EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0777

2005/777/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 13 ta’ Ottubru 2005 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/180/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ l-Istati Membri sabiex jadottaw ċerti derogi skond id-Direttiva 96/49/KE fir-rigward tat-trasport ta’ mekanzija perikoluża bil-ferrovija (innotifikat taħt in-numru tad-dokument C(2005) 3555) Test b'rilevanza għaz-ŻEE.

ĠU L 293, 9.11.2005, p. 23–25 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 558–560 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 19/10/2008; Impliċitament imħassar minn 32005D0180

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/777/oj

12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

558


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-13 ta’ Ottubru 2005

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/180/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ l-Istati Membri sabiex jadottaw ċerti derogi skond id-Direttiva 96/49/KE fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża bil-ferrovija

(innotifikat taħt in-numru tad-dokument C(2005) 3555)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaz-ŻEE)

(2005/777/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/49/KE tat-23 ta' Lulju 1996 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża bil-ferrovija (1), u partikolarment l-Artikolu 6(9) tagħha,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 6(9) tad-Direttiva 96/49/KE, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni notifika bil-quddiem dwar id-derogi tagħhom, għall-ewwel darba fil-31 ta’ Diċembru 2002 jew sa sentejn wara l-aħħar data ta' applikazzjoni tal-verżjonijiet emendati ta' l-Anness għad-Direttiva.

(2)

Id-Direttiva 2003/29/KE (2) emendat l-Anness għad-Direttiva 96/49/KE. Skond it-termini tad-Direttiva 2003/29/KE l-Istati Membri kellhom iġibu fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali mhux iktar tard mill-1 ta' Lulju 2003, u l-aħħar data ta' applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(9) tad-Direttiva 96/49/KE kienet it-30 ta’ Ġunju 2003.

(3)

Ċerti Stati Membri kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2003 bix-xewqa tagħhom li jadottaw derogi mid-Direttiva 96/49/KE. Bid-Deċiżjoni 2005/180/KE ta’ l-4 ta’ Marzu 2005 li tawtorizza lill-Istati Membri skond id-Direttiva 96/49/KE sabiex jadottaw ċerti derogi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża bil-ferrovija (3), il-Kummissjoni awtorizzat l-adozzjoni minn dawk l-Istati Membri tad-derogi elenkati fl-Annessi I u II għal dik id-Deċiżjoni.

(4)

Id-Direttiva 2004/89/KE (4) għal darb’oħra emendat l-Anness għad-Direttiva 96/49/KE. Skond it-termini tad-Direttiva 2004/89/KE l-Istati Membri kellhom iġibu fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali mhux iktar tard mill-1 ta' Ottubru 2004, u l-aħħar data ta' applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(9) tad-Direttiva 96/49/KE kienet it-30 ta’ Settembru 2004.

(5)

Ir-Renju Unit innotifika l-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2004 bix-xewqa tiegħu li jemenda d-derogi eżistenti fl-Anness I għad-Deċiżjoni 2005/180/KE. Il-Kummissjoni eżaminat in-notifiki għall-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6(9) tad-Direttiva 96/49/KE u approvathom. Dak l-Istat Membru għandu għalhekk ikun awtorizzat li jadotta d-derogi kkonċernati.

(6)

Jinħtieġ għalhekk li l-Anness I għad-Deċiżjoni 2005/180/KE jiġi emendat.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma fi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat fuq it-Trasport ta’ Merkanzija Perikoluża, imwaqqaf taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 94/55/KE (5),

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2005/180/KE hija b’dan emendata kif ġej:

L-Anness I għandu jiġi emendat bid-derogi elenkati fl-Anness I għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2005.

Għall-Kummissjoni

Jacques BARROT

Viċi-President


(1)  ĠU L 235, 17.9.1996, p. 25. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/110/KE (ĠU L 365, 10.12.2004, p. 24).

(2)  ĠU L 90, 8.4.2003, p. 47.

(3)  ĠU L 61, 8.3.2005, p. 41.

(4)  ĠU L 293, 16.9.2004, p. 14.

(5)  ĠU L 319, 12.12.1994, p. 7. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/111/KE (ĠU L 365, 10.12.2004, p. 25).


ANNESS

Derogi għall-Istati Membri dwar kwantitajiet żgħar ta' ċerta merkanzija perikoluża

IR-RENJU UNIT

RA-SQ 15.2 (emendata)

Suġġett: Iċ-ċaqliq ta' tankijiet fissi nominalment vojta mhux maħsuba bħala tagħmir għat-trasport (N2).

Referenza għall-Anness għad-Direttiva: il-Partijiet 5 u 7

Kontenut ta’ l-Anness għad-Direttiva: Ir-Rekwiżiti dwar proċeduri tal-bgħit, it-trasport, l-użu u l-vetturi.

Referenza għal-leġiżlazzjoni nazzjonali: The Carriage of Dangerous Goods and Use of Transportable Pressure Equipment Regulations 2004: Ir-Regolament 5(14).

Kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali :

Kummenti: Iċ-ċaqliq ta’ dawn it-tankijiet fissi ma jikkostitwix trasport ta’ merkanzija perikoluża fis-sens normali, u, fil-prattika, id-dispożizzjonijiet RID ma jistgħux jiġu applikati. Peress li t-tankijiet huma “nominalment vojta”, fil-fatt l-ammont ta' merkanzija perikoluża li fihom hija żgħira ħafna.

RA-SQ 15.4 (emendata)

Suġġett: Li tkun permessa “kwantità totali massima għal kull unità tat-trasport” għall-merkanzija ta’ Klassi 1 fil-kategoriji 1 u 2 tat-tabella fi 1.1.3.1.

Referenza għall-Anness għad-Direttiva:: 1.1.3.1

Kontenut ta’ l-Anness għad-Direttiva:: Eżenzjonijiet marbuta man-natura ta’ l-operazzjoni ta’ trasport.

Referenza għal-leġiżlazzjoni nazzjonali:: The Carriage of Dangerous Goods and Use of Transportable Pressure Equipment Regulations 2004: Ir-Regolament 3(7)(b).

Kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali: Li jiġu stabbiliti regoli dwar l-eżenzjonijiet għall–kwantitajiet limitati u tagħbija mħallta ta’ splussivi.

Kummenti:: Li jkunu permessi limiti differenti għall-kwantitajiet limitati u fatturi ta’ multiplikazzjoni differenti għall-merkanzija tal-Klassi 1, jiġifieri “50” għall-Kategorija 1 u “500” għall-Kategorija 2. Għall-iskop tal-kalkolu ta’ tagħbija mħallta, il-fatturi ta’ multiplikazzjoni għandhom jinqraw “20” għal Trasport Kategorija 1 u “2” għal Trasport Kategorija 2.

RA-SQ 15.5 (emendata)

Suġġett: L-adozzjoni ta’ RA-SQ 6.6.

Referenza għall-Anness għad-Direttiva:: 5.3.1.3.2

Kontenut ta’ l-Anness għad-Direttiva: L-illaxkar tar-rekwiżit ta’ twaħħil ta’ tabella għal ġarr ta’ vettura fuq vettura oħra.

Referenza għal-leġiżlazzjoni nazzjonali:: The Carriage of Dangerous Goods and Use of Transportable Pressure Equipment Regulations 2004: Ir-Regolament 7(12).

Kontenut tal-leġiżlazzjoni nazzjonali: Ir-rekwiżit tat-twaħħil ta’ tabelli ma japplikax fil-każi fejn it-tabelli tal-vettura jkunu viżibbli b’mod ċar.

Kummenti: Din kienet minn dejjem dispożizzjoni nazzjonali tar-Renju Unit.


Top