Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0859

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 28 ta' Novembru 2006 li tagħti lil Malta deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 5642)

ĠU L 332, 30.11.2006, p. 32–33 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 142M, 5.6.2007, p. 646–647 (MT)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/859/oj

5.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

646


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-28 ta' Novembru 2006

li tagħti lil Malta deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 5642)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(2006/859/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta' l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (1), u partikolarment l-Artikolu 26(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat l-applikazzjoni mibgħuta minn Malta fil-15 ta' Novembru 2005,

Wara li l-Istati Membri ġew infurmati bl-applikazzjoni,

Billi:

(1)

Fil-15 ta' Novembru 2005, Malta bagħtet applikazzjoni lill-Kummissjoni għal deroga għal żmien indefinit mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2003/54/KE u mill-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 21(1) tiegħu. Awtorizzazzjoni ċara għat-tressiq ta' din l-applikazzjoni tinstab fl-Artikolu 26(1) ta' dik id-Direttiva.

(2)

Malta tikkwalifika bħala “sistema żgħira iżolata” kif hi mfissra fil-punt (26) ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/54/KE. Skond dik id-dispożizzjoni, “sistema żgħira iżolata” tfisser kwalunkwe sistema b'konsum ta' inqas minn 3 000 GWh fis-sena 1996, fejn inqas minn 5 % tal-konsum annwali jinkiseb permezz ta' interkonnettività ma' sistemi oħra. Fl-1996, Malta kkonsumat 1 695 GWh. Malta hi sistema ta' enerġija iżolata u mhux interkonnessa, u dawn id-derogi huma mitluba sakemm tibqa' sistema iżolata.

(3)

Id-dokumenti annessi ma' l-applikazzjoni jipprovdu evidenza xierqa li hija impossibbli u mhux prattikabbli għalissa li jintlaħaq l-għan ta' suq kompetittiv fl-elettriku meta jitqiesu d-daqs u l-istruttura tas-suq ta' l-elettriku fil-gżira. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-ftuħ tas-suq joħloq problemi kbar marbutin partikolarment mas-sigurtà tad-distribuzzjoni ta' l-elettriku, waqt li jġib miegħu nefqa akbar għall-konsumatur. Barra minn dan, ma teżisti l-ebda sistema ta' trażmissjoni u għalhekk l-ebda operatur ma jista' jiġi nnominat; bla kompetizzjoni fis-suq, il-ġustifikazzjonijiet tar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/54/KE rigward aċċess minn partijiet terzi għas-sistemi tad-distribuzzjoni jispiċċaw.

(4)

Wara li eżaminat il-bażi tal-każ li ressqet Malta, il-Kummissjoni hi sodisfatta li sew id-deroga sew il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha ma jippreġudikawx il-ksib eventwali ta' l-għanijiet tad-Direttiva 2003/54/KE.

(5)

Għalhekk id-deroga mitluba minn Malta għandha tkun milqugħa.

(6)

Madankollu, għalkemm l-applikazzjoni ta' Malta tagħti deskrizzjoni ġusta tas-sitwazzjoni preżenti, ma tiħux qies tal-possibbiltà ta' żvilupp teknoloġiku sew fiż-żmien medju u sew dak imbiegħed, li jista' jwassal għal bidliet sostanzjali. Għalhekk is-sitwazzjoni trid tiġi mmonitorjata regolarment,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Deroga mill-Kapitolu IV tad-Direttiva 2003/54/KE u mill-Artikolu 20(1) u l-Artikolu 21(1) tiegħu hi milqugħa għal Malta.

Artikolu 2

Id-deroga tista' tiġi rtirata jew riveduta mill-Kummissjoni jekk isir bdil sostanzjali fis-settur ta' l-elettriku f'Malta.

Għal dan l-iskop, Malta trid timmonitorja l-evoluzzjoni tas-settur ta' l-elettriku u trid tirrapporta lill-Kummissjoni b'kull bdil sostanzjali li jkun hemm fih, partikolarment informazzjoni fuq liċenzji ġodda tal-ġenerazzjoni, parteċipanti ġodda fis-suq u pjanijiet infrastrutturali ġodda li jistgħu jirrekjedu reviżjoni tad-deroga.

Barra minn dan, kull sentejn Malta trid tibgħat rapport ġenerali lill-Kummissjoni, l-ewwel darba mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2008. Fir-rapporti għandhom ikunu mniżżlin il-politiki għall-istabbiliment tat-tariffi u tal-prezzijiet, flimkien mal-miżuri li jkunu ġew adottati biex iħarsu l-interessi tal-konsumatur fid-dawl tad-deroga.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' Malta.

Magħmul fi Brussel, 28 ta' Novembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Andris PIEBALGS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/85/KE (ĠU L 236, tas-7.7.2004, p. 10).


Top