EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004R1886

1886/2004/KE: Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1886/2004 tal- 25 ta’ Ottubru 2004 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 fuq importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar konsenjati mill-Marokk, kemm jekk dikjarti li joriġinaw mill-Marokk kif ukoll jekk le, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn esportatur wieħed mill-Marokk.

ĠU L 328, 30.10.2004, p. 1–6 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 42–47 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2004/1886/oj

31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

42


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1886/2004

tal-25 ta’ Ottubru 2004

li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 fuq importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar konsenjati mill-Marokk, kemm jekk dikjarti li joriġinaw mill-Marokk kif ukoll jekk le, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn esportatur wieħed mill-Marokk.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet li huma oġġetti ta’ dumping minn pajjiżi li m’humiex membri tal-Komunità Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni wara li kkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A.   PROĊEDURA

1.   Miżuri eżistenyi

(1)

F’Awwissu 1999, il-Kunsill, bir-Regolament (KE) Nru 1796/1999 (2) tiegħu, impona dazju anti-dumping ta’ 60,4 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar (“steel wire ropes” jew “SWR”) li joriġinaw, inter alia, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“PRC”).

2.   Talba

(2)

Fil-5 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni rċeviet talba, skond l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, mill-Kumitat ta’ Kordinament tal-Federazzjoni Ewropea ta’ l-Industrija tal-Ħbula ta’ l-Azzar, (EWRIS) sabiex tinvestiga l-allegat evitar permezz ta’ circumvention tal-miżuri anti-dumping imposti fuq importazzjonijiet ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar li ġejjin mill-PRC. Din it-talba ġiet ippreżentata f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-produzzjoni ta’ SWR tal-Komunità.

(3)

Din it-talba allegat u pproduċiet evidenza suffiċjenti prima facie li turi illi wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq l-importazzjonijiet ta’ SWR li joriġinaw fil-PRC, kien hemm bidla sinifikanti fil-mod ta’ kif isir il-kummerċ li jinvolvi esportazzjonijiet ta’ SWR mill-PRC u mill-Marokk lejn il-Komunità. Ġie allegat li din il-bidla fil-mod ta’ kif isir il-kummerċ ġejja minn trasbord permezz tal -Marokk ta’ SWR li joriġina fil-PRC. Kien hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet mill-Marokk filwaqt li sadanittant l-importazzjonijiet mill-PRC naqsu bi proporzjonijiet bejn wieħed u ieħor ekwivalenti.

(4)

It-talba kkonkludiet li kien hemm kawża dovuta insuffiċjenti jew ġustifikazzjoni ekonomika għat-tibdil imsemmi fuq, ħlief l-eżistenza tad-dazju anti-dumping fuq SWR li joriġina fil-PRC.

(5)

Finalment, l-EWRIS ippreżenta wkoll biżżejjed evidenza li l-effetti rimedjali ta’ dan id-dazju kienu qegħdin jiġu mminati kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezzijiet u li l-prezzijiet ta’ SWR mill-Marokk kienu oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-valuri normali li qabel kienu ġew stabbiliti għal SWR li joriġina mill-PRC.

3.   Bidu

(6)

Il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 275/2004 (3) tagħha (“Regolament ta’ bidu”), bdiet investigazzjoni tas-circumvention allegata u tat direttiva, b’mod konformi ma’ l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, lill-awtoritajiet doganali, sabiex jirreġistraw l-importazzjonijiet ta’ SWR konsenjati mill-Marokk, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Marokk kif ukoll jekk le, u dan mid-19 ta’ Frar 2004. Il-Kummissjoni avżat lill-awtoritajiet tal-PRC u tal-Marokk bil-bidu ta’ din l-investigazzjoni.

4.   Investigazzjoni

(7)

Intbagħtu kwestjonarji lill-importaturi ta’ SWR fil-Komunità kif ukoll lill-esportaturi ta’ SWR li jinsabu fil-PRC u fil-Marokk, li kienu ssemmew fit-talba, u lil partijiet interessati oħrajn li ppreżentaw irwieħhom fil-limitu taż-żmien preskritt. Il-partijiet kollha ġew informati li n-nuqqas ta’ kooperazzjoni tagħhom tista’ twassal għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Ġew ukoll mgħarrfa bil-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni.

(8)

Numru ta’ importaturi Komunitarji infurmaw lill-Kummissjoni bil-miktub fejn huma ddikjaraw li ma kinux importaw SWR mill-Marokk.

(9)

L-ebda risposta għall-kwestjonarji ma waslet lura mill-esportaturi/produtturi fil-PRC.

(10)

Risposta għall-kwestjonarju waslet mingħand produttur esportatur Marokkin wieħed, Remer Maroc SARL, Settat. Il-Kummissjoni wettqet żjara ta’ verifika fil-bini ta’ din il-kumpannija.

5.   Perijodu ta’ l-investigazzjoni

(11)

Il-perijodu ta’ l-investigazzjoni jkopri l-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2003 sal-31 ta’ Diċembru 2003 (“l-IP”). Id-data nġabret mill-1999 sat-tmiem l-IP sabiex tiġi investigata l-allegata bidla fil-mod li bih kien qiegħed isir in-negozju.

B.   RIŻULTATI TA’ L-INVESTIGAZZJONI

1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali/livell ta’ kooperazzjoni

(12)

Kif intqal fil-premessa 9, ma kienet riċevuta l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi jew mill-esportaturi ta’ SWR fil-PRC. Madanakollu, inkisbet informazzjoni mingħand produttur esportatur wieħed mill-Marokk li kkoopera, Remer Maroc SARL, li pproduċa SWR u li esporta parti żgħira mill-produzzjoni tiegħu lejn il-Komunità matul l-IP. Din il-kumpannija hija responsabbli għal inqas minn 5 % tal-volum totali ta’ importazzjonijiet SWR mill-Marokk lejn il-Komunità matul l-IP, kif rapportat mill-EUROSTAT. Għaldaqstant ir-riżultati kellhom ikunu ibbażati parzjalment fuq il-fatti disponibbli, skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

2.   Prodott konċernat u prodott simili

(13)

Il-prodott konċernat huwa, kif definit fl-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri eżistenti (“l-investigazzjoni oriġinali”), ħbula u kejbils ta’ l-azzar, inklużi ħbula b’barma fissa, għajr ħbula u kejbils ta’ l-istainless steel, li għandhom taqsima trasversali massima li taqbeż it-3 mm (fit-terminolġija industrijali huma magħrufin bħala “SWR”), li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, normalment dikjarati taħt il-kodiċi NM ex 7312 10 82, ex 7312 10 84, ex 7312 10 86, ex 7312 10 88 u ex 7312 10 99.

(14)

L-investigazzjoni wriet illi l-SWR esportati lejn il-Komunità mill-PRC u dawk konsenjati mill-Marokk lejn il-Komunità għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użijiet, u għaldaqstant għandhom jitqiesu bħala prodotti simili skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

3.   Bidla fil-mod ta’ kif isir in-negozju

Esportatur Marokkin li kkoopera

(15)

Remer Maroc SARL, l-esportatur li kkoopera, ġiet stabbilita fis-sena 2001 bħala sussidjarja bi sjieda unika tal-kumpannija Taljana Remer Italia Srl. Matul l-IP, Remer Maroc SARL, esportat biss kwantità żgħira ħafna tal-prodott konċernat lejn il-Komunità, kwantità li tirrappreżenta inqas minn 5 % ta’ l-importazzjoni totali ta’ SWR mill-Marokk fl-istess perijodu. Il-parti l-kbira tal-bejgħ tagħha huwa destinat għas-suq lokali Marokkin.

(16)

Ġie wkoll stabilit li Remer Maroc SARL hija kumpannija li tipproduċi kif ukoll tesporta SWR u tħaddem faċilitajiet ta’ produzzjoni għall-proċess kollu tal-produzzjoni tal-prodott konċernat filwaqt li tuża wajer ta’ l-azzar, qalba ta’ tessut u griż li hija tixtri. Din il-kumpannija tbiegħ biss il-prodott tagħha jew dak tal-kumpannija omm Taljana u qatt ma xtrat SWR, jew materjal ieħor mill-PRC.

(17)

Meta jkun ikkunsidrat dak li ntqal fuq, Remer Maroc SARL uriet illi l-esportazzjonijiet tagħha m'għandhomx parti fil-bidla fl-istruttura tal-kummerċ bejn il-PRC u l-Komunità. Konsegwentement, l-investigazzjoni fir-rigward ta’ SWR esportat minn Remer Maroc SARL għandha titwaqqaf.

Esportaturi Marokkini li ma kkooperawx

(18)

Fir-rigward ta’ dawk l-esportaturi li ma kkooperawx, l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità kellhom jiġu stabbiliti abbażi tal-fatti disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Huwa kkunsidrat li d-data ta’ l-EUROSTAT fil-livell ta’ NM hija l-aħjar informazzjoni disponibbli sabiex jiġu stabbiliti sejbiet dwar l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità wara l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping impost fuq SWR li joriġinaw mill-PRC. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li t-talba mill-industrija Komunitarja hija wkoll ibbażata fuq data ta’ l-EUROSTAT, u li ma kienx hemm sorsi indipendenti oħra disponibbli għall-Kummissjoni matul din l-investigazzjoni. Il-prezz ta’ l-esportazzjoni mill-Marokk lejn l-UE ġie stabbilit abbażi tal-valur u t-tunnellaġġ ta’ l-esportazzjoni totali kif rapportati mill-EUROSTAT fil-livell ta’ NM, li minnhom tnaqqsu l-kwantitajiet u l-valuri esportati mill-kumpannija Marokkina li kkooperat. Barra minn hekk, fir-rigward tad-data fil-perijodu qabel l-impożizzjoni tal-miżuri, tqies li d-data ta’ l-EUROSTAT fil-livell ta’ NM kienet l-aħjar informazzjoni disponibbli, fin-nuqqas ta’ sorsi indipendenti oħrajn.

(19)

Irriżulta li kien hemm bidla qawwija minn importazzjonijiet mill-PRC lejn il-Komunità għal dawk mill-Marokk lejn il-Komunità li seħħet wara d-dħul fis-seħħ tal-miżuri anti-dumping fuq SWR li joriġina mill-PRC f’Awissu 1999. Wara l-impożizzjoni tal-miżuri anti-dumping mill-Komunità, l-importazzjonijiet mill-Komunità ta’ SWR mill-PRC naqsu sostanzjalment minn 14 057 tunnellata fl-1998 għal 364 tunnellata fis-sena 2000, u baqgħu f’livelli baxxi simili bejn l-2000 u l-2003. Fl-istess perijodu, l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ SWR mill-Marokk żdiedu minn żero fl-1998 għal 2 338 fl-2003.

(20)

Għaldaqstant ġiet stabbilita bidla ċara fix-xejra tal-kummerċ fir-rigward tal-kumpaniji li ma kkooperawx, li seħħet wara d-dħul fis-seħħ, f’Awissu 1999, tal-miżuri anti-dumping tal-Komunità fuq SWR li joriġina mill-PRC.

4.   Nuqqas ta’ kawża relattiva jew ta’ ġustifikazzjoni ekonomika (esportaturi marokkini li ma kkooperawx)

(21)

Abbażi tal-fatti disponibbli rriżulta li ma kienx hemm ġustifikazzjoni ekonomika, jew għallinqas din kienet insuffiċjenti, għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ. L-ewwelnett, il-produttur Marokkin li kkoopera, ma importax SWR mill-PRC. It-tieninett, abbażi ta’ statistiċi Ċiniżi, Marokkini u tal-KE, hemm żieda fl-esportazzjonijiet mill-PRC lejn il-Marokk li tikkorrispondi maż-żieda fl-esportazzjonijiet mill-Marokk lejn il-Komunità fl-istess perijodu. Huwa ammess li l-istatistiċi kummerċjali Marokkini u Ċiniżi ma jagħmlux distinzjoni bejn SWR u ħjut (SWR nofsu maħdum) filwaqt li l-istatistiċi tal-KE jagħmlu din id-distinzjoni. Madanakollu, minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mifruxa u n-nuqqas ta’ kwalunkwe indikazzjoni li fil-Marokk iseħħ xi proċess ta’ trasformazzjoni minn ħjut għal ħbula, wieħed jista’ jiġi ssoponut li din id-data statistika tagħti stampa adegwata ta’ l-importazzjonijiet ta’ SWR mill-PRC lejn il-Marokk. Barra minn hekk, jekk seħħet trasformazzjoni bħal din, din ma kienitx waħda sostanzjali. Ekonomikament, ma tkunx vijabbli li ssir xi forma ta’ trasformazzjoni minn ħjut għal SWR f’post differenti mil-lok tal-produzzjoni tal-ħjut, u dan għaliex il-valur miżjud f’dan il-proċess huwa wieħed relattivament żgħir meta mqabbel ma’ l-ispejjeż tat-trasport. Għandu jiġi nnotat ukoll li kumpannija Marokkina, li la mliet il-kwestjonarju u lanqas ma aċċettat żjara ta’ verifika, ipprovdiet informazzjoni kontradittorja rigward l-attivitajiet tagħha, meta setgħet faċilment tiċċara s-sitwazzjoni billi tikkoopera fl-investigazzjoni. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mingħand xi kumpannija oħra għajr Remer Maroc SARL, jista’ għalhekk jiġi konkluż mill-paralleliżmu tat-tendenzi, illi l-importazzjoni mill-PRC lejn il-Marokk ma kinitx destinata għas-suq Marokkin, iżda kienet intiża biex tiġi esportata lejn il-Komunità.

(22)

Din il-konklużjoni hija msaħħa bil-fatt li l-uniku esportatur magħruf tal-prodott konċernat mill-Marokk, għajr għall-esportatur li kkoopera, hija kumpannija sussidjarja ta’ produttur esportatur Ċiniż. Din il-kumpannija sussidjarja ġiet stabbilita fil-Marokk fl-2001, data li tikkoinċidi mal-bidu ta’ l-esportazzjonijiet ta’ SWR mill-Marokk lejn il-Komunità.

(23)

Meta jiġi kkunsidrat dak li ngħad hawn fuq, kif ukoll li s-sostituzzjoni msemmija fuq ta’ importazzjoni mill-PRC b’importazzjoni mill-Marokk seħħet fil-perijodu wara l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping, għandu jiġi konkluż, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra, illi l-bidla fix-xejra tal-kummerċ irriżultat mill-impożizzjoni tad-dazju aktar milli minn xi kawża suffiċjenti oħra dovuta jew xi ġustifikazzjoni ekonomika skond it-tifsira tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku.

(24)

Minħabba dan ta' hawn fuq, huwa raġonevoli li jiġi konkluż li l-allegazzjoni magħmula fl-ilment hija konfermata, jiġifieri illi l-parti l-kbira ta’ l-esportazzjonijiet mill-PRC lejn il-Marokk, kienu sempliċement trasbordati mill-Marokk lejn il-Komunità.

5.   Imminar ta’ l-effetti ta’ rimedju tad-dazju f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet ta’ prodotti simili (esportaturi marokkini li ma kkooperawx)

(25)

Jidher ċar miċ-ċifri tal-premessa 19 li seħħ tibdil kwantitattiv ovvju fix-xejriet ta’ l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat lejn il-Komunità wara l-impożizzjoni tal-miżuri. Il-volum sinifikanti ta’ esportazzjonijiet ta’ SWR mill-PRC lejn il-Komunità, qabel l-impożizzjoni tal-miżuri, kien parzjalment sostitwit b’volum iżgħar, imma xorta waħda sinifikanti, ta’ esportazzjonijiet minn esportaturi Marokkini li ma kkooperawx. Dan il-volum aħħari jikkorrispondi għal 20 %-25 % tal-volum milħuq mill-importazzjonijiet mill-PRC fiż-żmien ta’ l-IP ta’ l-investigazzjoni oriġinali (1 ta’ Jannar 1997 sal-31 ta’ Marzu 1998). Huwa għaldaqstant ikkunsidrat li din il-bidla sinifikanti fil-fluss tan-negozju timmina l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri fir-rigward tal-kwantitajiet importati fis-suq Komunitarju.

(26)

Fir-rigward tal-prezzijiet, u minħabba l-livell baxx ta’ kooperazzjoni, kellu jsir użu tal-fatti disponibbli, jiġifieri ċifri ta’ l-EUROSTAT fil-livell ta’ NM. Din id-data kixfet illi l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ta’ CIF mill-Marokk kienu madwar 3 %, f’termini nominali, taħt il-prezzijiet ta’ CIF ta’ l-esportazzjonijiet Ċiniżi fl-investigazzjoni oriġinali. Konsegwentement, wieħed jassumi li l-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet Marokkini huma taħt il-livell ta’ eliminazzjoni tad-danni tal-prezzijiet tal-Komunità kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(27)

Għalhekk qiegħed jiġi konkluż li l-importazzjonijiet konċernati dgħajfu l-effetti ta’ rimedju tad-dazju kemm fir-rigward tal-kwantitajiet kif ukoll fir-rigward tal-prezzijiet.

6.   Evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali stabbiliti qabel għal prodotti bħalhom jew simili (esportaturi marokkini li ma kkooperawx)

(28)

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx evidenza ta’ dumping fir-rigward ta’ SWR esportati lejn il-Komunità mill-Marokk minn dawk l-esportaturi li ma kkooperawx matul iż-żmien tal-IP, intużat data mill-EUROSTAT f’livell ta’ NM skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, bħala bażi sabiex jiġu stabbiliti l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità.

(29)

Skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valur normali li għandu jintuża f’investigazzjoni ta' anti-ċirkumvenzjoni, huwa l-valur normali li jkun ġie stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(30)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Polonja kienet ikkunsidrata bħala pajjiż analogu adattat ta’ ekonomija tas-suq għall-PRC u l-valur normali ġie stabbilit abbażi tal-prezzijiet kif ukoll fuq il-valur normali mibni f’dak il-pajjiż analogu. Fuq din il-bażi, ġie stabbilit marġini ta’ dumping mifrux fuq il-pajjiż kollu ta’ 60,4 % għall-PRC.

(31)

F’din l-investigazzjoni kontra ċ-ċirkumvenzjoni, u fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni, il-marġini ta’ dumping ma setgħux jinħadmu fuq bażi dettaljata tat-tip ta’ prodott. Madanakollu, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet setgħu jitqabblu ma’ dawk fl-investigazzjoni oriġinali abbażi ta’ kodici NM, bl-użu tad-data ta’ l-EUROSTAT, li tagħti livell raġjonevoli ta’ dettal. Dan it-tqabbil wera li l-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet ta’ CIF mill-Marokk lejn il-Komunità fl-IP kienu bħala medja 3 % inqas mill-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet ta’ CIF mill-PRC lejn il-Komunità fl-investigazzjoni oriġinali. Minħabba li dawn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet għandhom jitqabblu ma’ l-istess valuri normali mifruxin mal-pajjiż kif użati biex jiġi stabbilit il-marġini oriġinali ta’ dumping ta’ 60,4 %, jista’ jiġi konkluż li dawn ukoll huma prezzijiet soġġetti għal dumping f’livell ta’ aktar minn 60 %.

Ċ.   TALBIET GĦAL EŻENZJONI MINN REĠISTRAZZJONI JEW ESTENSJONI TAD-DAZJU

(32)

Il-Kummissjoni rċeviet talba għal eżenzjoni mir-reġistrazzjoni u mill-miżuri minn produttur Marokkin wieħed, Remer Maroc SARL. Kif intqal fil-paragrafu 12, din il-kumpannija kkooperat fl-investigazzjoni, billi bagħtet il-kwestjonarju bir-risposti u billi aċċettat żjara ta’ verifika.

(33)

Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1699/2004 (4), il-Kummissjoni emendat ir-Regolament tal-bidu sabiex twaqqaf ir-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet ta’ SWR mill-kumpannija Marokkina li nstab li ma kinitx qiegħda timmina d-dazju anti-dumping, jiġifieri Remer Maroc SARL.

(34)

B’mod konformi mas-sejbiet mogħtijin hawn fuq, jiġifieri li din il-kumpannija ma kinitx qiegħda timmina l-miżuri anti-dumping fis-seħħ, din il-kumpannija għandha wkoll tiġi eżentata mill-estensjoni tal-miżuri mbassrin.

D.   MIŻURI

(35)

Fid-dawl tas-sejba li hemm referenza għaliha aktar ’l fuq ta’ ċirkumvenzjoni skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri eżistenti ta’ anti-dumping fuq SWR li joriġina mill-PRC, għandhom jiġu estiżi għall-istess prodott konsenjat mill-Marokk, kemm jekk dikjarat li joriġina fil-Marokk kif ukoll jekk le, u dan skond l-istess Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, bl-eċċezzjoni tal-prodotti manifatturati mill-kumpannija produttriċi li kkooperat Remer Maroc SARL.

(36)

Skond l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, li jipprevedi li kull miżura estiża għandha tapplika kontra importazzjonijiet reġistrati mid-data tar-reġistrazzjoni, għandu jinġabar id-dazju anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ SWR konsenjati mill-Marokk li daħlu fil-Komunità taħt ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu, bl-eċċezzjoni ta’ dawk l-SWR prodotti minn Remer Maroc SARL.

(37)

In-nuqqas ta’ estensjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni ta’ SWR esportati minn Remer Maroc SARL ġie stabbilit abbażi tar-riżultati ta’ din l-investigazzjoni. Dan in-nuqqas ta’ estensjoni huwa għalhekk esklussivament applikabbli għall-importazzjoni ta’ SWR mill-Marokk u prodotti minn din l-entità legali speċifika. SWR importat, prodott jew ikkonsenjat minn xi kumpannija oħra mhux speċifikatament imsemmija fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament b’isimha u bl-indirizz, inkluż entitajiet relatati ma’ dawk speċifikatament imsemmija, ma jistgħux jibbenefikaw mill-eżenzjoni u għandhom ikunu soġġetti għall-istess rata ta’ dazju kif imposta bir-Regolament (KE) Nru. 1796/1999.

(38)

Iċ-ċirkumvenzjoni sseħħ barra l-Komunità. L-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku għandu l-għan li jiġġieled prattiċi ta’ ċirkumvenzjoni mingħajr ma jaffettwa lill-operaturi li jistgħu jagħtu prova li huma m’humiex involuti f'tali prattika, iżda ma fihx dispożizzjoni speċifika li tipprevedi t-trattament ta’ dawk il-produtturi li jistgħu jistabbilixxu li huma m’humiex involuti fi prattiċi ta’ ċirkumvenzjoni. Għaldaqstant jidher li huwa neċessarju li tiġi introdotta l-possibbiltà għall-produtturi li ma bigħux il-prodott konċernat għall-esportazzjoni matul l-IP u li m’humiex relatati ma’ esportaturi jew produtturi li huma soġġetti għall-estensjoni ta’ dazju anti-dumping, li jitolbu eżenzjoni mill-miżuri fuq dawn l-importazzjonijiet. Il-produtturi konċernati li jikkunsidraw jippreżentaw talba għal eżenzjoni mill-estensjoni tad-dazju anti-dumping ikunu mitluba jimlew kwestjonarju sabiex il-Kummisjoni tkun tista’ tistabbilixxi jekk l-eżenzjoni tkunx mistħoqqa. Tali eżenzjoni tista' tingħata wara li ssir valutazzjoni, per eżempju, tas-sitwazzjoni fis-suq tal-prodott konċernat, il-kapaċità produttiva u l-użu tal-kapaċità, ix-xiri u bejgħ, il-probabbiltà ta’ prattiċi li għalihom m’hemmx kawża relattiva jew ġustifikazzjoni ekonomika, u l-evidenza ta’ dumping. Normalment, il-Kummissjoni twettaq ukoll żjara ta’ verifika fuq il-post. It-talba tkun trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni immedjatament, flimkien ma’ l-informazjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari kull tibdil jew modifika fl-attivitajiet tal-kumpannija marbutin mal-produzzjoni u mal-bejgħ.

(39)

L-importaturi jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ reġistrazzjoni jew miżuri, dment li l-importazzjonijiet tagħhom ikunu ġejjin minn esportaturi li jingħataw din l-eżenzjoni, u skond l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(40)

Fejn tkun mistħoqqa eżenzjoni, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv, tipproponi l-emenda tar-Regolament kif ikun meħtieġ. Sussegwentament, kull eżenzjoni mogħtija tkun segwita sabiex tkun żgurata l-konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fiha.

E.   PROĊEDURA

(41)

Il-partijiet interessati ġew informati bil-fatti essenzjali u bil-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom il-Kunsill kien intenzjonat li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv fis-seħħ u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw u jinstemgħu. Ma ġewx riċevuti kummenti li kienu ta’ natura li jibdlu l-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 fuq l-importazzjoni ta’ ħbula u kejbils ta’ l-azzar, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7312 10 82, ex 7312 10 84, ex 7312 10 86, ex 7312 10 88 u ex 7312 10 99, huwa b’dan estiż għal importazzjonijiet ta’ l-istess ħbula u kejbils ta’ l-azzar konsenjati mill-Marokk, kemm jekk dikjarati li joriġinaw mill-Marokk kif ukoll jekk le, (kodiċi TARIC 7312108212, 7312108412, 7312108612, 7312108812, 7312109912 rispettivament), bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti minn Remer Maroc SARL, Zone Industrielle, Tranche 2, Lot 10, Settat, il-Marokk (Kodiċi TARIC addizzjonali A567).

2.   Id-dazju estiż bil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq importazzjonijiet reġistrati skond l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 275/2004 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, bl-eċċezzjoni ta’ dawk prodotti minn Remer Maroc SARL, Zone Industrielle, Tranche 2, Lot 10, Settat, il-Marokk.

3.   Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ rigward id-dazji doganali.

Artikolu 2

1.   Talbiet għal eżenzjoni mid-dazju estiżi bl-Artikolu 1 għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Komunità u jridu jiġu ffirmati minn persuna awtorizzata sabiex tirrappreżenta lill-applikant. Din it-talba trid tintbagħat f’dan l-indirizz:

Kummissjoni Ewropea

Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ

Direttorat B

Uffiċċju: J-79 05/17

1049 Brussell Il-Belġju

Faks (32 2) 295 65 05

Telex COMEU B 21877.

2.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Kumitat Konsultattiv, tista’ tawtorizza b’deċiżjoni l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet li jiġu pprovati li ma jimminawx id-dazju anti-dumping impost bir-Regolament (KE) Nru 1796/1999 mid-dazju estiż bl-Artikolu 1 tar-Regolament preżenti.

Artikolu 3

L-Awtoritajiet Doganali huma b’dan ordnati li ma jkomplux bir-reġistrazzjoni ta’ l-importazzjonijiet, stabbilita skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 275/2004.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, 25 ta’ Ottubru 2004.

Għall-Kunsill

Il-President

R. VERDONK


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 461/2004 (ĠU L 77, 13.3.2004, p. 12).

(2)  ĠU L 217, 17.8.1999, p. 1. Regolament emendat bir-Regolament (KE) Nru 1674/2003 (ĠU L 238, 25.9.2003, p. 1).

(3)  ĠU L 47, 18.2.2004, p. 13. Regolament emendat bir-Regolament (KE) Nru 1699/2004 (ĠU L 305, 1.10.2004, p. 25).

(4)  ĠU L 305, 1.10.2004, p. 25


Top