Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003R1652

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1652/2003 tat-18 ta' Ġunju 2003 jemenda r-Regolament (KE) Nru. 1035/97 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir- Razziżmu u l-Ksenofobija

    ĠU L 245, 29.9.2003, p. 33–35 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 28/02/2007

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1652/oj

    32003R1652



    Official Journal L 245 , 29/09/2003 P. 0033 - 0035


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1652/2003

    tat-18 ta' Ġunju 2003

    jemenda r-Regolament (KE) Nru. 1035/97 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir- Razziżmu u l-Ksenofobija

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 284 u 308 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti ta' l-Awdituri [3];

    Billi:

    (1) Ċerti disposizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1035/97 tat-2 ta' Ġunju 1997 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija [4] għandhom jinġiebu f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru.1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, hawnhekk iżjed 'il quddiem msejjaħ ir-Regolament Finanzjarju ġenerali [5], u b'mod parikolari l-Artikolu 185 tiegħu.

    (2) Il-prinċipji ġenerali u l-limiti li jirregolaw id-dritt ta' l-aċċess għad-dokumenti previst fl-Artikolu 255 tat-Trattat ġew stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru. 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fit-30 ta' Mejju 2001 dwar aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [6].

    (3) Meta r-Regolament (KE) Nru. 1049/2001 ġie adottat, it-tliet istituzzjonijiet qablu f'dikjarazzjoni konġunta li l-aġenziji u korpi simili għandhom jimplimentaw regoli konformi ma' dawk ta' dak ir-Regolament.

    (4) Disposizzjonijiet adatti għandhom għalhekk jiġu inklużi fir-Regolament (KE) Nru. 1035/97 biex jagħmlu r-Regolament (KE) Nru. 1049/2001 applikabbli għaċ-Ċentru Ewropew tal-Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija u disposizzjoni dwar l-appelli kontra r-rifjut ta' aċċess għad-dokumenti.

    (5) Ir-Regolament (KE) Nru. 1035/97 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru. 1035/97 huwa b'dan emendat kif ġej:

    1. L-Artikolu 2(2) punt (g) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

    "(g) jiġi ppubblikat rapport annwali fuq is-sitwazzjoni dwar ir-razziżmu u l-ksenofobija fil-Komunità, li jenfasiżża wkoll eżempji ta' prattika tajba, u rapport annwali dwar l-attivitajiet fuq iċ-Ċentru stess.".

    2. Għandu jiddaħħal dan l-Artikolu li ġej:

    "Artikolu 5a

    1. Ir-Regolament (KE) Nru. 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (tat-30 ta' Mejju 2001) dwar aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [7] għandu jgħodd għad-dokumenti li jinżammu miċ-Ċentru.

    2. Il-Bord Amministrattiv għandu jadotta l-arranġamenti prattiċi biex ikun implimentat ir-Regolament (KE) Nru. 1049/2001 fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1652/2003 tat-18 ta' Ġunju 2003 li jemenda r-Regolament (KE) Nru. 1035/97 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew ta' Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija [8].

    3. Id-deċiżjonijiet meħuda miċ-Ċentru skond l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru. 1049/2001 jistgħu jagħtu lok għal preżentazzjoni ta' ilment lill-Ombudsman jew jikkostitwixxu s-suġġett ta' azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 195 and 230 tat-Trattat rispettivament."

    3. L-Artikolu 8 għandu jiġi emendat kif ġej:

    (a) fil-paragrafu 3:

    (i) punt (b) għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

    "(b) jadotta ż-żewġ rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 2(2)(g) u l-konklużjonijiet u l-opinjonijiet tiegħu u jiġu mibgħuta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni; għandu jiżgura pubblikazzjoni tar-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 2(2)(g); ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet taċ-Ċentru għandu jintbgħat mhux iktar tard mill-15 ta' Ġunju lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummisssjoni, lill-Qorti ta' l-Awdituri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.";

    (ii) punt (e) għandu jitħassar;

    (b) il-paragrafu 5 li ġej għandu jiddaħħal:

    "5. Ta' kull sena ċ-Ċentru għandu jibgħat kull informazzjoni relevanti għar-riżultat tal-proċeduri ta' valutazzjoni lill-awtorità ta' l-estimi"

    4. L-Artikolu 12 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

    "Artikolu 12

    Tfassil ta' l-estimi

    1. Stimi ta' l-introjtu u l-infieq kollu taċ-Ċentru għandhom jiġu ppreparati għal kull sena finanzjarja, li tikkorrispondi għas-sena kalendarja, u għandhom jiġu murija fl-estimi taċ-Ċentru.

    2. L-introjtu u l-infieq murija fl-estimi taċ-Ċentru għandhom jilħqu bilanċ.

    3. L-introjtu taċ-Ċentru, mingħajr preġudizzju għal riżorsi oħra, għandu jikkomprendi:

    (a) sussidju mill-Komunità, li hu mdaħħal fl-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea (Taqsima "Kummissjoni");

    (b) pagamenti riċevuti għal servizzi mogħtija;

    (ċ) kull kontribuzzjoni finanzjarja mill-organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7;

    (d) kull tip ta' kontribuzzjoni volontarja mill-Istati Membri.

    4. L-infieq taċ-Ċentru għandu jinkludi r-rimunerazzjoni tal-persunal, spejjeż amministrattivi u ta' infrastruttura, spejjeż operattivi u spejjeż li jirriżultaw minn kuntratti ma' l-istituzzjonijiet u korpi li huma parti min-network Raxen jew ma' terzi parti.

    5. Ta' kull sena il-Bord Amministrattiv, fuq il-bażi ta' abbozz imfassal mid-direttur, għandu jipproduċi stima ta' introjtu u infieq għaċ-Ċentru għas-sena finanzjarja li jkun imiss. L-istima, li għandha tinkludi abbozz ta' pjan ta' stabbiliment, għandha tintbagħat mill-Bord Amministrattiv lill-Kummissjoni mhux iktar tard mill-31 ta' Marzu.

    6. Din l-istima għandha tintbgħat mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (hawnhekk iżjed ‘il quddiem msejħa bħala "awtorità ta' l-estimi") flimkien ma' l-abbozz preliminari ta' estimi ta' l-Unjoni Ewropea.

    7. Fuq il-bażi ta' l-istima, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz preliminari tal-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea l-istimi li tqis bħala neċessarji għall-pjan ta' stabbiliment u l-ammont tas-sussidju a karigu ta' l-estimi ġenerali, li għandha tqiegħed quddiem l-awtorità ta' l-estimi bi qbil ma' l-Artikolu 272 tat-Trattat.

    8. L-awtorità ta' l-estimi tawtorizza l-approprjazzjonijiet għas-sussidju liċ-Ċentru. L-awtorità ta' l-estimi għandha tadotta l-pjan ta' stabbiliment għaċ-Ċentru.

    9. L-estimi taċ-Ċentru għandhom jiġu adottati mill-Bord Amministrattiv. Għandhom isiru finali wara l-adozzjoni finali tal-estimi ġenerali ta' l-Unjoni Ewropea. Meta jkun il-każ, għandhom ikunu aġġustati kif jixraq.

    10. Il-Bord Amministrattiv għandu jinnotifika, malajr kemm jista' jkun, lill-awtorità ta' l-estimi bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kull proġett li jista' jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikattivi fuq il-finanzjament ta' l-estimi tagħha, b'mod partikolari kull proġett li għandu x'jaqsam ma' propjetà bħal kera jew xiri ta' bini. Għandu jinforma lill-Kummissjoni b'dan.

    Fejn xi fergħa ta' l-awtorità ta' l-estimi tkun innotifikat l-intenzjoni tagħha li tagħti opinjoni, hi għandha tingħat l-opinjoni tagħha lill-Bord Amministrattiv fi żmien sitt ġimgħat mid-data tan-notifika tal-proġett."

    5. Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    "Artikolu 12a

    L-implimentazzjoni ta' l-estimi

    1. Id-Direttur għandu jimplimenta l-estimi taċ-Ċentru.

    2. Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet taċ-Ċentru għandu jikkomunika l-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni, flimkien ma' rapport fuq l-amministrazzjoni ta' l-estimi u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. L-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jikkonsolida l-kontijiet proviżorji ta' l-istituzzjonijiet u tal-korpi deċentraliżżati bi qbil ma' l-Artikolu 128 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

    3. Sa mhux aktar tard mill-31 Marzu, wara kull sena finanzjarja, l-uffiċjal tal-kontijiet tal-Kummissjoni għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji taċ-Ċentru lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' rapport dwar l-amministrazzjoni ta' l-estimi u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja. Ir-rapport dwar l-amministrazzjoni ta' l-estimi u finanzjarja għal dik is-sena finanzjarja għandu jintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    4. Meta jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti ta' l-Awdituri dwar il-kontijiet proviżorji taċ-Ċentru, skond l-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju ġenerali, id-Direttur għandu jfassal il-kontijiet finali taċ-Ċentru taħt ir-responsabbilità tiegħu stess u jibgħathom lill-Bord Amministrattiv għal opinjoni.

    5. Il-Bord Amministrattiv għandu jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali taċ-Ċentru.

    6. Id-Direttur għandu, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju ta' kull sena finanzjarja, jibgħat il-kontijiet finali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti ta' l-Awdituri, flimkien ma' l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv.

    7. Il-kontijiet finzjarji għandhom ikunu ppublikati.

    8. Id-Direttur għandu jibgħat risposta lill-Qorti ta' l-Awdituri dwar l-osservazzjonijiet tgħha sa mhux iktar tard mit-30 ta' Settembru. Għandu jibgħat ukoll din ir-risposta lill-Bord Amministrattiv.

    9. Id-Direttur għandu jissottometti lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan ta' l-aħħar, kull informazzjoni meħtieġa rigward l-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' rilaxx għas-sena finanzjarja in kwistjoni, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 146(3) tar-Regolament Finanzjarju ġenerali.

    10. Il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel it-30 ta' April tas-sena N + 2, jagħti rilaxx lid-Direttur fir-rigward ta' l-implimentazzjoni ta' l-estimi għas-sena N.

    11. Ir-regoli finanzjarji applikabbli għaċ-Ċentru għandhom jiġu adottati mill-Bord Amministrattiv wara li l-Kummissjoni tkun ġiet ikkonsultata. Dawn ma jistgħux jitbiegħdu mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru. 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjaru kwadru għall-korpi msemmija fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru. 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-estimi ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej [9] sakemm ma jkunux meħtieġa speċifikament għall-operazzjoni taċ-Ċentru u bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni."

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 Ġunju 2003.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. Drys

    [1] ĠU C 331 E, 31.12.02, pġ. 73.

    [2] Opinjoni mibgħuta fis- 27.3.2003 (li għadha mhiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.).

    [3] ĠU C 285, 21.11.02, pġ. 4.

    [4] ĠU L 151, 10.06.97, pġ. 1.

    [5] ĠU L 248, tas-16.9.2002, p. 1 bil-Korriġendum fil-ĠU L 25, tat-30.1.2003, pġ. 43.

    [6] ĠU L 145, 31.05.01, pġ. 43.

    [7] ĠU L 145, 31.05.01, p. 43.

    [8] ĠU L 245, 29.09.03, p. 33.

    [9] ĠU L 357, tal-31.12.2002, pġ. 72 bil-Korriġendum fil-ĠU L 2, tas-7.1.2003, pġ. 39.

    --------------------------------------------------

    Top