This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32005D0388
2005/388/EC: Commission Decision of 2 May 2005 concerning the measures necessary as regards an obstacle to trade constituted by trade practices maintained by Brazil affecting trade in retreaded tyres (notified under document number C(2005) 1302)
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta' Mejju 2005 li tikkonċerna l-miżuri meħtieġa fir-rigward ta' xkiel għall-kummerċ maħluq minn prassi kummerċjali mwettqa mill-Brażil li tolqot il-kummerċ ta' tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid (innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 1302)
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 2 ta' Mejju 2005 li tikkonċerna l-miżuri meħtieġa fir-rigward ta' xkiel għall-kummerċ maħluq minn prassi kummerċjali mwettqa mill-Brażil li tolqot il-kummerċ ta' tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid (innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 1302)
ĠU L 272M, 18.10.2005, p. 305–306
(MT) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
ĠU L 128, 21.5.2005, p. 71–72
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
In force
18.10.2005 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
305 |
ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-2 ta' Mejju 2005
li tikkonċerna l-miżuri meħtieġa fir-rigward ta' xkiel għall-kummerċ maħluq minn prassi kummerċjali mwettqa mill-Brażil li tolqot il-kummerċ ta' tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid
(innotifikata taħt in-numru tad-dokument C(2005) 1302)
(2005/388/KE)
IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 tat-22 ta Diċembru 1994 (1), li jistabbilixxi l-proċeduri tal-Komunità fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni sabiex jiżgura l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Komunità skond ir-regoli internazzjonali tal-kummerċ, b'mod partikolari dawk stabbiliti taħt l-awspiċji ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u b'mod partikolari l-Artikoli 12(1) u 13(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
Fil-5 ta' Novembru 2003, il-Kummissjoni rċeviet ilment skond l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94 (ir-“Regolament dwar l-ostakli għall-Kummerċ”). L-ilment tressaq mill-Bureau International Permanent des Associations de Vendeurs et Rechapeurs de Pneumatiques (“BIPAVER”). |
(2) |
L-ilment kien jikkonċerna ċertu prassi kummerċjali Brażiljana li allegatament kienet qed twaqqaf l-importazzjoni ta' tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid għal ġol-Brażil (2). B'mod partikolari l-ilment allega li dawn il-prassi ma kinux konformi ma' l-Artikoli III u XI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (“GATT”). Fuq dik il-bażi, min ressaq l-ilment staqsa lill-Kummissjoni sabiex tieħu l-passi meħtieġa. |
(3) |
L-ilment kien fih biżżejjed evidenza biex jiġġustifika l-bidu ta' proċedura ta' eżami tal-Komunità skond l-Artikolu 8(1) tar-Regolament dwar l-ostakli għall-Kummerċ. Bħala konsegwenza, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura wara li kkonsultat ma' l-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat Konsultattiv, fis-7 ta' Jannar 2004 (3). |
(4) |
Wara l-bidu tal-proċedura ta' eżami, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni. L-investigazzjoni kellha x'taqsam ma' l-allegazzjoni ta' projbizzjoni ta' importazzjoni u penali finanzjarji marbuta ma' tajers importati li għandhom il-kanali maqtugħin mill-ġdid . |
(5) |
L-investigazzjoni kkunsidrat il-leġislazzjoni Brażiljana rilevanti li għandha x'taqsam mal-projbizzjoni ta' importazzjoni u l-imposta ta' penali finanzjarji, u bl-istess mod ikkunsidrat l-opinjonijiet li taw il-bosta Ministeri tal-Gvern Brażiljan, kif ukoll Assoċjazzjonijiet tal-Kummerċ Brażiljani. |
(6) |
L-investigazzjoni kkonkludiet li l-miżuri Brażiljani li qegħdin taħt investigazzjoni huma inkonsistenti ma' bosta dispożizzjonijiet tal-GATT 1994, b'mod speċjali ma' l-Artikoli I:1, III:4, XI:1 u XIII:1 u mhumiex iġġustifikati skond l-Arttikolu XX tal-GATT 1994, il-Klawsola ta' Awtorizzazzjoni jew għodda applikabbli oħra tal-liġi internazzjonali. Ladarba l-Ftehim tad-WTO iżomm milli jseħħu dawn il-prassi, hemm evidenza ta' ostaklu għall-kummerċ fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar l-ostakli tal-Kummerċ. |
(7) |
L-investigazzjoni uriet li l-Brażil kien suq importanti għall-manifatturi Ewropej tat-tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid qabel l-introduzzjoni tal-projbizzjoni fil-25 ta' Settembru 2000. Fil-perijodu 1995-2000 l-esportazzjoni ta' tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid għall-Brażil għall-karozzi tal-passiġġieri żdiedet b'medja ta' 58 % u għall-ewwel darba f'dan il-perijodu ta' sitt snin kien hemm tnaqqis ta' 32 % fis-sena 2001, i.e. wara l-impożizzjoni tal-projbizzjoni. |
(8) |
Waqt li l-esportazzjoni baqgħet isseħħ wara l-impożizzjoni tal-projbizzjoni, kemm minħabba l-liċenzji ta' importazzjoni li kienu għadhom fiċ-ċirkolazzjoni/jiċċirkolaw, jew bħala riżultat ta' rikors legali minn xi importaturi permezz tal-qrati Brażiljani, jidher ċar li s-suq kien qiegħed gradwalment jingħalaq għall-esportaturi Ewropej. Waqt li ħafna mill-esportaturi tal-Komunità kienu eventwalment kapaċi li jsibu swieq ġodda, xorta ma kinux kapaċi jikkompensaw għal dak li kien parti kbira mid-dħul ta' l-esportazzjoni tagħhom. Mhux kollha kienu kapaċi jsibu swieq ġodda, jew joħolqu linji ġodda ta' tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid għal vetturi speċjalizzati (4x4, sports eċċ) u għalhekk il-projbizzjoni, flimkien ma' fatturi oħra (ħlas tard mill-importatur Brażiljan, ċaqliq fir-rata tal-kambju) wasslu lil xi produtturi tal-Komunità biex iwaqqfu l-attività. |
(9) |
L-evidenza turi biċ-ċar li l-industrija tal-Komunità sofriet u għadha ssofri effetti negattivi fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 2(4) tar-Regolament li dwar l-ostakli tal-Kummerċ. |
(10) |
Informazzjoni dwar l-esportazzjoni u t-tweġibiet għall-kwestjonarji mibgħuta mill-Kummissjoni lill-produtturi Ewropej u lill-esportaturi tat-tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid issaħħaħ il-pożizzjoni ta' l-Industrija tal-Komunità li l-Brażil kien suq ta' esportazzjoni importanti qabel l-impożizzjoni tal-projbizzjoni u li dawn kienu bassru li l-bejgħ annwali ser jilħaq it-3 miljun unità sa tmiem l-2002. L-evidenza ssaħħaħ iċ-ċertezza ta' l-opinjoni tagħhom li bħala riżultat tal-projbizzjoni ta' l-importazzjoni Brażiljana ilhom iġarrbu l-konsegwenzi għal dawn l-aħħar tliet snin. F'ċerti każijiet, kupaniji li ma kinux kapaċi jsibu swieq ġodda ta' esportazzjoni waslu għal likwidazzjoni. |
(11) |
Fuq il-bażi ta' dak imsemmi hawn fuq, jista' jiġi konkluż li huwa fl-interess tal-Komunità fis-sens ta' l-Artikolu 12(1) tar-Regolament dwar l-Ostakli tal-Kummerċ, li tieħu azzjoni, fi ħdan il-qafas tad-WTO, li tfittex biex tneħħi kemm jista' jkun malajr il-projbizzjoni ta' l-importazzjoni Brażiljana fuq tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid, li tirrappreżenta ksur fundamentali tar-regoli tad-WTO u ostaklu għall-kummerċ fis-sens ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament dwar l-Ostakli tal-Kummerċ. |
(12) |
Huwa ta' l-akbar importanza għall-Komunità li tiżgura li l-imsieħba tad-WTO ikunu konformi bis-sħiħ ma' l-obbligi tagħhom, bl-istess mod kif meħtieġa tagħmel il-Komunità. Għalhekk huwa fundamentali għat-tħaddim tajjeb tas-sistema tal-kummerċ multilaterali li din l-inkompatibilità mar-regoli tad-WTO tkun indirizzata f'dak il-forum. |
(13) |
Tentattivi biex tissolva din it-tilwima permezz ta' bosta laqgħat ma' l-awtoritajiet Brażiljani sa mill-impożizzjoni tal-projbizzjoni, u matul din l-investigazzjoni, ma wasslux biex tiġi identifikata rieda min-naħa ta' l-awtoritajiet Brażiljani li tinstab soluzzjoni miftehema miż-żewġ naħat. Fin-nuqqas ta' kwalunkwe possibilità li l-pożizzjoni tal-gvern Brażiljan tinbidel, huwa kkunsidrat meħtieġ li tinbeda proċedura fi ħdan il-qafas tad-WTO Ftehim fuq Regoli u Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjonijiet tat-Tilwim . |
(14) |
Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat TBR, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-impożizzjoni ta' projbizzjoni għall-importazzjoni ta' tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid u l-penali finanzjarji relatati magħhom jidhru li ma humiex konformi ma' l-obbligi tal-Brażil skond il-Ftehim ta' Marrakech li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u, b'mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ta' l-1994, u hija kkunsidrata bħala ostaklu għall-kummerċ fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3286/94.
Artikolu 2
Il-Komunità ser tibda proċeduri ta' soluzzjoni ta' tilwim kontra l-Brażil skond il-Ftehim fuq Regoli u Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjonijiet tat-Tilwim u dispożizzjonijiet oħra rilevanti tad-WTO bil-għan li tiġi żgurata t-tneħħija ta' l-ostaklu għall-kummerċ.
Magħmula fi Brussell, fit-2 ta' Mejju 2005.
Għall-Kummissjoni
Peter MANDELSON
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 349, tal-31.12.1994, p. 71, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru. 356/95, ĠU L 41, tat-23.2.1995, p. 3.
(2) Il-proċediment jikkonċerna tajers bil-kanali maqtugħin mill-ġdid li jaqgħu taħt il-kodiċi 4012 11, 4012 12, 4012 13 u 4012 19 tan-Nomenklatura Magħquda. Tajers bil-kanali maqtugħin mill-gdid (magħrufa wkoll bħala retreads) huma tajers li jigu prodotti billi jitneħħa s-saff mikul ta' tajer uzat sabiex imbagħad jinqatgħu kanali fih mill-gdid.
(3) ĠU C 3, tas-7.1.2004, p. 2.