Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0095

    Direttiva 2006/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2006 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (verżjoni kodifikata) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 374, 27.12.2006, p. 10–19 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2016; Imħassar b' 32014L0035

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/95/oj

    27.12.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    10


    DIRETTIVA 2006/95/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-12 ta' Diċembru 2006

    dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ

    (verżjoni kodifikata)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 95 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2)

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 73/23/KEE tal-Kunsill tad-19 ta' Frar 1973 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-tagħmir elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti tal-voltaġġ (3) ġiet emendata b'mod sostanzjali (4). Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kkodifikata.

    (2)

    Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri ddisinjati sabiex jiżguraw is-sigurtà fl-użu tat-tagħmir elettriku wżat ma' certi limiti tal-voltaġġ jistgħu ivarjaw, u għaldaqstant ixekklu l-kummerċ.

    (3)

    F'ċerti Stati Membri fir-rigward ta' ċertu tagħmir elettriku, il-leġislazzjoni għas-sigurtà tieħu l-għamla ta' miżuri preventivi u miżuri ripressivi permezz ta' dispożizzjonijiet li jorbtu.

    (4)

    Fl-Istati Membri l-oħra, sabiex jinkiseb l-istess għan, il-leġislazzjoni dwar is-sigurtà tippreskrivi referenza għall-istandards tekniċi stabbiliti mill-Korpi ta' l-Istandards. Din is-sistema toffri l-vantaġġ ta' aġġustament rapidu għall-progress tekniku mingħajr ma jiġu ttraskurati l-ħtiġiet tas-sigurtà.

    (5)

    Ċerti Stati Membri jwettqu ħidmiet amministrattivi sabiex japprovaw l-istandards. Din l-approvazzjoni la taffettwa b'xi mod il-kontenut tekniku ta' l-istandards u lanqas tillimita l-kondizzjonijiet ta' l-użu tagħhom. Din l-approvazzjoni ma tistax għalhekk tibdel l-effetti, mill-perspettiva Komunitarja, ta' l-istandards armonizzati u ppubblikati.

    (6)

    Fil-Komunità, il-moviment liberu tat-tagħmir elettriku għandu jirriżulta meta dan it-tagħmir iħares ċerti rekwiżiti tas-sigurtà rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha. Mingħajr ħsara għal kull għamla ta' prova oħra, il-prova tal-konformità ma' dawn ir-rekwiżiti tista' ssir b'referenza għall-istandards armonizzati li jinkorporaw dawn il-kondizzjonijiet. Dawn l-istandards armonizzati għandhom jiġu stabbiliti permezz ta' ftehima komuni bejn korpi li jridu jiġu nnotifikati minn kull Stat Membru lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, u li għandhom ikunu ppubbliċizzati kemm jista' jkun. Din l-armonizzazzjoni għandha, għall-għanijiet tal-kummerċ, tneħħi l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mid-differenzi bejn l-istandards nazzjonali.

    (7)

    Mingħajr ħsara għal kull għamla oħra ta' prova, il-konformità tat-tagħmir elettriku ma' l-istandards armonizzati tista' tkun meqjusa mit-twaħħil jew mill-ħruġ tal-marki jew tac-ċertifikati mill-organizzazzjonijiet kompetenti jew, fin-nuqqas ta' dawn, mid-dikjarazzjoni tal-fabbrikant dwar il-konformità. Sabiex tigi ffaċilitata t-tneħħija ta' l-ostakoli għall-kummerċ, l-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu dawn il-marki jew ċertifikati jew dawn id-dikjarazzjonijiet bħala l-elementi tal-prova. Bil-ħsieb ta' dan il-għan, il-marki jew ċertifikati msemmija għandhom ikunu ppubbliċizzati b'mod partikolari permezz tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    (8)

    Bħala miżura transitorja, il-moviment liberu tat-tagħmir elettriku li għalih għadhom ma jeżistux l-istandards armonizzati jista' jinkiseb billi jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet tas-sigurtà jew l-istandards diġà stabbiliti mill-korpi l-oħra internazzjonali jew minn wieħed mill-korpi li jistabbilixxu l-istandards armonizzati.

    (9)

    Huwa possibbli illi t-tagħmir elettriku jista' jitqiegħed f'ċirkolazzjoni ħielsa saħansitra jekk ma jikkonformax mar-rekwiżiti tas-sigurtà, u hu għaldaqstant mixtieq li jkun hemm dispożizzjonijiet adattati sabiex jimminimizzaw dan il-periklu.

    (10)

    Id-Deċiżjoni 93/465/KEE (5) tal-Kunsill tistabbilixxi l-moduli għall-fażijiet varji tal-proċeduri ta' stima ta' konformità li huma maħsubin li jintużaw fid-Direttivi ta' armonizzazzjoni teknika.

    (11)

    L-għażla ta' proċeduri m'għandhiex twassal għal tnaqqis fl-istandards tas-sigurtà ta' tagħmir ta' l-elettriku, li diġà ġew stabbiliti fil-Komunità kollha.

    (12)

    Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness V, Parti B,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA

    Artikolu 1

    Għall-finijiet ta' din id-Direttiva “tagħmir elettriku” ifisser kull tagħmir iddisinjat għall-użu ma' skala tal-voltaġġ ta' bejn il-50 u l-1 000 v għall-kurrent alternant u bejn il-75 u l-1 500 v għall-kurrent dirett, għajr għat-tagħmir u l-fenomeni elenkati fl-Anness II.

    Artikolu 2

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw illi t-tagħmir elettriku jista' jitpoġġa fuq is-suq biss jekk ikun mibni skond il-prattika tajba ta' l-inġinerija f'dik li hi sigurtà li tkun fis-seħħ fil-Komunità, u għaldaqstant ma jipperikulax is-sigurtà ta' persuni, annimali domestiċi jew proprjetà meta jkun installat u miżmum sewwa u użat għal skopijiet li għalihom kien magħmul.

    2.   L-elementi prinċipali ta' l-għanijiet tas-sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 huma elenkati fl-Anness I.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw illi jekk it-tagħmir elettriku jkun ta' natura li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 5, 6, 7 jew 8, il-moviment liberu ta' dan it-tagħmir ġewwa l-Komunità ma għandux jiġi mfixkel għar-raġunijiet tas-sigurtà.

    Artikolu 4

    F'dak li għandu x'jaqsam mat-tagħmir elettriku l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rekwiżiti tas-sigurtà aktar stretti minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 2 ma jiġux imposti mill-korpi tal-provvista ta' l-elettriku sabiex titqabbad mal-grilja, jew għall-provvista ta' l-elettriku lill-utenti tat-tagħmir elettriku.

    Artikolu 5

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw illi, b'mod partikolari dak it-tagħmir elettriku li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà ta' l-istandards armonizzati, jitqies mill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tagħhom li jissodisfa d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2, għall-finijiet tat- tpoġġija fuq is-suq u l-moviment liberu kif imsemmi fl-Artikoli 2 u 3 rispettivament.

    L-istandards għandhom jitqiesu bħala armonizzati ġaladarba jitfasslu bi ftehima komuni bejn il-korpi nnotifikati mill-Istati Membri skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 11 (a) , u ppubblikati skond il-proċeduri nazzjonali. L-istandards għandhom jigu aġġornati fid-dawl tal-progress teknoloġiku u ta' l-iżviluppi fil-prattika oġġettiva ta' l-inġinerija f'materji ta'sigurtà.

    Għall-finijiet ta' informazzjoni l-lista ta' l-istandards armonizzati u r-referenzi tagħhom għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 6

    1.   F'każ li l-istandards armonizzati kif definiti fl-Artikolu 5 għadhom ma ġewx imfassla u ppubblikati, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw, għall-finijiet tat-tqegħid fis-suq jew il-moviment liberu msemmi fl-Artikoli 2 u 3 rispettivament, li l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tagħhom għandhom iqisu wkoll, bħala li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2, dak it-tagħmir elettriku li huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tas-sigurtà tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar ir-Regoli għall-Approvazzjoni tat-Tagħmir Elettriku (CEE) jew tal-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali (IEC) li rigward tagħhom il-proċedura tal-pubblikazzjoni stabbilita fil-paragrafi 2 u 3 tkun giet applikata.

    2.   Id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jigu nnotifikati lill-Istati Membri mill-Kummissjoni mid-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, u wara dan, kif u meta jiġu ppubblikati. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, għandha tiddikjara d-dispożizzjonijiet u, b'mod partikolari, il-varjazzjonijiet li hija tirrakkomanda li jiġu ppubblikati.

    3.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni fi żmien tliet xhur mid-data li tkun ġiet ikkomunikata l-informazzjoni b'kull oġġezzjoni li jista' jkollhom għad-dispożizzjonijiet hekk innotifikati, filwaqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet tas-sigurtà li dwarhom dawn id-dispożizzjonijiet m'għandhomx jiġu rrikonoxxuti.

    Għall-finijiet ta' informazzjoni dawk id-dispożizzjonijiet ta' sigurtà li għalihom ma tkun ġiet imqajma l-ebda oġġezzjoni għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 7

    F'każ li għadhom ma jeżistux l-istandards armonizzati skond it-tifsira ta' l-Artikolu 5 jew id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà ppubblikati skond l-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jiżguraw li, għall-għan tat- tpoġġija fuq is-suq jew il-moviment liberu msemmi fl-Artikoli 2 u 3 rispettivament, l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tagħhom għandhom iqisu wkoll bħala li jħarsu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2, dak it-tagħmir elettriku fabbrikat skond id-dispożizzjonijiet għas-sigurtà ta' l-istandards fis-seħħ fl-Istat Membru tal-fabbrikant, jekk jiġi żgurat livell ta' sigurtà ekwivalenti għal dak mitlub fit-territorju tagħhom stess.

    Artikolu 8

    1.   Qabel jitpoġġa fuq is-suq, it-tagħmir ta' l-elettriku għandu jkollu mwħall miegħu l-immarkar CE msemmi fl-Artikolu 10 li jafferma l-konformità tiegħu mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, li jinkludi l-proċedura ta' stima ta' konformità deskritta fl-Anness IV.

    2.   Fil-każ ta' rikuża l-fabbrikant jew importatur jista' jippreżenta rapport, imfassal minn korp li hu nnotifikat skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 11 (b), dwar il-konformità tat-tagħmir elettriku mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2.

    3.   Fejn it-tagħmir ta' l-elettriku huwa soġġett għal Direttivi oħra li jkopru aspetti oħra li jipprovdu wkoll għat-twaħħil ta' l-immarkar CE, dan ta' l-aħħar għandu jindika li t-tagħmir huwa preżunt ukoll li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta' dawk id-Direttivi l-oħra.

    Iżda, fejn waħda jew aktar minn dawn id-Direttivi jippermettu lill-manifattur, waqt perjodu ta' transizzjoni, li jagħżel liema arranġamenti japplika, l-immarkar CE għandu jindika konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi applikati mill-fabbrikant biss. F'dan il-każ, id-dettalji tad-Direttivi applikati, kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, għandhom jingħataw fid-dokumenti, notifiki jew struzzjonijiet meħtieġa mid-Direttivi u li jakkumpanjaw it-tagħmir ta' l-elettriku.

    Artikolu 9

    1.   Jekk, għar-raġunijiet tas-sigurtà, Stat Membru jiprojbixxi it-tpoġġija fuq is-suq ta' xi tagħmir elettriku jew ifixkel il-moviment liberu tiegħu, dan għandu jinforma l-Istati Membri l-oħra kkonċernati u lill-Kummissjoni minnufih, filwaqt li jindika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u, b'mod partikolari, jiddikjara:

    (a)

    jekk in-nuqqas ta' konformita' tiegħu ma' l-Artikolu 2 jirriżultax minħabba xi nuqqas fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 5, fid-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 jew fl-istandards imsemmija fl-Artikolu 7;

    (b)

    jekk in-nuqqas ta' konformita' ma' l-Artikolu 2 jirriżultax mill-applikazzjoni żbaljata ta' dawn l-istandards jew pubblikazzjonijiet jew min-nuqqas ta' konformita' mal-prattika oġġettiva ta' l-inġinerija msemmija f'dak l-Artikolu .

    2.   Jekk l-Istati Membri l-oħra jqajmu oġġezzjonijiet għad-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Istati Membri kkonċernati minnufih.

    3.   Jekk ma jintlaħaqx ftehim fi żmien tliet xhur mid-data meta ġiet ikkomunikata l-informazzjoni kif stabbilit fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikseb l-opinjoni ta' wieħed mill-korpi nnotifikati skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 11 (b), li jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu barra mit-territorju ta' l-Istati Membri kkonċernati u li ma jkunx involut fil-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8. L-opinjoni għandha tistqarr sa liema punt ma ġewx imħarsa d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 2.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-opinjoni tal- korp imsemmi fil-paragrafu 3 lill-Istati Membri kollha, li jistgħu fi żmien xahar jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha fl-istess waqt tinnota kull osservazzjoni mill-partijiet kkonċernati dwar dik l-opinjoni.

    5.   Wara li tkun ikkunsidrat dawn l-osservazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha, jekk meħtieġ, tifformula r-rakkomandazzjonijiet jew l-opinjonijiet xierqa.

    L-Artikolu 10

    1.   L-immarkar ta' konformità CE msemmija fl-Anness III għandu jitwaħħal mill-fabbrikant jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità mat-tagħmir ta' l-elettriku jew, jekk dan ma jistax iseħħ, ma' l-ippakkjar, il-folja ta' introduzzjoni jew iċ-ċertifikat ta' garanzija, sabiex ikun viżibbli, jinqara faċilment u ma jitħassarx.

    2.   It-twaħħil ta' kull immarkar fuq tagħmir elettriku li jaf iqarraq lil terzi persuni fejn tidħol it-tifsira u l-forma ta' l-immarkar CE għandu jiġi projbit. Madankollu, kull immarkar ieħor jista' jitwaħħal mat-tagħmir elettriku, ma' l- ippakkjar tiegħu, mal-folja ta' struzzjonijiet jew maċ-ċertifikat ta' garanzija sakemm il-visibilità u l-leġibilità ta' l-immarkar CE ma jkunux b'hekk imnaqqsa.

    3.   Mingħajr ħsara għall-Artikolu 9:

    (a)

    fejn Stat Membru jistabbilixxi li l-immarkar CE ġie imwaħħal bla raġuni, il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità għandu jkun obbligat li jagħmel it-tagħmir ta' l-elettriku konformi fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-immarkar CE u li jwaqqaf il-ksur tar-regolament taħt il-kondizzjonijiet imposti mill-Istat Membru;

    (b)

    fejn in-nuqqas ta' konformità jissokta, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex inaqqas jew jipprojbixxi – t-tpoġġija fuq is-suq tat-tagħmir ta' l-elettriku in kwistjoni jew li jiżgura li jitneħħa mis-suq b'mod konformi ma' l-Artikolu 9.

    Artikolu 11

    Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar:

    (a)

    il-korpi msemmija fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5;

    (b)

    il-korpi li jistgħu jagħmlu rapport skond l-Artikolu 8 (2) jew jagħtu opinjoni skond l-Artikolu 9;

    (ċ)

    ir-referenza ta' pubblikazzjoni msemmija fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 5.

    Kull emenda li ssir għal dan ta' hawn fuq għandha tigi nnotifikata minn kull Stat Membru lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

    Artikolu 12

    Din id-Direttiva ma tapplikax għat-tagħmir elettriku maħsub għall-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

    Artikolu 13

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testijiet tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 14

    Id-Direttiva 73/23/KEE hi permezz ta' dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi ta' l-Istati Membri rigward il-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fil-Parti B ta' l-Anness V.

    Referenzi li jsiru għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skond it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness VI.

    Artikolu 15

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 16

    Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, 12 ta' Diċembru 2006.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. PEKKARINEN


    (1)  ĠU C 10, 14.1.2004, p. 6.

    (2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2003 (ĠU C 82 E, 1.4.2004, p. 68) u Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l-14 ta' Novembru 2006.

    (3)  ĠU L 77, 26.3.1973, p. 29. Direttiva kif emendata mid-Direttiva 93/68/KEE (ĠU L 220, 30.8.1993, p. 1).

    (4)  Ara l-Parti A ta' l-Anness V.

    (5)  Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE tat-22 ta' Lulju 1993 dwar il-moduli għall-fażijiet diversi tal-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità u r-regoli għat-twaħħil u għall-użu tal-marka ta' konformità CE li huma maħsubin sabiex jintużaw fid-direttivi ta' armonizzazzjoni teknika. (ĠU L 220, 30.8.1993, p. 23).


    ANNESS I

    L-elementi prinċipali ta' l-Objettivi ta' Sigurtà maħsuba għal tagħmir Elettriku ddisinjat għall-użu fi ħdan ċerti limiti ta’ Voltaġġ

    1.

    Il-kondizzjonijiet Ġenerali

    (a)

    Il-karatteristiċi essenzjali, li l-għarfien u l-ħarsien tagħhom jiżguraw li t-tagħmir elettriku jintuża bla ma jkun ta’ periklu u f’dawk l-applikazzjonijiet li kien magħmul għalihom, għandhom jiġu mmarkati fuq it-tagħmir, jew, jekk dan mhux possibbli, fuq avviż li mehmuż miegħu.

    (b)

    L-isem tal-prodott jew il-marka tal-fabbrika għandu jkun stampat ċar fuq it-tagħmir elettriku jew, fejn dan mhux possibbli, fuq l- ippakkjar.

    (ċ)

    It-tagħmir elettriku, flimkien mal-partijiet komponenti tiegħu, għandu jkun magħmul hekk illi jkun żgurat li jista’ jiġi mmuntat u kkonnettjat sewwa u b’ mod li ma jkunx ta’ periklu.

    (d)

    It-tagħmir elettriku għandu jkun ddisinjat u ffabbrikat hekk illi jiżgura l-protezzjoni kontra r-riskji elenkati fil-punti 2 u 3 ta’ dan l-Anness, sakemm it-tagħmir jintuża f’applikazzjonijiet li kien magħmul għalihom u jkun mantenut kif mistenni.

    2.

    Protezzjoni kontra r-riskji li jinħolqu mit-tagħmir elettriku

    Miżuri ta’ natura teknika għandhom jiġu stabbiliti skond il-punt 1, sabiex ikun żgurat:

    (a)

    li l-persuni u l-annimali domestiċi jkunu protetti b’mod adegwat mill-periklu tal-ħsara fiżika jew ta’dannu ieħor li jista’ jkun ikkawżat minn kuntatt dirett jew indirett;

    (b)

    li ma jinħolqux temperaturi, skariki jew radjazzjoni li jistgħu jikkawżaw il-periklu;

    (ċ)

    li l-persuni, l-annimali domestiċi u l-proprjetà jkunu protetti b’mod adegwat minn perikli li mhumiex elettriċi kkawżati mit-tagħmir elettriku u li jinkixfu bl-esperjenza;

    (d)

    li l- “insulation” għandha tkun xierqa għall-kondizzjonijiet prevedibbli.

    3.

    Protezzjoni kontra r-riskji li jistgħu jiġu kkawżati minn influwenzi esterni fuq it-tagħmir elettriku

    Miżuri tekniċi għandhom jiġu stabbiliti skond il-punt 1, sabiex jiġi żgurat:

    (a)

    li t-tagħmir elettriku jilħaq ir-rekwiżiti mekkaniċi mistennija hekk illi l-persuni, l-annimali domestiċi u l-proprjetà ma jitqegħdux fil-periklu;

    (b)

    li t-tagħmir elettriku jkun reżistenti għal influwenzi mhux mekkaniċi fil-kondizzjonijiet ambjentali mistennija, hekk illi l-persuni, l-annimali domestiċi u l-proprjetà ma jitqiegħdux fil-periklu;

    (ċ)

    li t-tagħmir elettriku m’għandux iqiegħed fil-periklu l-persuni, l-annimali domestiċi u l-proprjetà fil-każ ta’ kondizzjonijiet prevedibbli ta’ “overload”.


    ANNESS II

    Tagħmir u fenomeni 'l barra mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva

    Tagħmir elettriku għall-użu f’atmosfera splussiva

    Tagħmir elettriku għar-radjoloġija u skopijiet mediċi

    Partijiet ta’ l-elettriku għall-lifts tal-merkanzija u tal-passiġġieri

    Meters ta’ l-elettriku

    Il-plakek u s-soket owtlets għall-użu domestiku

    Il-kontrulluri tal-ħitan ta’ l-elettriku

    L-interferenza radju-elettrika

    Tagħmir elettriku speċjalizzat, għall-użu fuq il-bastimenti, il-vetturi ta’ l-ajru u l-ferroviji, li jħares id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà stabbiliti mill-korpi internazzjonali li fihom l-Istati Membri jieħdu sehem.


    ANNESS III

    Immarkar ta’ Konformità CE u Dikjarazzjoni ta’ Konformità Tal-ke

    A.   Immarkar ta’ konformità CE

    L-immarkar ta’ konformità CE għandu jkun magħmul mill-inizjali “CE” li jieħdu l-forma segwenti:

    Image

    Jekk il-marka CE tiġi mnaqqsa jew imkabbra, il-proporzjonijiet mogħtija fid-disinn gradwat ta’ hawn fuq għandhom jiġu rispettati.

    Il-komponenti varji ta’ l-immarkar CE għandu jkollhom sostanzjalment l-istess dimensjoni vertikali li ma tistax tkun anqas minn 5 mm.

    B.   Dikjarazzjoni ta’ konformità tas-CE

    Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tas-CE għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:

    l-isem u l-indirizz tal-fabbrikant jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità,

    deskrizzjoni tat-tagħmir ta’ l-elettriku,

    referenza għall-istandards armonizzati,

    fejn xieraq, referenza għall-ispeċifikazzjonijiet li magħhom hija ddikjarata l-konformità,

    identifikazzjoni tal-firmatarju li ġie awtorizzat sabiex jidħol f’impennji f'isem il-fabbrikant jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità,

    l-aħħar żewġ figuri tas-sena li fiha twaħħal l-immarkar CE.


    ANNESS IV

    Kontroll tal-Produzzjoni Interna

    1.

    Il-kontroll tal-produzzjoni interna hija l-proċedura li biha l-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità, li jwettaq l-obbligi stabbiliti fil-punt 2, jiżgura u jiddikkjara li t-tagħmir ta' l-elettriku jissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li japplikaw għalih. Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità għandu jwaħħal l-immarkar CE fuq kull prodott u għandu jifformola dikjarazzjoni ta' konformità bil-miktub.

    2.

    Il-fabbrikant għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika deskritta fil-punt 3 u hu jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fi ħdan il-Komunità għandu jżommu fit-territorju tal-Komunità għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet nazzjonali relevanti għall-skopijiet ta' spezzjoni għal perjodu li jintemm mill-inqas 10 snin wara li ġie fabbrikat l-aħħar prodott.

    Meta la l-fabbrikant u lanqas ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu ma jkunu stabbiliti fi ħdan il-Komunità, dan l-obbligu huwa r-responsabbilità tal-persuna li jqiegħed it-tagħmir ta' l-elettriku fis-suq tal-Komunità.

    3.

    Id-dokumentazzjoni teknika għandha tagħmel possibbli l-istima tal-konformità tat-tagħmir ta' l-elettriku mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva. Għandu, sakemm ikun relevanti għal din l-istima, ikopri d-disinn, manifattura u operazzjoni tat-tagħmir ta' l-elettriku. Għandu jinkludi:

    deskrizzjoni ġenerali tat-tagħmir ta' l-elettriku,

    disinn konċettwali u tpinġiji tal-manifattura u skemi ta' komponenti, subassemblaġġi, ċirkwiti, eċċ.,

    deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet meħtieġa għall-fehim ta' l-imsemmija tpinġijiet u skemi u l-operazzjoni tat-tagħmir ta' l-elettriku,

    lista ta' l-istandards applikati fil-milja tagħhom jew f'parti, u deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati sabiex jissodisfaw l-aspetti ta' sigurtà ta' din id-Direttiva fejn ma ġewx applikati l-istandards,

    riżultati tal-kalkoli tad-disinn magħmula, eżaminazzjonijiet imwettqa, eċċ.

    rapporti tat-testijiet.

    4.

    Il-fabbrikant jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jżomm kopja tad-dikjarazzjoni ta' konformità mad-dokumentazzjoni teknika.

    5.

    Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex il-proċess ta' manifattura jiżgura konformità mal-prodotti mmanifatturati mad-dokumentazzjoni teknika li hemm referenza għaliha fil-punt 2 u mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li japplikaw għalihom.


    ANNESS V

    Parti A

    Direttiva mħassra flimkien ma’ l-emenda suċċessiva tagħha

    Direttiva 73/23/KEE tal-Kunsill

    Direttiva tal-Kunsill 93/68/KEE Artikolu 1

    punt 12 u Artikolu 13 biss

    (ĠU L 77, 26.3.1973, p. 29)

    (ĠU L 220, 30.8.1993, p. 1)

    Parti B

    Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

    (imsemmija fl-Artikolu 14)

    Direttiva

    Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

    Data ta’ applikazzjoni

    73/23/KEE

    93/68/KEE

    21 ta’ Awissu 1974 (1)

    1 ta’ Lulju 1994

    ___

    1 ta’ Jannar 1995 (2)


    (1)  Fil-każ tad-Danimarka, il-limitu ta’ żmien għandu jiġi mtawwal ghal ħames snin, iġifieri 21 ta’ Frar 1978. Ara l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 73/23/KEE.

    (2)  Sa l-1 ta’ Jannar 1997 l-Istati Membri għandhom jippermettu t-tqegħid fis-suq u d-dħul fis-servizz ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ l-arranġamenti ta’ mmarkar fis-seħħ qabel fl-1 ta’ Jannar 1995. Ara l-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 93/68/KEE.


    ANNESS VI

    Tabella ta’ Korrelazzjoni

    Directive 73/23/KEE

    Din id-Direttiva

    Artikoli 1 sa 7

    Artikolu 8(1)

    Artikolu 8(2)

    Artikolu 8(3)(a)

    Artikolu 8(3)(b)

    Artikolu 9(1) l-ewwel inċiż

    Artikolu 9(1) it-tieni inċiż

    Artikolu 9(2) sa (5)

    Artikolu 10

    Artikolu 11 l-ewwel inċiż

    Artikolu 11 it-tieni inċiż

    Artikolu 11 it-tielet inċiż

    Artikolu 12

    Artikolu 13(1)

    Artikolu 13(2)

    Artikolu 14

    Annessi I sa IV

    Artikoli 1 sa 7

    Artikolu 8(1)

    Artikolu 8(2)

    Artikolu 8(3) l-ewwel subparagrafu

    Artikolu 8(3) it-tieni subparagrafu

    Artikolu 9(1)(a)

    Artikolu 9(1)(b)

    Artikolu 9(2) sa (5)

    Artikolu 10

    Artikolu 11(a)

    Artikolu 11(b)

    Artikolu 11(ċ)

    Artikolu 12

    Artikolu 13

    Artikolu 14

    Artikolu 15

    Artikolu 16

    Annessi I sa IV

    Anness V

    Anness VI


    Top