Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0125

Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 12 ta' Frar 2007 li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità għall-Perijodu 2007-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali dwar is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet

ĠU L 58, 24.2.2007, pp. 7–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Imħassar b' 32014R0513

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/125(1)/oj

24.2.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

7


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Frar 2007

li tistabbilixxi l-Programm Speċifiku “Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità” għall-Perijodu 2007-2013 bħala parti mill-Programm Ġenerali dwar is-Sigurtà u s-Salvagwardja tal-Libertajiet

(2007/125/ĠAI)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 30, 31 u 34(2)(ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-għan ta' l-Unjoni li tipprovdi liċ-ċittadini b'livell għoli ta' sigurtà fiż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja għandu jintlaħaq, kif previst fir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 2, u fl-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, permezz tal-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-kriminalità, organizzata jew le.

(2)

Għall-protezzjoni tal-libertà u s-sigurtà taċ-ċittadini u s-soċjetà tagħna minn attivitajiet kriminali, l-Unjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tipprevjeni, tikxef, tinvestiga, u tipproċessa l-forom kollha ta' kriminalità b'mod effiċjenti u effettiv, b'mod partikolari ħafna f'każijiet b'element transkonfinali.

(3)

Bi tkomplija fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Tampere ta' Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew afferma mill-ġdid il-prijorità li tiġi żviluppata ż-żona ta' libertà, sigurtà u ġustizzja – u b'mod partikolari li jiġu protetti ċ-ċittadini minn diversi attivitajiet kriminali permezz tal-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-kriminalità – mill-Programm ta' l-Aja ta' Novembru 2004, id-dikjarazzjonijiet dwar it-terroriżmu ta' Settembru 2001 u ta' Marzu 2004 (2) u l-istrateġija Ewropea dwar id-Drogi f'Diċembru 2004.

(4)

Sabiex tkun provduta l-esperjenza fl-iżvilupp ta' diversi aspetti ta' prevenzjoni tal-kriminalità fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea u jiġu appoġġati attivitajiet għall-prevenzjoni tal-kriminalità fil-livell lokali u dak nazzjonali, in-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità kien stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/427/ĠAI tat-28 ta' Mejju 2001 (3).

(5)

Il-programm kwadru dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali (AGIS) stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/630/ĠAI tat-22 ta' Lulju 2002 (4), ikkontribwixxa b'mod konsiderevoli għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u aġenziji oħra ta' l-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura fl-Istati Membri u għat-titjib tal-ftehim u l-fiduċja reċiproċi bejn is-sistemi tal-pulizija, ġudizzjarji, legali u amministrattivi tagħhom.

(6)

Hu meħtieġ u jixraq li jiġu estiżi l-possibbiltajiet għall-finanzjament ta' miżuri mmirati lejn il-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u sabiex jiġu riveduti l-modalitajiet fl-interess ta' l-effikaċja, il-kost-effiċjenza u t-trasparenza.

(7)

Il-programm kwadru għandu l-għan li jiffaċilita l-appoġġ effettiv u l-protezzjoni ta' l-interessi tax-xiehda tal-kriminalità. Il-Programm jissottolinja wkoll l-importanza tal-protezzjoni tal-vittmi ta' kriminalità. Biex juri l-prijorità ta' l-appoġġ tal-vittmi l-Programm Speċifiku dwar il-Ġustizzja Kriminali jenfasizza l-assistenza soċjali u legali lill-vittmi.

(8)

Azzjonijiet tal-Kummissjoni u proġetti transnazzjonali jibqgħu importanti sabiex jinkisbu kooperazzjoni u koordinazzjoni eqreb u aħjar fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa utli u xieraq li jiġu appoġġati proġetti fl-Istati Membri sabiex ikunu jistgħu jipprovdu esperjenza u ħila utli għal azzjonijiet ulterjuri fil-livell ta' l-Unjoni.

(9)

Peress li l-kriminalità taqsam il-fruntieri, jixraq li pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jitħallew jieħdu sehem fi proġetti transnazzjonali.

(10)

Jeħtieġ li tkun żgurata l-komplementarjetà ma' programmi oħra Komunitarji u ta' l-Unjoni bħall-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea u l-Istrument Finanzjarju ta' Protezzjoni Ċivili, is-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Attivitajiet ta' Demostrazzjoni u l-Fondi Strutturali.

(11)

Ladarba l-għanijiet ta' din id-Deċiżjoni, b'mod partikolari l-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u transkonfinali, ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-programm, jinkisbu aħjar fuq il-livell ta' l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill jista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea magħmula applikabbli għall-Unjoni mill-Artikolu 2 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(12)

Skond l-Artikolu 41(3) tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, in-nefqa operattiva għandha tiġi ffinanzjata mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea taħt Titolu VI.

(13)

In-nefqa tal-programm għandha tkun kompatibbli mal-limitu taħt l-Intestatura 3 tal-qafas finanzjarju. Jeħtieġ li tkun prevista flessibbiltà fid-definizzjoni tal-programm sabiex jitħalla post għal aġġustamenti eventwali fi kwalunkwe azzjoni prevista, sabiex ikun hemm risposta għall-evoluzzjoni ta' ħtiġijiet matul il-perijodu 2007-2013. Id-deċiżjoni għandha, għalhekk, tkun limitata għad-definizzjoni ġenerika ta' azzjonijiet previsti u l-arranġamenti amministrattivi u finanzjarji rispettivi tagħhom.

(14)

Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond il-proċeduri stabbiliti fiha, bl-assistenza ta' kumitat.

(15)

Għandhom jittieħdu wkoll miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta' irregolaritajiet u frodi, u għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġu rkuprati fondi mitlufa, imħallsa b'mod mhux dovut jew użati ħażin skond ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (5), (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta' Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni (6) u r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Mejju 1999 dwar investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (7).

(16)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (8) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta' Diċembru 2002 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill 1605/2002 (9), li jissalvagwardjaw l-interessi finanzjarji tal-Komunità, japplikaw b'kont meħud tal-prinċipji tas-sempliċità u l-konsistenza fl-għażla ta' l-istrumenti tal-baġit, limitazzjoni fuq in-numru ta' każijiet fejn il-Kummissjoni żżomm ir-responsabbiltà diretta għall-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni tagħhom, u l-proporzjonalità meħtieġa bejn l-ammont ta' riżorsi u l-piż amministrattiv relatat ma' l-użu tagħhom.

(17)

Huwa xieraq li tiġi sostitwita d-Deċiżjoni 2002/630/ĠAI mill-1 ta' Jannar 2007 b'din id-Deċiżjoni u b' Deċiżjoni li tistabbilixxi Programm Speċifiku ”Ġustizzja Kriminali”.

(18)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u fil-ħin tal-programm, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-Programm Speċifiku ”Prevenzjoni ta' u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità”, minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Programm”, bħala parti mill-Programm Ġenerali dwar is-Sigurtà u s-salvagwardja tal-libertajiet sabiex isir kontribut għat-tisħiħ taż-żona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja.

2.   Il-Programm għandu jkopri l-perijodu mill-1 ta' Jannar 2007 sal-31 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 2

Għanijiet ġenerali

1.   Dan il-Programm għandu jikkontribwixxi għal livell għoli ta' sigurtà għaċ-ċittadini permezz tal-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra l-kriminalità, organizzata jew le, b'mod partikolari t-terroriżmu, it-traffikar ta' persuni u reati kontra t-tfal, it-traffikar illeċitu ta' drogi u t-traffikar illeċitu ta' armi, korruzzjoni u frodi.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-għanijiet u s-setgħat tal-Komunità Ewropea, l-għanijiet ġenerali tal-Programm jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-politika ta' l-Unjoni u tal-Komunità.

Artikolu 3

Temi u għanijiet speċifiċi

1.   Il-Programm għandu jikkonsisti f'erba' temi:

(a)

prevenzjoni tal-kriminalità u kriminoloġija,

(b)

infurzar tal-liġi,

(ċ)

protezzjoni u appoġġ għal xhieda

(d)

protezzjoni tal-vittmi,

2.   Fl-għanijiet ġenerali, il-Programm għandu jikkontribwixxi għall-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

(a)

li jistimula, jippromwovi u jiżviluppa metodi u għodda orizzontali meħtieġa għall-prevenzjoni ta' u l-ġlieda kontra, b'mod strateġiku, il-kriminalità u għall-garanzija tas-sigurtà u l-ordni pubblika bħall-ħidma mwettqa fis-sħubiji pubbliċi-privati tan-Netwerk ta' l-Unjoni Ewropea għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità, l-aħjar prattika fil-prevenzjoni tal-kriminalità, statistika komparabbli, kriminoloġija applikata u approċċ imtejjeb lejn delinkwenti żgħar fl-età;

(b)

li jippromwovi u jiżviluppa koordinazzjoni, kooperazzjoni u ftehim reċiproku fost l-aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi, awtoritajiet nazzjonali oħra u korpi relatati ta' l-Unjoni fir-rigward tal-prijoritajiet identifikati mill-Kunsill b'mod partikolari kif stabbilit mill-Valutazzjoni tat-Theddid mill-Kriminalità Organizzata ta' l-Europol (VTKO); u

(ċ)

li jippromwovi u jiżviluppa l-aħjar prattika għall-protezzjoni u jappoġġa x-xhieda; u

(d)

li jippromwovi u jiżviluppa l-aħjar prattika għall-protezzjoni ta' vittmi tal-kriminalità.

3.   Il-Programm ma jittrattax mal-kooperazzjoni ġudizzjarja. Madankollu, huwa jista' jkopri azzjonijiet li għandhom l-għan li jħeġġu l-kooperazzjoni bejn awtoritajiet ġudizzjarji u awtoritajiet ta' l-infurzar tal-liġi.

Artikolu 4

Azzjonijiet eliġibbli

1.   Bil-ħsieb li jiġu persegwiti l-għanijiet ġenerali u speċifiċi mniżżla fl-Artikoli 2 u 3, il-Programm għandu jipprovdi taħt il-kondizzjonijiet li jidhru fil-programm ta' ħidma annwali appoġġ finanzjarju għat-tipi ta' azzjonijiet li ġejjin:

(a)

Proġetti mibdija u amministrati mill-Kummissjoni b'dimensjoni Ewropea;

(b)

Proġetti transnazzjonali, li għandhom jinvolvu sħab f'mill-inqas żewġ Stati Membri, jew ta' l-inqas Stat Membru wieħed u pajjiż wieħed ieħor li jista' jkun pajjiż aderenti jew pajjiż kandidat;

(ċ)

Proġetti nazzjonali fi Stati Membri, li

(i)

jħejju proġetti transnazzjonali u/jew azzjonijiet ta' l-Unjoni (“miżuri ta' avvjament”),

(ii)

jikkomplementaw proġetti transnazzjonali u/jew azzjonijiet ta' l-Unjoni (“miżuri komplementarji”),

(iii)

jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' metodi innovattivi u/jew ta' teknoloġiji b'potenzjal għal trasferibbiltà għal azzjonijiet fil-livell ta' l-Unjoni, jew jiżviluppaw tali metodi jew teknoloġiji bil-ħsieb li jittrasferuhom lil Stati Membri oħra u/jew lil pajjiż ieħor li jista' jkun pajjiż aderenti jew pajjiż kandidat;

(d)

Għotjiet operattivi għal organizzazzjonijiet mhux governattivi li jsegwu, fuq bażi mhux għall-profitt, l-għanijiet tal-Programm fuq dimensjoni Ewropea.

2.   B'mod partikolari, appoġġ finanzjarju jista' jkun ipprovdut għal

(a)

azzjonijiet li jtejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni operattiva (tisħiħ tan-netwerking, tal-konfidenza u tal-ftehim reċiproku, l-iskambju u t-tixrid ta' informazzjoni, l-esperjenza u l-aħjar prattika).

(b)

attivitajiet analitiċi, ta' monitoraġġ u ta' evalwazzjoni,

(ċ)

żvilupp u trasferiment ta' teknoloġija u metodoloġija,

(d)

taħriġ, skambju ta' persunal u esperti, u

(e)

attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u tixrid.

Artikolu 5

Aċċess għall-Programm

1.   Il-Programm huwa ddestinat għal aġenziji ta' l-infurzar tal-liġi, korpi oħra pubbliċi u/jew privati, atturi u istituzzjonijiet, inklużi awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, sħab soċjali, universitajiet, uffiċċji ta' l-istatistika, organizzazzjonijiet mhux governattivi, sħubiji pubbliċi-privati u korpi internazzjonali rilevanti.

2.   Aċċess għal dan il-Programm għandu jkun miftuħ għal korpi u organizzazzjonijiet b'personalità ġuridika stabbiliti fl-Istati Membri. Korpi u organizzazzjonijiet li huma orjentati għall-profitt għandu jkollhom aċċess għall-għotjiet biss flimkien ma' organizzazzjonijiet bla profitt jew statali.

3.   Fir-rigward ta' proġetti transnazzjonali, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jieħdu sehem bħala sħab iżda ma jistgħux jissottomettu proġetti.

Artikolu 6

Tipi ta' intervent

1.   Appoġġ finanzjarju ta' l-Unjoni jista' jieħu l-forom legali li ġejjin:

(a)

Għotjiet,

(b)

Kuntratti ta' akkwist pubbliku.

2.   Għotjiet ta' l-Unjoni għandhom jingħataw wara sejħiet għal proposti, ħlief f'każijiet eċċezzjonali ta' emerġenza ssostanzjati kif dovut jew fejn il-karatteristiċi tal-benefiċjarju ma jħallu l-ebda għażla oħra għal azzjoni partikolari, u għandhom jiġu pprovduti permezz ta' għotjiet operattivi u għotjiet għal azzjonijiet.

Il-programm ta' ħidma annwali għandu jispeċifika r-rata minima tan-nefqa annwali li għandha tingħata għall-għotjiet. Din ir-rata minima għandha tkun mill-anqas ta' 65 %.

Ir-rata massima ta' kofinanzjament ta' l-ispejjeż tal-proġetti għandha tiġi speċifikata fil-programm ta' ħidma annwali.

3.   Hija prevista nefqa għal miżuri ta' akkumpanjament, permezz ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku, f'liema każ fondi ta' l-Unjoni għandhom ikopru x-xiri ta' servizzi u merkanzija. Dan għandu jkopri, inter alia, nefqa fuq informazzjoni u komunikazzjoni, tħejjija, implimentazzjoni, monitoraġġ, ikkontrollar u evalwazzjoni ta' proġetti, linji politiċi, programmi u leġiżlazzjoni.

Artikolu 7

Miżuri implimentattivi

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-appoġġ finanzjarju ta' l-Unjoni skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, minn issa 'l quddiem imsejjaħ ir-“Regolament Finanzjarju”.

2.   Sabiex timplimenta l-Programm, il-Kummissjoni għandha, fil-limiti ta' l-għanijiet ġenerali definiti fl-Artikolu 2, tadotta rogramm ta' ħidma annwali sa' l-aħħar ta' Settembru li jispeċifika l-għanijiet speċifiċi tagħha, il-prijoritajiet tematiċi, deskrizzjoni ta' miżuri ta' akkumpanjament previsti fl-Artikolu 6(3) u jekk ikun meħtieġ lista ta' azzjonijiet oħrajn.

Il-programm ta' ħidma annwali għall-2007 għandu jiġi adottat tliet xhur wara li jkollha effett din id-Deċiżjoni.

3.   Il-programm ta' ħidma annwali għandu jiġi adottat skond il-proċedura amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 10.

4.   Il-proċeduri ta' evalwazzjoni u ta' għoti relatati ma' għotjietet għal azzjonijiet għandhom jieħdu kont, inter alia, tal-kriterji li ġejjin:

(a)

il-konformità mal-programm ta' ħidma annwali, l-għanijiet ġenerali kif speċifikati fl-Artikolu 2 u l-miżuri meħuda fl-oqsma differenti kif speċifikati fl-Artikoli 3 u 4;

(b)

il-kwalità ta' l-azzjoni proposta fir-rigward tal-konċepiment, l-organizzazzjoni, il-preżentazzjoni u r-riżultati mistennija u t-tixrid tagħhom;

(ċ)

l-ammont mitlub għal appoġġ finanzjarju ta' l-Unjoni u kemm hu xieraq meta jitqiesu r-riżultati mistennija;

(d)

l-impatt tar-riżultati mistennija fuq l-għanijiet ġenerali definiti fl-Artikolu 2 u fuq il-miżuri li ttieħdu fl-oqsma differenti kif speċifikat fl-Artikoli 3 u 4.

5.   L-applikazzjonijiet għal għotjiet operattivi, imsemmija fl-Artikolu 4(1)(d), għandhom jiġu vvalutati, inter alia, fid-dawl ta':

(a)

il-konsistenza ma' l-għanijiet tal-Programm;

(b)

il-kwalità ta' l-attivitajiet ippjanati;

(ċ)

l-effett multiplikatur probabbli ta' dawn l-attivitajiet fuq il-pubbliku;

(d)

l-impatt ġeografiku ta' l-attivitajiet imwettqa;

(e)

il-proporzjon tal-kost/benefiċċju ta' l-attività proposta.

6.   Deċiżjonijiet relatati ma' azzjonijiet sottomessi taħt l-Artikolu 4(1)(a) għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 10. Deċiżjonijiet relatati ma' azzjonijiet sottomessi taħt l-Artikolu 4(1) (b), (ċ) u (d) għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura konsultattiva stabbilita fl-Artikolu 9.

Deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għal għotjiet li jinvolvu korpi jew organizzazjonijiet orjentati lejn il-profitt għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 10.

Artikolu 8

Kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat, kompost minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”).

2.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

3.   Il-Kummissjoni tista' tistieden rappreżentanti mill-pajjiżi applikanti għal laqgħat ta' informazzjoni wara l-laqgħat tal-Kumitat.

Artikolu 9

Proċedura konsultattiva

1.   Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f'limitu ta' żmien li l-president jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni, jekk meħtieġ permezz ta' votazzjoni.

2.   L-opinjoni għandha tiġi rreġistrata fil-minuti; kull Stat Membru jista' jitlob li l-pożizzjoni tiegħu tiġi rreġistrata fil-minuti.

3.   Il-Kummissjoni għandha tieħu l-akbar kont possibbli ta' l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat. Hija għandha tinforma lill-Kumitat dwar il-mod ta' kif ittieħed kont ta' l-opinjoni.

Artikolu 10

Proċedura amministrattiva

1.   Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f'terminu ta' żmien li l-President jista' jistabbilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. Fil-każ ta' deċiżjonijiet li l-Kunsill għandu jadotta dwar proposta mill-Kummissjoni, l-opinjoni għandha tiġi mogħtija mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 205(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jiġu ppeżati bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri li għandhom japplikaw minnufih. Madankollu, jekk il-miżuri ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, huma għandhom jiġu kkomunikati mill-Kummissjoni lill-Kunsill immedjatament. F'dak il-każ, il-Kummissjoni tista' tiddeferixxi l-applikazzjoni tal-miżuri li tkun iddeċidiet dwarhom għal perijodu ta' tliet xhur mid-data ta' tali komunikazzjoni.

3.   Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-perijodu previst mill-paragrafu 2.

Artikolu 11

Komplementarjetà

1.   Għandhom ikunu mfittxija sinerġiji, konsistenza u komplementarjetà ma' strumenti oħra Komunitarji u ta' l-Unjoni, inter alia mal-programmi speċifiċi “il-Prevenzjoni, l-Istat ta' Tħejjija u l-Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u riskji oħra relatati mas-Sigurtà”, u “Ġustizzja Kriminali”, il-Programmi Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-Attivitajiet ta' Dimostrazzjoni, il-Fond ta' Solidarjetà ta' l-Unjoni Ewropea, u l-Istrument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili.

2.   Il-Programm jista' jikkondividi riżorsi ma' strumenti oħra Komunitarji u ta' l-Unjoni, b'mod partikolari l-Programm dwar il-Prevenzjoni, l-Istat ta' Tħejjija u l-Maniġġar tal-Konsegwenzi tat-Terroriżmu u Theddid ieħor relatat mas-Sigurta', sabiex jiġu implimentati azzjonijiet li jissodisfaw l-għanijiet kemm tal-Programm kif ukoll ta' l-istrument(i) oħra Komunitarji jew ta' l-Unjoni.

3.   Operazzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni ma għandhomx jirċievu appoġġ finanzjarju għall-istess għan minn strumenti finanzjarji oħra Komunitarji jew ta' l-Unjoni. Għandu jkun żgurat li l-benefiċjarji tal-programm għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni dwar finanzjament irċevut mill-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea u minn sorsi oħra, kif ukoll informazzjoni dwar applikazzjonijiet kurrenti għal finanzjament.

Artikolu 12

Riżorsi tal-Baġit

Ir-riżorsi tal-baġit allokati għall-azzjonijiet previsti f'dan il-programm għandhom jiddaħħlu fl-approprjazzjonijiet annwali tal-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. L-approprjazzjonijiet annwali disponibbli għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità tal-baġit fil-limiti tal-qafas finanzjarju.

Artikolu 13

Monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għal kwalunkwe azzjoni ffinanzjata mill-Programm, il-benefiċjarju għandu jissottometti rapporti tekniċi u finanzjarji dwar il-progress tal-ħidma u li rapport finali għandu jiġi sottomess fi żmien tliet xhur mit-tlestija ta' l-azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-forma u l-istruttura tar-rapporti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kuntratti u l-ftehim li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Programm jipprevedu b'mod partikolari għas-superviżjoni u l-kontroll finanzjarju mill-Kummissjoni (jew kwalunkwe rappreżentant awtorizzat minnha), jekk meħtieġ permezz ta' kontrolli fuq il-post, inklużi kontrolli ta' kampjuni, u verifiki mill-Qorti ta' l-Awdituri.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li għal perijodu ta' ħames snin wara l-aħħar pagament fir-rigward ta' kwalunkwe azzjoni, il-benefiċjarju ta' l-appoġġ finanzjarju għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni d-dokumenti kollha ta' appoġġ fir-rigward tan-nefqa fuq l-azzjoni.

4.   Abbażi tar-riżultati tar-rapporti u l-kontrolli fuq il-post imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura, jekk meħtieġ, li l-iskala jew il-kondizzjonijiet ta' l-allokazzjoni ta' l-appoġġ finanzjarju approvati oriġinarjament kif ukoll l-iskeda ta' żmien għall-pagamenti għandhom jiġu aġġustati.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kull pass ieħor meħtieġ biex tivverifika li l-azzjonijiet iffinanzjati jitwettqu sew u ser jittieħdu skond id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni u tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 14

Protezzjoni ta' l-interessi finanzjarji Komunitarji

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li, meta azzjonijiet iffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni preżenti jiġu implimentati, l-interessi finanzjarji Komunitarji jkunu protetti bl-applikazzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni kontra l-frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, permezz ta' kontrolli effettivi u permezz ta' l-irkupru ta' l-ammonti mħallsa mhux kif dovut u, jekk jiġu individwati irregolaritajiet, b'pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi, skond ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (Euratom, KE) Nru 2185/96, u (KE) Nru 1073/1999.

2.   Għall-azzjonijiet ta' l-Unjoni ffinanzjati taħt din id-Deċiżjoni, ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 għandhom japplikaw għal kwalunkwe ksur ta' dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja, inklużi ksur ta' obbligu kuntrattwali stipulat abbażi tal-Programm, li jirriżultaw minn att jew omissjoni minn operatur ekonomiku, li għandu, jew li jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea jew il-baġits amministrati minnha, b'nefqa mhux iġġustifikata.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ammont ta' assistenza finanzjarja għal azzjoni jiġi mnaqqas, sospiż jew irkuprat, jekk issib irregolaritajiet, inkluż nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni jew id-deċiżjoni individwali jew il-kuntratt jew il-ftehim li jagħtu l-appoġġ finanzjarju in kwistjoni, jew jekk jirriżulta li, mingħajr ma tkun intalbet l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, l-azzjoni tkun għaddiet minn tibdil li jmur kontra n-natura jew il-kondizzjonijiet ta' implimentazzjoni tal-proġett.

4.   Jekk il-limiti ta' żmien ma jkunux ġew osservati jew jekk parti biss mill-appoġġ finanzjarju allokat tkun iġġustifikata bil-progress li jkun sar bl-implimentazzjoni ta' azzjoni, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarju ser jiġi mitlub jissottometti osservazzjonijiet fi żmien perijodu speċifikat. Jekk il-benefiċjarju ma jagħtix tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-appoġġ finanzjarju li jkun fadal jista' jiġi kkanċellat u li jiġi mitlub il-ħlas lura ta' somom diġà mħallsa.

5.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li kwalunkwe pagament imħallas mhux kif dovut għandu jitħallas lura lill-Kummissjoni. Għandhom jiżdiedu l-interessi ma' kwalunkwe somma mhux imħallsa lura f'waqtha taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 15

Evalwazzjoni

1.   Il-Programm għandu jiġi mmonitorjat b'mod regolari sabiex tkun segwita l-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet imwettqin taħtu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura evalwazzjoni regolari, indipendenti u esterna tal-Programm.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a)

preżentazzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Programm

(b)

rapport ta' evalwazzjoni interim dwar ir-riżultati miksuba u l-aspetti kwalitattivi u kwantitattivi ta' l-implimentazzjoni tal-Programm sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2010;

(ċ)

Komunikazzjoni dwar il-kontinwazzjoni tal-Programm sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2010;

(d)

rapport ta' evalwazzjoni ex post sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2015.

Artikolu 16

Pubblikazzjoni ta' proġetti

Kull sena, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista ta' azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Programm b'deskrizzjoni qasira ta' kull proġett.

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet transitorji

1.   Din id-Deċiżjoni għandha, mill-1 ta' Jannar 2007, tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Deċiżjoni 2002/630/ĠAI.

2.   Azzjonijiet mibdija qabel il-31 ta' Diċembru 2006 skond id-Deċiżjoni 2002/630/ĠAI għandhom ikomplu jiġu irregolati, sat-tlestija tagħhom, minn dik id-Deċiżjoni.

Artikolu 18

Effett u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandu jkollha effett fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2007.

Magħmul fi Brussel, 12 ta' Frar 2007.

Għall-Kunsill

Il-President

F.-W. STEINMEIER


(1)  Opinjoni mogħtija fl-14 ta' Diċembru 2006 (għadha mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU C 53, 3.3.2005, p. 1.

(3)   ĠU L 153, 8.6.2001, p. 1.

(4)   ĠU L 203, 1.8.2002, p. 5.

(5)   ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.

(6)   ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2.

(7)   ĠU L 136, 31.05.1999 p. 1.

(8)   ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 (ĠU L 390, 30.12.2006, p. 1).

(9)   ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 1248/2006 (ĠU L 227, 19.8.2006, p. 3).


Top