Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007E0733

Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/733/PESK tat- 13 ta’ Novembru 2007 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN)

ĠU L 295, 14.11.2007, p. 31–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/05/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2007/733/oj

14.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 295/31


AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/733/PESK

tat-13 ta’ Novembru 2007

li temenda l-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta' Mejju 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (1).

(2)

Fit-18 ta' Ġunju 2007, il-Kunsill approva Linji gwida għall-Istruttura ta' Kmand u Kontroll għall-Operazzjonijiet Ċivili ta' l-UE fil-Maniġġar ta' Kriżijiet; dawn il-Linji gwida notevolment jipprevjenu li Kmandant ta' Operazzjoni Ċivili ser jeżerċita kmand u kontroll fil-livell strateġiku għall-ippjanar u t-tmexxija ta' l-operazzjonijiet kollha tal-maniġġar ta' kriżijiet ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u l-awtorità ġenerali tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli għall-PESK (SĠ/RGħ); dawn il-Linji gwida jipprevjenu ulterjorment li d-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta' l-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) stabbilita fis-Segretarjat tal-Kunsill, ser ikun il-Kmandant ta' l-Operazzjonijiet Ċivili, għal kull operazzjoni ċivili tal-maniġġar ta' kriżijiet.

(3)

L-Istruttura ta' Kmand u Kontroll imsemmija haw fuq għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-responsabbilitajiet kontrattwali tal-Kap tal-Missjoni lejn il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni.

(4)

Il-Kapaċità ta' l-Għassa (Watch-Keeping Capability) fis-Segretarjat tal-Kunsill għandha tiġi attivata għal din il-Missjoni.

(5)

L-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK għandha tiġi emendata kif meħtieġ;

ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

Artikolu 1

L-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK hija b'dan emendata kif ġej:

1)

Il-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 5 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Barra minn hekk, għadd ta' membri tal-persunal tal-Missjoni sejrin ikunu skjerati sabiex tittejjeb il-koordinazzjoni strateġika tar-riforma tal-pulizija fl-Afganistan, skond il-każ, u partikolarment mas-Segretarjat tal-Bord Internazzjonali għall-Koordinazzjoni tal-Pulizija f'Kabul. Is-sit tas-Segretarjat IPCB għandu jkun, kif ikun xieraq, fil-KĠ ta' l-EUPOL AFGHANISTAN.”

2)

Għandu jiddaħħal Artikolu ġdid:

“Artikolu 5a

Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili

1.   Id-Direttur tal-Kapaċità Ċivili ta' l-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) għandu jkun il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għall-EUPOL AFGHANISTAN.

2.   Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGĦ, għandu jeżerċita kmand u kontroll ta' l-EUPOL AFGHANISTAN fil-livell strateġiku.

3.   Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jiżgura implimentazzjoni xierqa u effettiva tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-KPS, inkluż bil-ħruġ ta' istruzzjonijiet fuq livell strateġiku kif meħtieġ lill-Kap tal-Missjoni.

4.   Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ ta' l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istat mittenti jew ta' l-istituzzjoni ta' l-UE. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-Kontroll Operattiv (OPCON) tal-persunal, it-timijiet u l-unitajiet tagħhom lill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.

5.   Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu r-responsabbiltà ġenerali biex jiżgura li d-dmir ta' diliġenza ta' l-UE jiġi attwat b'mod xieraq.

6.   Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili u r-RSUE għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.”

3)

Il-paragrafi 2. sa 8. ta' l-Artikolu 6 għandhom jigu sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-missjoni f'livell ta' teatru.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq il-persunal, it-timijiet u l-unitajiet minn Stati kontribwenti kif inkarigat mill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili flimkien mar-responsabbiltà amministrattiva u loġistika inkluż fuq l-assi, r-riżorsi u l-informazzjoni li qegħdin għad-dispożizzjoni tal-missjoni.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-persunal kollu tal-missjoni, inkluż f'dan il-każ l-element ta' appoġġ fi Brussell, għat-twettiq effettiv ta' l-EUPOL AFGHANISTAN f'teatru, jassumi l-koordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta' kuljum tagħha, billi jimxi fuq l-istruzzjonijiet fuq livell strateġiku tal-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Missjoni. Għal dan il-għan, il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mall-Kummissjoni.

6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal. Għall-persunal sekondat, l-azzjoni dixxiplinarja għandha tiġi eżerċitata mill-awtorità nazzjonali jew ta' l-UE konċernata.

7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrappreżenta l-EUPOL AFGHANISTAN fiż-żona ta' l-operazzjonijiet u għandu jiżgura l-viżibbiltà adegwata tal-Missjoni.

8.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkoordina, kif xieraq, ma' atturi ta' l-UE oħrajn fl-art. Mingħajr preġudizzju għall-linja ta' kmand, il-Kap tal-Missjoni għandu jirċievi gwida politika lokali mir-RSUE.

9.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiżgura li l-EUPOL AFGHANISTAN jaħdem mill-qrib u jikkoordina mal-Gvern ta' l-Afganistan u ma' l-atturi internazzjonali rilevanti, kif xieraq, inklużi n-NATO/ISAF, il-Pajjiżi Ewlenin tal-PRT, l-UNAMA, u l-Istati Terzi attwalment involuti fir-riforma tal-pulizija fl-Afganistan.”

4)

Il-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 7 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“5.   Il-persunal kollu għandu jwettaq id-dover tiegħu u jaġixxi fl-interess tal-Missjoni. Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta r-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. (*).

(*)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24).”"

5)

l-Artikolu 9 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 9

Linja ta' Kmand

1.   L-EUPOL AFGHANISTAN għandu jkollha linja ta' kmand unifikata, bħala operazzjoni ta' maniġġar tal-kriżijiet.

2.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika ta' l-EUPOL AFGHANISTAN.

3.   Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili, taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-KPS u l-awtorità ġenerali tas-SĠ/RGħ, huwa l-kmandant ta' l-operazzjoni ċivili tal-PESD f'livell strateġiku u, għaldaqstant, għandu joħroġ istruzzjonijiet lill-Kap tal-Missjoni u jipprovdilu konsulenza u appoġġ tekniku.

4.   Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jirrapporta lill-Kunsill permezz tas-SĠ/RGħ.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita kmand u kontroll fuq l-EUPOL AFGANISTAN f'livell ta' teatru u għandu jkun direttament responsabbli lejn il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili.”

6)

l-Artikolu 10 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 10

Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

1.   Il-KPS għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti għal dan il-għan b'mod konformi ma' l-Artikolu 25 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat ta' l-emendament ta' l-OPLAN. Għandha tinkludi wkoll is-setgħat li sussegwentement jieħu deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-objettivi u t-tmiem tal-Missjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.

2.   Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

3.   Il-KPS għandu jirċievi fuq bażi regolari u kif meħtieġ rapporti mill-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili u l-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta' responsabbiltà tagħhom.”

7)

l-Artikolu 11 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Sigurtà

1.   Il-Kmandant ta' l-Operazzjoni Ċivili għandu jidderieġi l-ippjanar tal-miżuri ta' sigurtà tal-Kap tal-Missjoni u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa u effettiva tagħhom għall-EUPOL AFGHANISTAN skond l-Artikoli 5a u 9, f'koordinazzjoni ma' l-Uffiċċju ta' Sigurtà tal-Kunsill.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli mis-sigurtà ta' l-operazzjoni u biex jiżgura konformità mal-ħtiġiet minimi ta' sigurtà applikabbli għall-operazzjoni, skond il-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-UE f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-dokumenti ta' sostenn tiegħu.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun assistit minn Uffiċjal Anzjan għas-Sigurtà tal-Missjoni (SMSO), li ser jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni u jżomm ukoll relazzjoni funzjonali mill-qrib ma' l-Uffiċċju tas-Sigurtà tal-Kunsill.

4.   Il-Kap tal-Missjoni ser jaħtar Uffiċjali tas-Sigurtà Distrettwali fil-postijiet provinċjali u reġjonali tal-missjoni, li, taħt l-awtorità ta' l-SMSO, sejrin ikunu responsabbli mill-amministrazzjoni ta' kuljum ta' l-aspetti kollha ta' sigurtà ta' l-elementi rispettivi tal-Missjoni.

5.   Il-persunal ta' l-EUPOL AFGHANISTAN għandu jagħmel taħriġ obbligatroju ta' sigurtà qabel id-dħul tiegħu fil-funzjoni, f'konformità ma' l-OPLAN. Għandu jingħatalu taħriġ regolari ta' aġġornament fuq il-post organizzat mill-SMSO”.

8)

Għandu jiddaħħal Artikolu ġdid wara l-Artikolu 15:

“Artikolu 15a

Għassa

Il-Kapaċità ta' l-Għassa għandha tiġi attivata għall-EUPOL AFGHANISTAN.”

Artikolu 2

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 13 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F. TEIXEIRA DOS SANTOS


(1)  ĠU L 139, 31.5.2007, p. 33.


Top