EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0098

Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 14 ta' Frar 2007 dwar l-użu armonizzat ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju fil-medda ta' frekwenzi ta' 2 GHz għall-implimentazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi satellitari mobbli (notifikat bid-dokument numru C(2007) 409) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 43, 15.2.2007, p. 32–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 219M, 24.8.2007, p. 216–218 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/98(1)/oj

24.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

216


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-14 ta' Frar 2007

dwar l-użu armonizzat ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju fil-medda ta' frekwenzi ta' 2 GHz għall-implimentazzjoni ta' sistemi li jipprovdu servizzi satellitari mobbli

(notifikat bid-dokument numru C(2007) 409)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2007/98/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru. 676/2002/KE tas-7 ta' Marzu 2002 dwar dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-Radju)1 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-użu effettiv u koerenti ta' l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju huwa essenzjali għall-iżvilupp tas-sistemi ta' komunikazzjoni elettroniċi u jista' jgħin lill-Komunità Ewropea sabiex tixpruna t-tkabbir, il-kompetittività u t-tkattir tax-xogħol; l-aċċess għall-ispektrum irid jeħfief sabiex titjieb l-effiċjenza, tiġi ppromossa l-innovazzjoni kif ukoll għal aktar flessibilità għall-utenti u aktar għażla għall-konsumaturi, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet ta' interess ġenerali2 (2).

(2)

Il-Kummissjoni tippromwovi sistemi ta' komunikazzjoni ġodda u innovattivi li jużaw kwalunkwe pjattaforma teknika u li huma kapaċi jipprovdu servizzi lill-Istati Membri, kemm reġjonalment kif ukoll fuq livell pan-Ewropew.

(3)

F'dan il-kuntest, sistemi li kapaċi jipprovdu servizzi satellitari mobbli (mobile satellite services – MSS) jitqiesu bħala pjattaforma alternattiva innovattiva li kapaċi tipprovdi diversi tipi ta' telekomunikazzjonijiet pan-Ewropej u servizzi ta' xandir/multicasting, huma fejn huma l-utenti aħħarin, bħall-aċċess internet/intranet ta' veloċità għolja, multimedja mobbli u protezzjoni pubblika u għajnuna f'każ ta' diżastru. Dawn is-servizzi jistgħu jgħinu sabiex jintlaħqu wkoll żoni rurali tal-Komunità, u hekk tingħalaq l-qasma diġitali f'sens ġeografiku. L-introduzzjoni ta' sistemi ġodda li jipprovdu l-MSS tista' potenzjalment tikkontribwixxi għall-iżvilupp tas-suq intern u ttejjeb il-kompetizzjoni billi żżid l-offerta u d-disponibbiltà tas-servizzi pan-Ewropej u l-konnettività minn tarf sa tarf kif ukoll tinkoraġixxi investimenti effiċjenti.

(4)

Is-sistemi li kapaċi jipprovdu l-MSS għandu jkollhom ta' l-anqas stazzjon spazjali jew aktar u jkunu jistgħu jinkludu komponenti kumplimentari fuq l-art (complementary ground components – CGC), jiġifieri stazzjonijiet ibbażati fuq l-art użati f'postijiet fissi sabiex itejbu d-disponibbiltà tas-servizzi satellitari mobbli f'żoni fejn il-komunikazzjonijiet ma' wieħed jew aktar stazzjonijiet spazjali ma jkunux jistgħu jiġu ggarantiti bil-kwalità meħtieġa.

(5)

Skond id-deċiżjonijiet li ttieħdu mill-International Telecommunications Union (ITU) waqt il-WARC-92, l-ispektrum ta' frekwenzi tar-radju huwa disponibbli u huwa ppjanat li jintuża għall-MSS fil-medda ta' frekwenzi 1 980-2 010 MHz u 2 170–2 200 MHz (meded ta' 2 GHz).

(6)

Huwa neċessarju l-użu armonizzat u effiċjenti tal-meded ta' 2GHz għal sistemi li jipprovdu l-MSS fuq livell reġjonali jew pan-Ewropew, b'mod partikolari minħabba l-ambitu tas-sinjali satellitari, li min-natura tagħhom qed jaqsmu l-fruntieri nazzjonali.

(7)

Inħareġ mandat (3) fis-6 ta' Ottubru 2005 mill-Kummissjoni lis-CEPT, skond l-Artikolu 4(2) tad- Decision Nru 676/2002/KE, sabiex jiġu studjati l-kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-użu tal-meded ta' 2GHz fil-Komunità. Skond dan il-mandat, is-CEPT isottomettiet ir-rapport tagħha li jipprovdi l-kundizzjonijiet tekniċi dwar l-użu tal-ispektrum ta' 2GHz minn sistemi bħal dawn.

(8)

Il-meded ta' 2GHz bħalissa mhux qed jintużaw fil-biċċa l-kbira ta' l-Istati Membri u għandhom, skond il-konklużjonijiet tekniċi tas-CEPT, jiġu assenjati u jsiru disponibbli mingħajr dewmien żejjed fl-Istati Membri kollha għal sistemi li jipprovdu l-MSS sabiex jiżguraw l-iżvilupp ta' sistemi bħal dawn.

(9)

Is-CEPT ikkonkluda li mhix fattibbli l-koeżistenza ta' sistemi li kapaċi jipprovdu l-MSS u sistemi li jipprovdu servizzi mobbli li huma terrestri biss fl-istess spektrum tal-meded ta' 2GHz mingħajr interferenza li tagħmel ħsara fl-istess żona geografika. Konsegwentement, sabiex jiġu evitati interferenza li tagħmel ħsara lill-MSS u l-użu ineffiċjenti ta' l-ispektrum, hemm bżonn li l-meded ta' 2GHz jiġu assenjati u jsiru disponibbli għal sistemi li kapaċi jipprovdu l-MSS fuq bażi primarja. Dan ifisser li fejn dawn il-meded ta' 2GHz huma użati minn sistemi oħra li mhumiex kapaċi jipprovdu MMS, dawn is-sistemi oħrajn ma għandhomx jagħmlu ħsara lil sistemi li kapaċi joffru servizzi satellitari mobbli u lanqas m'għandhom jippretendu protezzjoni minnhom. Skond is-CEPT, is-CGCs ma għandhomx jikkawżaw interferenza li tagħmel ħsara, sakemm ikunu parti integrali minn sistema li tipprovdi l-MMS, ikunu kkontrollati mill-mekkaniżmu ta' ġestjoni tar-riżorsu u n-netwerk ta' l-istess sistema, u sakemm joperaw fuq l-istess biċċiet tal-medda ta' frekwenza bħall-komponenti satellitari tas-sistema. B'dawn il-kundizzjonijiet, skond sistema ta' awtorizzazzjoni xierqa, is-CGCs jistgħu jintużaw ukoll jekk dawn is-sinjali ma jkunux trasmessi permezz ta' komponenti satellitari.

(10)

Ir-riżultati tax-xogħol li sar skond il-mandat tal-Kummissjoni għandhom jiġu applikati fil-Komunità.

(11)

Huwa xieraq li tingħata prijorità lil sistemi li jipprovdu l-MSS fil-meded ta' 2 GHz għaliex frekwenzi oħra, bħal per eżempju dawk assenjati għall-GSM u għall-UMTS/IMT-2000, huma disponibbli biss għal sistemi li jipprovdu servizzi mobbli terrestri biss.

(12)

Meta wieħed iqis l-iżviluppi tas-suq u l-evoluzzjoni tat-teknoloġiji, fil-futur jista' jkun hemm il-bżonn ta' reviżjoni dwar il-bżonn ta' din id-Deċiżjoni kif ukoll dwar l-ambitu u l-applikazzjoni tagħha, abbażi ta' studju mill-Kummissjoni u ta' informazzjoni provduta mill-Istati Membri.

(13)

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikunu bla preġudizzju għall-awtorizzazzjonijiet ta' l-użu tal-meded ta' 2 GHz.

(14)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispektrum ta' Frekwenzi tar-Radju.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet għad-disponibbiltà u l-effiċjenza ta' l-użu tal-medda ta' frekwenzi 1 980–2 010 MHz (mid-Dinja sal-ispazju) u 2 170–2 200 MHz (mill-ispazju sad-Dinja) għal sistemi li jipprovdu servizzi satellitari mobbli fil-Komunità.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, “sistemi li jipprovdu servizzi satellitari mobbli” huma sistemi li kapaċi jipprovdu servizzi ta' radjukomunikazzjoni bejn stazzjon mobbli fuq l-art u stazzjon jew aktar spazjali, jew bejn stazzjonijiet mobbli fuq l-art bis-saħħa ta' stazzjon spazjali jew aktar, jew bejn stazzjon mobbli fuq l-art u stazzjonijiet mobbli kumplimentari fuq l-art użati f'postijiet fissi.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom jassenjaw u joffru sa mill-1 ta' Lulju 2007 il-meded kollha ta' frekwenzi 1 980–2 010 MHz and 2 170–2 200 MHz għal sistemi li jipprovdu servizzi satellitari mobbli.

Kull użu ieħor ta' dawn il-meded ma għandux jagħmel interferenza ta' ħsara lil sistemi li kapaċi joffru servizzi satellitari mobbli u lanqas m'għandu jippretendi protezzjoni minn interferenza ta' ħsara kkawżata minn sistemi li joffru servizzi satellitari mobbli.

2.   Kull stazzjon kumplimentari bbażat fuq l-art għandu jkun parti integrali minn sistema satellitari mobbli u għandu jkun ikkontrollat mis-sistema tal-ġestjoni tar-riżorsi u tan-netwerk satellitari. Għandu juża l-istess direzzjoni ta' trasmissjoni u l-istess partijiet tal-meded ta' frekwenzi li jużaw komponenti satellitari assoċjati miegħu u ma għandux iżid ir-rekwiżit ta' l-spektrum għas-sistemi satellitari mobbli assoċjati miegħu.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom iżommu taħt skrutinju l-użu tal-meded ta' frekwenzi rilevanti u jirrappurtaw dwar dak li jsibu lill-Kummissjoni sabiex, jekk ikun hemm bżonn, tkun tista' ssir reviżjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 14 ta' Frar 2007.

Għall-Kummissjoni

Viviane REDING

Membru tal-Kummissjoni


(1)  1 ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  2 Konklużjonijiet tal-Kunsill 15530/04 u 15533/04 tat-3.12.2004.

(3)  Mandat lis-CEPT sabiex jistudja u jidentifika l-kundizzjonijiet tekniċi relatati għal metodu armonizzat fl-Unjoni Ewropea tas-Servizzi Satellitari Mobbli fil-meded ta' 2GHz (1 980-2 010 Mhz u 2 170-2 200MHz).


Top