EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0114

Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE tat- 8 ta’ Diċembru 2008 dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ l-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 345, 23.12.2008, p. 75–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/114/oj

23.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 345/75


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2008/114/KE

tat-8 ta’ Diċembru 2008

dwar l-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ l-Infrastruttura Kritika Ewropea u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Billi:

(1)

F’Ġunju 2004 il-Kunsill Ewropew talab il-preparazzjoni ta’ strateġija ġenerali għall-ħarsien ta’ l-infrastrutturi kritiċi. Konsegwentement, fl-20 ta’ Ottubru 2004 il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-Ħarsien ta’ l-Infrastruttura Kritika fil-ġlieda kontra t-terroriżmu li pproponiet suġġerimenti dwar x’jista’ jtejjeb it-tisħiħ Ewropew tal-prevenzjoni ta’, l-istat ta’ tħejjija u r-rispons għall-attakki terroristiċi li jinvolvu l-infrastrutturi kritiċi.

(2)

Fis-17 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni adottat Green Paper dwar Programm Ewropew għall-Ħarsien ta’ l-Infrastruttura Kritika li pprovdiet għażliet ta’ politika dwar l-istabbiliment tal-programm u n-Netwerk ta’ Informazzjoni ta’ Twissija dwar l-Infrastruttura Kritika. Ir-reazzjonijiet li ngħataw għall-Green Paper enfasizzaw il-valur miżjud ta’ qafas Komunitarju għall-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika. Ġie rikonoxxut il-bżonn li jiżdied il-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika fl-Ewropa u li ikun hemm għajnuna biex jitnaqqsu l-vulnerabilitajiet dwar l-infrastrutturi kritiċi. Ġiet enfasizzata l-importanza tal-prinċipji ewlenin tas-sussidjarjetà, tal-proporzjonalità u tal-kumplimentarjetà, kif ukoll tad-djalogu mal-partijiet ikkonċernati.

(3)

F’Diċembru 2005, il-Kunsill għall-Ġustizzja u l-Intern appella lill-Kummissjoni biex tressaq proposta dwar Programm Ewropew għall-Ħarsien ta’ l-Infrastruttura Kritika (“EPCIP”) u ddeċieda li għandu jkun ibbażat fuq approċċ li jieħu kont tar-riskji kollha, bil-prijorità li jintegħleb it-theddid mit-terroriżmu. Taħt dan l-approċċ, theddidiet li ġejjin mill-bniedem, dawk teknoloġiċi u diżastri naturali għandu jittieħed kont tagħhom fil-proċess għall-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika, iżda għandha tingħata prijorità lit-theddida mit-terroriżmu.

(4)

F’April 2007 l-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar l-EPCIP li fihom tenna li finalment hi r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri li jamministraw l-arranġamenti għall-ħarsien ta’ l-infrastrutturi kritiċi li jinsabu fi ħdan il-fruntieri nazzjonali tagħhom filwaqt li laqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiġi żviluppata proċedura Ewropea għall-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ l-Infrastrutturi Kritiċi Ewropej (“ECIs”) u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom.

(5)

Din id-Direttiva tikkostittwixxi l-ewwel pass f’approċċ gradwali għall-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ ECIs u l-valutazzjoni tal-ħtieġa għat-titjib tal-ħarsien tagħhom. Għaldaqstant, din id-Direttiva tikkonċentra fuq is-setturi ta’ l-enerġija u tat-trasport u għandha tiġi riveduta bil-ħsieb tal-valutazzjoni ta’ l-impatt tagħha u l-ħtieġa li jiġu nklużi setturi oħrajn fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, inter alia is-settur tat-Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (“TIK”).

(6)

Ir-responsabbiltà primarja u finali għall-ħarsien ta’ l-ECIs taqa’ fuq l-Istati Membri u l-proprjetarji/operaturi ta’ tali infrastruttura.

(7)

Hemm ċertu numru ta’ infrastrutturi kritiċi fil-Komunità, li l-interruzzjoni jew id-distruzzjoni ta’ liema jkollhom impatti transkonfinali sinifikanti. Dan jista’ jinkludi effetti intersettorjali transkonfinali li jirriżultaw minn interdependenzi bejn infrastrutturi interkonnessi. Tali ECIs għandhom jiġu identifikati u indikati permezz ta’ proċedura komuni. L-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta’ sigurtà għal tali infrastrutturi għandha ssir taħt approċċ minimu komuni. Skemi bilaterali għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika jikkostitwixxu mezzi stabbiliti u effiċjenti ħafna biex jitrattaw l-infrastrutturi kritiċi transkonfinali. L-EPCIP għandu jibni fuq din il-kooperazzjoni. Informazzjoni dwar l-indikazzjoni ta’ infrastruttura partikolari bħala ECI għandha tiġi klassifikata f’livell xieraq skond il-leġislazzjoni eżistenti tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri.

(8)

Peress li setturi varji għandhom esperjenza partikolari, għarfien espert u r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika, għandu jkun hemm l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistema għall-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika fuq livell Komunitarju, li tieħu kont tal-karatteristiċi u l-mizuri eżitenti tas-setturi partikolari, inklużi dawk diġa eżistenti fuq il-livell Komunitarju, nazzjonali jew reġjonali, kif ukoll, fejn meħtieġ, arranġamenti transkonfinali għall-għajnuna reċiproka bejn proprjetarji/operaturi ta’ infrastrutturi kritiċi eżistenti. Minħabba l-involviment konsiderevoli ħafna tas-settur privat fis-sorveljanza u l-amministrazzjoni tar-riskji, pjanijiet għall-kontinwità kummerċjali u l-irkupru wara l-falliment, metodu Komunitarju għandu bżonn jinkoraġixxi l-involviment sħiħ tas-settur privat.

(9)

Fir-rigward tas-settur ta’ l-enerġija u partikolarment il-metodi tal-ġenerazzjoni u t-trażmissjoni ta’ l-elettriku (fir-rigward tal-forniment ta’ l-elettriku), huwa mifhum li fejn meqjus xieraq, il-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku tista’ tinkludi partijiet tat-trażmissjoni ta’ l-elettriku ta’ impjanti ta’ enerġija nukleari, iżda teskludi l-elementi nukleari speċifiċi koperti b’leġislazzjoni nukleari rilevanti inklużi t-trattati u l-liġi Komunitarja.

(10)

Din id-Direttiva tikkomplimenta miżuri settorjali eżistenti fuq il-livell Komunitarju u fl-Istati Membri. Fejn hemm fis-seħħ mekkaniżmi Komunitarji, dawn għandhom ikomplu jintużaw u ser jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ġenerali ta’ din id-Direttiva. Dupplikazzjoni ta’, jew kontradizzjoni bejn, atti differenti jew dispożizzjonijiet għandhom jiġu evitati.

(11)

Għandhom jiġu stabbiliti Pjanijiet ta’ Sigurtà għall-Operaturi (“OSPs”) jew miżuri ekwivalenti li fihom identifikazzjoni ta’ assi importanti, valutazzjoni tar-riskju u l-identifikazzjoni, l-indikazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta’ kontro-miżuri u proċeduri fl-ECIs indikati kollha. Bil-ħsieb li jiġu evitati ħidma bla bżonn u dupplikazzjoni, kull Stat Membru għandu l-ewwel jivvaluta jekk il-proprjetarji/operaturi ta’ l-ECIs indikati għandhomx OSPs rilevanti jew miżuri simili. Fejn ma jeżistux tali pjanijiet, kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jassigura li jiġu stabbiliti miżuri xierqa. Huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar l-aktar forma xierqa ta’ azzjoni fir-rigward ta’ l-istabbiliment ta’ OSPs.

(12)

Miżuri, prinċipji, linji gwida inkluż miżuri Komunitarji kif ukoll skemi ta’ kooperazzjoni bilaterali u/jew multilaterali li jipprevedu pjan simili jew ekwivalenti għal OSP jew jipprevedu Uffiċjal ta’ Kollegament tas-Sigurtà jew ekwivalenti, għandhom jitqiesu bħala li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva fir-rigward ta’ OSP jew l-Uffiċjal ta’ Kollegament tas-Sigurtà rispettivament.

(13)

Għandu jiġi identifikat Uffiċjal ta’ Kollegament tas-Sigurtà għall-ECIs indikati kollha biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni u l-komunikazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti għall-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika. Bil-ħsieb li jiġu evitati ħidma u dupplikazzjoni bla bżonn, kull Stat Membru għandu l-ewwel jivvaluta jekk il-proprjetarji/operaturi ta’ l-ECI indikata għandhomx diġà Uffiċjal ta’ Kollegament ta’ Sigurtà jew ekwivalenti.Fejn ma jeżistix tali Uffiċjal ta’ Kollegament ta’ Sigurtà, kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jassigura li jiġu stabbiliti miżuri xierqa. Huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar l-aktar forma xierqa ta’ azzjoni fir-rigward tan-nomina ta’ Uffiċjali ta’ Kollegament ta’ Sigurtà.

(14)

L-identifikazzjoni effiċjenti tar-riskji, theddid u vulnerabilitajiet fis-setturi partikolari titlob komunikazzjoni bejn il-proprjetarji/l-operaturi ta’ l-ECIs u l-Istati Membri, u bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Kull Stat Membru għandu jiġbor l-informazzjoni dwar l-ECIs li jinsabu fit-territorju tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tirċievi informazzjoni ġenerika mill-Istati Membri dwar ir-riskji, il-vulnerabilitajiet u t-theddid fis-setturi fejn ġew identifikati l-ECIs, inkluż fejn l-informazzjoni relevanti dwar titjib potenzjali fl-ECIs u dipendenzi bejn is-setturi, li jistgħu jiffurmaw il-bażi ta’ l-iżvilupp, fejn meħtieġ, ta’ proposti speċifiċi mill-Kummissjoni dwar it-titjib tal-ħarsien ta’ l-ECIs.

(15)

Biex jiġi ffaċilitat it-titjib fil-ħarsien ta’ l-ECIs, jistgħu jiġu żviluppati metodoloġiji ġodda għall-identifikazzjoni u l-klassifikazzjoni tar-riskji, tal-vulnerabilitajiet u tat-theddid għall-assi infrastrutturali.

(16)

Proprjetarji/operaturi ta’ l-ECIs għandhom ikunu mogħtija aċċess primarjament permezz ta’ l-awtoritajiet relevanti ta’ l-Istati Membri għall-aħjar prattika u għall-metodoloġiji dwar il-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika.

(17)

Il-ħarsien effettiv ta’ l-ECIs jeħtieġ il-komunikazzjoini, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fuq livell nazzjonali u Komunitarju. L-aħjar mod kif dan jista’ jintlaħaq huwa permezz ta’ l-indikazzjoni ta’ Punti ta’ Kuntatt tal-Ħarsien ta’ l-Infrastruttura Kritika Ewropea (“Punti ta’ Kuntatt tas-ECIP”) f’kull Stat Membru, li għandu jikkoordina internament kwistjonijiet relatati mal-Ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika, kif ukoll ma’ l-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni.

(18)

Biex jiġu żviluppati attivitajiet relatati mal-Ħarsien ta’ l-Infrastruttura Kritika Ewropea f’oqsma li jirrikjedu ċertu livell ta’ kunfidenzjalità, huwa xieraq li jiġi żgurat skambju ta’ informazzjoni koerenti u żgur fil-qafas ta’ din id-Direttiva. Huwa importanti li r-regoli ta’ konfidenzjalità skond il-liġi nazzjonali applikabbli jew ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (3) jiġu osservati fir-rigward ta’ fatti speċifiċi dwar assi ta’ infrastruttura kritika, li jistgħu jintużaw biex issir tħejjija u aġir bil-ħsieb li jiġu kkawżati konsegwenzi inaċċettabbli għal installazzjonijiet ta’ infrastruttura kritika. L-informazzjoni kklassifikata għandha tiġi mħarsa skond il-leġislazzjoni relevanti Komunitarja u ta’ l-Istat Membru. Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom jirrispettaw il-klassifikazzjoni ta’ sigurtà relevanti mogħtija mill-oriġinatur ta’ dokument.

(19)

Il-kondiviżjoni ta’ l-informazzjoni dwar l-ECIs għandha ssir f’atmosfera ta’ fiduċja u sigurtà. Il-kondiviżjoni ta’ l-informazzjoni tirrikjedi relazzjoni ta’ fiduċja tant li l-kumpanniji u l-organizazzjonijiet ikunu jafu li d-data sensittiva u kunfidenzjali tagħhom ser tkun imħarsa b’mod suffiċjenti.

(20)

Peress li l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-ħolqien ta’ proċedura għall-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ l-ECIs, u ta’ approċċ komuni għall-valutazzjoni tal-bżonn ta’ titjib fil-ħarsien ta’ dawn l-infrastrutturi, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-iskala ta’ l-azzjoni, jinkisbu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ taddotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, skond l-Artikolu 5 tat-Trattat. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif imsemmi f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(21)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi proċedura għall-identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ Infrastrutturi Kritiċi Ewropej (“ECIs”), u approċċ komuni għall-valutazzjoni tal-bżonn ta’ titjib fil-ħarsien ta’ tali infrastrutturi biex tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-poplu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Direttiva:

(a)

“infrastruttura kritika” tfisser assi, sistema jew parti minnhom li jinsabu fl-Istati Membri essenzjali għall-manteniment ta’ funzjonijiet vitali tas-soċjetà, is-saħħa, is-sigurtà, is-sikurezza, il-benessere ekonomiku jew soċjali tal-poplu u li t-tfixkil jew il-qerda tagħhom ikollu impatt sinifikanti fi Stat Membru bħala riżultat tal-falliment biex jinżammu dawk il-funzjonijiet;

(b)

“Infrstruttura Kritika Ewropea” jew “ECI” tiffisser infrastruttura kritika li tinsab fl-Istati Membri li l-interruzzjoni jew il-qerda tagħha jkollha impatt sinifikanti fuq mill-inqas żewġ Stati Membri. Is-sinifikat ta’ l-impatt għandu jiġi vvalutat f’termini ta’ kriterji transversali. Dan jinkludi l-effetti li jirriżultaw minn dipendenzi transsettorjali fuq tipi oħra ta’ infrastruttura;

(c)

“analiżi tar-riskju” tfisser il-konsiderazzjoni ta’ xenarji ta’ theddid relevanti, sabiex tiġi valutata l-vulnerabbiltà u l-impatt potenzjali ta’ interuzzjoni jew qerda ta’ infrastruttura kritika.

(d)

“informazzjoni dwar il-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika” tfisser fatti dwar infrastruttura kritika, li jekk jiġu żvelati jistgħu jiġu wżati għall-pjanijiet u azzjonijiet bil-ħsieb li jiġi kkawżat interuzzjoni jew qerda ta’ installazzjonijiet ta’ l-infrastruttura kritika;

(e)

“ħarsien” tfisser l-attivitajiet kollha immirati lejn l-iżgurar tal-funzjonament, il-kontinwità u l-integrità ta’ infrastrutturi kritiċi sabiex tinżamm lura, tiġi mtaffija u newtralizzata theddida, riskju jew vulnerabbiltà;

(f)

“proprjetarji/operaturi ta’ ECIs” tfisser dawk l-entitajiet responsabbli mill-investimenti fi, u/jew l-operat ta’ kuljum ta’assi, sistema partikolari jew parti minnhom indikata bħala ECI taħt din id-Direttiva.

Artikolu 3

Identifikazzjoni ta’ l-ECIs

1.   Skond il-proċedura prevista fl-Anness III, kull Stat Membru għandu jidentifika l-ECIs potenzjali li tissodisfa kemm il-kriterji trasversali kif ukoll dawk settorjali u tissodisfa d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(a) u 2(b).

Il-Kummissjoni tista’ tassisti lill-Istati Membri fuq talba tagħhom biex jidentifikaw l-ECIs potenzjali.

Il-Kummissjoni tista’ tiġbed l-attenzjoni ta’ l-Istati Membri rilevanti lejn l-eżistenza ta’ infrastruttura kritika potenzjali li tista’ titqies li tissodisfa r-rekwiżiti għall-indikazzjoni ta’ ECI.

Kull Stat Membru u l-Kummissjoni għandhom ikomplu fuq bażi kontinwa l-proċess ta’ identifikazzjoni ta’ ECIs potenzjali.

2.   Il-kriterji trasversali imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)

il-kriterju ta’ diżgrazzji (ivvalutat f’termini tan-numru potenzjal ta’ mwiet jew korrimenti);

(b)

il-kriterju ta’ l-effetti ekonomiċi (ivvalutat f’termini tas-sinifikat tat-telf ekonomiku u/jew degradazzjoni ta’ prodotti jew servizzi; inklużi l-effetti ambjentali potenzjali);

(c)

il-kriterju ta’ l-effetti pubbliċi (ivvalutat f’termini ta’ l-impatt fuq il-kunfidenza pubblika, is-sofferenza fiżika u l-interruzzjoni tal-ħajja ta’ kuljum; inkluż it-telf ta’ servizzi essenzjali).

Il-limiti tal-kriterji trasversali għandhom ikunu bbażati fuq is-serjetà ta’ l-impatt ta’ l-interruzzjoni jew qerda ta’ infrastruttura partikolari. Il-limiti preċiżi applikabbli għall-kriterji trasversali għandhom jiġu determinati abbażi ta’ każ b’każ mill-Istati Membri kkonċernati b’infrastruttura kritika partikolari. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni fuq bażi annwali bin-numru ta’ infrastrutturi għal kull settur li għalihom saru diskussjonijiet rigward il-limiti tal-kriterji trasversali.

Il-kriterji settorjali għandhom jieħdu kont tal-karatteristiċi tas-setturi ta’ l-ECI individwali.

Il-Kummissjoni flimkien ma’ l-Istati Membri għandha tiżviluppa linji gwida għall-applikazzjoni ta’ kriterji transversali u settorjali u limiti approssimattivi li għandhom jintużaw għall-identifikazzjoni ta’ l-ECIs. Il-kriterji għandhom jiġu kklassifikati. L-użu ta’ tali linji gwida għandu jkun fakultattiv għall-Istati Membri.

3.   Is-setturi li għandhom jintużaw għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu s-setturi ta’ l-enerġija u t-trasport. Is-sottosetturi huma identifikati fl-Anness I.

Jekk jitqies xieraq u f’konformità mar-reviżjoni ta’ din id-Direttiva kif stabbilit fl-Artikolu 11, jistgħu jiġu identifikati setturi sussegwenti li għandhom jintużaw għall-fini ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Għandha tingħata prijorità lis-settur tat-TIK.

Artikolu 4

L-indikazzjoni ta’ l-ECIs

1.   Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra li jistgħu jiġu affettwati b’mod sinifikanti minn ECI potenzjali dwar l-identità tagħha u r-raġunijiet għall-indikazzjoni tagħha bħala ECI.

2.   Kull Stat Membru li fuq it-territorju tiegħu tinsab ECI potenzjali għandu jinvolvi ruħu f’diskussjonijiet bilaterali u/jew multilaterali ma’ l-Istati Membri l-oħra li jistgħu jiġu affettwati b’mod sinifikanti mill-ECI potenzjali. Il-Kummissjoni tista’ tipparteċipa f’dawn id-diskussjonijiet iżda m’għandhiex ikollha aċċess għal informazzjoni dettaljata li tippermetti l-identifikazzjoni inekwivokabbli ta’ infrastruttura partikolari.

Stat Membru li għandu raġuni biex jaħseb li jista’ jkun affettwat b’mod sinifikanti mill-ECI potenzjali, iżda li ma ġiex identifikat bħala tali mill-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu tinsab l-ECI potenzjali, jista’ jinforma lill-Kummissjoni dwar ix-xewqa tiegħu li jiġi inkluż f’diskussjonijiet bilaterali u/jew multilaterali dwar din il-kwistjoni. Il-Kummissjoni għandha minnufih tinnotifika lill-Istati Membru li fuq it-territorju tiegħu tinsab l-ECI potenzjali dwar din ix-xewqa u tipprova tiffaċilita l-qbil bejn il-partijiet.

3.   L-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu tinsab ECI potenzjali għandu jindikaha bħala ECI b’segwitu għal qbil bejn dak l-Istat Membru u dawk l-Istati Membri li jistgħu jkunu affettwati b’mod sinifikanti.

Għandha tintalabl-aċċettazzjoni ta’ l-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu tinsab l-infrastruttura li ser tiġi indikata bħala ECI.

4.   L-Istat Membru li fuq it-territorju tiegħu tinsab ECI indikata għandu jinforma lill-Kummissjoni fuq bażi annwali bin-numru ta’ l-ECI indikata għal kull settur u bin-numru ta’ Stati Membri dipendenti fuq kull ECI indikata. Dawk l-Istati Membri li jistgħu jkunu affettwati b’mod sinifikanti mill-ECIs biss għandhom ikunu jafu l-identità tagħha.

5.   L-Istati Membri li fuq it-territorju tagħhom tinsab ECI għandhom jinformaw lill-proprjetarju/operatur ta’ l-infrastruttura dwar l-indikazzjoni tagħha bħala ECI. Informazzjoni dwar l-indikazzjoni ta’ infrastruttura bħala ECI għandha tkun klassifikata f’livell xieraq.

6.   Il-proċess ta’ identifikazzjoni u l-indikazzjoni ta’ ECIs skond l-Artikolu 3 u dan l-Artikolu għandu jitlesta sat-12 ta’ Jannar 2011 u jiġi rivedut fuq bażi regolari.

Artikolu 5

Pjanijiet ta’ Sigurtà għall-Operaturi

1.   Il-Pjan ta’ Sigurtà għall-Operaturi (“OSP”) għandu jidentifika l-assi ta’ l-infrastruttura kritika ta’ l-ECI u liema soluzzjonijiet għas-sigurtà jeżistu jew qed jiġu implimentati għall-ħarsien tagħhom. Il-kontenut minimu li għandu jiġi indirizzat minn proċedura ta’ ECI OSP huwa stabbilit fl-Anness II.

2.   Kull Stat Membru għandu jivvaluta jekk kull ECI indikata li tinsab fit-territorju tiegħu għandhiex OSP jew jekk huwa għandux stabbiliti miżuri ekwivalenti li jindirizzaw il-kwistjonijiet identifikati fl-Anness II. Jekk Stat Membru jsib li jeżisti tali OSP jew ekwivalenti u dan huwa aġġornat regolarment, m’għandux ikun hemm ħtieġa għal aktar azzjoni ta’ implimentazzjoni.

3.   Jekk Stat Membru jsib li ma ġiex ippreparat tali OSP jew ekwivalenti, dan għandu jiżgura bi kwalunkwe mezz meqjus xierqa, li l-OSP jew ekwivalenti jitħejja u li dan jindirizza l-kwistjonijiet identifikati fl-Anness II.

Kull Stat Membru għandu jiżgura li hemm stabbilit l-OSP jew ekwivalenti u li jiġi riveduti regolarment fi żmien sena wara l-indikazzjoni ta’ l-infrastruttura kritika bħala ECI. Dan il-perijodu jista’ jiġi estiż f’ċirkostanzi eċċezzjonali, bi ftehim mill-awtorità ta’ l-Istat Membru u b’notifika lill-Kummissjoni.

4.   F’każ fejn ikunu diġà jeżistu arranġamenti superviżorji jew ta’ sorveljanza fir-rigward ta’ ECI, tali arranġamenti m’humiex affettwati b’dan l-Artikolu u l-awtorità ta’ l-Istat Membru relevanti msemmija f’dan l-Artikolu għandha tkun is-superviżur taħt dawk l-arranġamenti eżistenti.

5.   Il-konformità ma’ miżuri inkluż miżuri Komunitarji li f’settur partikolari jeħtieġu, jew jirreferu għall-ħtieġa li jkun hemm, pjan simili jew ekwivalenti għal OSP u superviżjoni mill-awtorità relevanti ta’ tali pjan, titqies bħala li tissodisfa l-ħtiġiet kollha ta’ l-Istati Membri taħt, jew adottati skond, dan l-Artikolu. Il-linji gwida għall-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) għandhom jinkludu lista indikattiva ta’ tali miżuri.

Artikolu 6

Uffiċjali ta’ Kollegament tas-Sigurtà

1.   L-Uffiċjali ta’ Kollegament tas-Sigurtà għandu jiffunzjona bħala l-punt ta’ kuntatt għal kwistjonijiet relatati mas-sigurtà bejn il-proprjetarju/operatur ta’ l-ECI u l-awtorità ta’ l-Istat Membru relevanti.

2.   Kull Stat Membru għandu jivvaluta jekk kull ECI indikata li tinsab fit-territorju tiegħu għandhiex Uffiċjal ta’ Kollegament tas-Sigurtà jew ekwivalenti. Jekk Stat Membru jsib li tali Uffiċjal ta’ Kollegament tas-Sigurtà huwa stabbilit jew jeżisti ekwivalenti, m’għandux ikun hemm ħtieġa għal aktar azzjoni ta’ implimentazzjoni.

3.   Jekk Stat Membru jsib li ma jeżistix tali Uffiċjal ta’ Kollegament jew ekwivalenti fir-rigward ta’ ECI indikata, dan għandu jiżgura bi kwalunkwe mezz xieraq, li tali Uffiċjal ta’ Kollegament tas-Sigurtà jew ekwivalenti jiġi nominat.

4.   Kull Stat Membru għandu jimplimenta mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni xieraq bejn l-awtorità ta’ l-Istat Membru rilevanti u l-Uffiċjali ta’ Kollegament tas-Sigurtà jew ekwivalenti bil-għan li tiġi skambjata informazzjoni relevanti li tikkonċerna r-riskji u t-theddid identifikati f’rabta ma’ l-ECI kkonċernata. Il-mekkaniżmu ta’ komunikazzjoni għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti nazzjonali li jikkonċernaw l-aċċess għal informazzjoni sensittiva u kklassifikata.

5.   Il-konformità ma’ miżuri, inklużi miżuri Komunitarji li f’settur partikolari jeħtieġu, jew jirreferu għall-ħtieġa li jkun hemm, Uffiċjal ta’ Kollegament tas-Sigurtà, titqies bħala li tissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ l-Istati Membri fi, jew adottati skond, dan l-Artikolu. Il-linji gwida għall-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) għandhom jinkludu lista indikattiva ta’ tali miżuri.

Artikolu 7

Rappurtar

1.   Kull Stat Membru għandu jmexxi valutazzjoni tat-theddid fir-rigward ta’ sottosetturi ta’ l-ECI sena wara l-indikazzjoni ta’ l-infrastruttura kritika fit-territorju tiegħu bħala ECI f’dawk is-sottosetturi.

2.   Kull Stat Membru għandu jirrapporta kull sentejn lill-Kummissjoni d-data ġenerika fuq bażi fil-qosor dwar it-tipi ta’ riskji, vulnerabbiltajiet u theddid li ltaqa’ magħhom għal kull settur ta’ l-ECI li fih ġiet indikata ECI skond l-Artikolu 4 u li tinsab fit-territorju tiegħu.

Jista’ jiġi żviluppat mudell komuni għal dawn ir-rapporti mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri.

Kull rapport għandu jiġi kklassifikat f’livell xieraq kif meqjus meħtieġ mill-Istat Membru oriġinanti.

3.   Abbażi tar-rapporti imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jevalwaw fuq bażi settorjali jekk għandhomx jiġu kkunsidrati miżuri ta’ ħarsien ulterjuri fil-livell komunitarju għal ECIs. Dan il-proċess għandu jitwettaq flimkien mar-reviżjoni ta’ din id-Direttiva kif stabbilit fl-Artikolu 11.

4.   Jistgħu jiġu żviluppati linji gwida metodoloġiċi komuni mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri għat-twettiq ta’ analiżi tar-riskju fir-rigward ta’ l-ECI. L-użu ta’ tali linji gwida għandu jkun fakultattiv għall-Istati Membri.

Artikolu 8

Appoġġ tal-Kummissjoni għall-ECIs

Il-Kummissjoni għandha tappoġġa, permezz ta’ l-awtorità ta’ l-Istat Membru relevanti, lill-proprjetarji/operaturi ta’ l-ECIs indikati billi tipprovdi aċċess għall-aħjar prattika u l-metodoloġiji disponibbli kif ukoll taħriġ ta’ appoġġ u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar żviluppi tekniċi ġodda relatati mal-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika.

Artikolu 9

Informazzjoni sensittiva relatata mal-ħarsien ta’ infrastrutturakritika Ewropea - Informazzjoni relatata

1.   Kwalunkwe persuna li tittratta l-informazzjoni kklassifikata skond din id-Direttiva f’isem Stat Membru jew il-Kummissjoni għandha jkollha livell xieraq ta’ kontroll ta’ sigurtà.

L-Istati Membri, il-Kummissjoni, u l-korpi ta’ superviżjoni rilevanti għandhom jiżguraw li informazzjoni sensittiva relatata mal-ħarsien ta’ infrastruttura kritika Ewropea ppreżentata lill-Istati Membri jew lill-Kummissjoni, ma tintużax għall-ebda għan ieħor għajr il-ħarsien ta’ l-infrastrutturi kritiċi.

2.   Dan l-Artikolu għandu japplika ukoll għal informazzjoni mhux bil-miktub skambjata waqt il-laqgħat li fihom jiġu diskussi suġġetti sensittivi.

Artikolu 10

Punti ta’ Kuntatt għall-Ħarsien ta’ Infrastruttura Kritika Ewropea

1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar Punt ta’ Kuntatt għall-Ħarsien ta’ Infrastruttura Kritika Ewropea (“Punt ta’ Kuntatt ECIP”)

2.   Il-Punt ta’ Kuntatt ECIP għandu jikkoordina kwistjonijiet relatati mal-ħarsien ta’ l-infrastruttrua kritika Ewropea fl-Istat Membru, ma’ Stati Membri oħrajn u mal-Kummissjoni. Il-ħatra ta’ Punt ta’ Kuntatt ECIP ma teskludix awtoritajiet oħra fi Stat Membru ieħor milli jiġu involuti fi kwistjonijiet dwar il-ħarsien ta’ l-infrastruttura kritika Ewropea.

Artikolu 11

Reviżjoni

Ir-riviżjoni ta’ din id-Direttiva għandha tibda fit-12 ta’ Jannar 2012.

Artikolu 12

Implimentazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sat-12 ta’ Jannar 2011. Huma għandhom jinfurmaw b’dan minnufih lill-Kummissjoni u jikkomunikaw it-test ta’ dawk il-miżuri u l-korrelazzjoni tagħhom ma’ din id-Direttiva.

Meta jiġu adottati mill-Istati Membri, dawn il-miżuri, għandhom jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali riferenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir tali riferenza għandhom jiġu stabbilita mill-Istati Membri.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il- Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Diċembru 2008.

Ghall-Kunsill

Il-President

B. KOUCHNER


(1)  L-Opinjoni ta’ l-10 ta’ Lulju 2007 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 116, 26.5.2007, p. 1.

(3)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


ANNESS I

Lista tas-Setturi ta’ l-ECI

Is-settur

Sottosettur

I

L-enerġija

1.

Elettriku

Infrastrutturi u faċilitajiet għall-ġenerazzjoni u t-trasmissjoni ta’ elettriku fir-rigward tal-provvista ta’ l-elettriku

2.

Żejt

Produzzjoni, raffinar, trattament, ħażna u trasmissjoni ta’ żejt bil-pipelines

3.

Gass

Produzzjoni, raffinar, trattament, ħażna u trasmissjoni ta’ gass bil-pipelines

Terminals LNG

II

It-trasport

4.

It-trasport fuq it-toroq

5.

It-trasport bil-ferroviji

6.

Trasport ta’ l-ajru

7.

Ir-rotot ta’ navigazzjoni interni

8.

Navigazzjoni fl-oċejani u t-traġitti qosra bil-baħar u l-portijiet

L-identifikazzjoni mill-Istati Membri ta’ l-infrastrutturi kritiċi li jistgħu jiġu indikati bħala ECIs ssir skond l-Artikolu 3. Għalhekk il-lista ta’ setturi ta’ ECI fiha nnifisha ma tiġġenerax obbligu ġeneriku biex tiġi indikata ECI f’kull settur.


ANNESS II

PROĊEDURA ECI OSP

L-OSP għandu jidentifika l-assi ta’ l-infrastruttura kritika u liema soluzzjonijiet għas-sigurtà jeżistu jew qed jiġu implimentati għall-ħarsien tagħhom. Il-proċedura ECI OSP ser tkopri għallinqas:

1.

l-idenifikazzjoni ta’ l-assi importanti;

2.

it-twettiq ta’ analiżi tar-riskju bbażat fuq xenarji ta’ theddida maġġuri, il-vulnerabilità ta’ kull assi u l-impatt potenzjali; u

3.

l-identifikazzjoni, l-indikazzjoni u l-prijoritizazzjoni ta’ kontro-miżuri u l-proċeduri b’distinzjoni bejn:

miżuri ta’ sigurtà permanenti, li jidentifikaw investimenti ta’ sigurtà indispensabbli u mezzi li huma relevanti biex jiġu użati f’kull ħin. Dan it-titolu ser jinkludi informazzjoni dwar miżuri ġenerali bħalma huma l-miżuri tekniċi (inklużi l-installazzjoni ta’ mezzi għal sejba, kontroll ta’ aċċess, ħarsien u prevenzjoni); miżuri organizzattivi (inklużi proċeduri għall-amministrazzjoni ta’ sejħiet ta’ allarm u kriżi; miżuri ta’ kontroll u verifika; il-komunikazzjoni; trawwim ta’ għarfien u taħriġ; u sigurtà tas-sistemi ta’ informazzjoni,

miżuri ta’ sigurtà fuq livelli differenti, li jistgħu jiġu attivati skond il-livelli varji ta’ riskju u theddid.


ANNESS III

Proċedura għall-identifikazzjoni mill-Istati Membri ta’ l-infrastruttura kritika li tista’ tiġi indikata bħala l-ECI skond l-Artikolu 3

L-Artikolu 3 jitlob lil kull Stat Membru jidentifika l-infrastruttura kritika li tista’ tiġi indikata bħala ECI. Din il-proċedura għandha tiġi implimentata minn kull Stat Membru permezz tas-serje ta’ passi konsekuttivi li ġejjin.

L-ECI potenzjali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ wieħed minn dawn il-passi sekwenzjali li ġejjin hi kkunsidrata bħal “non-ECI” u hi eskluża mill-proċedura. L-ECI potenzjali li ma tissodisfax ir-rekwiżiti għandha tiġi soġġetta għall-passi li jsegwu ta’ din il-proċedura.

Pass 1

Kull Stat Membru għandu japplika l-kriterji settorjali sabiex issir l-ewwel għażla ta’ infrastrutturi kritiċi fis-settur.

Pass 2

Kull Stat Membru għandu japplika d-definizzjoni ta’ l-infrastruttura kritika skond l-Artikolu 2(a) għall-ECI potenzjali identifikata taħt pass 1.

Is-sinifikat ta’ l-impatt ser jiġi ddeterminat jew bl-użu ta’ metodi nazzjonali għall-identifikazzjoni ta’ infrastrutturi kritiċi jew b’referenza għall-kriterji trasversali, f’livell nazzjonali approprjat. Għall-infrastruttura li tipprovdi servizz essenzjali, ser jittieħed kont tad-disponibbiltà ta’ alternattivi, u t-tul ta’ żmien ta’ interuzzjoni/irkupru.

Pass 3

Kull Stat Membru għandu japplika l-element transkonfinali għad-definizzjoni ta’ l-ECI skond l-Artikolu 2(b) għall-ECI potenzjali li għaddiet l-ewwel żewġ passi ta’ din il-proċedura. L-ECI potenzjali li ma tissodisfax id-definizzjonijiet ser issegwi l-pass li jmiss ta’ din il-proċedura. Għall-infrastruttura li tipprovdi servizz essenzjali, ser jittieħed kont tad-disponibbiltà ta’ alternattivi, u t-tul ta’ żmien ta’ interuzzjoni/irkupru.

Pass 4

Kull Stat Membru għandu japplika l-kriterji trasversali għall-ECIs potenzjali rimanenti. Il-kriterji trasversali għandhom jieħdu kont ta’: is-severità ta’ l-impatt; u, għall-infrastruttura li tipprovdi servizz essenzjali, id-disponibbiltà ta’ alternattivi; u t-tul ta’ żmien tat-interuzzjoni/irkupru. L-ECI potenzjali li ma tissodisfax il-kriterji trasversali mhux ser tiġi kkunsidrata bħala l-ECI.

L-ECI potenzjali li għaddiet minn din il-proċedura għandha tiġi kkomunikata biss lill-Istati Membri li jistgħu jiġu affettwati b’mod sinifikanti mill-ECI potenzjali.


Top