EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0770

2006/770/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 9 ta' Novembru 2006 li temenda l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 312, 11.11.2006, p. 59–65 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 322M, 2.12.2008, p. 284–290 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 02/03/2011

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/770/oj

2.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

284


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta' Novembru 2006

li temenda l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/770/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 stabbilixxa linji gwida dwar l-amministrazzjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trasferiment disponibbli ta’ interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali;

(2)

Metodi effiċjenti ta’ l-immaniġġjar tal-konġestjoni għandhom ikunu introdotti f’dawn il-linji gwida għal kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni bejn il-fruntieri sabiex jiżguraw aċċess effettiv għal sistemi ta’ trasmissjoni għall-iskop ta’ transazzjonijiet bejn il-fruntieri.

(3)

Il-miżuri provduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003 huwa sostitwit mill-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fil-Brussell, 9 ta' Novembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Andris PIEBALGS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 1.


ANNESS

Linji gwida dwar l-amministrazzjoni u l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trasferiment disponibbli ta’ interkonnessjonijiet bejn sistemi nazzjonali

1.   Dispożizzjonijiet Ġenerali

1.1

It-TSOs għandhom jaħdmu sabiex jaċċettaw it-transazzjonijiet kummerċjali kollha, inkluż dawk li jinvolvu kummerċ bejn il-fruntieri.

1.2

Meta ma jkunx hemm konġestjoni, m’għandu jkun hemm ebda restrizzjoni ta’ aċċess għall-interkonessjoni. Meta dan ikun ġeneralment il-każ, m’hemmx bżonn ikun hemm proċedura ta’ allokazzjoni ġenerali permanenti għal aċċess għal servizz ta’ trasmissjoni bejn il-fruntieri.

1.3

Meta transazzjonijiet kummerċjali skedati ma jkunux kumpatibbli ma’ operazzjoni ta’ netwerk sikura, it-TSOs għandhom jnaqqsu l-konġestjoni skond ir-rekwiżiti tas-sigurtà operazzjonali tas-sistema elettrika filwaqt li jaħdmu sabiex jiżguraw li kwalunkwe spejjeż assoċjati jibqgħu fuq livell ekonomikament effiċjenti. Dispaċċ mill-ġdid jew skambju ta’ kumpens għandu jkunu pprevedut f’każ li miżuri ta’ inqas ħlas ma jistgħux ikunu applikati.

1.4

Jekk isseħħ konġestjoni strutturali, regoli u arranġamenti approprjati ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni definiti u stabbiliti minn qabel għandhom ikunu implimentati immedjatament mit-TSOs. Il-metodi ta’ amministrazzjoni tal-Konġestjoni għandhom jiżguraw li l-flussi ta’ enerġija fiżika assoċjati mal-kapaċità ta’ trasmissjoni allokata kollha timxi skond l-istandards ta’ sigurtà tan-netwerk.

1.5

Il-metodi adottati għall-amministrazzjoni tal-konġestjoni għandhom jagħtu sinjali ekonomiċi effiċjenti lill-parteċipanti tas-suq u t-TSOs, jippromwovu l-kompetizzjoni u jkunu adattati għal applikazzjoni reġjonali u fil-komunità.

1.6

Ebda distinzjoni bbażata fuq transazzjoni ma tista’ tkun applikata fl-amministrazzjoni tal-konġestjoni. Rikjesta partikolari għal servizz ta’ trasmissjoni għandha tkun miċħuda biss meta l-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu mwettqa flimkien:

(a)

it-flussi inkrementali ta’ enerġija fiżika li jirrizultaw mill-aċċettazzjoni ta’ din ir-rikjesta jimplikaw li l-operazzjoni sikura tas-sistema tal-qawwa elettrika ma tistax tkun garantita iktar, u

(b)

il-valur f’ammont monetarju anness ma’ din ir-rikjesta fil-proċedura ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni huwa iktar baxx mir-rikjesti l-oħra kollha maħsuba biex ikunu aċċettati għall-istess servizz u kondizzjonijiet.

1.7

Fid-definizzjoni ta’ erjas ta’ netwerk approprjati li fihom u bejniethom għandha tapplika l-amministrazzjoni tal-konġestjoni, t-TSOs għandhom ikunu ggwidati mill-prinċipji ta’ profitt u minimizzazzjoni ta’ impatti negattivi fuq is-Suq Intern ta’ l-Elettriku. Speċifikament, it-TSOs ma jistgħux jillimitaw il-kapaċità ta’ l-interkonnessjoni sabiex isolvu l-konġestjoni fl-erja ta’ kontroll tagħhom, minbarra għar-raġunijiet fuq imsemmija u raġunijiet ta’ sigurtà operazzjonali (1). Jekk isseħħ sitwazzjoni bħal din, dan għandu jkun deskritt u ippreżentat b’mod trasparenti lill-utenti kollha mit-TSOs. Din is-sitwazzjoni tista’ tkun tollerata biss sakemm tinstab soluzzjoni fit-tul. Il-metodoloġija u l-proġetti sabiex tkun miksuba s-soluzzjoni fit-tul għandhom ikunu deskritti u ppreżentati b’mod trasparenti lill-utenti kollha mit-TSOs.

1.8

Fil-bilanċ tan-netwerk fl-erja ta’ kontroll permezz ta’ miżuri operazzjonali fin-netwerk u permezz ta’ dispaċċ mill-ġdid, it-TSO għandu jikkunsidra l-effett ta’ dawn il-miżuri fuq erjas ta’ kontroll fil-viċinanzi.

1.9

Sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2008, mekkaniżmi għall-amministrazzjoni ta’ konġestjoni fil-ġurnata ta’ kapaċità ta’ interkonnettur għandhom ikunu stabbiliti b’mod koordinat u skond kondizzjonijiet operazzjonali ta’ sigurtà, sabiex ikunu massimizzati opportunitajiet għal kummerċ u sabiex jipprovdu għal bilanċ bejn il-fruntieri.

1.10

L-Awtoritajiet Regolatorji nazzjonali għandhom regolarment jevalwaw il-metodi ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-osservanza tal-prinċipji u regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament u Linji Gwida u tat-termini u kondizzjonijiet stabbiliti mill-Awtoritajiet Regolatorji nfushom skond dawn il-prinċipji u regoli. Din l-evalwazzjoni għandha tinkludi konsultazzjoni ma’ l-atturi tas-suq kollha u studji apposta.

2.   Metodi ta’ l-amministrazzjoni tal-Konġestjoni

2.1

Il-metodi ta’ l-amministrazzjoni tal-konġestjoni għandhom ikunu bbażati fuq is-suq sabiex jiffaċilitaw kummerċ effiċjenti bejn il-fruntieri. Għal dan l-iskop, il-kapaċità għandha tkun allokata biss permezz ta’ irkanti espliċiti (kapaċità) jew impliċiti (kapaċità u enerġija). Iż-żewġ metodi jistgħu jikkoeżistu fuq l-istess interkonnessjoni. Għal kummerċ fil-ġurnata jista’ jkun użat kummerċ kontinwu.

2.2

Skond il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni, il-mekkaniżmi ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni jista’ jkollhom bżonn jippermettu għal allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ trasmissjoni kemm fit-tul kif ukoll għal żmien qasir.

2.3

Kull proċedura ta’ allokazzjoni tal-kapaċità għandha talloka parti preskritta tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni disponibbli kif ukoll kwalunkwe kapaċità li jifdal li mhix allokata preċedentament u kwalunkwe kapaċità rilaxxata minn detenturi tal- kapaċità minn allokazzjonijiet preċedenti.

2.4

It-TSOs għandhom jtejbu l-livell li fih il-kapaċità hija soda, filwaqt li jikkunsidraw l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet tat-TSOs involuti u l-obbligazzjonijiet u drittijiet tal-parteċipanti tas-suq, sabiex jiffaċilitaw kompetizzjoni effettiva u effiċjenti. Parti raġonevoli tal-kapaċità tista’ tkun offruta lis-suq fuq livell ridott ta’ fermezza, iżda il-kundizzjonijiet preċiżi għal trasport fuq linji bejn il-fruntieri għandhom xi drabi jkunu notifikati lil parteċipanti fis-suq.

2.5

Id-drittijiet tal-aċċess għal allokazzjonijiet fit-tul jew għal żmien medju għandhom ikunu drittijiet ta’ kapaċità ta’ trasmissjoni sodi. Għandhom ikunu suġġetti għall-prinċipji ta’ użah-jew-titilfu jew użah-jew-biegħu fil-ħin ta’ nominazzjoni.

2.6

It-TSOs għandhom jiddefinixxu struttura approprjata għall-allokazzjoni ta’ kapaċità bejn terminit ta’ żmien differenti. Dan jista’ jinkludi għażla ta’ riżerva ta’ persentaġġ minimu ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni għal allokazzjoni ta’ kuljum jew fil-ġurnata. Din l-istruttura ta’ allokazzjoni għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-Awtoritajiet Regolatorji rispettivi. Fit-tfassil tal-proposti tagħhom, it-TSOs għandhom jikkunsidraw:

(a)

il-karatteristiċi tas-swieq,

(b)

il-kondizzjonijiet operazzjonali, bħall-implikazzjonijiet ta’ ħolqien ta’ skedi dikjarati b’mod sod,

(c)

il-livell ta’ armonizzazzjoni tal-persentaġġi u termini ta’ żmien adottati għall-mekkaniżmi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità differenti fis-seħħ.

2.7

Allokazzjoni ta’ kapaċità ma tistax tiddiskrimina bejn parteċipanti tas-suq li jixtiequ jużaw id-drittijiet tagħhom biex jagħmlu użu mill-kuntratti ta’ provvista bilaterali jew biex jibbiddjaw fi tpartit ta’ enerġija. L-ogħla offerti ta’ valur, kemm jekk impliċiti jew jekk espliċiti f’terminu ta’ żmien stabbilit, għandhom jirnexxu.

2.8

Fir-reġjuni fejn swieq ta’ elettriku finanzjarji mistennija huma żviluppati sew u urew l-effiċjenza tagħhom, il-kapaċità kollha ta’ interkonnessjoni tista’ tkun allokata permezz ta’ irkant impliċitu.

2.9

Minbarra fil-każ ta’ interkonnetturi ġodda li jibbenefikaw minn eżenzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament, l-istabbiliment ta’ prezzijiet ta’ riżerva f’metodi ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità m’għandhomx ikunu permessi.

2.10

Bħala prinċipju, il-parteċipanti tas-suq potenzjali kollha għandhom ikunu awtorizzati biex jipparteċipaw fil-proċess ta’ allokazzjoni mingħajr restrizzjoni. Sabiex ikun evitat il-ħolqien jew aggravazzjoni ta’ problemi relatati ma’ l-użu potenzjali tal-pożizzjoni dominanti ta’ kwalunkwe attur fis-suq, l-Awtoritajiet Regolatorji u/jew ta’ Kompetizzjoni relevanti, fejn approprjat, jistgħu jimponu restrizzjonijiet in ġenerali jew fuq kumpanija individwali għal raġuni ta’ dominanza tas-suq.

2.11

Parteċipanti tas-suq għandhom jinnominaw b’mod sod l-użu tagħhom tal-kapaċità lit-TSOs permezz ta’ skadenza definita għal kull terminu ta’ żmien. L-iskadenza għandha tkun stabbilita tant li t-TSOs ikunu kapaċi jerġgħu jassenjaw kapaċità mhux użata għal allokazzjoni mill-ġdid fit-terminu ta’ żmien relevanti li jmiss — inkluż sezzjonijiet fil-ġurnata.

2.12

Kapaċità għandha tkun kummerċjabbli b’mod liberu fuq bażi sekondarja, sakemm it-TSO huwa informat suffiċjentament minn qabel. Meta TSO jirrifjuta kwalunwke kummerċ sekondarju (transazzjoni), dan għandu jkun komunikat b’mod ċar u trasparenti u spjegat lill-parteċipanti tas-suq kollha minn dak it-TSO u notifikat lill-Awtorità Regolatorja.

2.13

Il-konsegwenzi finanzjarji tal-falliment li jkunu mwettqa obbligazzjonijiet assoċjati ma’ l-allokazzjoni ta’ kapaċità għandhom ikunu attribwiti lil dawk li huma responsabbli għal dan il-falliment. Meta parteċipanti tas-suq ma jużawx il-kapaċità li jobbligaw ruħhom li jużaw, jew, fil-każ ta’ kapaċità mibjugħa bl-irkant espliċitament, jonqsu milli jinnegozjaw fuq bażi sekondarja jew jagħtu l-kapaċità lura fil-ħin, huma jitilfu d-drittijiet tagħhom għal din il-kapaċità u jħallsu taxxa li tirrifletti l-prezz. Kwalunkwe taxxi li jirriflettu l-prezz għan-nuqqas ta’ użu tal-kapaċità għandhom jkunu ġustifikati u proporzjonali. Bl-istess mod, jekk TSO ma jwettaqx l-obbligazzjoni tiegħu, għandu jkun responsabbli biex jikkumpensa lill-parteċipant tas-suq għat-telf ta’ drittijiet tal-kapaċità. Ebda telf konsegwenzjali m’għandu jkun kkunsidrat għal dan l-iskop. Il-kunċetti u metodi ewlenin għad-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw minħabba falliment li jkunu mwettqa obbligazzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti minn qabel fir-rigward ta’ konsegwenzi finanzjarji, u għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni mill-Awtorità jew Awtoritajiet Regolatorji nazzjonali relevanti.

3.   Koordinazzjoni

3.1

Allokazzjoni ta’ kapaċità f’interkonnessjoni għandha tkun koordinata u implimentata permezz ta’ proċeduri ta’ allokazzjoni komuni mit-TSOs involuti. F’każijiet fejn skambji kummerċjali bejn żewġ pajjiżi (TSOs) huma mistennija li jaffettwaw b’mod sinifikanti kundizzjonijiet ta’ enerġija fiżika fi kwalunkwe pajjiż terz (TSO), metodi ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni għandhom ikunu koordinati bejn it-TSOs kollha affettwati b’dan il-mod permezz ta’ proċedura ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni komuni. Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali u TSOs għandhom jiżguraw li ebda proċedura ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni b’effetti sinifikanti fuq it-trasmissjoni ta’ l-enerġija fiżika ta’ l-elettriku f’netwerks oħra ma tkun imwettqa unilateralment.

3.2

Metodu u proċedura ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni koordinata komuni għall-allokazzjoni tal-kapċità tas-suq mill-inqas annwalment, fix-xahar u ġurnata minn qabel għandhom ikunu applikati sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 2007 bejn pajjiżi fir-reġjuni li ġejjin:

(a)

L-Ewropa ta’ Fuq (i.e.id-Danimarka, l-Iżvezja, il-Finlandja, il-Ġermanja u Polonja),

(b)

Il-Majjistral ta’ l-Ewropa (i.e. Benelux, il-Ġermanja u Franza),

(c)

L-Italja (i.e.l-Italja, Franza, il-Ġermanja, l-Awstrija, l-Islovenja u l-Greċja),

(d)

L-Ewropa Ċentrali tax-Xlokk (i.e.il-Ġermanja, Polonja, ir-Repubblika Ċeka, Slovakkja, l-Ungerija, l-Awstrija u l-Islovenja),

(e)

L-Ewropa ta’ Lbiċ (i.e. Spanja, il-Portugall u Franza),

(f)

L-Ingilterra, l-Irlanda u Franza,

(g)

L-Istati Baltiċi (i.e.l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja).

F’interkonnessjoni li tinvolvi pajjiżi li jappartjenu għal aktar minn reġjun wieħed, il-metodu ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni applikat jista’ jkun differenti sabiex jiżgura l-kumpatibilità mal-metodi applikati fir-reġjuni l-oħra li jappartjenu fihom dawn il-pajjiżi. F’dan il-każ it-TSOs relevanti għandhom jipproponu l-metodu li għandu jkun suġġett għal reviżjoni mill-Awtoritajiet Regolatorji relevanti.

3.3

Ir-reġjuni imsemmija f’2.8. jistgħu jallokaw il-kapaċità ta’ interkonnessjoni permezz ta’ allokazzjoni minn ġurnata qabel.

3.4

Proċeduri ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni kumpatibbli għandhom ikunu definiti fis-seba’ reġjuni kollha bl-iskop li jiffurmaw Suq Elettriku Ewropew Intern verament integrat. Partijiet tas-suq m’għandhomx ikunu konfrontati b’sistemi reġjonali li mhumiex kumpatibbli.

3.5

Bl-iskop li jippromwovu kompetizzjoni ġusta u effiċjenti u kummerċ bejn il-fruntieri, koordinazzjoni bejn TSOs fir-reġjuni stabbiliti f’3.2 fuq imsemmija għandhom jinkludi l-passi kollha mill-kalkolu tal-kapaċità u ottimizzazzjoni ta’ allokazzjoni sa operazzjoni żgura tan-netwerk, b’assenjazzjonijiet ċari ta’ risponsabbiltà. Din il-koordinazzjoni għandha tinkludi, b’mod partikolari:

(a)

Użu ta’ mudell ta’ trasmissjoni komuni li jittratta effiċjentament linji ta’ enerġija fiżikament interdipendenti u wara kunsiderazzjoni ta’ diskrepanzi bejn enerġija fiżika u kummerċjali

(b)

Allokazzjoni u nominazzjoni tal-kapaċità li jkunu trattati b’mod effiċjenti il-linji ta’ enerġija fiżikament interdipendenti,

(c)

Obbligazzjonijiet identiċi ta’ detenturi tal-kapaċità sabiex jipprovdu informazzjoni dwar l-użu intenzjonat tagħhom tal-kapaċità, i.e.nominazzjoni tal-kapaċità (għal irkanti espliċiti),

(d)

Termini ta’ żmien u ħinijiet ta’ għeluq identiċi,

(e)

Struttura identika għall-allokazzjoni ta’ kapaċità bejn termini ta’ żmien differenti (e.ż. ġurnata waħda, tliet siegħat, ġimgħa waħda, eċċ.) u fit-termini ta’ blokki ta’ kapaċità mibjugħa (ammont ta’ qawwa elettrika fil-MW, MWh, eċċ.),

(f)

Qafas kuntrattwali konsistenti mal-parteċipanti tas-suq,

(g)

Verifika li l-flussi ta’ l-enerġija jimxiu skond ir-rekwiżiti ta’ sigurtà tan-netwerk għal ippjanar operazzjonali u għal operazzjoni fi żmien reali,

(h)

Kontabilità u ħlas ta’ azzjonijiet ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni.

3.6

Koordinazzjoni għandha tinkludi wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni bejn TSOs. In-natura, ħin u frekwenza ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni għandha tkun kumpatibbli ma’ l-attivitajiet f’3.5. u l-funzjonament tas-swieq ta’ l-elettriku. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni għandu b’mod partikolari jippermetti li t-TSOs jagħmlu l-aħjar previżjoni possibbli tas-sitwazzjoni tas-sistema elettrika globali sabiex jivverifikaw l-enerġija fin-netwerk tagħhom u l-kapaċitajiet ta’ interkonnessjoni disponibbli. Kwalunkwe TSO li jiġbor informazzjoni f’isem TSOs oħra għandu jagħti lura lit-TSO li qed jipparteċipa r-riżultati tal-ġbir tad-dejta.

4.   Skeda għal operazzjonijiet tas-suq

4.1

L-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli għandha sseħħ suffiċjentement minn qabel. Qabel kull allokazzjoni, it-TSOs involuti għandhom jippubblikaw flimkien il-kapaċità li għandha tkun allokata, wara kunsiderazzjoni fejn xieraq tal-kapaċità rilaxxata minn kwalunkwe drittiijiet ta’ trasmissjoni sodi u, fejn relevanti, nominazzjonijiet mogħtija assoċjati, flimkien ma’ kwalunkwe perjodi ta’ ħin li matulom il-kapaċità għandha tkun imnaqqsa jew mhux disponibbli (għall-iskop ta’ manteniment, per eżempju).

4.2

Wara kunsiderazzjoni totali tas-sigurtà ta’ netwerk, in-nominazzjoni ta’ drittijiet ta’ trasmissjoni għandja sseħħ suffiċjentament minn qabel, qabel is-sezzjonijiet ta’ ġurnata minn qabel tas-swieq organizzati relevanti kollha u qabel il-pubblikazzjoni tal-kapaċità li għandha tkun allokata skond il-mekkaniżmu ta’ ġurnata minn qabel jew fil-ġurnata. Nominazzjonijiet tad-drittijiet ta’ trasmissjoni fid-direzzjoni opposta għandhom ikunu mogħtija sabiex jagħmlu użu effiċjenti ta’ l-interkonnessjoni.

4.3

Allokazzjonijiet fil-ġurnata suċċessivi tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli għall-ġurnata D għandhom iseħħu fil-ġranet D-1 u D, wara l-ħruġ ta’ l-iskedi ta’ produzzjoni ta’ ġurnata minn qabel indikati jew attwali.

4.4

Fil-preparazzjoni operazzjoni tas-sistema minn ġurnata qabel, it-TSOs għandhom ipartu informazzjoni ma’ TSOs ġirien, inkluż it-topoloġija ta’ xibka ta’ previżjoni, id-disponibilità u produzzjoni prevista ta’ unitajiet ta’ ġenerazzjoni, u flussi ta’ enerġija sabiex itejbu l-użu tan-netwerk ġenerali permezz ta’ miżuri operazzjonali skond ir-regoli għal xibka ta’ operazzjoni sikura.

5.   Trasparenza

5.1.

It-TSOs għandhom jippubblikaw d-dejta kollha relevanti relatata ma’ disponibbiltà ta’ netwerk, aċċess għal netwerk u użu ta’ netwerk, inkluż rapport dwar fejn u għaliex teżisti konġestjoni, il-metodi applikati għall-amministrazzjoni tal-konġestjoni u l-pjanijiet għall-amministrazzjoni futura tagħha.

5.2

It-TSOs għandhom jippubblikaw deskrizzjoni ġenerali tal-metodu ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni applikat skond ċirkustanzi differenti għall-massimiżżazzjoni tal-kapaċità disponibbli fis-suq, u skema ġenerali għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni għat-termini ta’ żmien differenti, ibbażati fuq ir-realtajiet elettriċi u fiżiċi tan-netwerk. Din l-iskema għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-Awtoritajiet Regolatorji ta’ l-Istati Membri kkonċernati.

5.3

Il-proċeduri ta’ allokazzjoni ta’ kapaċità u amministrazzjoni tal-konġestjoni fis-seħħ, flimkien mal-ħinijiet u proċeduri għall-applikazzjoni tal-kapaċità, deskrizzjoni tal-prodotti offruti u l-obbligazzjonijiet u drittijiet kemm tat-TSOs u tal-parti li jottjeni l-kapaċità, inkluż ir-responsabbiltajiet jekk l-obbligazzjonijiet ma jkunux onorati, għandhom ikunu deskritti fid-dettall u magħmula disponibbli b’mod trasparenti għall-utenti ta’ netwerk kollha potenzjali minn TSOs.

5.4

L-istandards ta’ sigurtà ta’ ppjanar u operazzjoni għandhom jiffurmaw parti integrali ta’ l-informazzjoni li TSOs jippubblikaw f’dokument miftuħ u pubbliku. Dan id-dokument għandu jkun ukoll suġġett għal reviżjoni ta’ l-Awtoritajiet Regolatorji nazzjonali.

5.5

It-TSOs għandhom jippubblikaw id-dejta relevanti kollha li tikkonċerna kummerċ bejn il-fruntieri fuq il-bażi ta’ l-aħjar previżjoni possibbli. Sabiex tkun imwettqa din l-obbligazzjoni l-parteċipanti tas-suq ikkonċernati għandhom jipprovdu lit-TSOs bid-dejta relevanti. Il-mod li bih din l-informazzjoni hija ppubblikata għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-Awtoritajiet Regolatorji. It-TSOs għandhom jippubblikaw mill-inqas:

(a)

annwalment: informazzjoni dwar l-evoluzzjoni fit-tul ta’ l-infrastruttura ta’ trasmissjoni u l-impatt tagħha fuq il-kapaċità ta’ trasmissjoni bejn il-fruntieri;

(b)

fix-xahar: previżjonijiet ta’ xahar u sena minn qabel tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli fis-suq, wara kunsiderazzjoni ta’ l-informazzjoni relevanti kollha disponibbli lit-TSO fil-ħin tal-kalkolu ta’ previżjoni (e.ż. impatt ta’ l-istaġuni tas-sajf u tax-xitwa fuq il-kapaċità ta’ dawk il-linji, manutenzjoni fuq is-sistema, disponibbilità ta’ unitajiet ta’ produzzjoni, eċċ.);

(c)

fil-ġimgħa: previżjonijiet ta’ ġimgħa minn qabel tal-kapaċità ta’ trasmissjoni disponibbli fis-suq, wara kunsiderazzjoni ta’ l-informazzjoni relevanti kollha disponibbli għat-TSOs fil-ħin tal-kalkolu tal-previżjoni, bħall-previżjoni tat-temp, xogħlijiet ta’ manutenzjoni tas-sistema, disponibbiltà ta’ l-unitajiet ta’ produzzjoni, eċċ.;

(d)

ta’ kuljum: kapaċità ta’ trasmissjoni minn ġurnata qabel u fil-ġurnata disponibbli fis-suq għal kull unità tal-ħin tas-suq, wara kunsiderazzjoni tan-nominazzjonijiet mogħtija tal-ġurnata minn qabel, skedi ta’ produzzjoni ta’ ġurnata minn qabel, previżjonijiet ta’ domanda u xogħlijiet ta’ manutenzjoni ppjanati tas-sistema;

(e)

kapaċità totali diġà allokata, skond unità tal-ħin tas-suq, u l-kundizzjonijiet relevanti kollha skond liem din il-kapaċità għandha tkun użata (e.ż. prezz imnaqqas ta’ l-irkant, obbligazzjonijiet dwar kif tintuża l-kapaċità, eċċ.), sabiex tkun identifikata kwalunkwe kapaċità li jifdal;

(f)

kapaċità allokata malajr kemm jista’ jkun wara kull allokazzjoni, kif ukoll indikazzjoni tal-prezzijiet imħallsa;

(g)

kapaċità totali użata, skond unità ta’ ħin tas-suq, immedjatament wara nominazzjoni;

(h)

viċin kemm jista’ jkun għal żmien reali: enerġija fiżika u kummerċjali aggregata realizzata, skond unità tal-ħin tas-suq, inkluż deskrizzjoni ta’ l-effetti ta’ kwalunkwe azzjonijiet korrettivi meħuda mit-TSOs (bħal taqsir) għas-soluzzjoni ta’ problemi ta’ sistema jew ta’ netwerk;

(i)

informazzjoni ex-ante dwar it-tul ta’ ħin li jdum qtugħ ta’ l-elettriku ppjanati u informazzjoni ex-post għall-ġurnata preċedenti dwar it-tul ta’ ħin li jdum qutgħ ta’ l-elettriku ippjanat u mhux ippjanati ta’ unitajiet ta’ ġenerazzjoni ikbar minn 100 MW.

5.6

L-informazzjoni relevanti kollha għandha tkun disponibbli għas-suq fil-ħin dovut għan-negozzjazzjoni tat-transazzjonijiet kollha (bħall-ħin ta’ negozjar ta’ kuntratti ta’ provvista annwali għal klijenti industrijali jew il-ħin meta bids għandhom jintbagħatu fi swieq organizzati).

5.7

It-TSO għandu jippubblika l-informazzjoni rilevanti dwar domanda ta’ previżjoni u dwar ġenerazzjoni skond it-termini ta’ żmien imsemmija f’5.5. u 5.6. It-TSO għandu jippubblika wkoll l-informazzjoni rilevanti neċessarja għas-suq ta’ bilanċ bejn il-fruntieri.

5.8

Meta jkunu ppubblikati previżjonijiet, il-valuri realizzati ex post għall-informazzjoni ta’ previżjoni għandhom ikunu ppubblikati wkoll fil-perjodu ta’ ħin wara dak li tapplika għalih il-previżjoni jew bħala l-aħħar ħin fil-ġurnata ta’ wara (D+1).

5.9

L-informazzjoni kollha ppubblikata mit-TSOs għandha tkun magħmula disponibbli b’mod liberu f’forma aċċessibbli b’mod faċli. Id-dejta kollha għandha wkoll tkun aċċessibbli permezz ta’ skambju ta’ mezzi ta’ informazzjoni adegwati u standardizzati, li għandha tkun definita f’kooperazzjoni mill-viċin ma’ partijiet tas-suq. Id-dejta għandha tinkludi informazzjoni dwar perjodi ta’ ħin b’minimu ta’ sentejn, sabiex persuni ġodda li jidħlu fis-suq jistgħu jkollhom aċċess ukoll għal din id-dejta.

5.10

It-TSOs għandhom ipartu regolarment sett ta’ dejta ta’ enerġija ta’ netwerk preċiżi u ta’ fluss ta’ enerġija sabiex jippermettu kalkoli ta’ fluss ta’ enerġija għal kull TSO fl-erja relevanti tagħhom. L-istess sett ta’ dejta għandha tkun magħmula disponibbli għall-Awtoritajiet Regolatorji u l-Kummissjoni Ewropea jekk rikjesta. L-Awtoritajiet Regolatorji u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jiżguraw it-trattament kunfidenzjali ta’ din is-sett ta’ dejta, waħedhom u permezz ta’ kwalunkwe kunsultant li jwettaq xogħol analitiku għalhom fuq il-bażi ta’ dawn id-dejta.

6.   Użu ta’ dħul tal-konġestjoni

6.1

Proċeduri ta’ amministrazzjoni tal-konġestjoni assoċjati ma’ terminu ta’ żmien speċifikat minn qabel jista’ jiġġenera dħul biss f’każ ta’ konġestjoni li tinħoloq għal dak it-terminu ta’ żmien, minbarra fil-każ ta’ interkonnetturi ġodda li jibbenefikaw minn eżenzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament. Il-proċedura għad-distribuzzjoni ta’ dan id-dħul għandha tkun suġġetta għal reviżjoni mill-Awtoritajiet Regolatorji u m’għandha la tostakola l-proċess ta’ allokazzjoni favur kwalunkwe parti li jirrikjedi kapaċità jew enerġija u lanqas tipprovdi diżinċentiva sabiex titnaqqas il-konġestjoni.

6.2

Awtoritajiet Regolatorji Nazzjonali għandhom ikunu trasparenti rigward l-użu ta’ dħul li jirriżulta mill-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ interkonnessjoni.

6.3

Id-dħul tal-konġestjoni għandu jkun diviż bejn it-TSOs involuti skond il-kriterji miftiehma bejn it-TSOs involuti u riveduti mill-Awtoritajiet Regolatorji rispettivi.

6.4

It-TSOs għandhom jistabbilixxu b’mod ċar minn qabel l-użu li għandhom jagħmlu minn kwalunkwe dħul tal-konġestjoni li jistgħu jottjenu u jirrapportaw dwar l-użu attwali ta’ dan id-dħul. Awtoritajiet Regolatorji għandhom jivverifikaw li dan l-użu jimxi skond ir-Regolament u Linji Gwida kurrenti u li l-ammont totali ta’ dħul ta’ konġestjoni li jirriżulta mill-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ interkonnessjoni huwa ddedikat għal wieħed jew iktar mit-tliet skopijiet deskritti fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament.

6.5

Fuq bażi annwali, u sal-31 ta’ Lulju kull sena, l-Awtorijatjiet Regolatorji għandhom jippubblikaw rapport li jistabbilixxi l-ammont ta’ dħul miġbur għall-perjodu ta’ 12-il xahar sat-30 ta’ Ġunju ta’ l-istess sena u l-użu magħmul tad-dħul in kwistjoni, flimkien mal-verifikazzjoni li dan l-użu jimxi skond ir-Regolament u l-Linji Gwida kurrenti u li l-ammont totali ta’ dħul ta’ konġestjoni huwa dedikat għal wieħed jew iktar mit-tliet skopijiet preskritti.

6.6

L-użu ta’ dħul tal-konġestjoni għal investiment sabiex tkun miżmuma jew miżjuda kapaċità ta’ interkonnessjoni għandu preferibbilment ikun assenjat għal proġetti predefiniti speċifiċi li jikkontribwixxu għal tnaqqis tal-konġestjoni assoċjata eżistenti u li jistgħu jkunu implimentati wkoll fi żmien raġonevoli, partikolarment fir-rigward tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni.


(1)  Sigurtà operazzjonali tfisser “iż-żamma tas-sistema ta’ trasmissjoni fi ħdan limiti stabbiliti ta’ sigurtà”.


Top