EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1987

1987/2005/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1987/2005 tat- 2 ta’ Diċembru 2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ politetrafluworoetilin granulari (PTFE) li joriġinaw mir-Russja u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

ĠU L 320, 8.12.2005, p. 1–19 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 374–392 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 08/12/2010

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1987/oj

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

374


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1987/2005

tat-2 ta’ Diċembru 2005

li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ politetrafluworoetilin granulari (PTFE) li joriġinaw mir-Russja u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (ir-“Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 9 u 10(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri Proviżorji

(1)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 862/2005 (2), (ir-“Regolament proviżorju”), il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ politetrafluworoetilin granulari (“PTFE”) li joriġinaw mir-Russja u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“PRĊ”).

2.   Proċedura sussegwenti

(2)

Wara l-iżvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali abbażi ta' liema ġie deċiż li jiġu imposti dazji anti-dumping proviżorji fuq importazzjonijiet ta’ PTFE mir-Russja u mill-PRĊ, diversi partijiet interessati ppreżentaw kummenti bil-miktub. Skond id-dispożizzjoni ta’ l-Artikolu 20 (1) tar-Regolament bażiku, il-partijiet interessati kollha li talbu smigħ ingħataw opportunità li jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(3)

Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha kkunsidrata meħtieġa għal-konstatazzjonijiet definittivi.

(4)

Saret żjara ta’ verifika addizzjonali fil-bini tal-kumpanniji li ġejjin:

Heroflon (Italja), trasformatur tal-PTFE granulari,

Fluorseals (Italja), proċessur tal-PTFE granulari.

(5)

Il-partijiet kollha kienu informati dwar il-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi ta; liema kien ippjanat li tiġi rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping definittiv u l-ġbir definittiv ta’ ammonti żgurati permezz ta’ dazju proviżorju. Huma ngħataw ukoll perijodu li matulu setgħu jagħmlu sottomissjonijiet sussegwenti għal dan l-iżvelar.

(6)

L-argumenti orali u bil-miktub ippreżentati mill-partijiet ġew ezaminati, u, sa fejn meqjusa xierqa, ġew ikkunsidrati għal-konstatazzjonijiet definittivi.

B.   PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Prodott ikkonċernat

(7)

Ir-Regolament proviżorju ddeskriva l-prodott ikkonċernat bħala l-hekk imsejjaħ politetrafluworoetilin granulari (PTFE), li jinkludi mhux aktar minn 3 % ta’ unità monomer oħra mit-tetrafluworoetilin, mingħajr fillers, fil-forma ta’ trab jew pilloli, bl-esklużjoni ta’ materjal mikronizzat. Il-prodott ikkonċernat jista’ wkoll jiġi ppreżentat bħala polimeru mhux maħdum (reactor bead) fil-forma mxarrba jew xotta. Wara l-kummenti riċevuti mill-partijiet interessati, ġie ċċarat li “materjal mikronizzat” tfisser mikrotrab fluworopolimeru kif definit bin-norma “ASTM D5675-04”. Il-prodott ikkonċernat huwa attwalment klassifikabbli fi ħdan il-kodiċi NM ex 3904 61 00.

(8)

Organizzazzjoni waħda ta' utenti/importaturi (l-Assoċjazzjoni Ewropea għal Kummerċ Ġust tal-Fluworopolimeru jew “EFFTA”) u assoċjazzjoni waħda ta’ esportaturi oġġezzjonaw għall-konklużjonijiet proviżorji li l-PTFE granulari kollha jikkostitwixxu prodott uniku. Kien argumentat li l-PTFE granulari jista’ jiġi diviż fi tliet gruppi ta' prodott ibbażat fuq differenzi fil-kwalità (għolija/medja/baxxa). Kien sostnut li kull grupp ta’ prodott għandu jiġi użat f’applikazzjonijiet differenti li ma jikkompetux ma’ xulxin fl-istess suq.

(9)

Minkejja differenzi fil-kwalità, it-tipi PTFE granulari kollha nstabu li għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi bażiċi, li la kien ikkontestat mill-EFFTA u lanqas mill-assoċjazzjoni ta’ l-esportaturi. Sa fejn huma kkonċernati l-applikazzjonijiet tal-PFTE granulari, instab li PTFE granulari ta’ kwalità iktar baxxa jista’ jintuża wara post-trattament fi kważi l-applikazzjonijiet kollha, inkluż xi applikazzjonijiet fit-tarf ta’ fuq (eż. billets għal skiving). B’mod ġenerali, kif ammess ukoll mill-EFFTA, kien hemm sovraimpożizzjoni ta’ applikazzjonijiet għal diversi tipi u kwalitajiet ta’ PFTE granulari u ebda linja diviżorja ċara ma setgħet għalhekk tiġi stabbilita.

(10)

Kien għalhekk konkluż li minkejja t-tipi differenti ta’ prodott possibbli minħabba l-forma differenti, id-daqs partikolari medju, it-trattament termo jew il-kontenut ko-monomer, u minkejja d-differenzi fil-kwalità, kollha kemm huma jikkostitwixxu prodott uniku wieħed għall-għan ta’ dan il-proċediment peress li t-tipi u l-kwalitajiet kollha kellhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u essenzjalment l-istess użi aħħarija bażiċi. Fil-premessi 13, 145 u 147 tar-Regolament proviżorju ssemma bi żball li l-PFTE granulari għandu jinstab ukoll f’anoraks u fix-xield ta’ ġewwa tal-kejbils u li huwa użat f’applikazzjonijiet ta’ tessuti u bijomediċi kif ukoll f’aġenti ta’ iżolament. Is-sejbien definittivi urew li l-PTFE granulari ma jintuża f’ebda waħda mill-applikazzjonijiet imsemmijin qabel.

(11)

Meta jitqiesu l-konsiderazzjonijiet imsemmijin qabel, id-definizzjoni tal-prodott u l-konstatazzjonijiet proviżorji stabbiliti fil-premessa 14 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.   Prodott simili

(12)

Numru ta’ importaturi u utenti sostnew li l-PTFE granulari prodott u mibjugħ fis-suq Komunitarju mhux simili għall-prodotti importati mill-PRĊ u mir-Russja. Kien argumentat li l-prodotti importati mill-pajjiżi soġġetti għall-investigazzjoni preżenti huma ta’ kwalità ħafna aktar baxxa minn dik tal-prodott magħmul mill-industrija Komunitarja u għandu għalhekk jiġi mibjugħ fi swieq differenti, biex b’hekk dawn ma jikkompetux ma’ xulxin. Madankollu, dawn il-partijiet ma pprovdewx informazzjoni jew provi ġodda f’din il-materja.

(13)

L-ewwel nett għandu jiġi osservat li kif enfasizzat fil-premessa 16 tar-Regolament proviżorju, l-investigazzjoni wriet li l-industrija Komunitarja wkoll ipproduċiet u biegħet fdalijiet jew materjal “off-spec” matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (IP) lill-istess klijenti bħall-produtturi esportaturi kkonċernati. Min-naħa l-oħra, l-investigazzjoni uriet li ta’ l-inqas il-produtturi esportaturi Russi biegħu kwalitajiet ta’ PFTE granulari lill-Komunità, li kienu wkoll mingħajr post-trattament komparabbli mal-gradi Komunitarji ta’ kwalità għolja, għalkemm fi kwantitajiet limitati ħafna. Barra minn hekk, anke PTFE granulari ta’ kwalità baxxa importat mill-pajjiżi kkonċernati jista’ wara l-post-trattament jintuża f’firxa simili ta’ applikazzjonijiet bħall-prodott magħmul u mibjugħ fis-suq Komunitarju mill-industrija Komunitarja.

(14)

Wara li ġie kkunsidrat dak li ntqal hawn fuq, ġie konkluż li l-prodott ikkonċernat u l-PTFE granulari prodott u mibjugħ fil-Komunità mill-industrija Komunitarja għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi u l-istess użi aħħarija bażiċi. Dawn għalhekk ġew ikkunsidrati simili fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

(15)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet proviżorji stabbiliti fil-premessa 15 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

Ċ.   DUMPING

1.   Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

1.1.   Trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET”)

(16)

Wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, it-tliet produtturi Ċiniżi esportaturi li qed jikkooperaw sostnew li huma kellhom suppost jingħataw MET u tennew l-argumenti li kienu ppreżentaw qabel. Dawn il-kummenti diġà ġew imwieġba fil-premessi 33 sa 39 tar-Regolament proviżorju. Għaldaqstant, ġie ikkunsidrat li għandha tinżamm id-deċiżjoni li tiġi miċħuda l-MET għat-tliet kumpanniji.

1.2.   Trattament individwali (“IT”)

(17)

Iż-żewġ produtturi esportaturi argumentaw li huma għandhom jingħataw IT. Wieħed mill-esportaturi sostna li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata li tiċħad IT fuq il-bażi tal-possibiltà ta’ interferenza mill-Istat, peress li l-Artikolu 9 (5) jeħtieġ biss li l-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ esportazzjoni jiġu ddeterminati liberament. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, li kumpannija tista’ b’definizzjoni ma tiġix ikkunsidrata bħala li tista’ tiddetermina liberament il-prezzijiet u l-kwantitajiet ta’ esportazzjoni tagħha, u l-kondizzjonijiet u t-termini ta’ bejgħ, jekk dawn ta’ l-aħħar jistgħu jiġu influwenzati mill-Istat. Għalhekk, il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 9(5)(b) tar-Regolament bażiku ma jistgħux jiġu kkunsidrati li ntlaħqu minn kumpanniji li m’humiex kapaċi juru li m’humiex soġġetti għall-possibiltà ta’ interferenza mill-Istat. Il-produttur esportatur kkonċernat ma pprovda ebda prova li turi li l-Istat la jista’ jinfluwenza d-deċizjonijiet tiegħu fir-rigward ta’ prezzijiet u kwantitajiet ta’ esportazzjoni, u kondizzjonijiet u termini ta’ bejgħ, u lanqas il-possibbiltà ta’ interferenza mill-Istat ma kinitx tali li tippermetti evażjoni tal-miżuri. Dan huwa l-aktar minħabba l-fatt li, kif enfasizzat fil-premessa 33 tar-Regolament proviżorju, ir-relazzjoni ta’ din il-kumpannija ma’ l-azzjonist li huwa proprjetà ta’ l-Istat ma kinitx ċara u l-Artikoli ta’ l-Assoċazzjoni tqiesu li mhumiex affidabbli. Għalhekk, il-fatt li tali interferenza mill-Istat allegatament ma seħħitx fil-passat, lanqas jekk jiġi ppruvat, ma joffri ebda garanzija li mhux ser iseħħ fil-futur, b’mod partikolari jekk rata ta’ dazju individwali tiġi attribwita lil din il-kumpannija.

(18)

Esportatur ieħor argumenta li l-istruttura ta’ l-azzjonisti tiegħu, b’mod partikolari l-fatt li l-Istat għandu parti mill-ishma, ma tistax twassal għall-konklużjoni li l-Istat interferixxa fl-iffissar tal-prezzijiet u termini oħra ta’ bejgħ. L-ewwelnett, il-kumpannija ma ssostantjatx il-pretensjoni tagħha bi provi. Min-naħa l-oħra, instab li l-Istat kellu l-maġġoranza ta’ l-ishma tal-kumpannija u barra minn hekk, ħatar lill-Amministratur Ġenerali u lill-maġġoranza tal-Bord tad-Diretturi ta’ din il-kumpannija. Għalhekk, ġie konkluż li l-Artikolu 9(5)(ċ) ma ġiex sodisfatt u li l-IT għandu għalhekk jiġi miċħud.

(19)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra, il-konstatazzjonijiet tar-Regolament proviżorju kif stabbiliti fil-premessa 45 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

1.3.   Pajjiż analogu

(20)

It-tliet produtturi esportaturi Ċiniżi u li kkooperaw ma qablux dwar l-għażla ta’ l-Istati Uniti u minflok sostnew li minflok ir-Russja kellha tintgħażel bħala l-pajjiż analogu. Tnejn minnhom tennew il-kummenti li saru qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, li diġà ġew indirizzati fil-premessi 47 sa 54 tar-Regolament proviżorju. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe informazzjoni jew prova oħra, it-talbiet ta’ dawn il-produtturi esportaturi kellhom jiġu miċħuda.

(21)

Produttur Ċiniż esportatur ieħor argumenta li minħabba l-iżvilupp ekonomiku aktar baxx tal-PRĊ, il-fatturi tal-produzzjoni, bħall-ispejjeż ta’ xogħol u l-ispejjeż globali, ikunu aktar baxxi u għalhekk mhux komparabbli ma’ l-Istati Uniti. Minkejja dan, kif imsemmi fil-premessa 54 tar-Regolament proviżorju, il-livell differenti ta’ l-iżvilupp ekonomiku globali m’huwiex, fih innifsu, fattur rilevanti meta jiġi magħżul pajjiż analogu. Din il-kumpannija allegat ukoll li b’konsegwenza ta’ l-iżvilupp ekonomiku aktar baxx fiċ-Ċina, is-servizzi pubbliċi bħall-ilma, l-enerġija u l-provvista ta’ gass għandhom ikunu anqas għaljin milli fl-Istati Uniti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li huwa preċiżament l-għan ta' l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku li pajjiż analogu jintgħażel biex jiġi ddeterminat il-valur normali fuq il-bażi tal-prezzijiet u ta’ l-ispejjeż mhux influwenzati mill-kondizzjonijiet ta' ekonomija mhux tas-suq. Għalhekk, tqabbil sempliċi tal-prezzijiet fil-pajjiż b’ekonomija mhux tas-suq jew fil-pajjiż b’ekonomija fi tranżizzjoni ma’ dawk fil-pajjiż analogu huwa fil-fatt irrelevanti. Fi kwalunkwe każ, ma ġiet ippreżentata ebda informazzjoni li tissostanzja d-differenzi allegati u li tippermetti kwantifikazzjoni, jew turi li dan il-produttur esportatur bbenefika minn xi vantaġġ komparattiv naturali. Dan l-argument għalhekk ġie miċħud. Finalment, dan il-produttur esportatur sostna wkoll li, minħabba proċess ta’ produzzjoni aktar sempliċi, it-tagħmir, kif ukoll l-investimenti relatati u r-rati ta’ deprezzament ikunu sostanzjalment differenti. Madankollu, l-esportatur ma ppreżenta l-ebda informazzjoni li turi li l-proċess ta’ produzzjoni tiegħu kien tabilħaqq aktar sempliċi minn dak użat mill-produtturi ta’ l-Istati Uniti jew li jippermetti lis-servizzi tal-Kummissjoni jikkwantifikaw l-effett ta’ dawk id-differenzi allegati.

(22)

Dan l-esportatur argumenta wkoll li l-PTFE granulari ta’ l-Istati Uniti u dak Ċiniż għandhom kwalità differenti li tirrizulta f’applikazzjonijiet differenti u li l-għażla ta’ l-Istati Uniti bħala pajjiż analogu għalhekk ma kinitx adattata. F’dan ir-rigward huwa osservat li, kif spjegat fil-premessa 53 tar-Regolament proviżorju, sar aġġustament għad-differenzi ta’ kwalità, b’mod partikolari l-kontaminazzjoni, li l-livell tagħha ma ġiex ikkontestat mill-produttur Ċiniż. Dan l-argument kien għalhekk miċħud ukoll.

(23)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor, il-konstatazzjonijiet stabbiliti fil-premessi 47 sa 54 tar-Regolament proviżorju fir-rigward tal-għażla ta’ l-Istati Uniti bħala pajjiż analogu xieraq huma b'dan ikkonfermati.

1.4.   Determinazzjoni tal-Valur Normali għal produtturi esportaturi Ċiniżi li ma ngħatawx MET

(24)

Produttur esportatur Ċiniż wieħed argumenta li l-aġġustament għad-differenzi fil-kwalità deskritti fil-premessa 53 tar-Regolament proviżorju kien insuffiċjenti u li l-valur normali kellu jiġi aġġustat bl-istess mod bħall-prezz ta’ l-industrija Komunitarja meta jiġu kkalkolati l-marġni ta’ tnaqqis fil-prezz u tnaqqis fil-bejgħ, kif spjegat fil-premessa 98 ta’ l-istess Regolament.

(25)

Għandu jiġi osservat li filwaqt li l-aġġustament għall-valur normali huwa mfassal biex jagħraf id-differenzi bejn il-prodott simili mibjugħ fis-suq tal-pajjiż analogu u l-pajjiż ikkonċernat, l-aġġustament li sar fl-analiżi tal-ħsara jikkunsidra d-differenzi bejn dan ta’ l-aħħar u l-prodott simili mibjugħ fil-Komunità. Għalkemm il-prodott simili mibjugħ fil-pajjiż analogu u dak mibjugħ fis-suq Komunitarju jista’ jkun ta’ kwalità simili u jista’ jkollu karatteristiċi simili, differenzi fil-prodott ikkonċernat mhumiex neċessarjament identiċi. Għaldaqstant, l-aġġustamenti saru fuq il-merti tagħhom stess u fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni u l-provi miġburin waqt l-investigazzjoni. Il-produttur esportatur ma ppreżenta l-ebda evidenza li turi li l-metodoloġija użata mill-Kummissjoni fid-determinazzjonijiet proviżorji tagħha ma kinitx raġonevoli u għalhekk tabilħaqq, id-differenzi bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili magħmul u mibjugħ fil-Komunità min-naħa l-waħda u fil-pajjiż analogu min-naħa l-oħra jkunu identiċi, u lanqas ma kien hemm xi informazzjoni jew prova oħra disponibbli li tissuġġerixxi li l-aġġustamenti għandhom ikunu identiċi. Għaldaqstant, it-talba kellha tiġi miċħuda u l-konstatazzjonijiet fil-premessa 53 tar-Regolament proviżorju fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali għal produtturi esportaturi li ma ngħatawx MET huma b’dan ikkonfermati.

1.5.   Prezz ta’ l-esportazzjoni

(26)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment mill-partijiet interessati, il-metodoloġija stabbilita fil-premessa 59 tar-Regolament proviżorju hija b’dan ikkonfermata.

1.6.   Tqabbil

(27)

Produttur esportatur Ċiniż wieħed argumenta li l-aġġustament għad-differenzi fiżiċi indikat fil-premessa 62 tar-Regolament proviżorju ma jirriflettix kif suppost id-differenza attwali fl-ispejjeż ta’ produzzjoni u l-aġġustament li sar għandu għalhekk jiġi rivedut kif xieraq. Għandu jiġi osservat li l-aġġustament li sar għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping proviżorju kien ibbażat fuq stima raġonevoli tad-differenza tal-valur tas-suq fl-Istati Uniti, skond l-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku. Kien ikkunsidrat li din il-metodoloġija kienet l-aktar preċiża biex tiddetermina l-effett tad-differenza fuq il-prezz u t-tqabbil tal-prezz. Il-produttur esportatur Ċiniż ma kkwantifikax it-talba tiegħu, lanqas ma ppreżenta xi informazzjoni jew prova li l-metodoloġija stabbilita bl-Artikolu 2(10)(a) tar-Regolament bażiku m’hijiex adegwata biex tiġi meqjusa d-differenza fiżika. Fuq din il-bażi, it-talba kellha tiġi miċħuda. Fin-nuqqas ta’ xi kumment ieħor l-konstatazzjonijiet dwar it-tqabbil kif stabbiliti fil-premessi 60 sa 64 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.   Ir-Russja

2.1.   Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku

(28)

Kif imsemmi fil-premessi 69 sa 82 tar-Regolament proviżorju, id-determinazzjoni ta’ dumping fl-istadju proviżorju kienet ibbażata fuq il-fatti disponibbli għaż-żewġ produtturi esportaturi investigati fir-Russja.

(29)

Qabel l-impożizzjoni tad-dazji proviżorji, iż-żewġ produtturi esportaturi Russi kienu informati immedjatament bil-bażi li fuqha kien ppjanat li jiġu applikati l-fatti disponibbli fl-istadju tad-determinazzjoni proviżorju u ngħataw l-opportunità li jfornu aktar spjegazzjonijiet, skond l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku.

(30)

Iż-żewġ produtturi esportaturi Russi sostnew li huma kkooperaw bl-aħjar kapaċitajiet tagħhom u li l-applikazzjoni sħiħa ta’ fatti disponibbli għalhekk kienet sproporzjonata. Huma argumentaw li skond l-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku, kellha tintuża d-data tal-kumpannija nnifisha, għalkemm mhux ideali f’kull rigward.

(31)

F’dan ir-rigward, u kif sottolinjat fil-premessi 70 sa 74 tar-Regolament proviżorju, huwa mfakkar fl-ewwel lok li ż-żewġ kumpanniji ppreżentaw informazzjoni mhux kompluta, skoretta u qarrieqa. Barra minn hekk, waħda mill-kumpanniji rrifjutat li tippreżenta informazzjoni għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping jew ma fornitx tali informazzjoni fil-ħin sabiex ma tkunx tista’ tiġi vverifikata ulterjorment. Finalment, negozjant fir-Russja relatat ma’ wieħed mill-produtturi esportaturi ma kkooperax.

(32)

Iż-żewġ kumpanniji t-tnejn kienu diġà ammettew l-eżistenza ta’ nuqqasijiet fir-risposti tagħhom għall-kwestjonarji, kif ukoll matul il-verifika fuq il-post, iżda allegaw li dawn ma kinux tali li jikkaġunaw diffikultà żejda biex tintlaħaq konstatazzjoni preċiża raġonevoli. Ġie sostnut li n-nuqqasijiet kien ikollhom biss impatt żgħir fuq il-konstatazzjonijiet u li l-istatistiċi pprovduti mill-kumpanniji huma ġeneralment affidabbli biżżejjed biex jintużaw għad-determinazzjoni tad-dumping.

(33)

Sar eżami mill-ġdid ta’ l-informazzjoni kollha ppreżentata minn żewġ kumpanniji fir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju u matul il-verifika fuq il-post, kif ukoll ta’ l-informazzjoni kollha ppreżentata mill-kumpanniji wara l-iżvelar tal-konstatazzjonijiet proviżorji. Madankollu, l-ebda waħda mill-ispjegazzjonijiet ippreżentanti tal-kumpanniji ma setgħet tibdel il-konklużjonijiet proviżorji. Reġa’ ġie mtenni li d-data pprovduta mill-kumpanniji fir-risposta tagħhom għall-kwestjonarju ma setgħetx tiġi rrikonċiljata mal-kontijiet ivverifikati tagħhom. Dan huwa meqjus bħala nuqqas serju. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi, ma jistax jiġi stabbilit marġni ta’ dumping individwali affidabbli u għandhom jintużaw il-fatti disponibbli.

(34)

F’dan ir-rigward, u kif diġà msemmi fil-premessa 72 tar-Regolament proviżorju, huwa mfakkar li kumpannija waħda pprovdiet informazzjoni sotanzjalment qarrieqa dwar l-istruttura tal-kumpannija tagħha li fl-aħħar mill-aħħar ma ppermettietx ir-rikonċiljazzjoni taċ-ċifri rrapportati. Ir-risposta ta’ din il-kumpannija kienet ukoll sostanzjalment inkompluta u ta’ kwalità baxxa. Għall-kumpannija l-oħra, filwaqt li kull nuqqas meta jitqies separatament jista’ ma jkollux impatt kbir fuq il-kalkoli tad-dumping, meta dawn in-nuqqasijiet jittieħdu flimkien dawn joħolqu dubji serji dwar il-konsistenza tad-data. Għalhekk, u għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa 71 tar-Regolament proviżorju, il-fatti disponibbli kellhom jintużaw skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Ma ġiet pprovduta ebda prova ġdida li tista’ tibdel dawn il-konstatazzjonijiet.

(35)

Minħabba n-nuqqasijiet serji spjegati hawn fuq u l-impossibbiltà li tiġi vverifikata l-informazzjoni ppreżentata, kellu jiġi konkluż li d-data ppreżentata kienet ġeneralment inaffidabbli u mhux preċiża. Għalhekk, ir-risposti taż-żewġ kumpanniji għall-kwestjonarju kellhom jiġu miċħuda kollha. Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet tal-premessi 70 sa 74 u l-konklużjoni fil-premessa 75 tar-Regolament proviżorju, partikolarment li l-marġni ta’ dumping għaż-żewġ produtturi esportaturi ma setgħux jiġu stabbiliti fuq il-bażi tad-data tagħhom stess, iżda kellhom jiġu bbażati fuq fatti disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, huma b’dan ikkonfermati.

2.2.   Valur normali

(36)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment mill-partijiet interessati, il-metodoloġija stabbilita fil-premessa 76 tar-Regolament proviżorju hija b’dan ikkonfermata.

2.3.   Prezz ta’ l-esportazzjoni

(37)

Iż-żewġ kumpanniji sostnew li l-kalkolu tal-prezz ta’ l-esportazzjoni kien ibbażat b’mod żbaljat fuq prezzijiet kif irreġistrati fil-Eurostat għall-importazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 3904 61 00, peress li minbarra l-prodott ikkonċernat dan il-kodiċi wkoll kien jinkludi l-prodotti l-oħrajn mhux soġġetti għall-proċediment preżenti.

(38)

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li maġġoranza kbira ta’ importazzjonijiet taħt il-kodiċi NM imsemmi hawn fuq jaqgħu taħt il-prodott ikkonċernat. Madankollu, fid-determinazzjonijiet proviżorji, saru aġġustamenti għad-data rreġistrata fil-Eurostat fuq il-bażi ta’ informazzjoni disponibbli (stimi ta’ l-industrija Komunitarja). Fin-nuqqas ta' kwalunkwe informazzjoni affidabbli disponibbli, din il-metodoloġija nżammet għad-determinazzjoni tal-marġni ta' anti-dumping definittiv.

(39)

Kumpannija waħda sostniet li sabiex tistabbilixxi l-prezz ta’ esportazzjoni tagħha, għandha tintuża l-informazzjoni ta’ żewġ importaturi mhux relatati li jirrappreżentaw aktar minn 80 % tal-bejgħ tagħha fil-Komunità matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, wieħed minn dawn l-importaturi ma kkooperax bis-sħiħ matul l-investigazzjoni. Barra dan, id-data pprovduta mill-importatur mhux relatat li kkoopera bis-sħiħ ma setgħetx tiġi konnessa ma’ dik ipprovduta mill-produttur esportatur ikkonċernat. Għalhekk, id-data pprovduta ma ppermettietx determinazzjoni tal-prezz ta’ esportazzjoni fuq dik il-bażi u t-talba kellha tiġi miċħuda.

(40)

Fin-nuqqas ta’ informazzjoni oħra, il-metodoloġija kif deskritta fil-premessa 77 tar-Regolament proviżorju nżammet u l-prezz ta’ esportazzjoni kien ikkalkolat fuq il-bażi tad-data ta’ l-Eurostat.

2.4.   Tqabbil

(41)

Fin-nuqqas ta’ kummenti mill-partijiet interessati, il-konstatazzjonijiet tal-premessi 78 u 79 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.   Marġni ta’ dumping

(42)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment mill-partijiet interessati, il-metodoloġija għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping kif stabbilit fil-premessi 24, 65 sa 68 u 80 sa 82 tar-Regolament proviżorju huwa b’dan ikkonfermat. Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-marġni ta’ dumping definittivi, espressi bħala perċentwali tal-prezz ta’ importazzjoni CIF fil-fruntiera Komunitarja, huma:

Pajjiż ta’ esportazzjoni

Marġni ta’ dumping

PRĊ

99,7  %

Ir-Russja

36,6  %

D.   ĦSARA

1.   Produzzjoni Komunitarja, industrija Komunitarja u kumpens Komunitarju

(43)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet fil-premessi 83 sa 87 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.   Stima kumulattiva ta’ l-effetti ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati

(44)

Iż-żewġ produtturi esportaturi Russi tennew li għall-iskop ta’ stima tal-ħsara, l-importazzjonijiet ta’ PTFE granulari li joriġinaw mir-Russja għandhom jitnaqqsu għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa 91 tar-Regolament proviżorju. Biex jappoġġaw it-talba tagħhom, il-produtturi esportaturi argumentaw li t-tnaqqis fil-qligħ ta’ l-industrija Komunitarja mill-2002 ’il quddiem ħabtet mat-tnaqqis ta’ l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Russja, filwaqt li fl-2001, meta l-importazzjonijiet mir-Russja kienu fl-ogħla livell, l-industrija Komunitarja gawdiet minn marġni ta’ qligħ għoljin. B’kuntrast ma’ dan, l-importazzjonijiet li joriġinaw fil-PRĊ żdiedu b’mod parallel mat-tnaqqis fil-marġni ta’ qligħ ta’ l-industrija Komunitarja. L-esportatur ikkonkluda li fuq din il-bażi l-ħsara materjali ma setgħetx kienet ikkawżata mill-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Russja u li l-kumulazzjoni għalhekk ma kinitx iġġustifikata.

(45)

Huwa nnotat li, kif stabbilit fil-premessa 90 tar-Regolament proviżorju, it-tendenzi fil-prezz kemm mir-Russja kif ukoll mill-PRĊ, huma simili. Dawn urew tendenza ta’ tnaqqis matul l-IP kollu u naqsu kull sena b’perċentwali sinifikanti. Barra minn hekk, iż-żewġ importazzjonijiet li oriġinaw mir-Russja u dawk li oriġinaw mill-PRĊ kienu taħt il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja sostanzjalment matul il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2001 sa l-aħħar ta' l-IP (il-“perijodu kkunsidrat”). Barra dan, ġie nnotat li t-tendenzi ta’ l-importazzjonijiet mir-Russja, għalkemm naqsu fl-2002, baqgħu stabbli wara u saħansitra żdiedu kemmxejn matul l-IP. Finalment, il-konstatazzjonijiet definittivi kkonfermaw li l-importazzjonijiet ta’ PTFE granulari mill-PRĊ u r-Russja kienu qed jikkompetu ma' xulxin fis-suq Komunitarju. Għalhekk, u fid-dawl ta’ l-argumenti mniżżlin fil-premessi 89 sa 92 tar-Regolament proviżorju, m’hemm ebda raġuni li twassal għall-konklużjoni li l-importazzjonijiet Russi għandhom jitnaqqsu. L-argument imsemmi hawn fuq għaldaqstant ġie miċħud.

(46)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet fil-premessi 88 sa 93 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.   Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

3.1.   Volum, sehem tas-suq u prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati

(47)

Fin-nuqqas ta’ kummenti f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet fil-premessi 94 sa 96 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.2.   Tnaqqis fil-prezzijiet

(48)

Produttur esportatur Ċiniż wieħed esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward tad-determinazzjoni proviżorja ta’ l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni meta jiġi kkalkolat il-prezz ta’ l-industrija Komunitarja. B’mod partikolari, dan l-esportatur allega li tali spiża tkun iktar għolja minn dik użata fil-kalkoli proviżorji, mingħajr madankollu ma pprovda provi li jissostanzjaw dan il-punt. Id-determinazzjoni ta’ l-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni fl-istadju proviżorju kienet ibbażata fuq data attwali pprovduta miż-żewġ importaturi li kkooperaw. Ir-risposta ta’ wieħed minn dawn l-importaturi kienet soġġetta għal verifika. L-informazzjoni ta’ l-importatur l-ieħor, għalkemm ma ġietx ivverifikata, kienet skond id-data vverifikata ta’ l-ewwel importatur u għalhekk kienet ikkunsidrata bħala affidabbli biżżejjed. Huwa għalhekk ikkunsidrat li d-data pprovduta mill-importaturi kienet iktar konsistenti mill-kalkolazzjonijiet li saru mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, li barra minn hekk ma kienu ssostanzjati b’ebda evidenza. Għaldaqstant din it-talba kellha tiġi miċħuda.

(49)

Produttur esportatur Ċiniż wieħed sab żball klerikali meta kkalkula l-aġġustament għad-dazji ta’ importazzjoni. Għaldaqstant, l-aġġustament għad-dazji ta’ importazzjoni għall-produtturi esportaturi Ċiniżi ġiet korretta skond ir-rata ta’ dazju applikabbli matul l-IP.

(50)

Kif imħabbar fil-premessa 98 tar-Regolament proviżorju, ġie eżaminat jekk kienx xieraq l-aġġustament mogħti proviżorjament għad-differenzi fil-kwalità bejn il-prodott simili mibjugħ mill-industrija Komunitarja u l-prodott ikkonċernat importat mir-Russja u l-PRĊ.

(51)

F’dan ir-rigward, l-industrija Komunitarja sostniet li l-post-trattament ikun meħtieġ biss għal numru limitat ta’ tipi ta’ prodotti importati, jiġifieri r-reactor bead. L-industrija Komunitarja argumentat ulterjorment li sabiex tipproduċi materjal pre-sintered, il-prodotti tagħhom ikunu jeħtieġu wkoll proċessar ulterjuri, u għalhekk ebda aġġustament għall-prezz ta' l-importazzjoni ma jkun meħtieġ. Finalment, ġiet ippreżentata informazzjoni dwar il-bejgħ ta’ tipi ta’ prodotti ta’ kwalità għolja magħmulin mill-produtturi esportaturi Russi, li ma kienu jeħtieġu ebda post-trattament.

(52)

Instab li ċerti tipi ta' PTFE granulari prodotti mill-produtturi esportaturi Russi laħqu tabilħaqq standards ta’ kwalità ogħla u jistgħu għalhekk jintużaw mingħajr ebda trattament ulterjuri. Madankollu, dawn it-tipi ta’ prodotti nbiegħu biss fi kwantitajiet negliġibbli matul l-IP u prinċipalment għal raġunijiet ta’ ttestjar. Għalhekk, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni disponibbli mill-utenti li kkooperaw, l-importazzjonijiet ta’ tali PTFE granulari ta’ kwalità ogħla mir-Russja kienet tikkostitwixxi biss 1,4 % ta’ l-importazzjonijiet totali tagħhom minn dak il-pajjiż.

(53)

Instab ukoll li l-gradi tal-PTFE granulari l-oħrajn kollha importati kienu jeħtieġu post-trattament, li kkonsista prinċipalment f’tisħin u tħin ulterjuri. Għandha ssir distinzjoni bejn dan il-proċess u l-ipproċessar meħtieġ għall-produzzjoni ta’ PTFE pre-sintered, li huwa proċess speċifiku wara l-post-trattament. Għalhekk, l-aġġustament mogħti fi stadju proviżorju jirrifletti korrettement id-differenzi ta’ kwalità murija bejn il-prodott simili manifatturat mill-industrija Komunitarja u l-prodott ikkonċernat u ma jikkonċernax l-ispejjeż ta’ proċessar addizzjonali tal-PTFE granulari meħtieġ għall-produzzjoni ta’ gradi pre-sintered. L-argumenti ta’ l-industrija Komunitarja kellhom għalhekk jiġu miċħuda.

(54)

Min-naħa l-oħra, produttur esportatur Russu wieħed u importatur wieħed ta’ PTFE granulari mir-Russja sostnew li anke wara l-post-trattament il-PTFE granulari esportat minn dan il-produttur esportatur xorta jkun għadu ta’ kwalità iktar baxxa mill-PTFE granulari prodott u mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju. Il-produttur esportatur qal ukoll li l-post-trattament ser jibbilanċja biss id-differenzi fil-kwalità fir-rigward tad-daqs tal-partiċella u l-impurità tal-prodott, esklużi, madankollu, parametri ta’ kwalità prinċipali oħrajn, bħas-saħħa u t-titwil tat-tensjoni, li għandu jkollhom impatt konsiderevoli fuq il-kwalità intrinsika tal-PTFE granulari Russu u konsegwentement fuq il-kwalità tal-prodott nofsu lest. Sabiex tiġi msaħħa din it-talba, l-importatur imsemmi hawn fuq ippreżenta informazzjoni dwar ir-riżultati ta’ ttestjar li allegatament uriet differenzi fil-kwalità bejn il-PTFE granulari prodott mill-produtturi Komunitarji u l-PTFE granulari post-trattat importat mir-Russja. Fuq din il-bażi, ġie sostnut li l-aġġustament għandu jeċċedi s-sempliċi spiża ta’ post-trattament.

(55)

Madankollu, l-investigazzjoni ma setgħetx tikkonferma dawn l-allegazzjonijiet. Instab li l-informazzjoni ppreżentata mill-importatur fir-rigward tar-riżultati ta' l-ittestjar ma kinitx rappreżentattiva, iżda pjuttost tirrakkonta każ partikolari, peress li għażlet biss lott ta’ produzzjoni wieħed biss. Anke fi ħdan dan il-lott, il-PTFE granulari kollha ttestjati laħqu l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa sabiex ikunu konformi man-norma, minkejja l-varjazzjonijiet fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom. Għalhekk, il-prova ppreżentata ma kinitx meqjusa konklużiva. Fi kwalunkwe każ, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni ppreżentata mill-produttur esportatur Russu u l-importatur, id-differenza allegata fil-kwalità ma setgħetx tiġi kwantifikata. Għalhekk, huwa kkonfermat li l-PTFE granulari importat minn dan il-produttur esportatur wara l-post-trattament kien ta’ kwalità simili bħall-PTFE granulari magħmul u mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju u jista’ jintuża f’firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet simili.

(56)

Meta jitqies dak li ntqal hawn fuq, l-aġġustament proviżorju li sar meta ġie kkalkolat il-marġni ta’ tnaqqis fil-prezz instab li huwa xieraq. Madankollu, l-aġġustament ġie kkoreġut fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni vverifikata ta' żewġ utenti, li ppermettiet kalkolu preċiż ta’ dawn l-ispejjeż. Għalhekk, l-aġġustament ammonta għal 36,7 % tal-prezz tax-xiri ta’ l-utenti/importaturi kkonċernati.

(57)

Wara li ġew ikkunsidrati l-aġġustamenti msemmijin hawn fuq u fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn, il-premessi 97 sa 98 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

(58)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tqabbil fuq bażi għal kull mudell wera li l-prodott ikkonċernat li joriġina mill-PRĊ u r-Russja nbiegħ fil-Komunità bi prezzijiet taħt dawk ta’ l-industrija Komunitarja bi 20,5 % u 13,5 % rispettivament matul l-IP, meta espress bħala perċentwali tal-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja.

3.3.   Sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja u l-konklużjoni dwar il-ħsara

3.3.1.   Rimarki ġenerali

(59)

Ċerti partijiet interessati ġibdu l-attenzjoni għat-tendenzi pożittivi ta’ ċerti fatturi ta’ ħsara u sostnew li ma jkunx biżżejjed li indikaturi ta’ ħsara oħrajn bħall-prezzijiet ta’ bejgħ u l-qligħ juru tendenzi negattivi biex jiġi konkluż li l-industrija Komunitarja kienet ġarrbet ħsara materjali.

(60)

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku jipprovdi li filwaqt li l-impatt ta’ importazzjonijiet soġġetti għal dumping fuq l-industrija Komunitarja għandu jiġi eżaminat fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni tal-fatturi u l-indiċi ekonomiċi rilevanti kollha, l-ebda wieħed minn dawn il-fatturi waħdu jew flimkien ma’ oħrajn ma jista’ neċessarjament jagħti gwida deċiżiva. Għalhekk m’huwiex meħtieġ li l-fatturi ta’ ħsara kollha juru tendenza negattiva sabiex jiġi konkluż li l-industrija Komunitarja sofriet ħsara materjali.

(61)

Abbażi ta’ dan, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-industrija Komunitarja ġarrbitx ħsara materjali, huwa importanti li tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tagħha. Għalhekk, fil-każ ta’ żvilupp pożittiv ta’ ċerti indikaturi ta’ ħsara, dawn m’għandhomx jiġu kkunsidrati weħidhom iżda f’kuntest usa’, jiġifieri, flimkien ma’ l-iżvilupp ta’ indikaturi ta’ ħsara oħrajn sabiex jintlaħqu konklużjonijiet serji. Fil-każ attwali u kif deskritt fil-premessa 117 tar-Regolament proviżorju, it-tendenza pożittiva ta’ ċerti indikaturi ta’ ħsara għandha tidher fil-kuntest globali ta’ l-effetti negattivi sinifikanti ta’ l-importazzjonijiet ikkunsidrati dwar il-prestazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja u r-reazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar għal dan. L-istampa negattiva globali tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja b’mod partikolari fissret nuqqas fil-prezzijiet ta’ bejgħ u fil-qligħ.

(62)

Huwa għalhekk ikkunsidrat li l-metodu magħżul għad-determinazzjonijiet proviżorji kien raġonevoli u skond ir-Regolament bażiku u huwa għalhekk miżmum għall-konstatazzjonijiet definittivi.

3.3.2.   Produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni u kapaċità ta’ utilizzazzjoni

(63)

Xi partijiet interessati argumentaw li l-industrija Komunitarja kienet kapaċi żżid il-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha, il-volum u l-kapaċità ta’ utilizzazzjoni, filwaqt li l-konsum fil-Komunità kien qed jonqos, li ma tindikax sitwazzjoni ta’ ħsara għall-industrija Komunitarja.

(64)

Fil-fatt, it-tnaqqis fil-konsum (bi 12 %) inħass biss fl-2002, meta l-volum ta’ produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja naqas bl-istess mod bi 13 %, li sarraf ukoll fi tnaqqis fl- utilizzazzjoni ta’ kapaċità matul l-istess sena. B’konsegwenza ta’ dan u kif deskritt fil-premessa 102 tar-Regolament proviżorju, l-industrija Komunitarja kellha tnaqqas il-prezzijiet ta’ bejgħ tagħha, u b’hekk kellha żżid il-volum ta’ bejgħ tagħha sabiex tkun tista’ tikkompeti ma’ l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping. Minkejja dan, anke l-volum ta’ bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja naqas ftit matul l-2002.

(65)

Barra minn hekk, l-iżvilupp tal-volum ta’ produzzjoni għandu jitqies fil-kuntest iktar globali milli fir-rigward ta’ l-iżvilupp tal-konsum Komunitarju biss. Għalhekk, kif imsemmi fil-premessa 134 tar-Regolament proviżorju, il-bejgħ mill-esportazzjonijiet ta’ l-industrija Komunitarja kien qed jiżdied ftit, li kellu wkoll impatt fuq iċ-ċifri tal-produzzjoni. Barra minn hekk, iż-żieda fil-volum ta’ produzzjoni tal-PTFE granulari hija parzjalment spjegata mill-fatt li xi produtturi Komunitarji żiedu l-użu intern tal-PTFE granulari għall-produzzjoni ta’ per eżempju compounds u gradi mikronizzati. Finalment, iż-żieda globali tal-volum ta’ produzzjoni u l-kapaċità ta’ produzzjoni matul il-perijodu kkunsidrat huma wkoll parti mill-isforz ta’ l-industrija Komunitarja biex tirreaġixxi għall-importazzjonijiet soġġetti għal dumping billi tipprova żżid l-volumi ta’ bejgħ, għalkemm għad-detriment tal-prezzijiet ta’ bejgħ u l-qligħ.

(66)

Għalhekk, il-konstatazzjonijiet stabbiliti fil-premessi 101 u 102 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.3.3.   Volum ta’ bejgħ u sehem tas-suq

(67)

Bl-istess mod, xi partijiet interessati argumentaw li ż-żieda fil-volum ta’ bejgħ u s-sehem tas-suq, b’mod partikolari bi tnaqqis parallel fid-domanda, għandu jindika b’mod ċar li l-industrija Komunitarja ma ġarrbitx ħsara materjali. Il-produttur esportatur Russu argumenta wkoll li tali żieda fil-bejgħ ma setgħetx tiġi spjegata bl-istrateġija ta’ l-industrija Komunitarja biex tbaxxi l-prezzijiet ta’ bejgħ tagħha meta ffaċċjata b’importazzjonijiet bi prezz baxx. F’dan il-kuntest, l-iżvilupp tal-volum ta’ bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja kien imqabbel ma’ dak ta’ l-importazzjonijiet Russi li allegatament urew tendenza ta’ tnaqqis minkejja t-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet.

(68)

Mandakollu, instab li l-analiżi tad-data ta’ l-importazzjonijiet Russi taw stampa kemmxejn differenti. Għalhekk, għalkemm l-importazzjonijiet u s-sehem tas-suq mir-Russja naqas sostanzjalment mill-2001 sa l-2002, huma naqsu biss marġinalment bejn l-2002 u l-2003 u saħansitra żdiedu bi ftit matul l-IP. B’kuntrast għal dan, il-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ l-importazzjonijiet Russi wrew tendenza ta’ tnaqqis kostanti matul il-perijodu kollu kkunsidrat. B’mod parallel il-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet Ċiniżi naqsu ħafna iktar u l-volum ta’ bejgħ u l-ishma tas-suq ta’ dawn l-importazzjonijiet żdiedu sostanzjalment matul l-istess perijodu. Dan jindika li l-esportaturi Russi kienu ffaċċjati b’importazzjonijiet Ċiniżi bi prezz baxx fis-suq Komunitarju u kienu, bħall-industrija Komunitarja, imġiegħla jbaxxu ulterjorment il-prezzijiet ta’ importazzjoni tagħhom biex jerġgħu jiksbu s-sehem tagħhom fis-suq fil-Komunità. Barra minn hekk, billi l-importazzjonijiet mir-Russja u mill-PRĊ ġew akkumulati, huwa aktar xieraq li titwettaq din l-analiżi mhux separata għal kull pajjiż esportatur kkonċernat, iżda li ssir analiżi konġunta. F’dan ir-rigward, huwa mfakkar li s-sehem tas-suq ta’ l-importazzjonijiet baqa’ kontinwament għoli ħafna u l-prezzijiet tagħhom waqgħu drammatikament u marru taħt dawk ta’ l-industrija Komunitarja b’mod sinifikanti. Għalhekk, l-argument tal-produttur esportatur Russu kellu jiġi miċħud.

(69)

Huwa għalhekk imtenni li l-iżvilupp tal-volum ta’ bejgħ u sehem tas-suq ta’ l-industrija Komunitarja għandu jiġi meqjus f’korrelazzjoni mat-tnaqqis parallel fil-valur ta’ bejgħ u l-prezzijiet ta’ unità minħabba l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping u l-impatt negattiv sinifikanti konsegwenti fuq il-qligħ ta’ l-industrija Komunitarja. Kif imsemmi fil-premessa 61 ta’ dan ir-Regolament, sabiex tintlaħaq konklużjoni sinifikanti dwar is-sitwazzjoni finanzjarja globali ta’ l-industrija Komunitarja, l-iżvilupp Komunitarju ta’ dawn l-indikaturi m’għandux jiġi kkunsidrat waħdu iżda flimkien ma’ l-iżvilupp ta’ l-indikaturi ta’ ħsara rimanenti.

(70)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet stabbiliti fil-premessi 103 u 104 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.3.4.   Ħażniet

(71)

Produttur esportatur Ċiniż wieħed u tnejn Russi wkoll argumentaw li l-ħażniet ta’ l-industrija Komunitarja naqsu sostanzjalment bejn l-2003 u l-IP, li jindika li ebda ħsara materjali ma ġiet imġarrba.

(72)

Huwa nnotat li l-movimenti tal-ħażniet matul il-perijodu kkunsidrat ma kinux sinifikanti u ma wrewx tendenza ċara. Tabilħaqq, filwaqt li l-ħażniet naqsu bi 13 % bejn l-2001 u l-2002, dawn żdiedu bi 23 punt perċentwali bejn l-2002 u l-2003 u mbagħad reġgħu naqsu bi 17-il punt perċentwali matul l-IP. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li t-tnaqqis fil-ħażniet bejn l-2003 u l-IP ammonta biss għal 216 tunnellata li jikkorrispondi għal 4,3 % tal-volum ta’ bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja fl-2003 u 3,9 % matul l-IP.

(73)

Fi kwalunkwe każ, l-industrija Komunitarja pproduċiet PTFE granulari prinċipalment fuq ordni u l-prodotti li jinżammu fil-ħażniet huma normalment merkanzija li tkun qed tistenna biex tintbagħat lill-klijenti. Għalhekk, iż-żieda fil-ħażniet fl-2003 hija l-aktar minħabba dewmien fil-kunsinna u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala indikatur sinifikanti peress li m’għandha ebda impatt partikolari fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-industrija Komunitarja. Għalhekk, f’dan il-każ l-iżviluppi tal-ħażniet ma ġewx ikkunsidrati bħala indikatur ta’ ħsara sinifikanti.

(74)

Xi partijiet interessati argumentaw ukoll li ż-żieda fil-ħażniet fl-2003, prinċipalment is-sena qabel l-IP, ikkaġunat ħsara għall-industrija Komunitarja peress li l-industrija Komunitarja kienet b’hekk imġiegħla tbiegħ dawn il-ħażniet akbar bi prezzijiet aktar baxxi matul l-IP. Kif diġà ssemma fil-premessa 73, il-produzzjoni li saret fuq ordni u għalhekk, iż-żieda fil-ħażniet fl-2003 hija mistennija li ddewwem il-kunsinna, filwaqt li l-klijenti u l-prezzijiet kienu diġà ddeterminati. Fi kwalunkwe każ, iż-żieda fil-ħażniet ta’ 283 tunnellata fl-2003 ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sinifikanti peress li din tirrapreżenta biss 5,6 % tal-volum ta’ bejgħ ta’ dik is-sena. Ġie għalhekk konkluż li din iż-żieda fil-ħażniet qabel l-IP ma setgħetx tikkawża l-ħsara materjali mġarrba mill-industrija Komunitarja.

(75)

Din it-talba għalhekk kellha tiġi miċħuda u l-konstatazzjonijiet tal-premessa 105 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.3.5.   Prezzijiet ta’ bejgħ

(76)

L-istess produtturi esportaturi argumentaw li t-tendenza negattiva fil-prezzijiet ta’ bejgħ tal-Komunità m’humiex indikatur ta’ ħsara sinifikanti peress li l-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ PTFE granulari naqsu globalment b’konsegwenza tal-forzi tas-suq. Wieħed mill-produtturi esportaturi staqsa wkoll dwar il-korrettezza tal-kalkoli mingħajr, madankollu, ma pprovda iktar dettalji dwar kemm il-kalkolazzjonijiet ma kinux korretti.

(77)

Għal dak li jirrigwarda l-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja, ma nstab ebda żball fil-kalkoli proviżorji li huma għalhekk ikkonfermati.

(78)

Huwa mtenni li l-prezzijiet ta’ bejgħ fil-Komunità waqgħu sostanzjalment matul il-perijodu eżaminat li kellu impatt konsiderevoli fuq il-qligħ ta’ l-industrija Komunitarja. Huwa kkonfermat ukoll li dawn kienu kkunsidrati bħala fatturi prinċipali għad-determinazzjoni ta’ ħsara, minħabba l-impatt dirett tagħhom fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-industrija Komunitarja. Huwa għalhekk ikkonfermat li l-prezzijiet huma indikatur sinifikanti ħafna ta’ ħsara f’din l-investigazzjoni u t-talba tal-produttur esportatur f’dan ir-rigward kellha tiġi miċħuda.

(79)

B'mod aktar speċifiku għal dak li jirrigwarda l-argument ta’ l-allegat tnaqqis fil-prezz globali, ma nstab ebda fattur li jindika per eżempju t-tnaqqis fl-ispejjeż li fuqhom kien ibbażat dak it-tnaqqis fil-prezz. Huwa għalhekk ikkonfermat li l-prezzijiet huma indikatur ta’ ħsara ferm sinifikanti f’din l-investigazzjoni u t-talba tal-produttur esportatur f’dan ir-rigward kellha tiġi miċħuda fil-kuntest ta’ l-analiżi ta’ ħsara. Il-bqija ta’ dan l-argument huwa aktar marbut mal-kwistjoni ta’ rabta kawżali u għandu għalhekk jiġi indirizzat hawn taħt fil-premessi 106 u 107.

(80)

Fin-nuqqas ta’ xi kumment ieħor f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet tal-premessa 106 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.3.6.   Tkabbir

(81)

Kien argumentat li d-determinazzjonijiet proviżorji naqsu milli jispjegaw it-tkabbir ta’ l-industrija Komunitarja, b’mod partikolari fil-konfront tal-konsum Komunitarju li qed jiċkien għall-perijodu kkunsidrat. Peress li t-tkabbir ta’ l-industrija Komunitarja kien determinat bl-iżvilupp tas-sehem tiegħu fis-suq, saret referenza għall-premessa 103 tar-Regolament proviżorju u għall-premessi 67 u 69 ta’ dan ir-Regolament.

3.3.7.   Investimenti u abbiltà biex jiżdied il-kapital

(82)

Produttur esportatur Ċiniż wieħed oġġezzjona għall-konklużjonijiet proviżorji li l-abbiltà biex jiżdied il-kapital ma kinitx indikatur sinifikanti ta’ ħsara.

(83)

Kif deskritt fil-premessa 109 tar-Regolament proviżorju, instab li, peress li l-produtturi Komunitarji huma parti minn gruppi akbar u għalhekk iffinanzjati permezz tas-sistemi tal-ġbir ta’ flus fi ħdan il-gruppi, l-abbiltà biex jinġabar kapital ma kinitx indikatur sinifikanti ta’ ħsara, peress li normalment din ma tiġix affettwata, anke jekk xi produtturi ta’ tali gruppi akbar huma f’sitwazzjoni partikolarment ta’ ħsara. Il-produttur esportatur Ċiniż ma spjegax safejn huwa ma qabilx ma’ dawn il-konklużjonijiet, u lanqas ma ssostanzja d-dikjarazzjoni tiegħu bi spjegazzjonijiet oħra. It-talba għalhekk kellha tiġi miċħuda u l-konstatazzjonijiet tal-premessi 108 u 109 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.3.8.   Qligħ, redditu fuq l-investimenti u likwidità

(84)

Xi produtturi esportaturi osservaw ukoll li kien hemm żieda fil-qligħ ta’ l-industrija Komunitarja bejn l-2003 u l-IP, li ma kinitx ikkunsidrata fil-konstatazzjonijiet proviżorji.

(85)

Din it-talba kellha tiġi miċħuda, peress li l-iżvilupp tal-qligħ ta’ l-industrija Komunitarja fuq il-perijodu sħiħ ikkunsidrat kien analizzat fir-Regolament proviżorju. Għalhekk, iż-żieda fil-qligħ bejn l-2003 u l-IP ma setgħetx treġġa' lura l-konklużjoni tat-tnaqqis ġenerali sinifikanti tal-qligħ bejn l-2001 u l-IP, jiġifieri b’9,2 punti perċentwali. Il-qligħ matul l-IP kien biss ftit iktar mill-punt fejn ma jsirx telf, jiġifieri 0,1 % u kien ikun saħansitra iktar baxx li kieku l-industrija Komunitarja żammet il-prezzijiet tagħha, f’liema każ kienet issofri telf tas-sehem tas-suq u l-volum ta’ bejgħ. Huwa għalhekk konkluż li dan il-fattur ta’ ħsara wera tendenza negattiva ċara matul il-perijodu kkunsidrat.

(86)

Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet tal-premessi 110 u 111 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.3.9.   Impjiegi u produttività

(87)

Il-produttur esportatur Ċiniż kif ukoll it-tnejn Russi tennew l-argumenti tagħhom dwar l-iżvilupp ta’ l-impjiegi u l-produttività, li jissuġġerixxu li dawn il-fatturi ma jindikawx ħsara materjali. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni ġdida f’dan ir-rigward, għandhom jinżammu l-konklużjonijiet proviżorji kif stabbiliti fil-premessa 112 tar-Regolament proviżorju.

3.3.10.   Żieda fl-esportazzjonijiet ta’ l-industrija Komunitarja

(88)

Finalment, il-produtturi esportaturi imsemmijin hawn fuq argumentaw li l-prestazzjoni ta’ l-esportazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja li żdiedet matul il-perijodu kkunsidrat turi li hija ma ġarrbitx ħsara materjali.

(89)

F’dan il-kuntest, għandu jiġi ċċarat li l-premessa 134 tar-Regolament proviżorju bi żball tindika li ż-żieda fl-esportazzjoni kienet 3 % matul il-perijodu kkunsidrat. Fil-fatt, l-esportazzjonijiet ta’ l-industrija Komunitarja żdiedu b’54 %. Madankollu, kif indikat korrettament fl-istess premessa tar-Regolament proviżorju, dawn l-esportazzjonijiet li żdiedu kienu jikkostitwixxu 12,7 % biss tal-volum ta’ bejgħ totali ta’ l-industrija Komunitarja matul l-IP. Għalhekk, huwa kkonfermat f’termini assoluti, li ż-żieda ma kinitx sinifikanti (jiġifieri madwar 250 tunnellata). Għalhekk, — għalkemm żdiedu — il-bejgħ ta' l-esportazzjonijiet xorta baqa' jirrappreżenta parti żgħira biss tal-bejgħ totali ta’ l-industrija Komunitarja. Fuq din il-bażi, ma tqisitx bħala indikazzjoni li l-industrija Komunitarja kienet f’qagħda tajba.

3.3.11.   Pagi

(90)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet fil-premessa 113 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.3.12.   Dimensjoni tal-marġni ta’ dumping

(91)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet fil-premessa 114 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.3.13.   Irkupru minn dumping fil-passat

(92)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħra f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet fil-premessa 116 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

3.3.14.   Konklużjonijiet dwar il-ħsara

(93)

In kwantu l-argumenti ta’ ċerti partijiet interessati kienu bbażati fuq informazzjoni ppreżentata fl-ilment, għandu jiġi osservat li l-konstatazzjonijiet proviżorji kienu bbażati fuq data vverifikata tal-produtturi Komunitarji matul l-IP.

(94)

Abbażi ta’ dan, minkejja t-tendenza pożittiva ta’ xi fatturi ta’ ħsara, kien konkluż li s-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali ta’ l-industrija Komunitarja marret lura b’mod sinifikattiv matul il-perijodu kkunsidrat u li hija kienet ġarrbet ħsara materjali matul l-IP.

(95)

Għalhekk, il-konstatazzjonijiet stabbiliti fil-premessi 101 sa 120 tar-Regolament proviżorju dwar is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja u l-konklużjoni dwar il-ħsara huma b’dan ikkonfermati.

E.   KAWŻALITÀ

1.   Effetti ta’ l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping

(96)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet fil-premessi 122 sa 126 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.   Effetti ta’ fatturi oħrajn

2.1.   Żvilupp tal-konsum u d-domanda

(97)

Xi partijiet interessati tennew li t-tnaqqis fil-konsum u d-domanda fis-suq Komunitarju kienu fatturi li jikkondizzjonaw il-prezz u għandhom jitqiesu bħala l-kawża prinċipali għat-tnaqqis fil-prezzijiet u l-qligħ ta’ l-industrija Komunitarja, aktar milli l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping. Dawn il-partijiet, madankollu, ma pprovdew ebda informazzjoni jew evidenza ġdida iżda sempliċiment irrepetew it-talbiet tagħhom magħmulin qabel l-impożizzjoni tad-dazji proviżorji. Kien argumentat ukoll li tqabbil bejn it-tnaqqis fil-konsum u t-tnaqqis tal-valur tas-suq Komunitarju bħal fil-premessa 127 tar-Regolament proviżorju huwa rrelevanti peress li l-prezzijiet ta’ bejgħ ma jiddependux biss fuq l-iżvilupp tal-konsum u d-domanda iżda wkoll fuq il-provvista.

(98)

Filwaqt li mhux argumentat li taħt kondizzjonijiet kompetittivi l-prezzijiet huma r-riżultat ta’ provvista u domanda, huwa mfakkar li f’dan il-każ il-kondizzjonijiet ta’ suq normali kienu mfixkla b’għemil mhux kompettitiv, jiġifieri prattiċi ta’ dumping. Għalhekk, l-investigazzjoni uriet dumping sinifikanti mill-produtturi kollha li esportaw matul l-IP u tnaqqis fil-prezz sinifikanti matul il-perijodu kollu kkunsidrat, li kkaġuna pressjoni ta’ prezz għoli fuq l-industrija Komunitarja.

(99)

Kif diġà enfasizzat fil-premessa 129 tar-Regolament proviżorju, il-prezzijiet ta’ l-importazzjoni tar-Russja u tal-PRĊ naqsu bi grad sostanzjalment ogħla mill-konsum Komunitarju matul l-istess perijodu. Barra minn hekk, il-prezzijiet ta’ importazzjoni mill-pajjiżi eżaminati komplew jonqsu sostanzjalment, waqt li l-konsum baqa’ relattivament stabbli mill-2002 ’il quddiem u saħansitra żdied xi ftit. Fl-istess ħin, il-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħrajn naqsu bi grad ħafna anqas mill-prezzijiet ta’ importazzjonijiet mir-Russja u l-PRĊ. Il-korrelazzjoni diretta bejn it-tnaqqis fil-konsum u l-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja għalhekk ma setgħetx tiġi stabbilita u ġie konkluż li l-iżvilupp tal-konsum ma setax kellu tali impatt li l-ħsara li tirriżulta mill-importazzjonijiet soġġetti għal dumping ma setgħux jiġu aktar ikklassifikati bħala materjali. Tabilħaqq, l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping jirrappreżentaw sehem tas-suq sinifikanti (madwar 35 %) u saru bi prezzijiet baxxi ħafna. Imqabbel ma’ dan, l-effett tat-tnaqqis fil-konsum, li barra minn hekk seħħ biss sa l-2002, huwa pjuttost żgħir. Barra minn hekk, l-industrija Komunitarja ma tilfet ebda ekonomija ta’ skala b’riżultat tat-tnaqqis fil-konsum.

(100)

Dan l-iżbilanċ bejn it-tnaqqis fil-prezzijiet u t-tnaqqis fil-konsum jidher ukoll fil-fatt li t-tnaqqis fil-konsum lanqas ma kien konsistenti mat-tnaqqis fil-valur tas-suq Komunitarju għal PTFE granulari. Għalhekk, it-tqabbil bejn il-valur tas-suq u l-konsum kien validu, għalkemm ma kienx l-uniku indikatur li jevalwa jekk it-tnaqqis fil-prezz ta’ l-industrija Komunitarja kienx minħabba l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping.

(101)

Fin-nuqqas ta’ xi kumment ieħor f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet fil-premessi 127 sa 129 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.2.   Importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi minbarra r-Russja u l-PRĊ

(102)

Fin-nuqqas ta' kummenti oħrajn f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet fil-premessa 130 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.3.   Prestazzjoni ta’ produtturi Komunitarji li ma lmentawx

(103)

Kien argumentat li waqt li l-produtturi Komunitarji li ma lmentawx ġarrbu ħsara, tali ħsara prinċipalment issarfet f’telf ta’ sehem mis-suq, aktar milli f’telf fil-qligħ bħal fil-każ ta’ l-industrija Komunitarja. Abbażi ta’ dan, huwa allegat li l-istess fattur ewlieni, jiġifieri l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping ma setgħux ikollhom tali effetti negattivi fuq is-sitwazzjoni tal-produtturi Komunitarji, kemm għal dawk li lmentaw kif ukoll għal dawk li ma lmentawx. Għaldaqstant, kien sostnut li l-ħsara materjali mġarrba mill-produtturi Komunitarji bilfors kienet ikkaġunata minn fatturi oħrajn.

(104)

Dan l-argument kellu jiġi miċħud. Kif imsemmi fil-premessa 103 tar-Regolament proviżorju, il-produtturi — meta ffaċċjati b’importazzjonijiet bi prezzijiet baxxi — għandhom l-għażla li jżommu l-prezzijiet ta’ bejgħ tagħhom bil-konsegwenza ta’ żvilupp negattiv tal-volum ta’ bejgħ tagħhom u s-sehem tas-suq tagħhom, jew li jnaqqsu l-prezzijiet ta’ bejgħ tagħhom sabiex jippreżervaw kemm jista’ jkun l-ekonomiji ta’ l-iskala u biex jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom fis-suq. Huwa għalhekk normali li produtturi differenti jagħżlu strateġiji differenti u li l-ħsara mġarrba minn dawn il-produtturi tissarraf fi żvilupp negattiv tas-sehem tas-suq tagħhom jew il-prezzijiet ta’ bejgħ tagħhom jew taħlita tat-tnejn u telf konsegwenti tal-qligħ tagħhom. Minħabba d-dumping sostanzjali, il-volumi ta’ importazzjoni sostanzjali u ishma tas-suq kif ukoll l-tnaqqis fil-prezz sinifikanti u t-tnaqqis drammatiku fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping, jista’ jiġi konkluż, fin-nuqqas ta’ kawżi oħrajn ulterjuri, li d-dumping huwa l-oriġini ta’ sitwazzjoni negattiva bħal dik esperjenzata mill-industrija Komunitarja.

(105)

Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet tal-premessa 133 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.4.   Żviluppi fil-prezzijiet, reċessjoni ekonomika u t-tnaqqis tas-suq madwar id-dinja

(106)

Ingħad li fuq il-bażi ta’ tendenza ta’ tnaqqis tal-prezzijiet ta’ importazzjoni kif irreġistrati fl-Eurostat u, b’mod partikolari, il-prezzijiet ta’ importazzjoni ta’ l-Istati Uniti u l-Isvizzera, il-prezzijiet tal-PTFE granulari waqgħu b’mod ġenerali fis-suq Komunitarju kollu. Din it-tendenza 'l isfel fil-prezzijiet tirriżulta wkoll minħabba l-fatt li s-suq ta’ PTFE granulari huwa suq li qed jiċkien, jiġifieri d-domanda u l-konsum qed jonqsu. Għalhekk, it-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja huwa aktar dovut għal din it-tendenza ta’ tnaqqis ġenerali milli għall-importazzjonijiet soġġetti għal dumping mill-pajjiżi kkonċernati.

(107)

Għandu jiġi osservat li analiżi tal-prezzijiet ta' l-importazzjoni, kif irreġistrati fl-Eurostat, b’mod ġenerali, u mill-Isvizzera u l-Istati Uniti, b’mod partikolari, uriet li dawn kienu fil-biċċa l-kbira ’l fuq mil-livell tal-prezz ta’ l-importazzjonijiet tal-PRĊ u r-Russja, kif ukoll dawk ta’ l-industrija Komunitarja. Bl-istess mod, il-prezzijiet tal-produtturi Komunitarji li ma ilmentawx kienu aktar mil-livell tal-prezz ta’ l-industrija Komunitarja. Għalhekk, ġie konkluż li pajjiżi terzi u l-produtturi Komunitarji li ma lmentawx ma għamlux pressjoni kompetittiva fuq prezzijiet li jistgħu jitqiesu bħala sors sinifikanti ta’ ħsara.

(108)

Huwa osservat ukoll li kif imsemmi hawn fuq, għalkemm il-konsum Komunitarju kien qed jonqos sostanzjalment mill-2001 sa l-2002, baqa’ pjuttost stabbli wara u saħansitra żdied xi ftit. Barra minn hekk, din it-tendenza ta’ żieda kienet ikkonfermata wara l-IP. Għaldaqstant, is-suq ta’ PTFE granulari ma jistax jiġi kkunsidrat bħala suq li qed jiċkien.

(109)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ġie konkluż li t-tendenza ekonomika ġenerali ta’ tnaqqis matul il-perijodu kkunsidrat ma kisritx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping mill-PRĊ u r-Russja u l-ħsara materjali mġarrba mill-industrija Komunitarja.

2.5.   Effiċjenza ta’ l-industrija Komunitarja

(110)

Xi esportaturi li kkooperaw iddikjaraw li l-konklużjoni proviżorja fil-premessa 135 tar-Regolament proviżorju, jiġifieri li l-ispiża ta’ produzzjoni ta’ l-industrija Komunitarja kienet qed tonqos, ma kinitx konsistenti mad-data ppreżentata fl-ilment, li kienet tissuġġerixxi żieda fl-ispiża ta’ l-unità ta’ l-industrija Komunitarja matul il-perijodu kkunsidrat. Huma sostnew li kellu jiġi investigat jekk din iż-żieda fl-ispejjeż ikkawżatx il-ħsara materjali mġarrba. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-konklużjoni fil-premessa 135 tar-Regolament proviżorju kienet ibbażata fuq data li kienet ivverifikata matul l-investigazzjonijiet differenti fuq il-post fil-bini tal-produtturi Ewropej. Għalhekk, dawn it-talbiet ġew miċħuda.

(111)

Produttur esportatur ieħor sostna li l-industrija Komunitarja naqqset il-prezzijiet ta’ bejgħ tagħha għal livelli baxxi mhux meħtieġa, li tidher mill-fatt li l-industrija Komunitarja żiedet il-volum ta’ bejgħ u kisbet (minflok sempliċiment żammet) is-sehem tas-suq matul il-perijodu kkunsidrat. Barra minn hekk, ġie allegat li t-telf fil-qligħ kien aktar minħabba żieda fl-ispejjeż ta’ l-unità — bħala konsegwenza tar-rati ta’ utilizzazzjoni ta’ kapaċità baxxa u żieda fil-pagi — milli minħabba l-importazzjonijiet eżaminati.

(112)

Fl-ewwel lok għandu jiġi osservat li b’kuntrast ma’ din l-allegazzjoni tal-produtturi esportaturi, l-ispiża tal-produzzjoni tal-Komunità naqset matul il-perijodu kkunsidrat, li b’hekk ma ġietx ikkunsidrata bħala l-kawża għat-telf tal-qligħ ta’ l-industrija Komunitarja. Filwaqt li huwa minnu li l-industrija Komunitarja kienet kapaċi żżomm il-pożizzjoni tas-suq tagħha u saħansitra żżid is-sehem tas-suq tagħha, dan kien għad-detriment tal-qligħ tagħha. Huwa mfakkar li l-importazzjonijiet eżaminati kienu b'mod sinifikattiv taħt il-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja matul il-perijodu kkunsidrat kollu, li ma setgħetx tiġi megħluba miż-żieda fis-sehem tas-suq ta’ l-industrija Komunitarja.

(113)

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ġie konkluż li, peress li l-industrija Komunitarja kellha proċessi ta’ produzzjoni effiċjenti u spejjeż ta’ produzzjoni li kienu qed jonqsu, il-ħsara materjali mġarrba mill-industrija Komunitarja ma kinitx imposta minnha stess. Il-konstatazzjonijiet tal-premessa 135 tar-Regolament proviżorju huma b’hekk ikkonfermati.

2.6.   Bejgħ ristrett

(114)

Iż-żewġ produtturi esportaturi Russi sostnew li l-bejgħ ristrett ta’ PTFE granulari ta’ mill-inqas żewġ produtturi esportaturi Komunitarji żdiedu b’mod sinifikanti matul il-perijodu kkunsidrat. Kien argumentat li peress li dan il-bejgħ normalment ma kienx iħalli qligħ, iż-żieda fil-bejgħ ristrett għandha tiġi kkunsidrata bħala kawża possibbli tal-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja.

(115)

F’dan ir-rigward, l-investigazzjoni wriet li l-bejgħ ristrett ikkostitwixxew biss madwar 5 % tal-volum ta’ produzzjoni totali ta’ l-industrija Komunitarja matul l-IP. Minħabba dawn il-kwantitajiet baxxi, ġie konkluż li, anke jekk ma jħallux qligħ, il-bejgħ ristrett ma setax jkissru rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping mill-PRĊ u r-Russja u l-ħsara materjali mġarrba mill-industrija Komunitarja.

2.7.   Ebda kompetizzjoni bejn il-PTFE granulari importat mir-Russja u l-PRĊ u l-PTFE prodott u mibjugħ mill-industrija Komunitarja

(116)

Wieħed mill-produtturi esportaturi sostna li peress li l-PTFE granulari importat mill-pajjiżi kkonċernati ikun ġeneralment ta’ kwalità iktar baxxa u ma jikkompetix mal-prodott mibjugħ mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju, kull ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja ma setgħetx ġiet ikkawżata mill-importazzjonijiet eżaminati.

(117)

F’dan ir-rigward, huwa mfakkar li fil-premessi 12 sa 14 ta’ dan ir-Regolament huwa konkluż li minkejja t-tipi ta’ prodotti differenti possibbli, inklużi differenzi fil-kwalità, il-PTFE granulari prodott mill-industrija Komunitarja u l-prodott ikkonċernat importat mill-pajjiżi kkonċernati għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u essenzjalment l-istess użi aħħarija bażiċi. Kif stabbilit fil-premessi 16, 90 u 92 tar-Regolament proviżorju u fil-premessa 10 ta’ dan ir-Regolament, l-investigazzjoni kkonfermat ukoll li t-tipi ta’ prodotti importati kollha jinsabu f’kompetizzjoni ma’ dawk il-prodotti u mibjugħa mill-industrija Komunitarja fis-suq Komunitarju. Għalhekk, it-talba ta’ hawn fuq kellha tiġi miċħuda.

2.8.   Esportazzjonijiet mill-industrija Komunitarja

(118)

Kif imsemmi fil-premessa 89 ta’ dan ir-Regolament, iż-żieda fil-bejgħ mill-esportazzjonijiet mill-industrija Komunitarja kienet fil-fatt ta’ 54 %. Madankollu, il-konklużjonijiet prinċipali fil-premessa 134 tar-Regolament proviżorju, jiġifieri, li din iż-żieda fl-esportazzjonijiet tikkostitwixxi biss parti żgħira tal-bejgħ totali ta’ l-industrija Komunitarja (prinċipalment 12,7 % matul l-IP) huma kkonfermati. Għalhekk, u fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn f’dan ir-rigward partikolari, il-konstatazzjonijiet fil-premessa 134 tar-Regolament proviżorju huma b’dan ikkonfermati.

2.9.   Varjazzjonijiet fir-rati tal-kambju

(119)

Xi partijiet interessati argumentaw li l-waqa' fil-valur tad-dollaru Amerikan fil-konfront ta’ l-Euro kkawża l-ħsara mġarrba mill-industrija Komunitarja. Ġie sostnut li (i) l-waqa' fil-valur tad-dollaru Amerikan naqqset il-bejgħ mill-esportazzjonijiet ta’ l-industrija Komunitarja lejn l-Istati Uniti u (ii) żiedet il-kompetittività ta’ l-importazzjonijiet Russi u Ċiniżi.

(120)

Għal dak li jirrigwarda l-bejgħ mill-esportazzjonijiet mill-industrija Komunitarja, dawn il-partijiet ma pprovdewx provi sottostanti iżda bbażaw id-dikjarazzjoni tagħhom fuq sempliċi suppożizzjonijiet. Huma lanqas ma speċifikaw b’mod partikolari jekk il-bejgħ mill-esportazzjonijiet mill-industrija Komunitarja setax allegatament naqqas fil-volum jew fil-valur jew fit-tnejn. Fi kwalunkwe każ, kif diġà konkluż fil-premessa 118 ta’ dan ir-Regolament, il-bejgħ mill-esportazzjonijiet mill-industrija Komunitarja żdied b’54 % matul il-perijodu kkunsidrat. Kif indikat fil-premessa 134 tar-Regolament proviżorju, il-marġni tal-qligħ miksub mill-industrija Komunitarja fir-rigward ta’ dan il-bejgħ mill-esportazzjonijiet kien ogħla minn dak miksub minn bejgħ fis-suq Komunitarju. Għalhekk, l-iżvilupp fil-bejgħ mill-esportazzjonijiet ta’ l-industrija Komunitarja ma setax jitqies li kellu impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja.

(121)

Għal dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet mir-Russja u l-PRĊ, għandu jiġi osservat li dawn kienu sostanzjalment soġġetti għal dumping, jiġifieri laħqu marġni ta’ dumping ta’ 36,6 % għar-Russja u kważi 100 % għall-PRĊ. Min-naħa l-oħra, l-importazzjonijiet minn pajjiżi oħrajn għall-Komunità saru bi prezzijiet sostanzjalment ogħla minn dawk mir-Russja u l-PRĊ, minkejja l-waqa' fil-valur tad-dollaru Amerikan. Barra minn hekk, t-tnaqqis fil-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet eżaminati kien sostanzjali matul il-perijodu kollu u qabeż bil-bosta r-rata tal-waqa’ fil-valur tad-dollaru Amerikan fil-konfront ta’ l-Euro. Din it-talba hija għalhekk miċħuda.

2.10.   Konklużjoni dwar il-kawżalità

(122)

Fuq il-bażi tal-konsiderazzjonijiet imsemmijin hawn fuq u elementi oħrajn li jinsabu fil-premessi 121 sa 138 tar-Regolament proviżorju, huwa konkluż li l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping mir-Russja u l-PRĊ ikkaġunaw ħsara materjali lill-industrija Komunitarja fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku.

F.   INTERESS KOMUNITARJU

1.   Impatt finanzjarju fuq l-utenti

(123)

Diversi utenti tennew li t-tħassib ewlieni tagħhom li l-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi kien ser ikollha impatt negattiv serju fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom peress li huma ma jkunux jistgħu jgħaddu ż-żieda mistennija fl-ispejjeż li tirriżulta mill-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping lill-klijenti tagħhom.

(124)

F’dan ir-rigward, wara l-iżvelar proviżorju, sar kuntatt ma' ħames utenti/proċessuri li ma kkooperawx sa dak iż-żmien u ġew mistiedna biex jimlew kwestjonarju. Dawn l-utenti/proċessuri li talbu biss għal kwestjonarju wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji ma kinux magħrufa mill-istituzzjonijiet Komunitarji qabel. Instab li numru minn dawn l-utenti kienu qed jimportaw il-maġġoranza ta’ PTFE granulari użat fil-proċess ta’ produzzjoni/ipproċessar mill-pajjiżi eżaminati. Dawn l-utenti rrappreżentaw parti kbira ta’ l-importazzjonijiet totali mir-Russja u l-PRĊ, kif ukoll il-konsum totali Komunitarju. Huma allegaw li l-miżuri anti-dumping għandu jkollhom impatt sinifikanti fuq il-qligħ tagħhom. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi u wara li ġie meqjus in-numru baxx ta’ utenti li kkooperaw qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, kif ukoll l-allegat impatt ta’ l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping, ġie kkunsidrat li kien iġġustifikat li jiġu aċċettati dawn ir-risposti, minkejja li ġew ippreżentati fi stadju tard ta’ l-investigazzjoni, sabiex il-konstatazzjonijiet ikunu kemm jista’ jkun rappreżentattivi.

(125)

Erba’ utenti wieġbu għall-kwestjonarju (wieħed parzjalment biss). Wieħed minn dawn l-utenti kien trasformatur ta’ PTFE granulari, b’parti mill-produzzjoni tiegħu tikkompeti direttament mal-produtturi Komunitarji fis-suq tal-PTFE granulari, filwaqt li l-utenti l-oħrajn kienu proċessuri li jipproduċu prodotti nofshom lesti u lesti, billi jużaw il-PTFE granulari direttament fil-proċess ta’ produzzjoni tagħhom. L-utenti li kienu diġà qed jikkooperaw qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji u dawk li resqu ’l quddiem wara l-impożizzjoni tad-dazji proviżorji kienu wkoll mistednin jippreżentaw informazzjoni addizzjonali dwar l-ispiża tal-produzzjoni tagħhom, bi ħsieb li jikkumplementaw id-data użata għall-konstatazzjonijiet proviżorji u biex jippermettu analiżi dettaljata u fil-fond ta’ l-aspetti kollha tas-sitwazzjoni ta’ utenti differenti, b’mod partikolari biex jiġi kkalkolat l-impatt preċiż tal-miżuri anti-dumping fuq il-qligħ tagħhom. Madankollu, erba’ kumpanniji biss wieġbu għal din it-talba addizzjonali. Fil-qosor, total ta’ seba’ utenti kkooperaw, li jirrapreżentaw 67,8 % ta’ l-importazzjonijiet totali mill-pajjiżi kkonċernati u 41,3 % tal-konsum totali Komunitarju.

(126)

L-investigazzjoni addizzjonali wriet li l-impatt ta’ dazji anti-dumping definittivi fuq utenti għandha tvarja sostanzjalment skond il-kwantità tal-PTFE granulari importat użat fil-proċessi tal-produzzjoni tagħhom. F’dan ir-rigward, il-kalkoli saru fuq il-bażi ta' l-ipoteżi li l-ebda wieħed minn dawn l-utenti ma jkun kapaċi jgħaddi ż-żieda fil-prezz lill-klijenti tiegħu. F’dan ix-xenarju ta’ l-agħar każ ipotetiku, għal żewġ kumpanniji, li ġabu bejn 70 % u 80 % ta’ PTFE granulari mill-pajjiżi eżaminati, l-impatt tal-miżuri fuq il-qligħ tagħhom kien stmat sa 7,5 %. Għall-utenti l-oħrajn li kkooperaw, li jimportaw anqas minn 30 % tal-materja prima tagħhom mill-pajjiżi eżaminati, l-impatt, bl-ipoteżi li ż-żieda fil-prezz lanqas parzjalment ma tgħaddi fuq il-klijenti tagħhom, kien stmat għal massimu ta’ 2,7 %.

(127)

Għandu jiġi osservat, madankollu, li l-investigazzjoni kkonfermat ukoll li żidiet fil-prezzijiet fil-Komnunità bħala konsegwenza ta’ l-impożizzjoni ta’ miżuri anti-dumping x’aktarx jgħaddu lill-klijent finali. F’dak ir-rigward, ġie kkunsidrat li l-pressjoni ta’ prezz għoli fil-Komunità kien prinċipalment dovut għall-importazzjonijiet bi prezz baxx mill-PRĊ u r-Russja. Huwa għalhekk mistenni li ma’ l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping, il-livelli ta’ prezzijiet tal-PTFE granulari fil-Komunità ser jiżdiedu b’mod ġenerali. L-investigazzjoni wriet ukoll li l-prodotti downstream kienu parzjalment mibjugħa mill-ġdid permezz ta’ distributuri li jibbenefikaw minn marġni għoljin, li jindika li dawk id-distributuri għandhom il-potenzjal li jassorbu żidiet fil-prezzijiet. Finalment, instab li kien hemm ftit li xejn kompetizzjoni fis-suq ta’ prodotti nofshom lesti jew dawk lesti magħmulin minn PTFE granulari minn pajjiżi terzi matul l-IP, li wkoll jindika li ż-żidiet fil-prezzijiet x’aktarx jgħaddu lill-klijenti finali. Tabilħaqq, is-suq tal-prodotti nofshom lesti u dawk lesti huwa ddominat minn proċessuri Komunitarji, aktar milli minn prodotti importati, li lkoll ikunu ugwalment soġġetti għad-dazji anti-dumping. Għalhekk, huwa mistenni li żieda fil-prezz taffettwa lill-operaturi Komunitarji kollha kkonċernati ugwalment u mhix mistennija żieda fil-prezzijiet mill-prodotti importati. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa konkluż li l-utenti ser x’aktarx ikunu jistgħu jgħaddu parti konsiderevoli taż-żieda fl-ispejjeż lill-klijenti tagħhom, sabiex l-impatt stmat tal-miżuri anti-dumping fuq il-qligħ tagħhom għandu fil-verità ikun ħafna aktar limitat milli taħt ix-xenarju ta’ l-agħar każ.

(128)

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, anke jekk iż-żieda fil-prezz ma tkunx tista’ tingħadda lanqas biss parzjalment, li mhix ipoteżi realistika, l-impatt fuq il-qligħ ta’ l-erba’ utenti li kkooperaw hawn fuq imsemmija ma jkunx jidher sproporzjonat. Tnejn mill-utenti jibqgħu jagħmlu qligħ, anke f’dak ix-xenarju ta’ l-agħar każ. Wieħed mill-produtturi li kkooperaw, li għalih l-impatt stmat ta’ kwalunkwe miżura anti-dumping tkun kemmxejn iktar minn 1 %, għamel telf sinifikanti diġà matul l-IP, li ma kienx marbut mal-miżuri anti-dumping. Kull żieda fil-prezz dovuta għad-dazji anti-dumping b’hekk m’għandhiex ikollha impatt konsiderevoli fuq il-prestazzjoni tan-negozju tagħha. Finalment, l-aħħar utent kellu marġni gross sinifikanti, jiġifieri iktar minn 30 % u huwa għalhekk mistenni li jista’, ta' l-inqas parzjalment, jassorbi hu stess kull żieda fil-prezz minħabba l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping.

(129)

Kif imsemmi fil-premessa 125 ta’ dan ir-Regolament, il-konstatazzjonijiet imsemmijin hawn fuq jirriflettu s-sitwazzjoni ta’ l-utenti li jirrappreżentaw kważi 70 % ta’ l-importazzjonijiet totali mill-pajjiżi kkonċernati u madwar 40 % tal-konsum Komunitarju. L-investigazzjoni kopriet ukoll tipi differenti ta’ utenti, jiġifieri li jirrapreżentaw setturi industrijali differenti, li jużaw PTFE granulari direttament jew fi prodotti nofshom lesti, xi uħud jimportaw kwantitajiet għolja mill-pajjiżi kkonċernati, oħrajn fi kwantitajiet limitati biss. Kien għalhekk ikkunsidrat li l-konstatazzjonijiet ta’ hawn fuq jistgħu jitqiesu bħala rappreżentattivi b’mod wiesgħa. Għandu jiġu nnotat ukoll li, kif imsemmi fil-premessa 147 tar-Regolament proviżorju, l-impatt tad-dazji anti-dumping fuq ċerti utenti huwa negliġibbli minħabba l-fatt li l-PTFE granulari jikkostitwixxi proporzjon pjuttost baxx ta’ l-ispejjeż globali tagħhom.

(130)

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-utenti kollha li kkooperaw għandhom kummerċ sinifikanti barra l-Komunità. Tabilħaqq, 24,6 % tal-volum ta’ bejgħ ta’ l-utenti huwa esportat barra l-Komunità. Dan jimplika li r-reġim ta’ pproċessar ’il ġewwa għandu jippermetti lil dawn l-utenti jitolbu lura jew jevitaw li jħallsu d-dazji anti-dumping intaxxati fuq il-PTFE granulari importat. Għaldaqstant, din il-parti tan-negozju ta’ l-utenti mhux ser jiġi affettwat bil-miżuri.

(131)

Finalment, meta jiġu kkunsidrati l-effetti possibbli tal-miżuri fuq l-utenti, għandu jiġi osservat ukoll li s-sitwazzjoni finanzjarja attwali hija parzjalment dovuta minħabba l-kompetizzjoni inġusta li tirriżulta mill-eżistenza ta’ importazzjonijiet soġġetti għal dumping. Dan għandu jiġu meqjus, meta jiġi bbilanċjat l-impatt negattiv possibbli tal-miżuri fuq l-utenti kontra l-effetti pożittivi fuq partijiet interessati oħrajn, b’mod partikolari l-industrija Komunitarja.

(132)

Għar-raġunijiet kollha msemmijin hawn fuq, ġie konkluż li l-effett probabbli tal-miżuri fuq l-utenti ma jkunx sproporzjonat. Kien għalhekk konkluż li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping definittivi ma tkunx kontra l-interess Komunitarju.

2.   Importazzjonijiet ta’ prodotti nofshom lesti u prodotti lesti

(133)

Ċerti utenti sostnew ukoll li huma ser isibu ruħhom f’sitwazzjoni ta’ tfixkil tal-kompetizzjoni fil-konfront ta’ produtturi fil-pajjiżi kkonċernati ta’ prodotti nofshom lesti u dawk lesti mhux soġġetti għal dazji anti-dumping, b’mod partikolari peress li dawk il-produtturi jistgħu jeqilbu l-esportazzjonijiet tagħhom lejn il-Komunità minn PTFE granulari għal prodotti nofshom lesti u dawk lesti. B’konsegwenza ta’ dan, l-utenti fil-Komunità jeħtieġu li jallokaw mill-ġdid parti mill-kummerċ tagħhom barra l-Komunità Ewropea sabiex ikollhom aċċess għal materja prima irħas.

(134)

Fir-rigward tal-prodotti nofshom lesti u dawk lesti, instab li t-theddida li jiżdiedu l-importazzjonijiet ta’ prodotti downstream irħas nofshom lesti u dawk lesti mill-pajjiżi kkonċernati mhix imminenti. Abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, jiġifieri b’mod partikolari d-differenza ta’ kwalità magħrufa bejn il-PTFE granulari importat mill-pajjiżi kkonċernati u dak prodott mill-industrija Komunitarja, la l-produtturi Russi u lanqas dawk Ċiniżi m’huma bħalissa kapaċi jipproduċu l-firxa sħiħa ta’ prodotti magħmulin mill-utenti fil-Komunità, minħabba nuqqas ta’ għarfien tekniku meħtieġ. Numru ta’ partijiet osservaw li l-għarfien tal-produtturi Russi u Ċiniżi kif ukoll il-kwalità tal-prodotti tagħhom qed tiżdied kostantement u li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping definittivi għandha taċċelera dan il-proċess peress li toħloq inċentiv għaċ-ċaqlil tal-produzzjoni ta’ prodotti nofshom lesti u dawk lesti lejn dawn il-pajjiżi fejn il-PTFE granulari huwa disponibbli bi prezzijiet irħas. Huwa osservat li skond xi operaturi fis-suq, l-importazzjonijiet ta’ prodotti nofshom lesti mill-pajjiżi kkonċernati tabilħaqq dehru li għandhom tendenza ta’ żieda. Madankollu, m’hemm l-ebda prova disponibbli li tissuġġerixxi li l-kwalità tal-prodotti importati hija komparabbli ma’ dik tal-prodotti manifatturati u mibjugħa fis-suq Komunitarju u li għalhekk ser ikun hemm tabilħaqq kompetizzjoni ogħla u riskju ta’ żieda fl-importazzjoni ta’ prodotti nofshom lesti u lesti.

(135)

Barra minn hekk, l-allegazzjoni li l-attivitajiet ta' pproċessar ser fil-fatt jikkunsidraw jmorru barra mill-Komunità, jew li l-esportaturi ser jeqilbu għal prodotti pproċessati ulterjorment ma kinitx sostanzjata bi provi suffiċjenti. L-investigazzjoni wriet ukoll li xi utenti investew reċentement biss fil-proċess ta’ produzzjoni tagħhom fil-Komunità, fatt li jindika li l-allokazzjoni mill-ġdid ta’ dawk il-faċilitajiet ta’ produzzjoni hija ferm improbabbli.

3.   Impjiegi

(136)

Kien argumentat ukoll li l-industrija ta’ l-ipproċessar timpjega ħafna iktar nies mill-produtturi ta’ PTFE granulari fil-Komunità u li dawk l-impjiegi ikunu f’perikolu jekk jiġu imposti l-miżuri anti-dumping.

(137)

L-investigazzjoni wriet li l-informazzjoni ppreżentata mill-organizzazzjoni ta’ l-utenti/importaturi kkonċernati fir-rigward ta’ l-impjiegi kienet fil-biċċa l-kbira sopravalutata. Barra dan, parti biss ta’ dawk l-impjiegi ser ikunu direttament mhedda bl-impożizzjoni ta' dazji anti-dumping. Għandu jiġi osservat ukoll li l-produzzjoni ta’ PTFE granulari teħtieġ aktar kapital, filwaqt li l-produzzjoni ta’ prodotti nofshom lesti u dawk lesti teħtieġ aktar xogħol. Għalhekk, tqabbil dirett bejn in-numru ta’ impjiegi ta’ l-industrija PTFE granulari u l-industrija downstream mhix xierqa. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li xi impjiegi tal-produtturi u l-fornituri Komunitarji li mhux qed jilmentaw ukoll ser jiġu mhedda. Kif indikat hawn fuq, il-produtturi Komunitarji li mhux qed jilmentaw diġà tilfu sehem sinifikanti mis-suq mill-bidu tal-perijodu kkonċernat. Finalment, numru ta’ utenti u għalhekk impjiegi fil-Komunità ukoll jiddependu kompletament jew parzjalment fuq il-provvista mill-industrija Komunitarja u mill-produtturi Komunitarji li ma lmentawx. Għalhekk, jekk l-industrija Komunitarja tisparixxi dawn l-impjiegi jkunu ugwalment f’periklu.

4.   Nuqqas ta’ provvista

(138)

Numru ta’ partijiet tennew ukoll li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping definittivi għandha twassal għal nuqqas ta’ provvista peress li tipprevjeni lill-produtturi esportaturi mill-PRĊ u r-Russja li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn il-Komunità, filwaqt li l-industrija Komunitarja ma jkollhiex kapaċità bizzejjed biex tforni d-domanda Komunitarja. Kien argumentat ukoll li anke jekk l-industrija Komunitarja jkollha l-kapaċità teoretika li żżid il-produzzjoni tagħha ta’ PTFE granulari, ekonomikament dan ma jkunx interessanti peress li l-produzzjoni ta’ PTFE granulari tiġġenera inqas qligħ mill-produzzjoni ta’ fluworopolimeri. Ġie sostnut li sorsi oħrajn, bħall-Ġappun u l-Istati Uniti ma jkunux alternattiva valida peress li l-prezzijiet ta’ importazzjoni minn dawn il-pajjiżi jibqgħu għoljin. Ġie sostnut ulterjorment li n-nuqqas fis-suq Komunitarju ser jiġi aggravat biż-żieda mistennija fid-domanda fis-suq Komunitarju. Min-naħa l-oħra, għal ċertu applikazzjonijiet low-end, il-produzzjoni prodotta fil-Komunità tkun speċifikata ż-żejjed u tkun għalja wisq biex tintuża f’tali applikazzjonijiet. Finalment, kien argumentat li r-reactor bead mhux ser jinbiegħ affattu fil-Komunità, filwaqt li l-gradi pre-sintered huma prodotti biss fi kwanititajiet limitati fil-Komunità, għalhekk l-utenti jkunu dipendenti fuq importazzjonijiet mill-pajjiżi eżaminati.

(139)

Għandu jiġi mfakkar li l-kapaċità ta’ l-industrija Komunitarja hija ta’ 9 200 tunnellata, bi 80 % ta' użu tal-kapaċità. Il-volum ta’ bejgħ matul l-IP kien madwar 4 845 tunnellata. Dan jimplika li l-produtturi li ilmentaw ikunu kapaċi jbiegħu 4 355 tunnellata addizzjonali tal-prodott simili, li huwa 85 % ta’ l-importazzjonijiet totali tal-pajjiżi kkonċernati. L-argument li l-industrija Komunitarja ma tużax din il-kapaċità b’xejn biex tipproduċi PTFE granulari minħabba marġni ta’ qligħ baxx iġġenerat mill-bejgħ ta’ dan il-prodott kellu jiġi miċħud. Għandu jiġi osservat li dan l-argument ma kienx sostanzjat bi provi. Barra minn hekk, il-qligħ baxx iġġenerat mill-bejgħ ta’ l-industrija Komunitarja ta’ PTFE granulari kien minħabba l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping wettqu tnaqqis fil-prezz sostanzjali kontra l-prezzijiet ta’ l-industrija Komunitarja u għalhekk ikkaġunaw pressjoni sostanzjali fuq il-prezz. Għalhekk, bl-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping definittivi l-prezzijiet fis-suq Komunitarju għandhom jirkupraw, u b’hekk għandu jkollhom effett pożittiv fuq il-qligħ.

(140)

Għal dak li jirrigwarda r-reactor bead, instab li kwantitajiet limitati ħafna biss ġew importati matul l-IP. Bl-istess mod, l-importazzjonijiet ta’ gradi pre-sintered kienu limitati ħafna matul l-IP, li jimplika li l-gradi pre-sintered isiru mill-utenti nfushom. Instab li mill-anqas żewġ produtturi Komunitarji kienu kapaċi jipproduċu gradi pre-sintered. Finalment, kif imsemmi hawn fuq, l-industrija Komunitarja biegħet ukoll gradi “off-spec” matul l-IP, li huma komparabbli mal-gradi ta’ kwalità baxxa mill-PRĊ u r-Russja.

(141)

Sorsi oħrajn, bħall-Ġappun u l-Istati Uniti huma disponibbli wkoll. L-argument li l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet minn dawn il-pajjiżi huma ogħla minn dawk mill-pajjiżi taħt investigazzjoni u li l-PTFE granulari mill-Ġappun u l-Istati Uniti għalhekk ma jkunx alternattiva valida ma jistax jiġi aċċettat peress li l-għan tad-dazji anti-dumping huwa preċiżament biex jiġi eliminat d-dumping ta' ħsara u jiġu restawrati l-kondizzjonijiet ġusti ta’ kompetizzjoni.

(142)

Huwa mfakkar ulterjorment li l-għan ta’ kull miżura anti-dumping bl-ebda mod m’hi biex twaqqaf l-aċċess għas-suq Komunitarju għal prodotti mill-pajjiżi kkonċernati, iżda aktar biex tirrestawra kundizzjonijiet ugwali li ġew imfixkla bi prattiċi ta’ kummerċ inġusti. Għalhekk, il-PTFE granulari, inkluż it-tipi ta’ prodott li għalihom ġiet allegata skarsezza, mill-pajjiżi kkonċernati jista’ jkompli jidħol fis-suq Komunitarju, għalkemm b’livelli ta’ prezzijiet ogħla.

(143)

Fuq il-bażi tal-konsiderazzjonijiet imsemmijin hawn fuq u elementi oħrajn li jinsabu fil-premessi 139 sa 153 tar-Regolament proviżorju, huwa konkluż li ma teżisti ebda raġuni persważiva biex ma jiġux imposti l-miżuri anti-dumping fuq l-importazzjoni tal-prodotti kkonċernati li joriġinaw mir-Russja u l-PRĊ.

G.   MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI

1.   Livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara

(144)

Fuq il-bażi tal-metodoloġija stabbilita fil-premessi 154 sa 159 tar-Regolament proviżorju, livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara ġie kkalkulat bil-għan li jiġi stabbilit il-livell ta’ miżuri li għandhom jiġu imposti definittivament.

(145)

Wieħed mill-produtturi esportaturi Russi sostna li l-aġġustament għad-differenzi fil-livell tal-kummerċ kellu jkun ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta mill-importatur mhux relatat li kkoopera bis-sħiħ ta' rendikont tal-parti l-kbira ta’ l-importazzjonijiet tiegħu. Madankollu, għalkemm l-informazzjoni ta’ dan l-importatur ġiet ivverifikata fuq il-post, minħabba l-istruttura tal-bejgħ komplessa immens ta’ l-importatur in kwistjoni, li tinvolvi numru ta’ kumpanniji differenti li mingħandhom ma kienet disponibbli l-ebda informazzjoni, il-prezzijiet tax-xiri u konsegwentement il-marġni ta’ qligħ ta’ dan l-importatur mhux relatat ma setgħux jiġu stabbiliti b’mod affidabbli u għalhekk ma ntużawx. B’mod alternattiv, dan il-produttur esportatur sostna li sabiex jikkalkula l-aġġustament għal-livell ta’ kummerċ, il-prezz ta’ l-importazzjoni CIF għandu jiġi mqabbel mal-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid ta’ l-importatur in kwistjoni fil-Komunità. Madankollu, instab li din il-metodoloġija l-ġdida mhux ser twassal għal riżultati aktar affidabbli mill-metodoloġija użata għad-determinazzjonijiet proviżorji. B’kuntrast ma’ dan, l-informazzjoni disponibbli, b’mod partikolari l-kontijiet ivverifikati ta’ l-importatur, ikkonfermat li l-kalkoli li saru fid-determinazzjonijiet proviżorji kienu raġonevoli.

(146)

Iż-żewġ produtturi esportaturi Russi wkoll sostnew li t-tqabbil tal-prezz ta’ l-esportazzjoni tagħhom mal-prezz mhux ta' ħsara kellu jsir fuq bażi għal kull mudell. B’mod partikolari, kien argumentat li t-tipi speċjalizzati aktar għaljin prodotti mill-industrija Komunitarja kellhom ikunu esklużi mill-kalkolu tal-livell ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara. F’dan il-kuntest, huwa mfakkar li, kif deskritt fil-premessi 28 sa 40 ta’ dan ir-Regolament, il-konstatazzjonijiet għaż-żewġ produtturi esportaturi Russi kellhom ikunu bbażati fuq fatti disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Peress li ma kienet disponibbli ebda data affidabbli fuq il-bażi għal kull mudell, id-determinazzjoni ta’ prezz ta’ esportazzjoni ta’ dawn il-produtturi esportaturi kienet ibbażata fuq data rreġistrata fl-Eurostat. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa 9 u 55 ta’ dan ir-Regolament, il-PTFE importat wara l-post trattament kien ta’ kwalità simili għall-PTFE prodott mill-industrija Komunitarja u seta’ jintuża fi kważi l-applikazzjonijiet kollha, inklużi l-applikazzjonijiet high end. Din it-talba kellha għalhekk tiġi miċħuda.

(147)

Numru ta’ partijiet ikkontestaw il-livell ta’ qligħ ta’ 9,3 % użat għall-kalkolu tal-marġni ta’ tnaqqis fil-prezz proviżorju, billi sostnew li kien għoli wisq. B’mod partikolari, kien argumentat li għandu jiġi kkunsidrat li s-suq tal-PTFE granulari qed jiċkien u l-ispiża tal-produzzjoni qed tiżdied, għalhekk l-industrija Komunitarja ma kinitx tkun kapaċi tikseb 9,3 % qligħ fin-nuqqas ta’ l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping. Ġie propost li minflok jintuża marġni ta’ qligħ ta’ 5 %.

(148)

F’dan ir-rigward, huwa mfakkar li l-marġni ta’ qligħ ta’ 9,3 % kien ibbażat fuq data attwali u vverifikata ppreżentata mill-produtturi Komunitarji, jiġifieri evidenza li turi li l-qligħ effettivament miksub qabel ma l-importazzjonijiet soġġetti għal dumping bdew jippenetraw fis-suq Komunitarju kien ta’ 9,3 %. Ġie nnotat ukoll li, kif imsemmi fil-premessa 112 ta’ dan ir-Regolament, l-ispiża tal-produzzjoni naqset matul il-perijodu kkunsidrat. Fin-nuqqas ta’ informazzjoni ġdida, il-metodoloġija użata għall-istabbiliment tal-marġni ta’ ħsara kif deskritt fil-premessi 156 sa 159 tar-Regolament proviżorju hija b’dan ikkonfermata.

2.   Dazji definittivi

(149)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa kkunsidrat li dazju definittiv anti-dumping għandu jiġi impost fil-livell tal-marġni ta’ dumping li nstab, iżda m’għandux ikun ogħla mill-marġni ta’ ħsara kkalkolat skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku.

(150)

Ir-rati ta’ dazji definittivi proposti, espressi bħala perċentwali tal-prezz tal-fruntiera Komunitarja CIF, bid-dazju doganali mhux imħallas, huma kif ġej:

Pajjiż esportatur

Marġni ta’ eliminazzjoni ta’ ħsara

Marġni ta’ dumping

Dazju anti-dumping propost

PRĊ

55,5  %

99,7  %

55,5  %

Ir-Russja

40,0  %

36,6  %

36,6  %

(151)

Sabiex jiġi żgurat infurzar kif suppost tad-dazju anti-dumping, il-livell ta’ dazju residwu m’għandux japplika biss għall-esportatur li ma jikkooperax, iżda wkoll għal dawk il-kumpanniji li ma kellhom ebda esportazzjoni matul l-IP. Madankollu, dawn il-kumpanniji ta’ l-aħħar huma mistiedna, meta jissodisfaw il-ħtiġiet tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, li jippreżentaw talba għal reviżjoni skond dak l-Artikolu sabiex is-sitwazzjoni tagħhom tiġi eżaminata individwalment.

3.   Impennji

(152)

Produttur esportatur Ċiniż wieħed li la ngħata MET u lanqas IT wera interess li joffri impenn. Madankollu, hija l-prattika tal-Kummissjoni li ma taċċettax offerti ta’ impenn minn kumpanniji li la ngħataw MET u lanqas IT peress li ma jista’ jiġi stabbilit ebda marġni ta' anti-dumping individwali f’dawk il-każijiet. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-kontijiet tal-kumpannija kkonċernata ma kinux affidabbli u b’hekk ma kienx ser ikun prattiku biex jiġi sorveljat l-impenn.

(153)

Iż-żewġ produtturi esportaturi Russi għamlu wkoll proposti biex joffru impenn. Iżda, kif iddikjarat fil-premessi 28 sa 35 ta’ dan ir-Regolament, il-konstatazzjonijiet fir-rigward taż-żewġ produtturi esportaturi kellhom isiru fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Huwa mfakkar li l-kumpanniji pprovdew informazzjoni qarrieqa fir-rigward ta’ ċerti aspetti ta’ l-investigazzjoni li affettwat il-preċiżjoni u l-konsistenza tal-kooperazzjoni tagħhom. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx sodisfatta li impenn minn dawn il-kumpanniji seta’ jiġi sorveljat b’mod effettiv u l-offerti għalhekk ġew miċħuda,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa b’dan impost fuq importazzjonijiet ta’ l-hekk imsejjaħ politetrafluworoetilin granulari (PTFE), li ma fihx aktar minn 3 % ta’ unità ta' monomer oħra minbarra t-tetrafluwroetilin, mingħajr fillers, fil-forma ta’ trab jew pilloli, bl-esklużjoni tal-materjal mikronizzat (jiġifieri mikrotrab fluworopolimeru kif definit bin-norma ASTM D5675-04) li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM ex 3904 61 00 (kodiċi TARIC 3904610050) u joriġina mir-Russja u l-PRĊ. Id-deskrizzjoni tal-prodott imsemmi qabel tkopri wkoll tali prodotti ppreżentati bħala polimeru mhux maħdum (reactor bead) fil-forma mxarrba jew niexfa.

2.   Ir-rata ta’ dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett ħieles mal-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1, għandu jkun kif ġej:

Pajjiż

Rata ta’ dazju

PRĊ

55,5  %

Ir-Russja

36,6  %

3.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

L-ammonti żgurati permezz ta’ dazji anti-dumping proviżorji skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 862/2005 dwar importazzjonijiet ta’ l-hekk imsejjaħ politetrafluworoetilin granulari (PTFE), li ma fihx aktar minn 3 % ta’ unità monomer oħra minbarra t-tetrafluworoetilen, mingħajr fillers, fil-forma ta’ trab jew pilloli, bl-esklużjoni tal-materjal mikronizzat, u l-polimeru mhux maħdum tiegħu (reactor bead), dan ta’ l-aħħar fil-forma mxarrba jew niexfa, li jaqa’ fi ħdan il-kodiċi NM ex 3904 61 00 (kodiċi TARIC 3904610050) u joriġina mir-Russja u l-PRĊ għandhom jiġu miġbura bir-rata tad-dazju definittiv impost. Ammonti żgurati li jaqbżu r-rata definittiva ta’ dazji anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati. Meta d-dazji definittivi huma ogħla mid-dazji proviżorji l-ammonti żgurati biss fil-livell tad-dazji proviżorji għandhom jiġu miġbura definittivament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropeja.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 2 ta’ Diċembru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BECKETT


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 144, 8.6.2005, p. 11.


Top