Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0477

    2005/477/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta’ Ġunju 2005 li tipprovdi deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward ta' pjanti tal-Vitis L., minbarra l-frott, li joriġinaw mill-Kroazja (notifikata taħt id-dokument numru C(2005) 1920)

    ĠU L 170, 1.7.2005, p. 75–79 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 349M, 12.12.2006, p. 172–176 (MT)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/477/oj

    12.12.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    172


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-29 ta’ Ġunju 2005

    li tipprovdi deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE fir-rigward ta' pjanti tal-Vitis L., minbarra l-frott, li joriġinaw mill-Kroazja

    (notifikata taħt id-dokument numru C(2005) 1920)

    (2005/477/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar miżuri ta' ħarsien kontra l-introduzzjoni fil-Komunità ta' organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti, kif ukoll kontra t-tixrid tagħhom fil-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha,

    Wara li kkunsidrat it-talba magħmula mill-Italja u s-Slovenja,

    Billi:

    (1)

    Taħt id-Direttiva 2000/29/KE, pjanti tal-Vitis L., minbarra l-frott, li joriġinaw minn pajjiżi terzi, fil-prinċipju ma jistgħux jiġu introdotti fil-Komunità.

    (2)

    L-Italja u s-Slovenja talbu deroga sabiex ikunu permessi importazzjonijiet tal-pjanti tal-Vitis L., minbarra l-frott, mill-Kroazja jew perjodu ta' żmien limitat sabiex mixtliet speċjalizzati jkunu jistgħu jimmoltiplikaw dawn il-pjanti fil-Komunità qabel ma jerġgħu jesportawhom lejn il-Kroazja.

    (3)

    Il-Kummissjoni tqis li mhemmx riskju li jixterdu organiżmi li huma ta' ħsara għall-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti sakemm pjanti tal-Vitis L. minbarra l-frott li joriġinaw mill-Kroazja jkunu soġġetti għall-kundizzjonijiet speċifiċi stipulati f'din id-Deċiżjoni.

    (4)

    L-Istati Membri għandhom għalhekk ikunu awtorizzati għal perjodu limitat li jippermettu l-introduzzjoni fit-territorju tagħhom ta' pjanti bħal dawn soġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi.

    (5)

    Dik l-awtorizzazzjoni għandha tintemm jekk jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet speċifiċi stipulati f'din id-Deċiżjoni mhumiex biżżejjed sabiex ma jħallux l-introduzzjoni fil-Komunità ta' organiżmi li huma ta' ħsara jew jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux ġew rispettati.

    (6)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għas-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    B'deroga mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/29/KE fir-rigward ta' punt 15 ta' Parti A ta' l-Anness III għal dik id-Direttiva, l-Istati Membri huma awtorizzati li jippermettu l-introduzzjoni fit-territorju tagħhom ta' pjanti tal-Vitis L., minbarra l-frott, maħsuba għat-tilqim fil-Komunità u li joriġinaw fil-Kroazja (minn hawn 'il quddiem “il-pjanti”).

    Sabiex jikkwalifikaw għal dik id-deroga, il-pjanti huma meħtieġa li jkunu soġġetti, minbarra r-rekwiżiti stipulati fl-Anness I u II tad-Direttiva 2000/29/KE, għall-kundizzjonijiet previsti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, u li jkunu introdotti fil-Komunità bejn l-1 ta' Jannar 2006 u l-31 ta' Marzu 2006.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri li jagħmlu użu mid-deroga prevista fl-Artikolu 1 se jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2006:

    a)

    it-tagħrif dwar il-kwantitajiet ta' pjanti impurtati skond din id-Deċiżjoni; u

    b)

    rapport tekniku ddettaljat ta' l-ispezzjonijiet uffiċjali msemmija f'punt 6 ta' l-Anness.

    Kull Stat Membru li fih il-pjanti huma sussegwentement imlaqqma wara l-introduzzjoni tagħhom fit-territorju tiegħu, se jipprovdu wkoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2006, rapport tekniku ddettaljat ta' l-ispezzjonijiet uffiċjali u l-ittestjar imsemmi f'punt 8(b) ta' l-Anness.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri għandhom jgħarrfu immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bil-konsenji kollha introdotti fit-territorju tagħhom skond din id-Deċiżjoni li sussegwentement instabu li huma fi ksur ta' din id-Deċiżjoni

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussel, nhar id-29 ta’ Ġunju 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Markos KYPRIANOU

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2005/16/KE (ĠU L 57, 3.3.2005, p. 19).


    ANNESS

    Kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-pjanti tal-Vitis L., minbarra l-frott, li joriġinaw mill-Kroazja li jibbenefikaw mid-deroga prevista fl-Artikolu 1

    1.

    Il-pjanti għandhom ikunu materjal ta' propagazzjoni fil-forma ta' rimjiet rieqda tal-varjetajiet Babić, Borgonja, Dišeča belina, Graševina, Grk, Hrvatica, Kraljevina, Malvazija istarska, Maraština, Malvasija, Muškat momjanski, Muškat ruža porečki, Plavac mali, Plavina-Plavka, Pošip, Škrlet, Teran, Trnjak, Plavac veli, Vugava jew Žlahtina li huma:

    a)

    maħsuba għat-tilqim fil-Komunità fil-postijiet imsemmija f'punt 7, fuq riżomi prodotti fil-Komunità;

    b)

    maħsuda f’mixtliet għall-propagazzjoni li huma uffiċjalment reġistrati fil-Kroazja. Il-listi tal-mixtliet reġistrati iridu jsiru disponibbli għall-Istati Membri li jagħmlu użu mid-deroga u lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2005. Dawn il-listi jinkludu l-isem tal-varjeta, n-numru ta' ringieli mħawla b'din il-varjetà, in-numru ta' pjanti f'kull ringiela għal kull waħda minn dawn in-nurseries, sa fejn jidhru li huma xierqa sabiex jintbagħtu lejn il-Komunità fl-2006, taħt il-kundizzjonijiet stipulati f'din id-Deċiżjoni;

    c)

    ppakjati kif suppost u l-pakketti mmarkati b'tali mod li jintagħrfu, sabiex il-mixtla reġistrata u l-varjetà jkunu jistgħu jiġu identifikati.

    2.

    Il-pjanti jkollhom magħhom ċertifikat fitosanitarju maħruġ fil-Kroazja skond l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/29/KE, fuq il-bażi ta' l-eżami stipulat fiha, li jikkonferma, b'mod partikolari, li huma ħielsa minn dawn l-organiżmi li huma ta' ħsara:

     

    Daktulosphaira vitifoliae (Fitch)

     

    Xylophilus ampelinus (Panagopoulos) Willems et al.

     

    Grapevine Flavescence dorée

     

    Xylella fastidiosa (Well et Raju)

     

    Trechispora brinkmannii (Bresad.) Rogers

     

    Tobacco ringspot virus

     

    Tomato ringspot virus

     

    Blueberry leaf mottle virus

     

    Peach rosette mosaic virus

    Iċ-ċertifikat jiddikjara taħt “Dikjarazzjoni Addizzjonali”, l-indikazzjoni “Din il-konsenja tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2005/477/KE”.

    3.

    L-organizzazzjoni uffiċjali għall-ħarsien tal-pjanti tal-Kroazja hi meħtieġa tiżgura l-identità tal-pjanti minn waqt il-ħsad kif imsemmi f'punt 1(b) sal–waqt tat-tagħbija għall-esportazzjoni lejn il-Komunità;

    4.

    Huwa meħtieġ li pjanti jiġu introdotti minn punti ta' dħul maħsuba għal dak il-għan mill-Istat Membri li jinsabu fih.

    Dawk il-punti ta' dħul u l-isem u l-indirizz tal-korp uffiċjali responsabbli msemmi fid-Direttiva 2000/29/KE li huwa nkarigat minn kull punt ta' dħul huwa meħtieġ li jkun mgħarraf biżżejjed minn qabel mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u għandhom ikunu disponibbli fuq talba ta' l-Istati Membri l-oħra.

    Meta l-introduzzjoni tal-pjanti fil-Komunità sseħħ fi Stat Membru li mhux dak li jagħmel użu mill-awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 1, minn hawn 'il quddiem “l-awtorizzazzjoni” il-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istati Membri ta' introduzzjoni huma meħtieġa jgħarrfu u jikkooperaw mal-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istati Membri li jagħmlu użu mill-awtorizzazzjoni sabiex jiżguraw li din id-Deċiżjoni tiġi rrispettata.

    5.

    Qabel l-introduzzjoni fil-Komunità, l-importatur jiġi infurmat uffiċjalment bill-Kundizzjonijiet stipulati fil-punti 1 sa 4; dan l-importatur jinnotifika d-dettalji ta' kull introduzzjoni biżżejjed minn qabel lill-korpi uffiċjali responsabbli fl-Istat Membru ta' introduzzjoni u dak l-Istat Membri, mingħar telf ta' żmien, hu meħtieġ jgħaddi d-dettalji tan-notifika lill-Kummissjoni, b'indikazzjoni ta':

    a)

    it-tip ta' materjal,

    b)

    il-varjetà u l-kwantità;

    c)

    id-data ddikjarata ta' introduzzjoni u l-konferma tal-punt tad-dħul;

    d)

    l-ismijiet, l-indirizzi u fejn jinsabu l-istabbilimenti msemmija f' punt 7 fejn ir-rimjiet se jitlaqqmu jew jinħażnu.

    L-importatur jinforma lill-korpi uffiċjali kkonċernati b'kull bidla fid-dettalji msemmija hawn fuq malli din issir magħrufa.

    L-Istat Membru jinforma lill-Kummissjoni bid-dettalji t' hawn fuq, u dettalji ta' kull bidla li ssirilhom mingħajr telf ta' żmien.

    Għall-inqas ġimgħatejn qabel id-data ta' l-introduzzjoni, l-importatur hu meħtieġ jgħarraf lill-korp uffiċjali responsabbli ta' l-istabbiliment imsemmi f'punt 7 fejn għandhom jitlaqqmu l-pjanti.

    6.

    L-ispezzjonijiet, inklużi t-testijiet, kif inhu xieraq, meħtieġa skond l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/29/KE u skond id-dispożizzjonijiet stipulati f'din id-Deċiżjoni, se jsiru mill-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru, permezz ta' din l-awtorizzazzjoni, u fejn hu xieraq, b'kooperazzjoni mal-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru fejn għandhom jinħażnu l-pjanti.

    Matul dawk l-ispezzjonijiet, l-Istat(i) Membru/i huma meħtieġa wkoll jispezzjonaw, u fejn xieraq jittestjaw, għal organiżmi ta' ħsara msemmija f'punt 2. Kull sejba ta' dawn l-organiżmi ta' ħsara għandha immedjatament tkun innotifikata lill-Kummisjoni. Azzjoni xierqa hi meħtieġa tittieħed sabiex jinqerdu l-organiżmi ta' ħsara u fejn hu xieraq il-pjanti kkonċernati.

    7.

    Il-pjanti se jitlaqqmu biss fl-istabbilimenti reġistrati uffiċjalment u approvati għall-għanijiet ta' din l-awtorizzazzjoni.

    Il-persuna li beħsiebha tlaqqam il-pjanti hi meħtieġa tinnotifika minn qabel lill-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru li fih jinsab l-istabbiliment bl-isem u l-indirizz tas-sid ta' l-istabbiliment.

    Fejn il-post tat-tilqim jinsab fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru li jagħmel użu mill-awtorizzazzjoni, il-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru li jagħmel użu mill-awtorizzazzjoni hu meħtieġ jgħarraf lill-korpi uffiċjali responsabbli ta' l-Istat Membru fejn għandhom jitlaqqmu l-pjanti fl-ismijiet u l-indirizzi ta' l-istabbiliment fejn għandhom jitlaqqmu l-pjanti. Tagħrif bħal dan hu meħtieġ li jingħata meta tiġi rċevuta n-notifika minn qabel mill-importatur kif jissemma fl-aħħar inċiż ta' punt 5.

    8.

    Fl-istabbiliment imsemmi f'punt 7:

    a)

    il-pjanti li nstabu ħielsa mill-organiżmi ta' ħsara msemmija f'punt 2 jistgħu imbagħad jintużaw għat-tilqim fuq ir-riżomi li joriġinaw fil-Komunità. Il-pjanti mlaqqma huma meħtieġa li sussegwentement jinżammu taħt kundizzjonijiet xierqa f'medium xieraq fejn jikbru, iżda mhumiex se jitħawlu jew jiġu kkoltivati fl-għelieqi. Il-pjanti mlaqqma huma meħtieġa jibqgħu fil-post sakemm ma jiġux imċaqilqa lejn destinazzjoni barra l-Komunità kif jissemma f'punt 9;

    b)

    fil-perjodu wara t-tilqim, il-pjanti huma meħtieġa li jiġu spezzjonati viżwalment mill-korpi uffiċjali responsabbli msemmija ta' l-Istat Membri li fih tlaqqmu, f'ħinijiet xierqa, għall-preżenza ta' organiżmi ta' ħsara jew għal sinjali jew sintomi kkawżati min kull organiżmu ta' ħsara; B'riżultat ta' spezzjoni viżwali bħal din, kull organiżmu ta' ħsara li kkawża sinjali jew sintomi bħal dawn jista’ jiġi identifikat permezz ta' proċedura xierqa ta' ttestjar;

    c)

    kull pjanta mlaqqma li ma nstabitx ħielsa, matul l-ispezzjonijiet imsemmija jew l-ittestjar imsemmi fil-punti (a) u (b), minn organiżmi ta' ħsara elenkati f'punt 2, jew b'xi mod ieħor li jistgħu jitqiesu għall-kwarantina, hija meħtieġa li tinqered taħt il-kontroll tal-korpi uffiċjali responsabbli msemmija.

    9.

    Kull pjanta li tirriżulta minn tilqim b'suċċess bl-użu tar-rimjiet imsemmija f'punt 1 għandhom biss jiġu rilaxxati bħala pjanti mlaqqma għaċ-ċaqliq fil-Kroazja. Il-korpi uffiċjali responsabbli ta' Stat Membru li jagħmel użu ta' din l-awtorizzazzjoni hu meħtieġ jiżgura li kull pjanta li ma tiġix imċaqilqa b'dan il-mod tkun meqruda uffiċjalment. Huwa meħtieġ li jinżammu rekords ta' l-ammonti ta' pjanti mlaqqma b'suċċess, ta' pjanti meqruda uffiċjalment u ta' pjanti li sussegwentement ġew esportati mill-ġdid lejn il-Kroazja. Din l-informazzjoni tkun disponibbli wkoll għall-Kummissjoni.


    Top