Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004D0514

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l- 14 ta' Ġunju 2004 li temenda d-Deċiżjoni 98/161/KE li tawtorizza r-Renju ta' l-Olanda sabiex japplika miżura li tidderoga mill-Artikoli 2 u 28a(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas- 17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq it- turnover

    ĠU L 219, 19.6.2004, p. 11–12 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 142M, 30.5.2006, p. 70–71 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2005

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2004/514/oj

    30.5.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    70


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    ta' l-14 ta' Ġunju 2004

    li temenda d-Deċiżjoni 98/161/KE li tawtorizza r-Renju ta' l-Olanda sabiex japplika miżura li tidderoga mill-Artikoli 2 u 28a(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq it-turnover

    (2004/514/KE)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea,

    Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas- 17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq it-turnover — Sistema Komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 27 tagħha,

    Wara li kkunsidra il-proposta tal-Kummissjoni,

    Billi:

    (1)

    Skond l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 77/388/KE, il-Kunsill li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jawtorizza kwalunkwe Stat Membru sabiex jintroduċi jew jestendi miżuri speċjali għal deroga minn dik id-Direttiva sabiex tiġi simplifikata l-proċedura li biha tintalab it-taxxa jew sabiex wieħed jipprevjeni ċerti tipi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa.

    (2)

    B'ittra reġistrata mas-Segretarjat-Ġenerali tal-Kummissjoni fis-26 ta' Novembru 2003, il-Gvern Olandiż talab l-estensjoni tad-Deċiżjoni 98/161/KE (2) li tawtorizzah sabiex japplika miżuri ta' taxxa speċjali għas-settur ta' l-iskart riċiklabbli.

    (3)

    L-Istati Membri l-oħra kienu infurmati bit-talba fl-14 ta' Jannar 2004.

    (4)

    Id-Deċiżjoni 98/161/KE, awtorizzat lir-Renju ta' l-Olanda sabiex japplika l-miżuri li ġejjin sal-31 ta' Diċembru 2003:

    eżenzjoni għall-provvista u l-akkwist intra-Komunitarju ta' materjali użati u ta' skart minn ditti b'turnover annwali ta' inqas minn NGL 2,5 miljun. Għall-għanijiet tal-kalkolazzjoni ta' dak il-limitu, tat-turnover ta' metalli li ma fihomx ħadid jista jiġi injorat,

    eżenzjoni għall-provvista u l-akkwist intra-Komunitarju ta' metalli li ma fihomx ħadid.

    (5)

    Entitajiet taxxabli li jkunu qed jagħmlu tranżazzjonijiet li huma eżentati skond l-Artikoli 2 u 3 tad-Deċiżjoni 98/161/KE jistgħu jiġu awtorizzati sabiex ma jagħmlux akkwisti intra-Komunitarji u provvisti ta' materjali użati u ta' skart effetwati minnhom suġġett għall-miżuri speċjali pprovduti b'dik id-Deċiżjoni.

    (6)

    Il-miżura derogatorja kienet meħtieġa minħabba d-diffikultá li wieħed jittratta l-frodi f'dan is-settur, fejn ċerti operaturi, prinċipalment negozjanti żgħar, ma żammewx ma' l-obbligi tagħhom skond l-Artikolu 21 (1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE illi jħallsu lill-awtoritajiet it-taxxa li kienu talbu għall-provvisti tagħhom. L-infurzar tal-ġbir tat-taxxa f'dan is-settur huwa partikolarment diffiċli minħabba l-kumplikazzjonijiet fl-identifikazzjoni u s-superviżjoni ta' l-attivitajiet ta' negozjanti mhux kompjaċenti. Għalhekk dawn l-arranġamenti jikkostitwixxu miżura effettiva ta' prevenzjoni ta' frodi.

    (7)

    Fis-7 ta' Ġunju 2000 il-Kummissjoni ppublikat strateġija biex ittejjeb l-operazzjoni tas-sistema tal-VAT fuq perijodu qasir fejn impenjat ruħha sabiex tirrazzjonalizza n-numru kbir ta' derogi li bħalissa qegħdin fis-seħħ. F'xi kazijiet, madankollu, din ir-razzjonalizzazjoni tista' tinvolvi l-estensjoni ta' ċerti derogi li huma partikolarment effettivi, għall-Istati Membri kollha. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' Ottubru 2003 ittenni dan il-kompromess.

    (8)

    Ir-Renju ta' l-Olanda għandu jingħata estensjoni għad-deroga kurrenti sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' skema speċjali għall-applikazzjoni tal-VAT għas-settur ta' l-iskart riċiklat, iżda mhux iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2005.

    (9)

    Id-deroga ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunitajiet li ġejjin mill-VAT, lanqas ma għandha effett fuq l-ammont ta' VAT mitlub fl-istadju finali.

    (10)

    Sabiex tiġi assigurata l-kontinwità legali, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2004,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 98/161/KE, id-data tal- “31 ta' Dicembru 2003” hija sostitwita bil-kliem li ġej: “sad-data tad-dħul fis-seħħ ta' skema speċjali għall-applikazzjoni ta' VAT għas-settur ta' l-iskart riċiklat fejn hi emendata d-Direttiva 77/388/KE, imma mhux iktar tard mill-31 ta' Dicembru 2005”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tibda tgħodd mill-1 ta' Jannar 2004.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' l-Olanda.

    Magħmula fil-Lussemburgu, nhar il-14 ta' Ġunju 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. COWEN


    (1)  ĠU L 145, tat-13.6.1977, p. 1. Direttiva kif l-aħħar emendata mir-Regolament tal Kunsill Nru 290/2004 (ĠU L 50, ta' l-20.2.2004, p. 5).

    (2)  ĠU L 53, ta' l-24.2.1998, p. 19. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 2000/435KE (ĠU L 172, tat-12.7.2000, p. 24).


    Top