Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R1003

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1003/2005 tat- 30 ta' Ġunju 2005 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 dwar mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza ta’ ċerti serotipi tas-salmonella f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 170, 1.7.2005, p. 12–17 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 287M, 18.10.2006, p. 6–11 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009; Imħassar b' 32010R0200

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/1003/oj

    18.10.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    6


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1003/2005

    tat-30 ta' Ġunju 2005

    li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 dwar mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza ta’ ċerti serotipi tas-salmonella f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2160/2003

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar il-kontroll tas-salmonella u aġenti żoonotiċi oħra speċifikati li jinġarru mill-ikel (1) u, partikolarment l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 13 tiegħu;

    Billi:

    (1)

    L-għan tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 huwa li jassigura li jittieħdu miżuri xierqa u effettivi għall-individwazzjoni u l-kontroll tas-salmonella u aġenti żoonotiċi oħra fl-istadji rilevanti kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni, partikolarment fil-livell ta' produzzjoni primarja, sabiex titnaqqas il-prevalenza tagħhom u r-riskju li dawn ifissru lis-saħħa pubblika.

    (2)

    Taħt dak ir-Regolament, għandha tiġi stabbilita mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-prevalenza tas-serotipi tas-salmonella kollha b'sinifikat għas-saħħa pubblika fil-qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus fil-livell ta' produzzjoni primarja.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003 jipprevedi li l-mira Komunitarja tinkludi espressjoni numerika tal-perċentwal massimu ta’ unitajiet epidemjoloġiċi li jibqgħu pożittivi u/jew il-perċentwal minimu ta’ tnaqqis fin-numru ta’ unitajiet epidemjoloġiċi li jibqgħu pożittivi, il-limitu massimu ta’ żmien li fih għandha tintlaħaq il-mira, kif ukoll id-definizzjoni ta’ l-iskemi ta' ttestjar meħtieġa għall-verifika tal-kisba tal-mira. Għandha tinkludi wkoll definizzjoni, fejn xieraq, tas-serotipi b’sinifikat għas-saħħa pubblika.

    (4)

    Dak ir-Regolament jipprevedi wkoll li għal perjodu tranżizzjonali ta’ tliet snin, il-mira Komunitarja għall-qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus se tkopri l-iktar ħames serotipi frekwenti tas-salmonella fis-salmonellosis umana, li se jiġu identifikati fuq il-bażi tad-dejta miġbura permezz ta’ sistemi Komunitarji ta’ sorveljanza.

    (5)

    It-tagħrif mis-sistemi Komunitarji ta’ sorveljanza juri li l-iktar ħames serotipi tas-salmonella frekwenti fis-salmonellosis umana huma s-Salmonella Enteritidis, is-Salmonella Hadar, is-Salmonella Infantis, is-Salmonella Typhimurium u s-Salmonella Virchow. Għalhekk, il-mira Komunitarja stabbilita b'dan ir-Regolament għandha tkopri dawn is-serotipi.

    (6)

    Sabiex tiġi ffissata l-mira Komunitarja, għandha tkun disponibbli dejta komparabbli dwar il-prevalenza tas-serotipi tas-salmonella kkonċernati f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus fl-Istati Membri. Ir-rekwiżiti minimi għall-kontroll tas-salmonella skond id-Direttiva tal-Kunsill 92/117/KEE (2) ntużaw bħala bażi għall-ġbir tad-dejta rilevanti dwar il-prevalenza fl-Istati Membri. Tagħrif bħal dan inġabar matul perjodu xieraq ta’ żmien fl-Istati Membri kollha fis-sena 2004.

    (7)

    Sabiex tkun ivverifikata l-kisba tal-mira u fid-dawl tal-prevalenza relattivament baxxa tas-serotipi rilevanti tas-salmonella f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus fil-Komunità, jinħtieġ li jiġi organizzat teħid repetittiv ta' kampjuni minn numru rappreżentattiv ta' qatgħat ta’ daqs suffiċjenti, li għandu jkun ta’ 250 tajra jew aktar, kif meħtieġ skond id-Direttiva 92/117/KEE.

    (8)

    L-iskema ta’ ttestjar meħtieġa għall-verifika tal-kisba tal-mira Komunitarja hija sinifikament differenti u possibbilment tkun iktar sensittiva mill-iskema li ntużat fil-ġbir ta’ dejta komparabbli fl-Istati Membri skond id-Direttivia 92/117/KEE. Għalhekk, jinħtieġ li jsiru provvedimenti għal reviżjoni tal-mira Komunitarja wara massimu ta’ sena implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ kontroll korrispondenti.

    (9)

    Minħabba dak il-perjodu ta’ ġbir ta’ tagħrif, ma kinitx disponibbli fil-ħin dejta komparabbli qabel l-istabbiliment tal-mira Komunitarja fi żmien id-data stipulata fl-Anness I tar-Regolament 2160/2003 fir-rigward ta’ qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus. Id-data ta’ l-istabbiliment ta’ dik il-mira għandha għalhekk tiġi estiża b’sitt xhur u r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 għandu jiġi emendat skond dan.

    (10)

    Il-miżuri previsti fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003 għall-istabbiliment tal-mira Komunitarja f'qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni huma bbażati fuq il-metodoloġija għall-kontroll tas-salmonella stabbilita diġà skond id-Direttiva 92/117/KEE, filwaqt li l-aspetti l-oħra tal-miżuri huma marbuta mal-ġestjoni tar-riskju. Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament tħejjew fi grupp ta’ ħidma bis-sehem ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel (EFSA). Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit tal-konsultazzjoni ma’ l-EFSA previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) 2160/2003 dwar kull kwistjoni li jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq is-saħħa pubblika, konsultazzjoni formali ma’ l-EFSA mhijiex meħtieġa f’dan l-istadju.

    (11)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Mira Komunitarja

    1.   Il-mira Komunitarja għat-tnaqqis tas-Salmonella Enteritidis, is-Salmonella Hadar, is-Salmonella Infantis, is-Salmonella Typhimurium u s-Salmonella Virchow f’qatgħat għat-tgħammir ta’ Gallus gallus se tkun tnaqqis tal-perċentwal massimu ta’ qatgħat ta’ adulti għat-tgħammir li fihom għallinqas 250 tajra li jibqgħu pożittivi sa 1 % jew inqas sal-31 ta’ Diċembru 2009.

    Madankollu, għall-Istati Membri b’inqas minn 100 qatgħa għat-tgħammir, mhux iktar minn qatgħa ta’ adulti għat-tgħammir għandha tibqa’ pożittiva.

    2.   L-iskema ta' ttestjar għall-verifika tal-kisba tal-mira Komunitarja hi stipulata fl-Anness.

    Artikolu 2

    Reviżjoni

    Il-Kummissjoni se tirrevedi l-mira Komunitarja stipulata fl-Artikolu 1 fid-dawl tar-riżultati ta’ l-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ kontroll approvati skond l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

    Artikolu 3

    Emenda tar-Regolament (KEE) Nru 2160/2003

    Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, it-test fil-kolonna 4 ta' l-ewwel ringiela jinbidel b'dan li ġej:

    “18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament”

    Artikolu 4

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament se jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Japplika mill-1 ta' Lulju 2005.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, nhar it-30 ta' Ġunju 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 325, 12.12.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 62, tal-15.3.1993, p. 38. Id-Direttiva revokata mid-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 325, 12.12.2003, p. 31).


    ANNESS kif hemm referenza dwaru fl-Artikolu 1(2)

    Skema ta’ ttestjar meħtieġa għall-verifika tal-kisba tal-mira Komunitarja għat-tnaqqis tas-Salmonella Enteritidis, is-Salmonella Hadar, is-Salmonella Infantis, is-Salmonella Typhimurium u s-Salmonella Virchow f’qatgħat ta’ adulti għat-tgħammir ta’ Gallus gallus

    1.   Il-qafas għat-teħid tal-kampjuni

    Il-qafas għat-teħid tal-kampjuni se jkopri kull qatgħa ta’ adulti għat-tgħammir ta’ Gallus gallus li tikkonsisti għallinqas f’250 tajra (“qatgħat għat-tgħammir”).

    2.   Sorveljanza fil-qatgħat għat-tgħammir

    2.1.   Il-post, il-frekwenza u l-istatus tat-teħid tal-kampjuni

    Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament, il-kampjuni jittieħdu minn qatgħat għat-tgħammir fuq l-inizjattiva ta’ l-operatur u bħala parti minn kontrolli uffiċjali.

    2.1.1.   Teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva ta' l-operatur

    It-teħid tal-kampjuni se jseħħ kull sentejn fil-post iddeżinjat mill-awtorità kompetenti minn bejn dawn iż-żewġ għażliet possibbli:

    a)

    fil-mafqas; jew

    b)

    fl-istabbiliment.

    L-awtorità kompetenti se timplimentà waħda mill-għażliet ta’ hawn fuq fl-iskema ta’ ttestjar kollha, u se twaqqaf proċedura sabiex l-individwazzjoni tas-serotipi tas-salmonella li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 1(1) (“is-salmonella rilevanti”) matul it-teħid tal-kampjuni fuq l-inizjattiva ta’ l-operatur tiġi nnotifikata mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti mill-operatur, dak li jieħu l-kampjuni jew il-laboratorju li jwettaq l-analiżi.

    2.1.2.   Teħid ta’ kampjuni bħala parti minn kontroll uffiċjali

    Mingħajr preġudizzju lill-Anness II, Parti C.2 tar-Regolament (KE) Nru 2160/2003, it-teħid uffiċjali tal-kampjuni se jikkonsisti fi:

    2.1.2.1.   Jekk it-teħid tal-kampjuni fuq inizjattiva ta’ l-operatur isir fil-mafqas:

    a)

    teħid ta’ rutina ta’ kampjuni kull 16-il ġimgħa fil-mafqas, li f’dik l-okkażjoni jieħu post it-teħid korrispondenti fuq l-inizjattiva ta' l-operatur;

    b)

    teħid ta’ rutina ta’ kampjuni fl-istabbiliment f’żewġ okkażjonijiet matul iċ-ċiklu tal-produzzjoni, li l-ewwel waħda tkun fi żmien erba’ ġimgħat wara l-qalba għall-fażi tal-produzzjoni tal-bajd jew it-trasferiment għall-istabbiliment tal-produzzjoni tal-bajd u t-tieni waħda tkun lejn l-aħħar tal-fażi tal-produzzjoni tal-bajd, mhux iktar kmieni minn tmien ġimgħat qabel tmiem iċ-ċiklu tal-produzzjoni;

    c)

    teħid konfermattiv ta’ kampjuni fl-istabbiliment, wara l-individwazzjoni tas-salmonella rilevanti minn teħid ta’ kampjuni fil-mafqas.

    2.1.2.2.   Jekk it-teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva ta’ l-operatur isir fl-istabbiliment, it-teħid ta’ rutina ta’ kampjuni għandu jsir fi tliet okkażjonijiet matul iċ-ċiklu ta’ produzzjoni:

    a)

    fi żmien erba’ ġimgħat wara l-qalba għall-fażi tal-produzzjoni jew it-trasferiment għall-istabbiliment tal-produzzjoni tal-bajd;

    b)

    lejn tmien il-fażi tal-produzzjoni tal-bajd, mhux iktar kmieni minn tmien ġimgħat qabel tmiem iċ-ċiklu ta’ produzzjoni;

    c)

    matul il-produzzjoni, f’kull ħin li hu distanti biżżejjed mill-kampjuni msemmija fil-punti (a) u (b).

    2.2.   Protokoll għat-teħid tal-kampjuni

    2.2.1.   Teħid ta’ kampjuni fil-mafqas

    Għal kull qatgħa għat-tgħammir, il-kampjun se jikkonsisti f’minimu ta’ kampjun wieħed kompost ta’ l-inforri tal-qfief għat-tifqis – viżibbilment imċappsa - meħuda bl-addoċċ minn ħames qfief tal-mafqas separati jew ħames postijiet separati fil-mafqas, sabiex jintlaħaq total ta’ għallinqas 1 m2. Jekk il-bajd għat-tifqis minn qatgħa għat-tgħammir qegħdin f’iktar minn inkubatur wieħed, għandu jittieħed kampjun kompost wieħed bħal dan minn kull inkubatur.

    F’każi fejn mhumiex użati inforri tal-qfief għat-tifqis, jittieħdu 10g ta’ qxur tal-bajd imkisser minn 25 qoffa għat-tifqis separata, jitfarrku, jitħalltu u jittieħed 25g sub-kampjun.

    Dik il-proċedura se tissegwa għal teħid ta’ kampjuni fuq l-inizjattiva ta’ l-operatur kif ukoll għal teħid uffiċjali ta’ kampjuni.

    2.2.2.   Teħid ta’ kampjuni fl-istabbiliment:

    2.2.2.1.   Teħid ta’ kampjuni ta’ rutina fuq l-inizjattiva ta' l-operatur

    It-teħid ta’ kampjuni se jikkonsisti primarjament f’kampjuni fekali u se jimmira għall-individwazzjoni tal-1 % ta’ prevalenza fil-qatgħa, b’limitu ta’ affidabbiltà ta’ 95 %. Għal dan il-għan, il-kampjuni se jikkonsistu f’wieħed minn dawn li ġejjin:

    a)

    Feċi mħallta magħmula minn kampjuni separati ta’ feċi friski li lkoll jiżnu mhux inqas minn 1g meħuda bl-addoċċ minn għadd ta' siti fil-bini fejn jinżammu t-tajr, jew fejn it-tajr għandhom aċċess liberu għal iktar minn bini wieħed fi stabbiliment partikolari, minn kull grupp ta’ bini fl-istabbiliment li fih jinżammu t-tajr. Għall-analiżi, il-feċi jistgħu jitħalltu sa minimu ta’ żewġ kampjuni mħallta.

    L-għadd ta’ siti li minnhom jittieħdu kampjuni separati ta’ feċi sabiex jingħaqdu f’kampjun imħallat ikun kif ġej:

    Numru ta’ tajr miżmuma f’bini

    Numru ta’ kampjuni ta’ feċi li għandhom jittieħdu minn bini jew grupp ta' bini fl-istabbiliment

    250-349

    200

    350-449

    220

    450-799

    250

    800-999

    260

    1 000 jew aktar

    300

    b)

    Ħames pari ta’ tajjar għall-buz:

    It-tajjar għall-buz użati għandhom ikunu jassorbixxu biżżejjed sabiex jixorbu l-umdità. Kalzetti tat-tip “tubegauze” huma aċċettabbli wkoll.

    Il-wiċċ tat-tajjara għall-buz għandu jixxarrab ftit b’dilwent adatt (bħal 0.8 % klorur tas-sodju, 0,1 % peptun f’ilma dejonizzat sterili, jew ilma sterili).

    Il-mixi għandu jsir b’mod li jittieħdu kampjuni rappreżentattivament mill-partijiet kollha tas-settur, inklużi żoni maħmuġa jew miksija bil-paletti meta l-paletti jkunu sikuri biex wieħed jimxi fuqhom. Il-gallinari separati kollha f’bini għandhom ikunu inklużi fit-teħid ta’ kampjuni. Meta jitlesta t-teħid ta' kampjuni fis-settur magħżul, it-tajjar tal-buz għandu jitneħħa bil-galbu sabiex ma jinqala’ l-ebda materjal imwaħħal.

    Għall-analiżi, it-tajjar tal-buz jista’ jitħallat f’minimu ta' żewġ kampjuni komposti.

    c)

    F’qatgħat għat-tgħammir li jinżammu fil-gaġeġ, it-teħid ta’ kampjuni jista’ jikkonsisti f’feċi mħallta b’mod naturali miġbura miċ-ċineg li jwaqqgħu il-bajd għall-ġbir, mill-barraxa jew mill-fosos fondi, skond it-tip ta’ bini. Żewġ kampjuni ta’ għallinqas 150g għandhom jinġabru sabiex jiġu ttestjati individwalment:

    i)

    iċ-ċineg li jwaqqgħu il-bajd għall-ġbir taħt kull saff ta’ gaġeġ li jitħaddmu regolarment u li jarmu ġo sistema għamla ta’ trapan jew konvejer

    ii)

    Sistema ta’ twaqqigħ tal-ħmieġ f’fossa fejn ikun hemm difletturi (apparat li jibdel id-direzzjoni) taħt il-gaġeġ li jitqaxxru fid-direzzjoni ta’ fossa fonda taħt il-bini;

    iii)

    Sistema ta’ twaqqigħ tal-ħmieġ f’fossa f’bini b’gaġeġ imtarrġa fejn il-gaġeġ jiġu żbilanċjati u l-feċi jaqgħu direttament fil-fossa.

    Normalment ikun hemm bosta safef ta' gaġeġ f'bini. Feċi mħallta minn kull saff għandhom ikunu rrappreżentati fil-kampjun komplessiv imħallat. Żewġ kampjuni mħallta għandhom jittieħdu minn kull qatgħa kif deskritt hawn taħt:

    F'sistemi fejn hemm ċineg jew barraxa, dawn għandhom jitħaddmu fil-jum tat-teħid tal-kampjuni qabel jittieħdu l-kampjuni.

    F’sistemi fejn hemm id-difletturi (apparat li jibdel id-direzzjoni) taħt il-gaġeġ u l-barraxa, il-feċi mħallta li jkunu weħlu mal-barraxa wara li tkun tħaddmet, għandhom jinġabru.

    F’sistemi ta’ gaġeġ imtarrġa fejn m'hemmx sistema ta’ ċineg jew barraxa jinħtieġ li l-feċi mħallta jinġabru mill-fossa l-fonda.

    Sistemi ta’ ċineg għat-twaqqigħ tal-ħmieġ: jinġabar materjali fekali imħallat mit-truf taċ-ċineg.

    2.2.2.2.   Teħid uffiċjali ta' kampjuni

    a)

    Teħid ta’ kampjuni ta’ rutina jkun kif deskritt fil-punt 2.2.2.1

    b)

    Teħid konfermattiv ta’ kampjuni wara individwazzjoni tas-salmonella rilevanti minn kampjuni li jkunu ttieħdu mill-mafqas se jsir kif ġej:

    Flimkien mat-teħid ta’ kampjuni kif deskritt fil-punt 2.2.2.1, il-teħid ta’ kampjuni jista’ jinkludi kampjun ta’ tajr meħud bl-addoċċ minn kull binja tat-tajr fl-istabbiliment, normalment sa ħames tajra kull binja, sakemm l-awtorità ma tqisx li jinħtieġ kampjun b’numru ikbar ta’ tajr. L-analiżi se tikkonsisti f’test għar-riċerka ta’ anti-mikrobiċi jew ta’ l-effett inibitorju tal-formazzjoni tal-batterji fil-kampjuni. Test ikun ikkonsidrat li falla jekk wieħed mit-tajr jinsab li hu pożittiv.

    Fil-każ li l-preżenza tas-salmonella rilevanti ma tinsabx iżda jinsabu l-anti-mikrobiċi jew l-effett inibitorju tal-formazzjoni tal-batterji, jibqgħu jittieħdu kampjuni tal-qatgħa repetittivament sabiex jiġu ttestjati għas-salmonella rilevanti jew l-effett inibitorju tal-formazzjoni tal-batterji sakemm ma jinstab l-ebda effett inibitorju tal-formazzjoni tal-batterji, jew sakemm il-qatgħa għat-tgħammir tinqered. Fl-aħħar każ, il-qatgħa għat-tgħammir tiġi kkunsidrata bħala qatgħa għat-tgħammir infettata għall-għan tal-mira Komunitarja.

    c)

    Każi sospetti

    F’każi eċċezzjonali fejn l-awtorità kompetenti jkollha raġunijiet biex tissuspetta riżultati negattivi foloz fl-ewwel teħid ta’ kampjuni uffiċjali fl-istabbiliment, jista’ jittieħed kampjun uffiċjali konfermattiv ieħor, kompost minn feċi jew tajr (għall-individwazzjoni tas-salmonella fl-organi).

    F’każi eċċezzjonali fejn l-awtorità kompetenti jkollha raġunijiet biex tissuspetta teħid ta’ kampjuni falz imwettaq fuq l-inizjattiva ta’ l-operatur ta’ l-istabbiliment, jista' jsir teħid uffiċjali ta’ kampjuni sussegwenti.

    3.   L-eżaminazzjoni tal-kampjuni

    3.1.   Preparazzjoni tal-kampjuni

    3.1.1.   L-inforri tal-qfief għat-tifqis

    a)

    qiegħed f’litru li ssaħħan minn qabel sa temperatura ambjentali u ħawwad bil-mod;

    b)

    kompli l-koltura tal-kampjun billi tuża l-metodu ta' stħarriġ f' 3.2.

    3.1.2.   Kampjuni tat-tajjar tal-buz:

    a)

    oħroġ il-par tajjar tal-buz (jew “kalzetti”) bil-galbu sabiex tevita li jinqala’ materjal fekali imwaħħal u qiegħed f’225ml BPW li kien imsaħħan minn qabel sat-temperatura ambjentali.

    b)

    fejn ħames pari ta' tajjar tal-buz jkunu ngħaqdu f’żewġ kampjuni, qiegħed ħames kampjuni individwali f’minimu ta’ 225ml BPW u assigura li l-kampjuni kollha jkunu mgħottija bil-BPW;

    c)

    ħawwad sabiex il-kampjun jixxarrab kompletament u kompli l-koltura permezz tal-metodu ta’ stħarriġ fi 3.2.

    3.1.3.   Kampjuni ta’ materjal fekali ieħor:

    a)

    fil-laboratorju qiegħed kull kampjun (jew kampjun imħallat, fejn xieraq) f’piż indaqs ta’ BPW u ħawwad bil-mod;

    b)

    ħalli l-kampjun jirtab għal 10-15 minuta u imbagħad ħawwad bil-mod;

    c)

    immedjatament wara li tħawwad neħħi 50g tat-taħlita u żid sa 200ml BPW li kien imsaħħan minn qabel sat-temperatura ambjentali;

    d)

    kompli l-koltura tal-kampjun billi tuża l-metodu ta' stħarriġ f'3.2.

    3.2.   Metodu ta’ Stħarriġ

    Għandu jintuża l-metodu rrakkomandat mill-Laboratorju Komunitarju ta’ Referenza għas-Salmonella f’Bilthoven, l-Olanda: il-metodu huwa modifika ta’ l-ISO 6579 (2002), fejn sustanza semi-solida (MSRV) tintuża bħala s-sustanza ta’ arrikkament selettiv unika. Is-sustanza semi-solida għandha titpoġġa f’inkubatur f’41.5 +/– 1 °C għal 2 × (24 +/– 3) sigħat.

    Fir-rigward tal-kampjuni tat-tajjar tal-buz u kampjuni ta' materjali fekali oħra msemmija fil-paragrafu 3.1, huwa possibbli li jingħaqad il-brodu inkubat ta’ BPW ta’ arrikament għall-użu f'kolturi futuri. Sabiex isir dan, iż-żewġ kampjuni għandhom jiġu inkubati fil-BPW bħalma jsir normalment. Neħħi 1ml ta’ brodu inkubat minn kull kampjun u ħawwad sewwa, imbagħad neħħi 0.1 ml mit-taħlita u laqqam il-pjastri MSRV bil-mod normali.

    3.3.   Klassifikazzjoni fuq il-bażi tas-serotipi

    Għallinqas iżolat wieħed minn kull kampjun pożittiv jkun ikklassifikat, skond l-iskema Kaufmann-White.

    4.   Riżultati u rapportar

    Qatgħa għat-tgħammir tiġi kkunsidrata pożittiva għall-iskop tal-verifika tal-ksib tal-mira Komunitarja, meta l-preżenza tas-salmonella rilevanti (minbarra varjanti tal-vaċċin) tkun ġiet individwata f’wieħed jew aktar mill-kampjuni fekali (jew jekk hemm konferma sekondarja uffiċjali fl-Istat Membru, fil-kampjuni fekali rilevanti jew kampjuni ta’ organi tat-tajr), li jkunu ttieħdu fl-istabbiliment. Dan mhux se japplika fil-każi eċċezzjonali ta’ qatgħat għat-tgħammir sospetti fejn l-individwazzjoni tas-salmonella fl-istabbiliment fuq l-inizjattiva ta’ l-operatur ma tkunx ġiet ikkonfermata minn teħid uffiċjali ta’ kampjuni.

    Jittieħed kont tar-riżultati kumulattivi minn teħid ta’ kampjuni u ttestjar f’qatgħat għat-tgħammir fil-livell ta’ l-istabbiliment, jiġifieri kull qatgħa għat-tgħammir se tingħadd darba biss irrispettivament min-numru ta’ operazzjonijiet ta’ teħid ta’ kampjuni jew ittestjar. Qatgħat għat-tgħammir pożittivi se jingħaddu darba biss, irrispettivament min-numru ta' operazzjonijiet ta’ teħid ta' kampjuni jew ttesjtar.

    Ir-rappurtar jinkludi:

    a)

    deskrizzjoni dettaljata ta’ l-għażliet implimentati għall-iskema ta' teħid ta' kampjuni u t-tip ta' kampjuni li ttieħdu, kif jixraq;

    b)

    in-numru ta’ qatgħat għat-tgħammir eżistenti u dawk ittestjati;

    c)

    ir-riżultati ta’ l-ittestjar;

    d)

    spjegazzjonijiet dwar ir-riżultati, partikolarment dawk li jikkonċernaw każi eċċezzjonali.


    Top