Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0290

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 290/2007 tas- 16 ta' Marzu 2007 li jistabbilixxi, għas-sena tas-suq 2007/2008, il-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006

    ĠU L 78, 17.3.2007, p. 20–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 56M, 29.2.2008, p. 130–133 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2008: This act has been changed. Current consolidated version: 30/10/2007

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/290/oj

    29.2.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    130


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 290/2007

    tas-16 ta' Marzu 2007

    li jistabbilixxi, għas-sena tas-suq 2007/2008, il-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 ta' l-20 ta' Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(3), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 40(2)(d)(v) u l-Artikolu 42 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 jipprevedi li perċentwal, komuni għall-Istati Membri kollha, ta' zokkor u isoglukożju jista' jiġi rtirat mis-suq sabiex jinżamm il-bilanċ strutturali tas-suq f'livell ta' prezz qrib dak ta' referenza.

    (2)

    Il-bilanċ imbassar għas-sena tas-suq 2007/2008 juri eċċess fil-provvisti fis-suq Komunitarju, partikolarment minħabba l-fatt li l-abbandun tal-kwoti skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 320/2006 ta' l-20 ta' Frar 2006 li jistabbilixxi sistema temporanja għar-ristrutturar ta' l-industrija taz-zokkor fil-Komunità u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1290/2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (2), kienu anqas mit-tbassir. Dan l-eċċess, li jista' jammonta għal madwar erba' miljun tunnellata zokkor u isoglukożju, aktarx li jikkawża tnaqqis sinifikanti tal-prezzijiet fis-suq Komunitarju matul is-sena tas-suq 2007/2008.

    (3)

    Għalhekk, biex jinżamm bilanċ strutturali tas-suq jeħtieġ li jiġi stabbilit perċentwal ta' l-irtirar fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.

    (4)

    Madankollu, l-applikazzjoni ta' l-irtirar previst mill-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 ma tinċentivax il-produtturi biex inaqqsu l-produzzjoni tagħhom, billi l-perċentwal ta' l-irtirar huwa applikat b'mod lineari għall-kwantitajiet kollha prodotti fil-kwota, mingħajr ma jitqiesu sforzi eventwali minn ċerti impriżi biex jadattaw il-produzzjoni. L-istrument ta' l-irtirar jista' għaldaqstant jitqies insuffiċjenti billi ma jħallix li jkun prevenut il-ħolqien ta' eċċess fis-suq. Fil-fatt, l-Artikolu 19 ma jimpedix il-produzzjoni żejda iżda jippermetti sempliċement l-irtirar taz-zokkor diġà prodott. Dan iwassal għal spejjeż li jistgħu jkunu evitati jekk il-produzzjoni żejda tkun impedita f'fażi preċedenti.

    (5)

    Bil-għan li jitjieb l-istrument ta' l-irtirar billi jinħoloq inċentiv għall-produtturi biex inaqqsu l-produzzjoni tagħhom, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi lill-Kunsill emenda għar-Regolament (KE) Nru 318/2006 li tintroduċi limitu, safejn il-kwantitajiet prodotti fil-kwota minn kull impriża ma jkunux irtirati. Fi kliem ieħor, l-impriżi li jipproduċu inqas mil-limitu jkunu eżentati mill-obbligu ta' rtirar, billi jikkontribwixxu inqas għall-eċċess. B'hekk, l-impriżi jkunu jistgħu jadattaw il-produzzjoni tagħhom u jkunu jistgħu b'mod partikolari jiddeċidu li jipproduċu jew le iżjed mil-limitu.

    (6)

    Biex il-limitu għall-applikazzjoni tal-perċentwal ta' l-irtirar ikollu effett reali fuq il-produzzjoni, jeħtieġ li jkun limitat l-ambitu ta' l-obbligu previst mill-Artikolu 6(5) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 bil-għan li jkun evitat li l-impriżi li jipproduċu z-zokkor ikollhom jħallsu l-prezz minimu għal kwantitajiet ta' pitravi korrispondenti mat-totalità tal-kwota tagħhom, inkluż il-kwantitajiet li għalihom għadhom ma ġewx konklużi l-kuntratti ta' konsenja.

    (7)

    Minkejja dan, mhuwiex possibbli li l-istrument ta' l-irtirar ikun aġġustat fil-ħin biex ikollu effett preventiv fuq il-produzzjoni tas-sena tas-suq 2007/2008. Billi t-tbassir qed juri eċċess partikolarment imdaqqas għal din is-sena tas-suq minħabba l-funzjonament batut ta' l-istrument għar-ristrutturar ta' l-industrija taz-zokkor, jitqies neċessarju r-rikors għall-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 biex tiddaħħal urġentement miżura preventiva li tikkonsisti fl-introduzzjoni ta' limitu għall-applikazzjoni tal-perċentwal ta' l-irtirar. Jeħtieġ li dan il-limitu jiġi stabbilit f'livell li jkun possibbli li tkun impedita l-produzzjoni ta' kwantità sinifikanti ta' zokkor, meta mqabbla ma' dik li inkella kienet tkun irtirata skond l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006.

    (8)

    Fl-istess kuntest, ikun jeħtieġ li jitqies il-fatt li l-limitazzjonijiet marbuta mal-miżura preventiva jistgħu jkollhom konsegwenzi ekonomiċi serji għall-impriżi fl-Istati Membri li għamlu sforzi partikolari fil-qafas tas-sistema ta' ristrutturar stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 320/2006. Effett bħal dan imur kontra l-għan proprju ta' din is-sistema u ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor, li l-għan tagħha hu li tiggarantixxi l-vijabilità u l-kompetittività ta' dan is-settur. Għalhekk, jeħtieġ li tkun prevista eżenzjoni mill-applikazzjoni tal-perċentwal ta' l-irtirar preventiv għall-Istati Membri fi proporzjon mal-perċentwal tal-kwota nazzjonali li ġie rrinunzjat fil-qafas tas-sistema tar-ristrutturar imsemmija hawn fuq.

    (9)

    Biex tkun totalment effikaċi, il-miżura għandha tiġi adottata qabel ma l-perjodu li fih jinżergħu l-pitravi jidħol ġmielu, biex b'hekk il-produtturi u l-manufatturi jkunu jistgħu jippjanaw u jiġġestixxu fl-aqwa kundizzjonijiet il-produzzjoni tagħhom għas-sena tas-suq 2007/2008.

    (10)

    Madankollu, sabiex jitqiesu l-inċertezzi tat-tbassir l-aktar dawk dwar il-produzzjoni, jeħtieġ li jsir provvediment biex il-perċentwal ta' l-irtirar jista' jiġi aġġustat, jekk dan ikun meħtieġ, ladarba d-dejta dwar iċ-ċifri finali tas-sena tas-suq 2007/2008 tkun aktar preċiża. Jekk il-perċentwal aġġustat ikun ogħla minn dak inizjalment stabbilit minn dan ir-Regolament, id-differenza għandha tiġi applikata għall-produzzjoni kollha fil-kwota, billi l-għan tal-miżura f'din il-fażi ma għadux dak li jinkiseb effett preventiv iżda li s-suq ikun ġestit fir-rigward ta' eċċess li rriżulta effettivament.

    (11)

    Bil-għan li tiġi ffaċilitata l-provvista ta' zokkor u/jew isoglukożju għall-manifattura tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, jeħtieġ li l-kwantitajiet irtirati jitqiesu bħala eċċess ta' zokkor jew isoglukożju għas-sena tas-suq 2007/2008 li jistgħu jinbidlu f'zokkor jew isoglukożju industrijali.

    (12)

    Skond l-Artikolu 19(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, il-bżonnijiet tradizzjonali tal-provvista ta' zokkor abjad għas-settur tar-raffinar għandhom jitnaqqsu bl-istess perċentwal stabbilit għall-irtirar. F'każ li jiġi stabbilit perċentwal ta' l-irtirar differenti, it-tnaqqis tal-bżonnijiet tradizzjonali tal-provvista għandu jkun aġġustat ukoll.

    (13)

    Il-Kumitat ta' Ġestjoni taz-zokkor ma ħariġx opinjoni fiż-żmien stipulat mill-president tiegħu.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1.   Għas-sena tas-suq 2007/2008, il-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 għandu jkun ta' 13,5 %.

    2.   B'deroga mill-paragrafu 1:

    (a)

    il-perċentwal imsemmi fil-paragrafu ta' hawn fuq ma japplikax għall-impriżi bi produzzjoni anqas minn 86,5 % tal-kwota tagħhom għas-sena tas-suq 2007/2008,

    (b)

    għall-imprizi li, għas-sena tas-suq 2007/2008, jipproduċu kwantità daqs jew ogħla minn 86,5 % tal-kwota tagħhom, il-kwantitajiet prodotti 'l fuq mil-limitu tat-86,5 % huma rtirati,

    (c)

    Il-perċentwal fil-paragrafu 1 ma japplikax għall-kwantitajiet prodotti fl-Istati Membri li l-kwota nazzjonali ta' zokkor tagħhom ġiet irrinunzjata għal talanqas 50 % mill-1 ta' Lulju 2006, bħala konsegwenza tar-rinunzja għall-kwoti skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006.

    Għall-Istati Membri li l-kwota nazzjonali tagħhom ġiet irrinunzjata għal talanqas 50 % mill-1 ta' Lulju 2006, bħala konsegwenza tar-rinunzja għall-kwoti skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 320/2006, il-perċentwal ta' l-irtirar previst mill-ewwel paragrafu jitnaqqas bi proporzjon mal-kwoti rrinunzjati.

    Il-perċentwal li japplika skond dan il-punt huwa stabbilit fl-Anness.

    3.   Il-perċentwal imsemmi fil-paragrafu 1 jista' jiġi aġġustat sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2007. F'każ li t-tieni perċentwal ikun ogħla mill-ewwel wieħed, id-differenza għandha tiġi applikata għall-produzzjoni kollha fil-kwota.

    4.   Il-kwantitajiet irtirati skond il-paragrafu 2(b) u l-paragrafu 3 jitqiesu bħala eċċess ta' zokkor jew isoglukożju tas-sena tas-suq 2007/2008, li jistgħu jinbidlu f'zokkor jew isoglukożju industrijali.

    5.   L-obbligu msemmi fl-Artikolu 6(5) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 għall-ħlas ta' talanqas il-prezz minumu japplika biss għall-kwantitajiet ta' pitravi prodotti fil-kwota wara l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

    Artikolu 2

    1.   Għas-sena tas-suq 2007/2008, il-bżonnijiet tradizzjonali tal-provvista ta' zokkor għas-settur tar-raffinar imsemmija fl-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, għandhom jammontaw għal massimu ta' 2 110 371 tunnellata li jitqassmu hekk:

    (a)

    171 917 tunnellata għall-Bulgarija;

    (b)

    256 582 tunnellata għal Franza;

    (c)

    43 250 tunnellata għall-Italja;

    (d)

    308 488 tunnellata għall-Portugall;

    (e)

    285 135 tunnellata għar-Rumanija;

    (f)

    16 941 tunnellata għas-Slovenja;

    (g)

    51 835 tunnellata għall-Finlandja;

    (h)

    976 223 tunnellata għar-Renju Unit.

    2.   L-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 huwa aġġustat f'każ ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 1(3).

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 16 ta' Marzu 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2011/2006 (ĠU L 384, 29.12.2006, p. 1).

    (2)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 42.


    ANNESS

    Perċentwal ta' l-irtirar stabbilit skond l-Artikolu 1(2)(c)

    Stat Membru

    Perċentwal ta' l-irtirar

    Ir-Repubblika Ċeka

    7,29

    Il-Greċja

    0

    Spanja

    10,53

    L-Italja

    0

    L-Ungerija

    6,21

    Il-Portugall (kontinentali)

    0

    Is-Slovakkja

    4,32

    Il-Finlandja

    3,24

    L-Iżvezja

    10,26


    Top