Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0623

    Deċiżjoni Nru 623/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta' Mejju 2007 li temenda d-Direttiva 2002/2/KE li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE dwar iċ-ċirkolazzjoni ta' l-għalf kompost

    ĠU L 154, 14.6.2007, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2010; Impliċitament imħassar minn 32009R0767

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/623(1)/oj

    14.6.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 154/23


    DEĊIŻJONI Nru 623/2007/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-23 ta' Mejju 2007

    li temenda d-Direttiva 2002/2/KE li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE dwar iċ-ċirkolazzjoni ta' l-għalf kompost

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 152(4)(b) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal- Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2002/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE tat-2 ta' April 1979 dwar iċ-ċirkolazzjoni ta' għalf kompost (4). Dik id-dispożizzjoni żiedet punt fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 79/373/KEE li jeħtieġ li, il-manifatturi ta' l-għalf kompost għall-annimali jindikaw, fuq talba tal-konsumatur, il-kompożizzjoni eżatta ta' l-għalf.

    (2)

    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, fis-sentenza tagħha tas-6 ta' Diċembru 2005 fil-Każijiet Konġunti C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04 (5), iddikjarat l-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva 2002/2/KE invalidu, fid-dawl tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

    (3)

    L-Artikolu 233 tat-Trattat jeħtieġ li l-istituzzjonijiet li l-att tagħhom ġie ddikjarat null, jieħdu l-passi neċessarji sabiex jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

    (4)

    L-objettiv ta' l-assigurazzjoni tas-sikurezza ta' l-għalf jintlaħaq, inter alia, permezz ta' l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 (6) u (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

    (5)

    Numru ta' deċiżjonijiet ta' qrati fl-Istati Membri wasslu sabiex id-Direttiva 2002/2/KE tiġi implimentata b'mod differenti u mhux allinjat u hemm pendenti diversi każijiet relatati magħha quddiem il-qrati nazzjonali rispettivi.

    (6)

    Bħalissa, minħabba li l-Kummissjoni weghdet bħala parti minn programm ta' simplifikazzjoni, li tfassal proposti sa nofs l-2007 sabiex tmexxi 'l quddiem il-leġiżlazzjoni dwar l-għalf, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma ħejjew l-ebda emenda ta' importanza kbira għall-att legali bażiku. Qed jantiċipaw li l-kwistjoni ta' l-hekk imsejħa 'dikjarazzjoni miftuħa' ta' l-ingredjenti se tiġi riveduta b'mod sħiħ f'dan il-kuntest, u qed jistennew proposti ġodda mill-Kummissjoni li jqisu kemm l-interess tal-bdiewa sabiex jingħataw informazzjoni preċiża u dettaljata dwar il-materjali ta' l-għalf li jinsabu fl-għalf, kif ukoll l-interess ta' l-industrija li tiżgura li s-sigrieti tan-negożju jkunu mħarsa kif xieraq.

    (7)

    It-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 12 tad-Direttiva 79/373/KEE, li ddaħħal permezz ta' l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2002/2/KE, jimponi l-obbligu fuq il-manifatturi ta' għalf kompost li jagħmlu disponibbli lill-awtoritajiet responsabbli għat-twettiq ta' ispezzjonijiet uffiċjali, fuq talba, kwalunkwe dokument li jikkonċerna l-kompożizzjoni ta' l-għalf destinat sabiex jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni, li jippermetti l-verifika tal-preċiżjoni ta' l-informazzjoni mogħtija fuq it-tikketti.

    (8)

    Id-Direttiva 2002/2/KE għandha għalhekk tiġi emendata,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2002/2/KE hija b'dan emendata kif ġej:

    1.

    L-Artikolu 1(1)(b) għandu jitħassar.

    2.

    Fl-Artikolu 1(6), it-test ta' l-Artikolu 15a tad-Direttiva 79/373/KEE għandu jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 15a

    Sa mhux aktar tard mis-6 ta' Novembru 2006, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, abbażi ta' l-informazzjoni riċevuta mill-Istati Membri, dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri introdotti permezz ta' l-Artikolu 5(1)(j) u 5(d) u l-Artikolu 5ċ u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 12, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-indikazzjonijiet ta' kwantitajiet, fil-forma ta' perċentaġġ bil-piż, ta' materjali ta' l-għalf fuq it-tikketti ta' l-għalf kompost, inkluż it-tolleranza permessa, flimkien ma' kwalunkwe proposti maħsuba biex itejbu dawn il-miżuri.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni ser tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 23 ta' Mejju 2007.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    H.-G. PÖTTERING

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. GLOSER


    (1)  ĠU C 324, 30.12.2006, p. 34.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2006 (għadha mhijiex pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta' April 2007.

    (3)  Direttiva 2002/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 79/373/KEE dwar iċ-ċirkolazzjoni ta' l-għalf kompost (ĠU L 63, 6.3.2002, p. 23).

    (4)  ĠU L 86, 6.4.1979, p. 30. Direttiva kif emendata l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, 16.5.2003, p. 36).

    (5)  ABNA u Oħrajn, ECR [2005] I-10423.

    (6)  Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà ta' l-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1). Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 575/2006 (ĠU L 100, 8.4.2006, p. 3).

    (7)  Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet tekniċi għall-iġjene ta' l-għalf (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1).


    Top