This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32007E0112
Council Joint Action 2007/112/CFSP of 15 February 2007 appointing the European Union Special Representative for the African Great Lakes Region
2007/112/PESK: Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/112/PESK tal- 15 ta' Frar 2007 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar
2007/112/PESK: Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2007/112/PESK tal- 15 ta' Frar 2007 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar
ĠU L 46, 16.2.2007, p. 79–82
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 4M, 8.1.2008, p. 101–104
(MT)
No longer in force, Date of end of validity: 29/02/2008
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Validity extended by | 32009E0128 | 28/02/2010 |
8.1.2008 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
101 |
AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2007/112/PESK
tal-15 ta' Frar 2007
li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar
IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari, l-Artikoli 14, 18(5) u 23(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fl-20 ta' Frar 2006, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/122/PESK li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea għar-Reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar sat-28 ta' Frar 2007 (1). |
(2) |
Fis-7 ta' Ġunju 2006, il-Kunsill approva l-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni Ewropea f'kapaċità operattiva taħt it-Titlu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. |
(3) |
Abbażi ta' reviżjoni ta' l-Azzjoni Konġunta 2006/122/PESK, il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għandu jiġi emendat u estiż għal perijodu ta' 12-il xahar. |
(4) |
Is-Sur Aldo Ajello informa lis-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) bl-intenzjoni tiegħu li jirreżenja fl-aħħar ta' Frar 2007. Għandu għalhekk jinħatar RSUE ġdid mill-1 ta' Marzu 2007. |
(5) |
Fil-31 ta' Jannar 2007, is-SĠ/RGħ irrakkomanda li s-Sur Roeland VAN DE GEER jiġi maħtur bħala r-RSUE l-ġdid għar-Reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar. |
(6) |
Ir-RSUE ser jimplementa l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' tagħmel ħsara lill-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:
Artikolu 1
Ħatra
Is-Sur Roeland VAN DE GEER huwa b'dan maħtur Rappreżentant Speċjali ta' l-Unjoni Ewropea (RSUE) għar-Reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar mill-1 ta' Marzu 2007 sad-29 ta' Frar 2008.
Artikolu 2
Objettivi ta' politika
Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi tal-politika ta' l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' l-istabbilizzazzjoni u l-konsolidazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni ta' wara l-kunflitt fir-Reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar b'attenzjoni partikolari mogħtija lid-dimensjoni reġjonali ta' l-iżviluppi fil-pajjiżi kkonċernati. Filwaqt li jippromwovu, b'mod partikolari, il-konformità man-normi bażiċi ta' demokrazija u tmexxija tajba, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat ta' dritt, dawn l-objettivi jinkludu:
(a) |
il-kontribut attiv u effettiv għal politika konsistenti, sostenibbli u responsabbli ta' l-Unjoni Ewropea fir-Reġjun Afrikan tal-Lagi Kbar, bil-promozzjoni ta' approċċ ġenerali koerenti ta' l-Unjoni Ewropea fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jappoġġa l-ħidma tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli (SĠ/RGħ) fir-reġjun; |
(b) |
l-iżgurar ta' impenn kontinwu ta' l-Unjoni Ewropea għall-proċessi ta' stabbilizzazzjoni u ta' rikostruzzjoni fir-reġjun, permezz ta' preżenza attiva fuq il-post u f'fora internazzjonali rilevanti, filwaqt li jinżamm kuntatt ma' atturi prinċipali u b'kontribuzzjoni għall-maniġġar ta' kriżijiet; |
(ċ) |
il-kontribut għall-fażi ta' wara t-transizzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari fir-rigward tal-proċess politiku tal-konsolidazzjoni ta' l-istituzzjonijiet il-ġodda u d-definizzjoni tal-qafas internazzjonali usa' għall-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni politiċi mal-gvern il-ġdid; |
(d) |
il-kontribut, f'kooperazzjoni mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti/MONUC, għall-isforzi internazzjonali ta' appoġġ biex tinkiseb Riforma komprensiva tas-Settur tas-Sigurtà fir-RDK, b'mod partikolari minħabba r-rwol ta' koordinazzjoni li l-Unjoni Ewropea hija lesta li tassumi f'dan il-kuntest; |
(e) |
il-kontribut għall-miżuri adatti ta' segwitu għall-Konferenza Internazzjonali tar-Reġjun tal-Lagi Kbar, b'mod partikolari permezz ta' l-istabbiliment ta' kuntatti mill-qrib mas-Segretarjat tal-Lagi Kbar u s-Segretarju Eżekuttiv tiegħu kif ukoll mat-Trojka tal-mekkaniżmu ta' segwitu u permezz tal-promozzjoni ta' relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien fir-reġjun; |
(f) |
l-indirizzar tal-problema li għadha konsiderevoli ta' gruppi armati li qed joperaw fuq il-fruntieri bir-riskju li jiddistabbilizzaw il-pajjiżi fir-reġjun u jaggravaw il-problemi interni tagħhom; |
(g) |
il-kontribut għall-istabbilizzazzjoni ta' wara l-kunflitt f'Buruni, ir-Rwanda u l-Uganda, b'mod partikolari billi n-negozjati għall-paċi jiġu akkumpanjat minn gruppi armati bħall-FNL u l-LRA. |
Artikolu 3
Mandat
Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
(a) |
jistabbilixxi u jżomm kuntatt mill-qrib mal-pajjiżi tar-Reġjun tal-Lagi Kbar, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Afrikana, pajjiżi Afrikani prinċipali u msieħba prinċipali tar-RDK u l-Unjoni Ewropea, kif ukoll ma' organizzazzjonijiet Afrikani reġjonali u sub-reġjonali, pajjiżi terzi rilevanti oħra u mexxejja reġjonali prinċipali oħra; |
(b) |
jipprovdi pariri u jirrapporta dwar il-possibbiltajiet biex l-Unjoni Ewropea tappoġġa l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u konsolidazzjoni u dwar kif l-inizjattivi ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jiġu mwettqa l-aħjar; |
(ċ) |
jiżgura koerenza bejn l-atturi tal-PESK/PESD u għal dan il-għan, jipprovdi pariri u assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà fir-RDK u, b'mod partikolari, jagħti gwida politika lokali lill-Kapijiet tal-Missjoni tal-Pulizija ta' l-Unjoni Ewropea (EUPOL Kinshasa) u tal-Missjoni ta' l-Unjoni Ewropea filwaqt li jipprovdi pariri u jassisti lill-awtoritajiet Kongoliżi fir-riforma tas-settur tas-sigurtà (EUSEC RD Kongo), sabiex iwettqu d-doveri tagħhom fil-livell lokali; |
(d) |
jikkontribwixxi għas-segwitu għall-Konferenza Internazzjonali tar-Reġjun tal-Lagi Kbar, b'mod partikolari billi jappoġġa l-linji politiċi definiti fir-reġjun li jippruvaw jilħqu l-objettivi ta' non-vjolenza u ta' difiża reċiproka fir-riżoluzzjoni ta' kunflitti kif ukoll, fir-rigward tal-kooperazzjoni reġjonali, bil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokratizzazzjoni, it-tmexxija tajba, il-ġlieda kontra l-impunità, il-kooperazzjoni ġudizzjarja, u l-ġlieda kontra l-isfruttament illegali ta' riżorsi naturali; |
(e) |
jikkontribwixxi għal komprensjoni aħjar tar-rwol ta' l-Unjoni Ewropea fost dawk fuq quddiem fil-ħolqien ta' l-opinjoni fir-reġjun; |
(f) |
jikkontribwixxi, meta jkun mitlub, għan-negozjati u l-implimentazzjoni ta' ftehim ta' paċi u ta' waqfien mill-ġlied bejn il-partijiet u jimpenja ruħu magħhom diplomatikament fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mat-termini ta' dawn il-ftehim; fil-kuntest tan-negozjati ta' l-LRA attwali, tali attivitajiet għandhom jiġu segwiti f'koordinazzjoni mill-qrib mar-RSUE għas-Sudan; |
(g) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem ta' l-Unjoni Ewropea u l-Linji Gwida ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Linji Gwida ta' l-Unjoni Ewropea dwar it-Tfal u l-Kunflitt Armat, u l-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1325 dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż permezz tal-monitoraġġ u r-rappurtar dwar l-iżviluppi f'dan ir-rigward. |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-implementazzjoni tal-mandat filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità u d-direzzjoni operattiva tas-SĠ/RGħ. L-EUSR għandu jagħti rendikont ta' kull infiq lill-Kummissjoni.
2. Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm rabta privileġġata mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u kontribut politiku lir-RSUE fil-qafas tal-mandat.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta' referenza finanzjarju maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE mill-1 ta' Marzu 2007 sad-29 ta' Frar 2008 għandu jkun ta' EUR 1 025 000.
2. In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament ma għandux jibqa' l-proprjetà tal-Komunità.
3. L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun suġġetta għal kuntrattat bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. In-nefqa għandha tkun eliġibbli mill-1 ta' Marzu 2007.
4. Il-Presidenza, il-Kummissjoni, u/jew l-Istati Membri, skond ma jkun il-każ, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.
Artikolu 6
Formazzjoni tal-grupp
1. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli biex jifforma l-grupp tiegħu f'konsultazzjoni mal-Presidenza, assistita mis-SĠ/RGħ, u f'assoċjazzjoni sħiħa mal-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jinforma lill-Presidenza u lill-Kummissjoni dwar il-kompożizzjoni finali tal-grupp tiegħu.
2. L-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Ir-remunerazzjoni ta' persunal li jiġi ssekondat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea lir-RSUE għandha tkun koperta mill-Istat Membru jew l-istituzzjoni ta' l-Unjoni Ewropea kkonċernati rispettivament.
3. Il-karigi kollha tat-tip A li mhumiex koperti b'issekondar għandhom jiġu pubbliċizzati kif xieraq mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u notifikati wkoll lill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea sabiex jiġu reklutati l-applikanti bl-aħjar kwalifiki.
4. Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għat-tlestija u għall-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu definiti mal-partijiet. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.
Artikolu 7
Sigurtà
1. Ir-RSUE u l-membri tal-grupp tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta' Marzu 2001 li tadotta r-regolament ta' sigurtà tal-Kunsill (2), b'mod partikolari fil-ġestjoni ta' informazzjoni klassifikata ta' l-Unjoni Ewropea.
2. Ir-RSUE għandu, skond il-politika ta' l-Unjoni Ewropea dwar is-sigurtà tal-persunal skjerat barra l-Unjoni Ewropea f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, skond il-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ġeografika taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tiegħu, b'mod partikolari billi:
(a) |
jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq il-gwida tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, li jkun jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregola l-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu ta' persunal lejn iż-żona tal-missjoni u ġo fiha, il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni tal-missjoni; |
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra l-Unjoni Ewropea jkun kopert b'assigurazzjoni għal riskju għoli skond ma jkun mitlub mill-kondizzjonijiet fiż-żona tal-missjoni; |
(ċ) |
jiżgura li l-membri kollha tal-grupp tiegħu li jkun se jiġu skjerati barra l-Unjoni Ewropea, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu irċevew taħriġ adatt ta' sigurtà qabel ma jasal fiż-żona tal-missjoni jew kif jasal, abbażi ta' klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati liż-żona tal-missjoni mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill; |
(d) |
jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftehma magħmula wara valutazzjonijiet regolari tas-sigurtà jkunu implimentati u jipprovdi lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' nofs it-term u ta' l-implimentazzjoni tal-mandat; |
(e) |
jiżgura, skond ma jkun meħtieġ u fi ħdan ir-responsabbiltajiet tiegħu bħala parti mill-katina ta' kmand, li jittieħed approċċ koerenti fir-rigward tas-sigurtà tal-persunal fl-elementi kollha ta' l-Unjoni Ewropea preżenti f'operazzjoni ta' maniġġar ta' kriżi jew f'operazzjonijiet fiż-żona ġeografika ta' responsabbiltà tiegħu. |
Artikolu 8
Rappurtar
Bħala regola, ir-RSUE għandu jirrapporta personalment lis-SĠ/RGħ u lill-KPS u jista' jirrapporta wkoll lill-grupp ta' ħidma rilevanti. Rapporti regolari bil-miktub għandhom jiġu ċċirkolati lis-SĠ/RGħ, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Fuq ir-rakkomandazzjoni tas-SĠ/RGħ u l-KPS, ir-RSUE jista' jirrapporta lill-Kunsill ta' l-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni.
Artikolu 9
Koordinazzjoni
Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fl-azzjoni esterna ta' l-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet tar-RSUE għandhom ikunu kkoordinati ma' dawk tas-SĠ/RGħ, tal-Presidenza u tal-Kummissjoni. L-EUSR għandu jipprovdi lill-missjonijiet ta' l-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni aġġornamenti regolari ta' informazzjoni. Fuq il-post, kollaborazzjoni mill-qrib għandha tinżamm mal-Presidenza, il-Kummissjoni u l-Kapijiet tal-Missjoni li għandhom jagħmlu mill-aħjar sabiex jgħinu lir-RSUE fl-implementazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu wkoll jikkollabora ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fil-kamp.
Artikolu 10
Reviżjoni
L-implementazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni Ewroepa lir-reġjun għandhom jiġu riveduti regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lis-SĠ/RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapport ta' progress qabel l-aħħar ta' Ġunju 2007 u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sa nofs Novembru 2007. Dawn ir-rapport għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni ta' din l-Azzjoni Konġunta fil-gruppi ta' ħidma rilevanti u mill-KPS. Fil-kuntest tal-prijoritajiet ġenerali għall-iskjerament, is-SĠ/RGħ għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-KPS fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid, l-emendament jew it-terminazzjoni tal-mandat.
Artikolu 11
Dħul fis-seħħ
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.
Artikolu 12
Pubblikazzjoni
Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, 15 ta' Frar 2007.
Għall-Kunsill
Il-President
W. SCHÄUBLE
(1) ĠU L 49, 21.2.2006, p. 17.
(2) ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Id-Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/952/KE (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 18).