Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0865

    2008/865/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta’ l- 10 ta’ Novembru 2008 dwar l-esklużjoni tal-chlorate mill-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6587) Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 307, 18.11.2008, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/865/oj

    18.11.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 307/7


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta’ l-10 ta’ Novembru 2008

    dwar l-esklużjoni tal-chlorate mill-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u l-irtirar ta’ awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom dik is-sustanza

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 6587)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    (2008/865/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (1), u partikolarment ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE jipprevedi li Stat Membru jista’, matul perjodu ta’ 12-il sena wara n-notifika ta’ din id-Direttiva, jawtorizza t-tqegħid fis-suq ġewwa t-territorju tiegħu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi li ma jkunux jinsabu fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva li jkunu diġà qegħdin fis-suq sentejn wara n-notifika, filwaqt li dawk is-sustanzi qed jiġu investigati b’mod gradwali fil-qafas ta’ programm ta’ ħidma.

    (2)

    Ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 451/2000 (2) u (KE) Nru 1490/2002 (3) jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tat-tielet stadju tal-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u jistabbilixxu lista ta’ sustanzi attivi biex jiġu vvalutati, bl-għan li jiġu possibbilment inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE. Dik il-lista tinkludi l-chlorate.

    (3)

    Għall-chlorate, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew eżaminati skont id-dispożizzjonijiet stipulati mir-Regolamenti (KE) Nru 451/2000 u (KE) Nru 1490/2002 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikant. Barra minn hekk, dawn ir-Regolamenti jaħtru lill-Istati Membri relaturi li għandhom jippreżentaw ir-rapporti ta’ evalwazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet rilevanti lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Ikel (EFSA) skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 451/2000. Fejn jidħol il-chlorate, l-Istat Membru relatur kien Franza u l-informazzjoni kollha rilevanti tressqet fis-26 ta’ Lulju 2007.

    (4)

    Il-Kummissjoni investigat il-chlorate skont l-Artikolu 11a tar-Regolament (KE) Nru 1490/2002. Abbozz tar-rapport tar-reviżjoni għal dik is-sustanza ġie rivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u ġie ffinalizzat fil-11 ta’ Lulju 2008 fil-format tar-rapport ta’ reviżjoni tal-Kummissjoni.

    (5)

    Matul l-investigazzjoni ta’ din is-sustanza attiva mill-Kumitat, ġie konkluż, b’kunsiderazzjoni tal-kummenti li waslu mingħand l-Istati Membri, li hemm indikazzjonijiet ċari li jista’ jiġi mistenni li għandha effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bnedmin, b’mod partikolari meta titqies l-espożizzjoni inaċċettabbli għall-operaturi, meta wieħed iqis il-LAEO (Il-Livell(i) Aċċettabbli ta’ Espożizzjoni għall-Operaturi) proviżorji li ġew proposti. Barra minn hekk, ma kienx hemm biżżejjed informazzjoni biex jiġi stabbilit LAEO definittiv u biex tiġi studjata l-lissija ta’ metabolit rilevanti għal ġol-ilma ta’ taħt l-art. Barra minn dan, tħassib ieħor identifikat mill-Istati Membri relaturi fir-rapport ta’ evalwazzjoni hu inkluż fir-rapport ta’ reviżjoni għas-sustanza.

    (6)

    Il-Kummissjoni stiednet lin-notifikant biex jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-investigazzjoni tal-chlorate u dwar jekk kienx biħsiebu jappoġġja jew ma jappoġġjax aktar is-sustanza. In-notifikant ressaq il-kummenti tiegħu li ġew investigati bir-reqqa. Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa min-notifikant, it-tħassib identifikat ma setax jitneħħa, u l-valutazzjonijiet li saru fuq il-bażi tal-informazzjoni ppreżentata ma wrewx li jista’ jiġi mistenni li, fil-kundizzjonijiet ta’ użu proposti, prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-chlorate jissodisfaw b’mod ġenerali r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (7)

    Għalhekk il-chlorate ma għandux jiġi inkluż fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

    (8)

    Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li awtorizzazzjonijiet mogħtija għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-chlorate jiġu rtirati f’perjodu ta’ żmien preskritt u li ma jiġġeddux, u li ma tingħata l-ebda awtorizzazzjoni ġdida lil prodotti bħal dawn.

    (9)

    Kwalunkwe perjodu ta’ konċessjoni mogħti minn Stat Membru għar-rimi, il-ħażna, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-ħażniet eżistenti ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-chlorate għandu jkun limitat għal 12-il xahar biex jippermetti li l-ħażniet eżistenti jkunu użati fi staġun wieħed ieħor ta’ tkabbir, li jiżgura li l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-chlorate jistgħu jibqgħu disponibbli 18-il xahar mill-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    (10)

    Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-chlorate skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 33/2008 tas-17 ta’ Jannar 2008 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE fir-rigward ta’ proċedura regolari u aċċellerata għall-valutazzjoni ta’ sustanzi attivi li kienu jagħmlu parti mill-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 8(2) ta’ dik id-Direttiva iżda li ma ġewx inklużi fl-Anness I (4) tagħha, bil-ħsieb ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I tagħha.

    (11)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-chlorate ma għandux jiġi inkluż bħala sustanza attiva fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

    (a)

    l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-chlorate jkunu rtirati sal-10 ta’ Mejju 2009;

    (b)

    l-ebda awtorizzazzjoni għal prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li fihom il-chlorate mhi se tingħata jew tiġġedded mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Kull perjodu ta’ żmien mogħti mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u għandu jiskadi mhux aktar tard mill-10 ta’ Mejju 2010.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, 10 ta’ Novembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Androulla VASSILIOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

    (2)  ĠU L 55, 29.2.2000, p. 25.

    (3)  ĠU L 224, 21.8.2002, p. 23.

    (4)  ĠU L 15, 18.1.2008, p. 5.


    Top