Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005E0190

    Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2005/190/PESK tas- 7 ta’ Marzu 2005 dwar il-Missjoni Integrata ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ l-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX

    ĠU L 62, 9.3.2005, p. 37–41 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 159M, 13.6.2006, p. 174–178 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2009: This act has been changed. Current consolidated version: 23/06/2008

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/2005/190/oj

    13.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    174


    AZZJONI KONĠUNTA TAL-KUNSILL 2005/190/PESK

    tas-7 ta’ Marzu 2005

    dwar il-Missjoni Integrata ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ l-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 14, l-Artikolu 25, it-tielet paragrafu, l-Artikolu 26 u l-Artikolu 28(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Unjoni Ewropea hija impenjata għal Iraq sigura, stabbli, unifikata, prosperuża u demokratika li jkun jagħti kontribut pożittiv għall-istabbiltà tar-reġjun. L-UE tappoġġja lill-poplu ta’ l-Iraq u lill-Gvern Interim Iraqi fl-isforzi tagħhom lejn ir-rikostruzzjoni ekonomika, soċjali u politika ta’ l-Iraq fil-qafas ta’ l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1546 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta’ Ġunju 2004.

    (2)

    Il-Kunsill Ewropew fil-5 ta’ Novembru 2004 laqa’ l-Missjoni Konġunta għas-Sejba tal-Fatti għall-possibbiltà ta’ missjoni integrata tal-pulizija, ta’ l-istat tad-dritt u ta’ l-amministrazzjoni ċivili għall-Iraq u kkunsidra r-rapport tagħha. Il-Kunsill Ewropew għaraf l-importanza li tissaħħaħ is-sistema tal-ġustizzja kriminali, konsistenti mar-rispett għall-istat tad-dritt, għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali. Innota x-xewqa ta’ l-awtoritajiet Iraqqini li l-UE tkun involuta b’mod aktar attiv fl-Iraq u li t-tisħiħ tas-settur tal-ġustizzja kriminali jirrispondi għall-ħtiġijiet u l-prijoritajiet ta' l-Iraq.

    (3)

    Il-Kunsill Ewropew qabel li l-UE tista’ tikkontribwixxi b’mod utli għar-rikostruzzjoni u sabiex ikun hemm Iraq stabbli, sigur u demokratiku permezz ta’ missjoni integrata, li tista’ inter alia tippromwovi kollaborazzjoni eqreb bejn l-atturi differenti fis-sistema ta’ ġustizzja kriminali u s-saħħaħ il-kapaċità ta' tmexxija ta’ l-uffiċjali għoljin u ta’ potenzjal għoli tal-pulizija, il-ġudikatura u l-ħabs u ttejjeb il-kapaċitajiet u l-proċeduri fl-investigazzjoni kriminali b’rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

    (4)

    Kif miftiehem mill-Kunsill Ewropew, bl-Azzjoni Konġunta 2004/909/PESK (1) il-Kunsill iddeċieda li jibgħat tim ta’ esperti biex ikompli d-djalogu ma’ l-awtoritajiet Iraqqini, biex jibda l-ippjanar inizjali għall-possibiltà ta’ missjoni integrata tal-pulizija, l-istat tad-dritt u l-amministrazzjoni ċivili li għandha tibda wara l-elezzjonijiet, u b’mod partikolari jivvaluta l-ħtiġijiet urġenti ta’ siġurtà għal tali missjoni.

    (5)

    Il-Kunsill iddeċieda fil-21 ta’ Frar 2005 li jibda missjoni integrata għall-istat tad-dritt għall-Iraq, li għandha ssir operattiva mill-iktar fis possibbli, soġġetta għal stedina uffiċjali mill-awtoritajiet Iraqqini.

    (6)

    Is-suċċess tal-missjoni jkun jiddependi fuq sħubija strateġika u teknika effettiva ma’ l-Iraqqin matul l-operazzjoni, fil-qafas tal-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża u b’mod komplimentari man-Nazzjonijiet Uniti.

    (7)

    L-UE ser tuża d-djalogu tagħha ma’ l-Iraq u l-ġirien tiegħu sabiex tħeġġeġ impenn reġjonali kontinwu u sostenn għal sigurtà mtejba u għall-proċess politiku u ta’ rikostruzzjoni fl-Iraq ibbażat fuq l-inklużjoni, il-prinċipji demokratiċi, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, kif ukoll is-sostenn għas-sigurtà u l-kooperazzjoni fir-reġjun.

    (8)

    L-EUJUST LEX ser timplimenta l-mandat tagħha fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li hi ta’ theddida għal-liġi u l-ordni, is-sigurtà ta’ l-individwu, u għall-istabbilità ta’ l-Iraq u li tista’ tagħmel ħsara lill-għanijiet tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni kif stabbiliti fl-Artikolu 11 tat-Trattat.

    (9)

    Bi qbil mal-linji gwida tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Nizza mis-7 sad-9 ta’ Diċembru 2000, din l-Azzjoni Konġunta għandha tiddetermina r-rwol tas-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, minn issa ’l quddiem imsejjaħ “SĠ/RGħ”, skond l-Artikoli 18 u 26 tat-Trattat,

    (10)

    L-Artikolu 14(1)tat-Trattat isejjaħ għall-indikazzjoni ta’ ammont finanzjarju ta’ referenza għall-perijodu kollu ta’ implimentazzjoni ta’ l-Azzjoni Konġunta. L-indikazzjoni ta’ l-ammonti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-budget tal-Komunità juri r-rieda ta’ l-awtorità leġislattiva u hi soġġetta għad-disponibbiltà ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn matul is-sena tal-budget rispettiva. L-EUJUST LEX ser tirċievi wkoll kontributi in natura mill-Istati Membri.

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    Missjoni

    1.   L-Unjoni Ewropea hawnhekk tistabbilixxi Missjoni Integrata ta' l-Unjoni Ewropea ta’ l-Istat tad-Dritt għall-Iraq, EUJUST LEX li tinkludi fażi ta’ ppjanar li tibda mhux aktar tard mid-9 ta’ Marzu 2005 u fażi ta’ operazzjoni li tibda mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2005.

    2.   EUJUST LEX għandha topera skond l-għanijiet u d-dispożizzjonijiet l-oħrajn li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-missjoni stabbilita fl-Artikolu 2.

    Artikolu 2

    Dikjarazzjoni tal-Missjoni

    1.   L-EUJUST LEX, għandha tindirizza l-bżonnijiet urġenti fis-sistema tal-ġustizzja kriminali Iraqqina billi tipprovdi taħriġ għal uffiċjali ta’ livell għoli u medju fit-tmexxija għolja u fl-investigazzjoni kriminali. Dan it-taħriġ għandu jkollu l-għan li jtejjeb il-kapaċità, il-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni tal-komponenti differenti tas-sistema tal-ġustizzja kriminali Iraqqina.

    2.   EUJUST LEX għandha tippromwovi kollaborazzjoni eqreb bejn l-atturi differenti fis-sistema ta’ ġustizzja kriminali Iraqqina u ssaħħaħ il-kapaċità ta' tmexxija ta’ l-uffiċjali għoljin u ta’ potenzjal għoli primarjament mill-pulizija, mill-ġudikatura u mill-ħabs u ttejjeb il-kapaċità u l-proċeduri fl-investigazzjoni kriminali b’rispett sħiħ għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

    3.   L-attivitajiet ta’ taħriġ għandhom iseħħu fl-UE jew fir-reġjun u l-EUJUST LEX għandu jkollha uffiċju ta’ kollegament f’Bagdad.

    Skond l-iżviluppi fil-kondizzjonijiet ta’ siġurtà fl-Iraq u d-disponibbiltà ta’ infrastruttura adatta, il-Kunsill ser jeżamina l-possibbiltà li t-taħriġ iseħħ fl-Iraq u, jekk meħtieġ, ser jemenda l-azzjoni konġunta f'dan is-sens.

    4.   Sħubija strateġika u teknika effettiva mal-kontrapartijiet Iraqqini għandha tiġi żviluppata matul il-missjoni, partikolarment fir-rigward tad-disinn tal-kurrikuli matul il-fażi ta’ ppjanar. Ser tkun ukoll meħtieġa kordinazzjoni għas-selezzjoni, l-ivvettjar, l-evalwazzjoni, il-monitoraġġ u l-koordinazzjoni ta’ persunal li jattendi għat-taħriġ bl-għan ta’ approprjazzjoni rapida mill-Iraqqini. Għandu jkun hemm ukoll bżonn ta’ koordinazzjoni mill-qrib matul il-fażijiet ta’ l-ippjanar u l-operazzjoni bejn l-EUJUST LEX u l-Istati Membri li jipprovdu t-taħriġ. Din għandha tinkludi l-involviment tal-missjonijiet diplomatiċi fl-Iraq ta’ l-Istati Membri rilevanti u kollegament ma’ dawk l-Istati Membri b’esperjenza attwali fil-provvediment ta’ taħriġ rilevanti għall-Missjoni.

    5.   L-EUJUST LEX għandha tkun sigura, indipendenti u distinta imma għandha tkun komplimentari u ġġib valur miżjud lill-isforzi internazzjonali attwali, partikolarment dawk tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll tiżviluppa sinerġiji ma’ l-isforzi attwali tal-Komunità u ta’ l-Istati Membri. F’dan il-kuntest, l-EUJUST LEX għandha taħdem mill-qrib ma’ l-Istati Membri li fil-preżent qed imexxu proġetti ta’ taħriġ.

    Artikolu 3

    Struttura

    L-EUJUST LEX għandha, fil-prinċipju, tkun strutturata kif ġej:

    (a)

    il-Kap tal-Missjoni;

    (b)

    Uffiċju ta’ Kordinazzjoni bbażat fi Brussel;

    (ċ)

    Uffiċju ta’ Kollegament f’Bagdad;

    (d)

    Faċilitajiet ta’ Taħriġ u min iħarreġ pprovduti mill-Istati Membri u kkordinati mill- EUJUST LEX.

    Dawn l-elementi għandhom ikunu żviluppati fil-Kunċett ta’ Operazzjonijiet (CONOPS) u l-Pjan ta’ Operazzjoni (OPLAN).

    Artikolu 4

    Kap tal-Missjoni

    1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu f’idejh t-tmexxija ta’ kuljum u l-kordinazzjoni ta’ l-attivitajiet ta' l-EUJUST LEX u għandu jkun responsabbli għal kwistjonijiet ta’ persunal u dixxiplina.

    2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jiffirma kuntratt mall-Kummissjoni.

    Artikolu 5

    Fażi ta’ ppjanar

    1.   Waqt il-fażi preparatorja tal-missjoni, tim ta’ l-ippjanar għandu jiġi stabbilit u għandu jinkludi l-Kap tal-Missjoni, li għandu jmexxi t-tim ta’ l-ippjanar, u l-persunal meħtieġ biex jittratta l-funzjonijiet li jirriżultaw mill-ħtiġijiet stabbiliti tal-missjoni.

    2.   Stima komprensiva tar-riskju għandha titwettaq bħala prijorità fil-proċess ta’ l-ippjanar u għandha tiġi aġġornata kif meħtieġ.

    3.   It-tim ta’ l-ippjanar għandu jfassal OPLAN u jiżviluppa l-istrumenti tekniċi kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-missjoni inklużi l-kurrikula komuni b’kont meħud tal-proġetti ta’ taħriġ attwali ta’ l-Istati Membri. Il-CONOPS u l-OPLAN għandhom iqisu l-istima komprensiva tar-riskju. L-OPLAN għandu jkun fih il-kurrikula komuni ta’ l-UE għall-korsijiet, li ser ikunu iddisinnjati mit-tim ta’ l-ippjanar b’konsultazzjoni ma’ l-Iraqqini u l-Istati Membri, inklużi dawk li jipprovdu t-taħriġ rilevanti għall-missjoni. Il-Kunsill għandu japprova l-CONOPS u l-OPLAN.

    4.   It-tim ta’ l-ippjanar għandu jaħdem f’kordinazzjoni mill-qrib ma’ l-atturi rilevanti internazzjonali, partikolarment in-Nazzjonijiet Uniti.

    Artikolu 6

    Persunal

    1.   In-numri u l-kompetenzi tal-persunal ta’ l-EUJUST LEX għandhom ikunu konsistenti mad-dikjarazzjoni tal-missjoni stabbiliti fl-Artikolu 2 u l-istruttura stabbilita fl-Artikolu 3.

    2.   Il-persunal ta' l-EUJUST LEX għandu jkun issekondat mill-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet ta’ l-UE. Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż relatati mal-persunal ta' l-EUJUST LEX issekondat minnu, inklużi l-pagi, il-kopertura medika, l-allowances barra l-per diems u l-ispejjeż ta’ l-ivjaġġar kif iddefiniti fid-dikjarazzjoni finanzjarja.

    3.   Il-persunal internazzjonali u dak lokali għandu jiġi reklutat fuq bażi kuntrattwali mill-EUJUST LEX kif meħtieġ.

    4.   Il-persunal kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità ta’ l-Istat Membru jew istituzzjoni ta’ l-UE approprjata u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-missjoni. Kemm waqt kif ukoll wara l-missjoni, huwa għandu jeżerċita l-akbar diskrezzjoni fir-rigward tal-fatti u l-informazzjoni kollha relatati mal-missjoni. Il-persunal għandu jirrispetta l-prinċipji tas-sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE tad-19 ta’ Marzu 2001 li tadotta ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill (2).

    Artikolu 7

    Status tal-persunal

    1.   Fejn meħtieġ, l-istatus tal-persunal ta’ l-EUJUST LEX, inklużi fejn xieraq il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji ulterjuri meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla xkiel ta' l-EUJUST LEX għandhom jiġu miftiehma skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 24 tat-Trattat. Is-SĠ/RGħ, li jgħin lill-Presidenza, jista’ jinnegozja tali ftehim f’isimha.

    2.   L-Istat Membru jew istituzzjoni ta’ l-UE li ssekondaw membru tal-persunal għandhom ikunu responsabbli għal kwalunkwe pretensjoni marbuta ma’ l-issekondar, minn jew li tikkonċerna l-membru tal-persunal. L-Istat Membru jew istituzzjoni ta’ l-UE in kwistjoni għandhom ikunu responsabbli biex jibdew kwalunkwe azzjoni kontra l-issekondat.

    Artikolu 8

    Linja ta’ Kmand

    1.   L-istruttura ta’ EUJUST LEX għandu jkollha linja ta’ kmand unifikata bħala operazzjoni ta’ maniġġjar ta’ kriżi.

    2.   Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà għandu jipprovdi l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-Missjoni u jieħu f’idejh il-kordinazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ kuljum tagħha.

    4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta lis-SĠ/RGħ.

    5.   Is-SĠ/RGħ għandu jagħti gwida lill-Kap tal-Missjoni.

    Artikolu 9

    Kontroll politiku u direzzjoni strateġika

    1.   Il-PSC għandu jeżerċita, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-PSC biex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti skond l-Artikolu 25 tat-Trattat. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat biex taħtar, fuq proposta mis-SĠ/RGħ, Kap tal-Missjoni, u biex temenda l-CONOPS u l-OPLAN u l-linja ta’ kmand. Is-setgħat ta’ deċiżjoni fir-rigward ta’ l-għanijiet u t-tmiem ta’ l-operazzjoni għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill, li jkun assistit mis-SĠ/RGħ.

    2.   Il-PSC għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.

    3.   Il-PSC għandu jirċievi rapporti mill-Kap tal-Missjoni fir-rigward tal-kontributi lejn u l-kondotta tal-missjoni, f’intervalli regolari. Il-PSC jista’ jistieden lill-Kap tal-Missjoni għal-laqgħat tiegħu kif xieraq.

    Artikolu 10

    Sigurtà

    1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għas-sigurtà ta’ l-EUJUST LEX u għandu, b’konsultazzjoni ma’ l-Uffiċju tas-Sigurtà tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “l-Uffiċju ta' Sigurtà tal-SĠK”, ikun responsabbli biex jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti ta’ sigurtà minimi applikabbli għall-missjoni.

    2.   Għall-elementi tal-missjoni li għandhom jitwettqu fl-Istati Membri, l-Istat Membru ospitanti ser jieħu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa sabiex jiżgura s-sigurtà tal-parteċipanti u ta’ min iħarreġ fit-territorju tiegħu.

    3.   Għall-Uffiċju ta’ Koordinazzjoni fi Brussel, il-miżuri meħtieġa u xierqa ser ikunu organizzati mill-Uffiċju tas-Sigurtà tas-SĠK b’kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru ospitanti.

    4.   Jekk it-taħriġ iseħħ fi Stat terz, l-UE, bl-involviment ta’ l-Istat Membru kkonċernat, għandha ssaqsi lill-awtoritajiet ta’ l-Istati terzi biex jagħmlu l-arranġementi xierqa fir-rigward tas-sigurtà tal-parteċipanti u ta’ min iħarreġ fit-territorju tiegħu.

    5.   L-EUJUST LEX għandu jkollha Uffiċjal tas-Sigurtà tal-missjoni ddedikat li jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni.

    6.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jikkonsulta mal-PSC dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà li jaffetwaw l-insedjament tal-Missjoni skond l-istruzzjonijiet tas-SĠ/RGħ.

    7.   Il-membri ta' l-EUJUST LEX għandhom jieħdu taħriġ obbligatorju fis-sigurtà organizzat mill-Uffiċju tas-Sigurtà tas-SĠK u eżamijiet mediċi qabel kwalunkwe insedjament jew ivvjaġġar lejn l-Iraq.

    8.   L-Istati Membri għandhom jistinkaw sabiex jipprovdu lill-EUJUST LEX, b’mod partikolari l-Uffiċju ta’ Kollegament, b’akkomodazzjoni sigura, korazza tal-persuna u protezzjoni taħt sorveljanza stretta ġewwa l-Iraq.

    Artikolu 11

    Arranġamenti finanzjarji

    1.   L-ammont ta’ referenzja finanzjarja maħsub biex ikopri l-ispiża relatata mal-missjoni għandu jkun ta' EUR 10 000 000.

    2.   L-ispiża ffinanzjata mill-ammont stipulat fil-paragrafu 1 għandha tiġi amministrata skond il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-budget ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni li kwalunkwe pre-finanzjament m’għandux jibqa’ l-proprjetà tal-Komunità. Jekk parti mit-taħriġ isseħħ fi Stati terzi, ċittadini ta’ Stati terzi għandhom jitħallew jagħmlu offerti għall-kuntratti. F’dan il-każ, il-merkanzija u s-servizzi akkwistati għall-EUJUST LEX jistgħu jkunu wkoll joriġinaw minn Stati terzi.

    3.   Minħabba s-sitwazzjoni partikolari ta’ sigurtà partikolari fl-Iraq, servizzi f’Bagdad għandhom ikunu pprovduti permezz tal-ftehim eżistenti li r-Renju Unit jkun għamel mal-kumpanniji elenkati fl-Anness. Il-budget ta' EUJUST LEX għandu jkopri dawn l-ispejjeż sa massimu ta’ EUR 2 340 000. Ir-Renju Unit għandu, b’konsultazzjoni mall-Kap tal-Missjoni, jirrapporta regolarment lill-Kunsill b’informazzjoni adegwata dwar dawn l-ispejjeż.

    4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jirrapporta b’mod sħiħ lil, u jkun issorveljat mill-Kummissjoni dwar l-attivitajiet imwettqa fil-qafas tal-kuntratt tiegħu.

    5.   L-arranġamenti finanzjarji għandhom jirrispettaw il-ħtiġiet operazzjonali ta' l-EUJUST LEX, inklużi l-kompatibbiltà ta’ tagħmir.

    6.   L-infiq għandu jkun eliġibbli sa mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din l-Azzjoni Konġunta.

    7.   It-tagħmir u l-provvisti għall-Uffiċju ta’ Kordinazzjoni fi Brussel għandhom ikunu mixtrija u mikrija f’isem l-UE.

    Artikolu 12

    Azzjoni tal-Komunità

    1.   Il-Kunsill jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza l-azzjoni tagħha biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din l-Azzjoni Konġunta f’kull fażi ta’ l-operazzjoni proposta, inklużi bil-ħsieb ya' l-elaborazzjoni mill-Kummissjoni ta’ azzjonijiet potenzjali b’segwitu għall-operazzjoni ta’ l-Politika Ewropea ta' Sigurtà u ta' Difiża taħt il-programmi Komunitarji.

    2.   Il-Kunsill jinnota wkoll li arranġamenti ta’ kordinazzjoni huma meħtieġa fi Brussel, kif ukoll, fejn xieraq, f’Bagdad.

    Artikolu 13

    Rilaxx ta’ informazzjoni klassifikata

    Is-SĠ/RGħ huwa awtorizzat li jirrilaxxa lill-Istat ospitanti u lin-Nazzjonijiet Uniti, kif xieraq, u skond il-ħtiġijiet operazzjonali tal-missjoni, informazzjoni u dokumenti klassifikati ta’ l-UE sal-livell “RESTREINT UE” maħluqa għall-għanijiet ta’ l-operazzjoni, skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill. Arranġamenti lokali għandhom jiġu mfassla għal dan il-għan.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Għandha tiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2006.

    Artikolu 15

    Pubblikazzjoni

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussel, nhar is-7 ta’ Marzu 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. KRECKÉ


    (1)  Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/909/PESK tas-26 ta' Novembru 2004 dwar l-istabbiliment ta' tim espert bil-ħsieb tal-possibbiltà ta’ missjoni integrata ta’ l-Unjoni Ewropea tal-pulizija, l-istat tad-dritt u l-amministrazzjoni ċivili għall-Iraq (ĠU L 381, 28.12.2004, p. 84).

    (2)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2004/194/KE (ĠU L 63, 28.2.2004, p. 48).


    ANNESS

    Lista ta’ kumpanniji msemmija fl-Artikolu 11(3)

    Control Risks Group: sigurtà mobbli

    Cottons Centre

    Cottons Lane

    London SE1 2QG

    (Limited company)

    Frontier Medical: servizzi mediċi bażiċi

    Mitcheldean

    Gloucestershire

    GL17 ODD

    (diviżjoni ta’ l-Exploration Logistics Group plc)

    Crown Agents for Oversea Governments & Administrations Limited: support għall-għejxien inklużi ikel, ilma, ħasil tal-ħwejjeġ u tindif

    St Nicholas House

    St Nicholas Road

    Sutton

    Surrey SM1 1EL

    Armorgroup Services Limited: sigurtà tal-perimetru

    25 Buckingham Gate

    London

    SW1E 6LD


    Top