Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008D0318

    2008/318/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill tas- 7 ta' April 2008 li tawtorizza lill-Italja sabiex tapplika, fiż-żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użat għal finijiet ta’ tisħin skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    ĠU L 109, 19.4.2008, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2012

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2008/318/oj

    19.4.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 109/27


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tas-7 ta' April 2008

    li tawtorizza lill-Italja sabiex tapplika, fiż-żoni ġeografiċi determinati, rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użat għal finijiet ta’ tisħin skond l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE

    (It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

    (2008/318/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Permezz ta' l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2003/96/KE, li jinqara flimkien ma’ l-Anness II għal dik id-Direttiva, l-Italja kienet awtorizzata biex tapplika f’ċerti “żoni li huma partikolarment żvantaġġati” rati mnaqqsa tat-taxxa tas-sisa fuq il-fjuwil domestiku u l-LPG użati għat-tisħin. Id-deroga kienet applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2006.

    (2)

    B’ittra datata s-17 ta’ Ottubru 2006, l-awtoritajiet Taljani talbu l-awtorizzazzjoni, taħt l-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, biex japplikaw, fi ħdan l-istess żoni ġeografiċi, rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użati għat-tisħin. L-Italja tixtieq tkompli, wara l-31 ta’ Diċembru 2006, il-prattika nazzjonali tagħha li timxi mad-deroga msemmija hawn fuq. Din l-awtorizzazzjoni hija mitluba għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    (3)

    L-Italja għandha territorju li jvarja ħafna b'kundizzjonijiet klimatiċi u ġeografiċi varjabbli. Fl-1999, l-Italja għolliet il-livell ġenerali tat-taxxi tas-sisa bħala parti minn riforma tas-sistema tat-taxxa tagħha. Billi jitqiesu l-partikolaritajiet tat-territorju tagħha, fl-istess ħin, l-Italja introduċiet rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-gażolju u l-LPG bil-ħsieb li ttaffi ftit l-ispejjeż għoljin iż-żejjed tat-tisħin li jkollhom iħallsu r-residenti ta’ ċerti żoni ġeografiċi.

    (4)

    Id-differenzjazzjoni tat-taxxa għandha l-għan li tqiegħed il-popolazzjoni ta’ żoni eliġibbli fuq livell li jista’ jitqabbel mal-bqija tal-popolazzjoni Taljana permezz tat-tnaqqis ta’ spejjeż ta’ tisħin li huma għoljin iż-żejjed. Għall-finijiet ta’ l-identifikazzjoni taż-żoni eliġibbli, l-Italja qed tiffoka fuq il-kriterji oġġettivi, li jittrattaw il-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona kkonċernata kif ukoll l-aċċess għan-netwerk tal-gass naturali. Dan il-kriterju ta’ l-aħħar jirrifletti l-għażla bejn il-fjuwils disponibbli għall-popolazzjoni taż-żona konċernata.

    (5)

    Għalhekk, it-tnaqqis tat-taxxa huwa applikabbli f’żoni ġeografiċi (komuni) li jissodisfaw il-kriterji alternattivi li ġejjin: (i) komuni li jaqgħu fiż-żona klimatika F kif definit fid-digriet Presidenzjali Nru 412 ta’ l-1993 (2), jiġifieri komuni b’iktar minn 3 000“gradi tal-ġurnata”, (ii) komuni li jaqgħu fiż-żona E kif definit fid-digriet Presidenzjali Nru 412 ta’ l-1993, jiġifieri l-komuni b’2 100 sa 3 000“gradi tal-ġurnata” (3); u (iii) Sardinja u gżejjer żgħar (il-gżejjer Taljani kollha ħlief Sqallija). Peress li sa ċertu punt l-iżvilupp tan-netwerk tal-gass naturali se jnaqqas l-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin, u b’mod partikolari se jtejjeb il-varjetà ta’ għażliet bejn il-fjuwils disponibbli għall-konsumaturi, it-tnaqqis mhux se japplika iktar fil-komuni li jaqgħu taħt it-tieni u t-tielet żoni msemmija hekk kif jintemm dan l-iżvilupp fil-komun ikkonċernat.

    (6)

    Il-karatteristika komuni tal-komuni kkonċernati hija l-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin meta mqabbla mal-bqija ta’ l-Italja. Fiż-żoni klimatiċi E u F, it-tnaqqis tat-taxxa huwa ekwivalenti għal medja ta’ 11–12 % tal-prezz tal-gażolju u l-LPG użati għat-tisħin. Il-medja ta’ l-ispejjeż tat-tisħin huma, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi, 90 % ogħla mill-medja nazzjonali fiż-żona E u 170 % ogħla mill-medja nazzjonali fiż-żona klimatika F. L-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin fil-gżejjer, meta mqabbla ma dawk fl-Italja kontinentali, jirriżultaw mill-partikolaritajiet ġeografiċi tagħhom, forniment limitat tal-fjuwil u spejjeż addizzjonali tat-trasport u konsegwentement mill-prezzijiet ogħla tal-fjuwil kif mqabbla ma’ l-Italja kontinentali.

    (7)

    F’kull każ, it-tnaqqis tat-taxxa jibqa’ inqas mill-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin li jkollha tħallas il-popolazzjoni kkonċernata, sabiex ma jkun hemm l-ebda każ ta' kumpens żejjed f'din il-kwistjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet Taljani ddikjaraw li t-tnaqqis tat-taxxa ma jaqbiżx l-ammont ta’ l-ispejjeż żejda taż-żoni E u F dovuti għall-klima aktar kiesħa. Barra minn hekk, d’dak li għandu x’jaqsam mal-gżejjer, l-awtoritajiet iddikjaraw li t-tnaqqis tat-taxxa ma jirriżultax fi tnaqqis tal-prezz tal-fjuwils ikkonċernati li jwassal għal prezz inqas minn dak ta’ l-istess fjuwil fl-Italja kontinentali.

    (8)

    Ir-rata mnaqqsa tat-taxxa kemm għall-gażolju kif ukoll għal-LPG tibqa’ ogħla mill-livelli Komunitarji minimi tat-taxxa stabbiliti fid-Direttiva 2003/96/KE.

    (9)

    Il-miżura kkonċernata tapplika biss għat-tisħin ta’ kmamar (kemm għal individwi privati kif ukoll għal negozji); ma tapplikax għal forom oħra ta’ użu kummerċjali ta' dawn il-prodotti.

    (10)

    Instab li l-miżura ma xxekkilx il-kompetizzjoni u ma ttellifx l-operazzjoni tas-suq intern u ma titqiesx inkompatibbli mal-politika Komunitarja dwar l-ambjent, l-enerġija u t-trasport.

    (11)

    Għalhekk, l-Italja għandha tkun awtorizzata, skond l-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, biex tapplika rata mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użati għat-tisħin f’ċerti żoni ġeografiċi karaterizzati bil-livell għoli ta’ spejjeż tat-tisħin, kif indikat fl-anness għal din id-deċiżjoni, u dan għandu jkun applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    (12)

    Għandu jkun żgurat li l-Italja tkun tista’ tapplika, bla ebda xkiel, it-tnaqqis speċifiku msemmi f’din il-proposta segwitu tas-sitwazzjoni eżistenti qabel l-1 ta’ Jannar 2007, taħt l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/96/KE, li għandu jinqara flimkien ma’ l-Anness II tagħha. L-awtorizzazzjoni mitluba għandha għalhekk tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B’hekk l-Italja hija awtorizzata tapplika rati mnaqqsa ta’ taxxa fuq il-gażolju u l-LPG użati fit-tisħin tal-kmamar f’ċerti żoni ġeografiċi karatterizzati mil-livell għoli ta’ l-ispejjeż tat-tisħin, kif spjegat fl-Anness.

    Sabiex jiġi evitat kwalunkwe kumpens żejjed, it-tnaqqis m’għandhux ikun iktar mill-ispejjeż addizzjonali tat-tisħin taż-żoni kkonċernati.

    Ir-rata mnaqqsa għandha tkun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, u b’mod partikolari l-livelli minimi ta’ taxxa stabbiliti fl-Artikolu 9 tagħha.

    Artikolu 2

    Il-konsum f’komuni fiż-żoni msemmija fil-punt 2 jew 3 ta' l-Anness għandu jkun eliġibbli biss sakemm il-komun ikkonċernat ma jkollux netwerk tal-gass naturali.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2012.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' l-Italja.

    Magħmula fil-Lussemburgu, 7 ta’ April 2008.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. ŽERJAV


    (1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 2004/75/KE (ĠU L 157, 30.4.2004, p. 100).

    (2)  Dan id-digriet jaqsam it-territorju Taljan f’sitt żoni klimatiċi (minn A sa F). Il-klassifikazzjoni hija bbażata fuq l-unità ta’ kejl ta’ “gradi tal-ġurnata” li tirrappreżenta t-total tat-temperaturi medji ta’ kuljum matul il-perjodu konvenzjonali ta’ tisħin li jvarjaw mit-temperatura ottima ta’ 20 °C. Iktar ma jkun għoli n-numru li jingħata lil komun, iktar tkun baxxa l-medja tat-temperatura barra matul il-perjodu ta’ tisħin.

    (3)  Iż-żoni klimatiċi li jifdal huma definiti f’termini ta’ “gradi tal-ġurnata” kif ġej: Żona A (inqas minn 600), Żona B (iktar minn 600, iżda mhux iktar minn 900), Żona Ċ (iktar minn 900, iżda mhux iktar minn 1 400) u Żona D (iktar minn 1 400, iżda mhux aktar minn 2 100).


    ANNESS

    Iż-żoni ġeografiċi konċernati minn din id-Deċiżjoni

    komuni li jaqgħu fiż-żona klimatika F kif stabbilit bid-Digriet Presidenzjali tas-26 ta’ Awwissu 1993 Nru 412,

    komuni li jaqgħu fiż-żona klimatika E kif stabbilit bid-Digriet Presidenzjali tas-26 ta’ Awwissu 1993 Nru 412,

    komuni fi Sardinja u fi gżejjer żgħar (il-gżejjer Taljani kollha, ħlief Sqallija).


    Top