EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003L0126

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/126/KE tat-23 ta’ Diċembru 2003 dwar il-metodu analitiku għad-determinazzjoni tal-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali għall-kontroll uffiċjali ta’ l-għalf tal-bhejjemTest b’rilevanza ŻEE

ĠU L 339, 24.12.2003, p. 78–84 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/08/2009; Imħassar b' 32009R0152

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/126/oj

32003L0126

Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/126/KE tat-23 ta’ Diċembru 2003 dwar il-metodu analitiku għad-determinazzjoni tal-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali għall-kontroll uffiċjali ta’ l-għalf tal-bhejjemTest b’rilevanza ŻEE

Official Journal L 339 , 24/12/2003 P. 0078 - 0084
CS.ES Chapter 3 Volume 41 P. 540 - 546
ET.ES Chapter 3 Volume 41 P. 540 - 546
HU.ES Chapter 3 Volume 41 P. 540 - 546
LT.ES Chapter 3 Volume 41 P. 540 - 546
LV.ES Chapter 3 Volume 41 P. 540 - 546
MT.ES Chapter 3 Volume 41 P. 540 - 546
PL.ES Chapter 3 Volume 41 P. 540 - 546
SK.ES Chapter 3 Volume 41 P. 540 - 546
SL.ES Chapter 3 Volume 41 P. 540 - 546


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2003/126/KE

tat-23 ta’ Diċembru 2003

dwar il-metodu analitiku għad-determinazzjoni tal-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali għall-kontroll uffiċjali ta’ l-għalf tal-bhejjem

(Test b’rilevanza ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidraw id-Direttiva tal-Kunsill 70/373/EEC ta’ l-20 ta’ Lulju 1970 dwar l-introduzjoni ta’ metodi tal-Komunità tal-kampjunar u ta’ l-analiżi għall-kontroll uffiċjali ta’ l-għalf tal-bhejjem [1], u partikolarment l-Artikolu 2 tagħha,

Billi:

(1) Bħala segwiment tad-Direttiva 70/373/KEE, il-kontrolli uffiċjali ta’ l-għalf tal-bhejjem, għall-iskopijiet tal-verifikar tal-konformità mal-ħtiġiet tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jirregolaw il-kwalità u l-komposizzjoni tagħhom, huma mwettqa bl-użu tal-kampjunar u tal-metodi ta’ l-analiżi tal-Komunità.

(2) Id-dispożizzjonijiet dwar l-ittikkettjar ta’ l-għalf tal-bhejjem u l-ħtiġiet li jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti proteini mill-annimali fil-għalf tal-bhejjem għal ċerti kategoriji ta’ annimali jinvolvi l-ħtieġa li jkun hemm provvediment ta’ metodi analitiċi affidabbli sabiex tkun stabbilita l-preżenza tagħhom u, jekk xieraq, il-persentaġġ tagħhom.

(3) Il-metodi deskritti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/88/KE tat-13 ta’ Novembru 1998 li tistabbilixxi linji ta’ gwida għall-identifikazzjoni mikroskopika u ta’ l-estimi ta’ kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali għall-kontroll uffiċjali ta’ l-għalf tal-bhejjem [2] huwa bħal issa l-uniku metodu validat li jikkontrolla il-preżenza ta’ proteini mill-annimali inklużi dawn il-proteini ttrattati fi 133 °C/3 Bar/20’, fil-għalf tal-bhejjem.

(4) Studju ta’ l-inter-komparabbiltà għad-determinazzjoni ta’ proteini pproċessati mill-annimali, reċentament wera li l-varjazzjoni fl-applikazzjoni tat-testijiet mikroskopiċi stabbiliti fid-Direttiva 98/88/KE li jirriżultaw f’differenzi sinifikanti fis-sensittività, l-ispeċifikità u l-eżattezza tal-metodu. Sabiex tkun armonizzata u mtejba d-determinazzjoni tal-proteini pproċessati mill-annimali, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-metodu mikroskopiku għandu jkun aktar speċifikat u magħmul mandatorju. Huwa meħtieġ li jkun assigurat li l-analisti li jwettqu l-metodu jkunu adekwatament imħarrġa la darba r-riżultat ikun jiddependi mill-kapaċità ta’ l-analista.

(5) Id-Direttiva 98/88/KE għandha għalhekk tkun mibdula.

(6) Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’din id-Direttiva huma bi qbil ma l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Istati Membri għandhom jipprovdu li meta l-analiżi uffiċjali ta’ l-għalf tal-bhejjem tkun imwettqa bil-għan tal-kontroll uffiċjali tal-preżenza, l-identifikazzjoni u/jew ta’ l-estimi ta’ l-ammont tal-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali fil-għalf tal-bhejjem, fil-qafas tal-programm ta’ spezzjoni koordinata fil-qasam tan-nutrizzjoni ta’ l-annimali b’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 95/53/KE [3], għandu jkun imwettaq b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-laboratorji li jwettqu l-kontrolli uffiċjali fil-preżenza tal-kostitwenti mill-annimali fil-għalf tal-bhejjem jipparteċipaw perjodikament fit-testijiet tal-kompetenza f’dawk il-metodi analitiċi, u li l-persunal tal-laboratorju li jwettaq l-analiżi jkun jirċievi t-taħriġ xieraq.

Artikolu 3

Id-Direttiva 98/88/EKE hija imħassra.

Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamentui u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-1 ta’ Lulju 2004. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni it-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella tal-korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkompanjati b’referenza bħal din fl-okkażżjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif referenza bħal din għandha ssir.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 5

Dan id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta’ Diċembru 2003.

Ghall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 170, tat-3.8.1970, p. 2. Id-Direttiva kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 36).

[2] ĠU L 318, tas-27.11.1998, p. 45.

[3] ĠU L 265, tat-8.11.1995, p. 17. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 2001/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 234, ta’ l-1.9.2001, p. 55).

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Kondizzjonijiet għas-sejbien mikroskopiku, l-identifikazzjoni jew l-estimi tal-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali fil-għalf tal-bhejjem

1. Skop u qasam ta’ l-applikazzjoni

Dawn il-kondizzjonijiet għandhom ikunu wżati meta s-sejbien tal-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali (definiti bħala prodotti mill-ipproċċessar tal-karkassi u l-partijiet mill-karkasi ta’ mammali, tjur u ħut) fil-għalf tal-bhejjem ikun imwettaq permezz ta’ eżaminazzjoni mikroskopika fil-qafas ta’ programm ta’ spezzjoni koordinata fil-qasam tan-nutriment ta’ l-annimali b’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 95/53/KE. Sa kemm il-metodi f’dan l-Anness ikunu wżati fit-testijiet uffiċjali kollha, it-tieni test jista wkoll ikun imwettaq bl-użu ta’ varjant jew metodi alternattivi, sabiex tkun imtejba s-sejbien ta’ ċerti tipi ta’ kostitwenti mill-annimali jew sabiex ikun speċifikat aktar l-oriġini tal-kostitwenti mill-annimali. Aktar minn hekk, varjant ta’ protokoll jista jkun użat meta jkunu eżaminati l-kostitwenti speċifiċi mill-anniamli bħal ma huma l-plasma jew l-għadam fix-xaħam tad-dam (ara wkoll il-punt 9), basta li dawn l-analiżi jseħħu b’żieda ma l-analiżi previsti fil-programm tal-ispezzjoni koordinata.

2. Sensittività

Jiddependi min-natura tal-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali, ammonti żgħar ħafna (< 0,1 %) fil-għalf tal-bhejjem jistgħu jkunu żvelati.

3. Il-prinċipju

Kampjun rapreżentattiv, miġbur b’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 76/371/KEE ta’ l-1 ta’ Marzu 1976 li tistabbilixxi metodi tal-Komunità dwar il-kampjuni għal kontroll uffiċjali ta’ l-għalf tal-bhejjem [1] li jkunu għaddew minn preparazzjoni xierqa jkunu wżati għall-identifikazzjoni. Il-protokoll li ġej huwa tajjeb għall-ittrattar ta’ għalf b’kontenut baxx ta’ l-umidità. Għalf b’ammont ta’ umidità għola minn 14 % għandu jkun imnixxef (ikkondensat) qabel ma jkun studjat. Għalf speċjali jew materjali ta’ l-għalf (e.g. xaħmijiet, żjut) jeħtieġu trattament dedikat (ara l-punt 9). Il-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali huma identifikati fuq il-bażi tal-karatteristiċi tipiċi, mikroskpokament identifikabbli (i.e. il-fibri tal-muskoli u partiċelli oħrajn tal-laħam, il-qrierqec, il-għadam, il-qrun, ix-xagħar, il-lanżit, id-demm, ir-rix, il-qxur tal-bajd, ix-xewk tal-ħut, l-iskaldi). L-identifikazzjoni għandha tkun imwettqa kemm fuq il-frazzjonijiet ta’ l-għarbiel (6.1) u s-sediment ikkonċentrat (6.2) tal-kampjun.

4. Reaġenti

4.1. Aġent integrat

4.1.1. Idrat klorali (akweju, 60 % w/v)

4.1.2. Lissija (soluzzjoni alkalina) (NaOH 2,5 % w/v jew KOH 2,5 % w/v) għall-frazzjonijiet ta’ l-għarbiel

4.1.3. Żejt tal-parafin jew gliċerol (viskosità: 68-81) għal osservazzjonijiet mikroskopiċi fis-sediment

4.2. Aġenti tat-tlaħieħ

4.2.1. Alkoħol, 96 %

4.2.2. Aċeton

4.3. Aġent tal-konċentrazzjoni

4.3.1. Tetrachloroethylene (densità 1,62)

4.4. Reaġenti tal-kulur

4.4.1. Soluzzjoni ta’ jodju/potassa tal-jodju (Dewweb 2 g potassa tal-jodju fi 100 ml ilma u żid 1 g jodju waqt li ċċekċek ta’ spiss)

4.4.2. Aħmar aliżarin (dewweb 2,5 ml 1M aċidu idrokloriku fi 100 ml ilma u żid 200 mg aħmar alżarin ma din is-soluzzjoni)

4.4.3. Reaġent ċistin (2 g aċetat taċ-ċomb, 10 g NaOH/100 ml H2O)

4.4.4. Soluzzjoni tal-jodju/putassa tal-jodju (dewweb fi 70 % etanol)

4.5. Reaġent tal-bjudija

4.5.1. Soluzzjoni kummerċjali tas-sodju iproklorit (9.6 % klorin attiv)

5. L-apparat u l-aċċesorji

5.1. Miżien analitiku (eżattezza ta’ 0,01 g apparti milli għas-sediment ikkonċentrat: 0,001 g)

5.2. Materjat għall-għarik (mitħna ta’ l-għarik jew mehries, speċjalment għal għalf li jkun fih > 15 % xaħam ma l-analiżi)

5.3. Għarbiel mgħammar b’xibka ta’ l-għarbiel b’toqob kwadri ta’ wisa’ ta’ 0,50 mm massimu

5.4. Lembut tas-separazzjoni jew garafina bil-qiegħ koniku għas-sediment

5.5. Stereomikroskopju (minimu 40’ tkabbir)

5.6. Mikroskopju kompost (minimu 400’ tkabbir), dawl trasmess jew dawl polarizzat

5.7. L-apparat tal-ħġieġ normali tal-laboratorju

L-apparat kollu għandu jkun imnaddaf bl-akbar reqqa. Il-lembuti tas-separazzjoni u l-oġġetti tal-ħġieġ jeħtieġ li jkunu mnaddfa f’magna tal-ħasil. L-għeriebel jeħtieġu tindif bl-użu ta’ xkupilji b’lanżit iebes.

6. Proċedura

Għalf f’għamla ta’ gerbubi jista jkun mgħarbel minn qabel jekk iż-żewġ frazzjonijiet huma analiżżati bħala kampjun separat.

Mill-anqas 50 g tal-kampjun għandu jkun ittrattat (misħuq b’attenzjoni bl-użu ta’ tagħmir xieraq għat-tisħieq (5.2) jekk meħtieġ sabiex tkun akwistata l-istruttura xierqa). Mill-materjal misħuq żewġ porzjonijiet għandhom ikunu meħuda, wieħed għal frazzjoni ta’ l-għarbiel (fi mill-anqas 5 g) u wieħed għal sediment ikkonċentrat (fi mill-anqas 5 g) (6.2). Il-kulur b’reaġenti tal-kuluri (6.3) jista, addizzjonalment, ikun applikat għall-identifikazzjoni.

Sabiex tkun indikata n-natura tal-proteini mill-annimali u l-oriġini tal-partiċelli, sistema ta’ sostenn b’deċiżjoni bħal ma hija Aries tista tkun użata u kampjuni ta’ refernza jistgħu jkunu iddokumentati.

6.1. L-identifikazzjoni tal-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali f’għarbiel tal-frazzjonijiet

Mill-anqas 5 g tal-kampjun ikun magħrbel minn għarbiel (5.3) f’żewġ frazzjonijiet.

Il-frazzjoni(jiet) ta’ l-għarbiel b’partiċelli kbar (jew parti rapreżentattiva tal-frazzjoni) hija applikata bħala saff irqieq ma sostenn xieraq u eżaminata sistematikament taħt stereomikroskopju (5.5) fit-tkabbir differenti għall-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali.

Il-lastri magħmula fi frazzjoni(jiet) ta’ l-għarbiel b’partiċelli fini huma eżaminati sistematikament taħt mikroskopju kompost (5.6) f’diversi tkabbir għall-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali.

6.2. L-identifikazzjoni tal-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali f’sediment ikkonċentrat

Mill-anqas 5 g (b’eżattezza ta’ 0,01 g) tal-kampjun għandha jkun ittrasferita lejn lembut tas-separazzjoni jew mill-garafina bil-qiegħ koniku għas-sediment u ttrattat b’mill-anqas 50 ml ta’ tetrachloroethylene (4.3.1).

- It-taħlita għandha tkun imċekċka jew imħawwda ripetutament. Jekk lembut magħluq tas-seperazzjoni jkun użat is-sediment għandu jitħalla joqgħod għal ħin suffiċċjenti (mill-anqas tlett minuti) qabel ma s-sediment ikun isseparat. Iċ-ċekċik għandu jkun irrepetut u s-sediment għandu jitħalla joqgħod mill-ġdid għal mill-anqas tlett minuti. Is-sediment għandu jerġa jkun isseparat mill-ġdid.

- Jekk garafina miftuħha tkun użata is-sediment għandu jitħalla joqgħod għal mill-anqas ħames minuti qabel ma s-sediment ikun isseparat.

Is-sediment totali għandu jkun imnixxef u sussegwentament miżun (eżattezza ta’ 0,001 g). L-użin ikun meħtieġ biss fil-każ li stima tkun meħtieġa. Jekk is-sediment jikkonsisti minn ħafna partiċelli kbar dan jista jkun mgħarbel minn għarbiel (5.3) f’żewġ frazzjonijiet. Is-sediment imnixxef għandu jkun eżaminat għall-kostitwenti ta’ l-għadam taħt stereomikroskopju (5.5) u mikroskopju kompost (5.6).

6.3. L-użu ta’ aġenti integrati u r-reaġenti tal-kuluri

L-identifikazzjoni mikroskopika tal-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali tista tkun sostnuta bl-użu ta’ aġenti speċjali integrati u l-aġenti tal-kuluri.

Idrat klorali(4.1.1): | Billi ssaħħan bil-galbu, l-istrutturi taċ-ċelloli jistgħu ikunu jidhru aktar ċari minħabba l-frak tal-ġelatina u ċ-ċelloli mhux meħtieġ jkunu mneħħija |

Lissa (4.1.2): | Jew l-idrossidu tas-sodju jew l-idrossidu tal-putassa inaddaf il-materjal tal-forniment. Jgħin fid-deċiżjoni tal-fibri tal-muskoli, ix-xgħar u l-istrutturi l-oħrajn tal-keratin |

Żjut u gliċerina tal-parafin (4.1.3): | Il-kostitwenti ta' l-għadam jistgħu ikunu identifikati sewwa f'dan l-aġent inkorporat minħabba ħafna mil-lakuni jibqgħu mimlija bl-arja u jidhru bħala toqob suwed ta' madwar 5-15 цm. |

Taħlita tal-jodju/putassa tal-jodju (4.4.1): | Użat għas-sejbien tal-lamtu (lewn vjola fl-ikħal) u proteina (lewn isfar fl-oranġjo). It-taħlitiet jistgħu ikunu mrattba jekk hekk ikunu meħtieġ. |

Aliżarin soluzzjoni ħamra (4.4.2) : | Il-lewn aħmar fir-roża ta' l-għadam, xewk u l-iskaldi tal-ħut. Qabel it-tnixxif tas-sediment (ara s-sezzjoni 6.2), is-sediment totali għandu jkun trasferit fit-tubu tal-ħġieġ tat-testijiet u mlaħlaħ darbtejn b'madwar 5 ml alkoħol (4.2.1) (kull darba votiċi għandha tkun użata, is-solvent għandu jitħalla joqgħod għal madwar minuta u mferra 'l barra). Qabel l-użu ta' dan l-aġent tal-kulur, is-sediment għandu jkun imbajjad biż-żieda ta' mill-anqas 1 ml tas-soluzzjoni ipo-klorit (4.5.1). Ir-reazzjoni għandha titħalla li tibqa għal 10 minuti. It-tubu għandu jkun mimli bl-ilma, is-sediment għandu jitħalla joqgħod għal tnejn jew tlett minuti, u l-ilma u l-partiċelli sospiżi għandhom ikunu mferra 'l barra. Is-sediment għandu jkun imlaħlaħ darbtejn bi 10 ml ta' ilma (vortiċi għandha tkun użata. Ħalli joqgħod, u l-ilma mferra 'l barra ta' kull darba). Tnejn sa 10 taqtiriet (jiddependi mill-ammont ta' residwi) ta' aliżarin ta' soluzzjoni ħamra għandhom ikunu miżjuda. It-taħlita għandha tkun imċekċka u r-reazzjoni għandha titħalla li sseħħ għal ftit sekondi. Is-sediment ikkulurit għandu jkun imlaħlaħ darbtejn b'madwar 5 ml alkoħol (4.2.1) segwit bi tlaħlieħa waħda bl-aċetun (4.2.2), (kull darba vortiċi għandha tkun użata, is- solvent għandu jitħalla joqgħod għal madwar minuta u mferra il-barra). Is-sediment imbagħad ikun lest sabiex jitnixxef. |

Reaġent ċistin (4.4.3): | Bis-sħana bil-galbu, kostitwenti li jkun fihom iċ-ċistin (xagħar, rix, eċċ.) isiru suwed fil-kanella. |

6.4. L-eżaminazzjoni fil-għalf possibbilment ikkontaminat b’ħut mgħaffeġ.

Mill-anqas lastra waħda għandha tkun eżaminata mill-frazzjoni ta’ l-għarbiel fin u mill-frazzjoni fina tas-sediment taħt mikroskopju kompost (ara s-sezzjonijiet 6.1 u 6.2).

Meta t-tikketta tindika li l-ingredjenti jinkludu ħut mgħaffeġ, jew jekk il-preżenza ta’ ħut mgħaffeġ tkun issusspetata jew misjuba fl-eżami inizjali, mill-anqas żewġ lastri addizzjonali tal-frazzjoni fina ta’ l-għarbiel mill-kampjun oriġinali, u t-total tal-frazzjoni tas-sediment, għandhom ikunu eżaminati.

7. Kalkolu u evalwazzjoni

L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-proċeduri deskritti f’dan il-punt jkunu wżati meta l-analiżi uffiċjali tkun imwettqa bil-għan li jkun ikkalkolat l-ammont (u mhux sempliċement il-preżenza) tal-kostitwenti mill-annimali.

Il-kalkolazzjoni tista ssir biss jekk il-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali jkun fihom frak ta’ l-għadam.

Frak ta’ l-għadam ta’ speċje terrestri ta’ demm sħun (i.e. mammali u għasafar) jistgħu ikunu distingwiti mit-tipi differenti ta’ xewk tal-ħut fuq lastra mikroskopika permezz ta’ lacunae tipiċi. Il-proporzjon tal-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali fil-materjal tal-kampjun huwa kkalkolat billi jkun meqjus:

- il-proporzjon ikkalkolat (piż %) tal-frak ta’ l-għadam fis-sediment ikkonċentrat, u

- il-proporzjon (piż %) ta’ l-għadam fil-kostitwenti ta’ l-oriġini mill-annimali.

Il-kalkolu għandu jkun ibbażat fuq mill-anqas tlieta (jekk possibli) lastri u mill-anqas ħames tipi kull lastra. F’għalf kompost tal-bhejjem, is-sediment ikkonċentrat bħala regola jkun fih mhux biss il-frak ta’ l-għadam ta’ annimali terrestri u l-frak tax-xewk tal-ħut, imma wkoll partiċelli oħrajn ta’ piż speċifiku għoli, e.g. minerali, ramel, fragmenti minn pjanti linjifikati u simili.

7.1. Il-valur ikkalkolat tal-persentaġġ tal-frak ta’ l-għadam

% tal-frak ta’ l-għadam terrestriju = (S × c)/W

% tal-frak tax-xewk u l-iskaldi tal-ħut = (S × d)/W

(S = il-piż tas-sediment (mg). C = fattur tal-korrezzjoni ( %) għall-porzjon ikkalkolat ta’ l-għadam ta’ l-annimali terrestri fis-sediment, d = fattur tal-korezzjoni ( %) għall-porzjon ikkalkolat ta’ frak ta’ xewk u skaldi tal-ħut fis-sediment, W = il-piż tal-materjal tal-kampjun għas-sediminazzjoni (mg)).

7.2. Il-valur ikkalkolat tal-kostitwenti ta’ oriġini mill-annimali

Il-proporżjon ta’ l-għadam fi prodotti ta’ l-annimali jista jvarja ħafna. (Il-persentaġġ ta’ l-għadam fil-każ ta’ tqiq mill-għadam huwa ta’ bejn 50 sa 60 % u fil-każ tat-tqiq mill-laħam huwa ta’ bejn 20 sa 30 %; fil-każ ta’ tqiq mill-ħut mill-kontenuti ta’ l-għadam u l-iskaldi ivarja sostanzjalment skond il-kategorija u l-oriġini tal-ħut mgħaffeġ, normalment huwa ta’ bejn 10 u 20 %).

Jekk it-tip tat-tqiq mill-annimali li jkun preżenti fil-kampjun ikun magħruf, ikun possibbli li jkun ikkalkolat il-kontenut:

Kontenut ikkalkolat tal-kostitwenti ta’ prodotti minn annimali terrestri ( %) = (S × c)/(W × f) × 100

Kontenut ikkalkolat tal-kostitwenti ta’ prodotti mill-ħut ( %) = (S × d)/(W × f) × 100

(S = il-piż tas-sediment (mg). c = fattur tal-korrezzjoni ( %) għall-porzjoni ikkalkolat ta’ l-għadam ta’ l-annimali terrestri fis-sediment, d = fattur tal-korrezzjoni ( %) għall-porzjon ikkalkolat ta’ frak ta’ xewk u skaldi tal-ħut fis-sediment, f = il-fattur tal-korrezzjoni fil-proporzjon ta’ l-għadam fil-kostitwenti ta’ oriġini mill-annimali fil-kampjun eżaminat, W = il-piż tal-materjal tal-kampjun għas-sediminazzjoni (mg)).

8. L-espressjoni tar-riżultat ta’ l-eżaminazzjoni

Ir-rapport għandu mill-anqas ikun fih informazzjoni rigward il-preżenza ta’ kostitwenti akwistati minn annimali terrestri u minn ħut mgħaffeġ. Il-każi differenti għandhom ikunu rrapportati b’dan il-mod:

8.1. Fir-rigward tal-preżenza ta’ kostitwenti akwistati minn annimali terrestri:

- Sa kemm ikun jista jidher bl-użu ta’ mikroskopju, l-ebda kostitwenti akwistati minn annimali terrestri ma jkunu nstabu fil-kampjun ippreżentat,

jew

- Sa kemm ikun jista jidher bl-użu ta’ mikroskopju, il-kostitwenti akwistati minn annimali terrestri kienu nstabu fil-kampjun ippreżentat.

8.2. Fir-rigward tal-preżenza ta’ ħut mgħaffeġ:

- Sa kemm ikun jista jidher bl-użu ta’ mikroskopju, l-ebda kostitwenti akwistati mill-ħut ma jkunu nstabu fil-kampjun ippreżentat,

jew

- Sa kemm ikun jista jidher bl-użu ta’ mikroskopju, il-kostitwenti akwistati mill-ħut kienu nstabu fil-kampjun ippreżentat.

Fil-każ li kostitwenti akwistati minn ħut jew minn annimali terrestri jkunu misjuba, ir-rapport tar-riżultat ta’ l-eżaminazzjoni, jekk meħtieġ, jista jindika aktar estimi ta’ l-ammont tal-kostitwenti misjuba (x %, < 0,1 %, 0,1-0,5 %, 0,5-5 % or > 5 %), aktar speċifikazzjoni tat-tip ta’ l-annimal terristri jekk possibbli u tal-kostitwenti mill-annimali kif identifikati (fibri tal-muskoli, qrierqeċ, għadam, qrun, xagħar, lanżit, rix, demm, qxur tal-bajd, xewk u skaldi tal-ħut).

Fil-każ ta’ meta l-ammont ta’ l-ingredjenti mill-annimali jkun ikkalkolat, il-fattur ‘f’ tal-korrezzjoni użat għandu jkun imsemmi.

Fil-każi ta’ meta l-kostitwenti ta’ l-għadam minn annimali terrestri jkunu identifikati, ir-rapport għandu jinkludi l-klawsola addizzjonali:

"Il-possibiltà li l-kostitwenti ta’ hawn fuq huma akwistati minn mammali ma jistgħax ikun eskluż."

Din il-klawsola addizzjonali ma tkunx meħtieġa fil-każi meta l-frak ta’ l-għadam minn annimali terrestri jkunu ġew speċifikati bħala frak ta’ l-għadam minn trur jew minn mammali.

9. Protokoll voluntarju għall-analażi ta’ xaħam jew żejt

Il-protokoll li ġej jista jkun użat għall-analiżi tax-xaħam jew taż-żejt:

- Jekk ix-xaħam huwa solidu, dan ikun imsaħħan per eżempju f’forn microwave sakemm isir likwidu.

- L-użu ta’ pipetta, 40 ml ta’ xaħam huwa trasferit mill-qiegħ tal-kampjun lejn tubu taċ-ċentrifugazzjoni.

- Iċċentrifuga għal 10 minuti fi 4000 rpm.

- Jekk ix-xaħam huwa solidu wara ċ-ċentrifugazzjoni, dan ikun imsaħħan darba oħra f’forn microwave sakemm isir likwidu. Irrepeti ċ-ċentrifugazzjoni għal ħames minuti fi 4000 rpm.

- Bl-użu ta’ mgħarfa żgħira jew spatula, nofs ta’ l-impuritajiet imferrgħa huwa trasferit lejn dixx patri jew lastra mikroskopika għall-identifikazzjoni mikroskopika tal-possibbiltà tal-kontenut ta’ kostitwenti mill-annimali (fibri tal-laħam, rix, frak ta’ l-għadam). Bħala aġent integrat għall-mikroskopija, żejt tal-parafin jew gliċerol huwa rrakkomandat.

- L-impuritajiet li jkun baqgħa huma wżati għas-sedimentazzjoni kif deskritta fil-punt 6.2.

[1] ĠU L 102, tal-15.4.1976, p. 1.

--------------------------------------------------

Top