ l-istudji esperimentali msemmija fl-Artikolu 4(3); |
|
(ċ) |
għas-Settur 1, l-aħħar ftehim bejn il-UIS, l-OECD u l-Kummissjoni (Eurostat) dwar kunċetti, definizzjonijiet, formats ta’ ġbir ta’ data, proċessar ta’ data, perjodiċità u skadenzi għat-trażmissjoni tar-riżultati; |
|
(d) |
għas-Settur 2, ir-riżultati mill-Istħarriġ Esperimentali dwar l-Edukazzjoni għall-Adulti li sar bejn l-2005 u l-2007 u ħtiġijiet oħra ta’ żvilupp; |
|
(e) |
għas-Settur 3, id-disponibbiltà, il-konvenjenza u l-kuntest legali ta’ sorsi eżistenti tad-data Komunitarji wara evalwazzjoni eżawrjenti tas-sorsi eżistenti kollha tad-data. |
3. Jekk ikun meħtieġ, għandhom jiġu adottati derogi limitati u perjodi ta’ tranżizzjoni, li jridu jkunu bbażati fuq raġunijiet oġġettivi, għal xi Stat Membru jew aktar, skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 7(2).
Artikolu 7
Kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat għall-Programmi Statistiċi.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.
Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.
3. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikolu 5a (1) sa (4) u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.
Artikolu 8
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu, 23 ta’ April 2008.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
H.-G. PÖTTERING
Għall-Kunsill
Il-President
J. LENARČIČ
(1) L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Settembru 2007 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Frar 2008
(2) ĠU C 374, 30.12.1994, p. 4.
(3) ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.
(4) ĠU C 141, 10.6.2005, p. 7.
(5) ĠU L 255, 30.9.2005, p. 1.
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2104/2002 tat-28 ta’ Novembru 2002 li jaddatta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 dwar l-organizzazzjoni ta’ stħarriġ kampjunistiku dwar il-forza tax-xogħol fil-Komunità u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1575/2000 li jimplimenta r-Regolamenttal-Kunsill (KE) Nru. 577/98 safejn u sakemm jirrigwarda l-lista tad-divarji ta’ l-edukazjoni u tat-taħriġ u l-kodifika tagħhom sabiex jintużaw għat-trasmissjoni ta’ l-informazzjoni mis-sena 2003 ‘il quddiem (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 14).
(7) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1983/2003 tas-7 ta’ Novembru 2003 li jimplementa r-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistiċi tal-Komunità fuq id-dħul u l-kondizzjonijiet tal-ħajja (UE-SILC) rigward il-lista ta’ varjabbli ta’ mira primarja (ĠU L 298, 17.11.2003, p. 34).
(8) ĠU L 52, 22.2.1997, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, 31.10.2003, p. 1).
(9) ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 322/97.
(10) ĠU L 133, 18.5.2002, p. 7. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1000/2007 (ĠU L 226, 30.8.2007, p. 7).
(11) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).
(12) ĠU L 181, 28.6.1989, p. 47.
(13) Skond il-verżjoni ta’ l-1997 ta’ l-Istandard Internazzjonali għall-Klassifikazzjoni ta’ l-Edukazzjoni (ISCED).
(14) Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 dwar it-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 163, 9.7.2002, p. 1).
ANNESS
SETTURI
Settur 1: Sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ
1. Għan
L-għan ta’ dan il-ġbir ta’ data hu li tiġi pprovduta data komparabbli dwar l-aspetti ewlenin tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ, speċifikament dwar il-parteċipazzjoni u t-tlestija ta’ programmi edukattivi, kif ukoll dwar l-ispejjeż u t-tip ta’ riżorsi ddedikati għall-edukazzjoni u t-taħriġ.
2. Ambitu
Il-ġbir ta’ data għandu jkopri l-attivitajiet edukattivi lokali indipendentement minn jekk ikunux ta’ l-istituzzjonijiet ikkonċernati jew sponsorjati minnhom (kemm jekk pubbliċi kif ukoll jekk privati, nazzjonali u barranin) u indipendentement mill-mekkaniżmu ta’ l-għoti ta’ l-edukazzjoni. Bl-istess mod, il-kopertura tal-ġbir ta’ data għandha testendi għat-tipi ta’ studenti u l-gruppi ta’ l-etajiet kollha.
3. Suġġetti koperti
Għandha tinġabar data dwar:
|
(a) |
ir-reklutaġġ ta’ studenti inklużi l-karatteristiċi ta’ l-istudenti; |
|
(b) |
dawk li jidħlu; |
|
(ċ) |
il-gradwati u l-gradwazzjonijiet; |
|
(d) |
in-nefqa għall-edukazzjoni; |
|
(e) |
il-persunal edukattiv; |
|
(f) |
il-lingwi barranin mgħallma; |
|
(g) |
id-daqs tal-klassijiet |
liema data tippermetti l-kalkolu ta’ indikaturi dwar l-inputs, il-proċeduri u r-riżultati tas-sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ.
Għandu jiġi trażmess mill-Istati Membri tagħrif xieraq (metadata) li jiddeskrivi l-partikolaritajiet tas-sistemi nazzjonali ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ u l-korrispondenza tagħhom għal klassifikazzjonijiet internazzjonali kif ukoll kwalunkwe devjazzjonijiet mill-ispeċifikazzjonijiet tat-talba għad-data jew kwalunkwe tagħrif ieħor li jkun essenzjali għall-interpretazzjoni tad-data u l-kumpilazzjoni ta’ indikaturi komparabbli.
4. Perjodiċità
Għandhom jiġu fornuti kull sena, jekk ma jiġix speċifikat xorta oħra, data u metadata, fil-limiti ta’ l-iskadenzi miftiehma bejn il-Kummissjoni (Eurostat) u l-awtoritajiet nazzjonali b’kont meħud ta’ l-aħħar ftehim bejn il-UIS, l-OECD u l-Kummissjoni (Eurostat).
Settur 2: Il-parteċipazzjoni ta’ l-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja
1. Għan
L-għan ta’ dan l-istħarriġ għandu jkun li tiġi pprovduta data komparabbli dwar il-parteċipazzjoni ta’ l-adulti u n-nuqqas ta’ din fit-tagħlim tul il-ħajja.
2. Ambitu
L-unità statistika għandha tkun l-individwu, u tkopri għall-inqas il-firxa ta’ l-etajiet tal-popolazzjoni ta’ 25-64 sena. Fil-każ ta’ ġbir ta’ tagħrif permezz ta’ stħarriġ, it-tweġibiet f’isem ħaddieħor għandhom jiġu evitati, kemm jista’ jkun.
3. Suġġetti koperti
Is-suġġetti koperti mill-istħarriġ għandhom ikunu:
|
(a) |
il-parteċipazzjoni u n-nuqqas ta’ din f’attivitajiet ta’ tagħlim; |
|
(b) |
il-karatteristiċi ta’ dawn l-attivitajiet; |
|
(ċ) |
tagħrif dwar ħiliet awtorappurtati; |
|
(d) |
tagħrif soċjo-demografiku. |
Id-data dwar il-parteċipazzjoni f’attivitajiet soċjali u kulturali għandha tinġabar ukoll fuq bażi volontarja bħala varjabbli ta’ spjegazzjoni utli għal iktar analiżi tal-profili tal-parteċipanti u non-parteċipanti.
4. Sorsi ta’ data u daqs tal-kampjun
Is-sors ta’ data għandu jkun stħarriġ kampjunistiku. Jistgħu jintużaw sorsi ta’ data amministrattivi biex jitnaqqas il-piż fuq min iwieġeb. Id-daqs tal-kampjun għandu jkun stabbilit fuq il-bażi ta’ rekwiżiti ta’ preċiżjoni li m’għandhomx jiirikjedu li d-daqsijiet effettivi ta’ kampjun nazzjonali jkunu akbar minn 5 000 individwu, kalkulati bis-suppożizzjoni ta’ kampjunament każwali sempliċi. F’dawn il-limiti, is-subpopolazzjonijiet speċifiċi għandhom jeħtieġu konsiderazzjonijiet partikolari ta’ kampjunament.
5. Perjodiċità
Id-data għandha tinġabar kull ħames snin. L-ewwel sena ta’ implimentazzjoni m’għandhiex tkun qabel l-2010.
Settur 3: Statistika oħra dwar l-edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja
1. Għan
L-għan ta’ dan il-ġbir ta’ data għandu jkun li jipprovdi data komparabbli oħra dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja biex tiġi appoġġata politika speċifika fil-livell Komunitarju mhux inklużi fis-Setturi 1 u 2.
2. Ambitu
Statistika oħra dwar l-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja għandha tirriferi għall-aspetti li ġejjin:
|
(a) |
statistika dwar l-edukazzjoni u l-ekonomija, meħtieġa fil-livell Komunitarju għall-monitoraġġ tal-politika dwar l-edukazzjoni, ir-riċerka, il-kompetittività u t-tkabbir; |
|
(b) |
statistika dwar l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, meħtieġa fil-livell Komunitarju għall-monitoraġġ tal-politika ta’ l-impjiegi; |
|
(ċ) |
statistika dwar l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, meħtieġa fil-livell Komunitarju għall-monitoraġġ tal-politika dwar il-faqar, l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tal-migranti. |
Għall-aspetti elenkati hawn fuq, id-data meħtieġa għandha tinkiseb minn sorsi statistiċi Komunitarji.