Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R0315

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 315/2002 tal-20 ta’ Frar 2002 dwar l-istħarriġ ta' prezzijiet ta’ karkassi ta’ nagħaġ friski jew imkessħa fi swieq rappreżentattivi fil-Komunità

    ĠU L 50, 21.2.2002, p. 47–48 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 10/07/2018; Imħassar b' 32017R1182

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/315/oj

    32002R0315



    Official Journal L 050 , 21/02/2002 P. 0047 - 0048


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 315/2002

    tal-20 ta’ Frar 2002

    dwar l-istħarriġ ta' prezzijiet ta’ karkassi ta’ nagħaġ friski jew imkessħa fi swieq rappreżentattivi fil-Komunità

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2529/2001 tad-19 ta’ Diċembru 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż [1], u b’mod partikolari l-Artikoli 20 u 24 tiegħu,

    Billi:

    (1) Ir-Regolament (KE) Nru 2529/2001 jistabbilixxi sistema ġdida ta’ primjumijiet biex tissostitwixxi s-sistema preskritta fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2467/98 tat-3 ta' Novembru 1998 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż [2], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1669/2000 [3]. Biex jitqiesu l-arranġamenti l-ġodda u fl-interess taċ-ċarezza huwa meħtieġ li jkunu stabbiliti regoli ġodda biex jissostitwixxu lil dawk preskritti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1481/86 tal-15 ta' Mejju 1986 dwar l-istabbiliment ta’ prezzijiet ta' karkassi tal-ħaruf frisk jew imkessaħ fi swieq rappreżentattivi tal-Komunità u l-istħarriġ tal-prezzijiet ta' ċerti kwalitajiet oħra ta' karkassi tan-nagħaġ fil-Komunità [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2877/2000 [5].

    (2) Skond l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001, l-Istati Membri għandhom jirrekordjaw il-prezzijiet ta’ l-annimali ovini u tal-laħam ta’ l-annimali ovini. Ir-regoli għall-applikazzjoni ta’ rapportaġġ tal-prezzijiet għandhom għalhekk ikunu stabbiliti.

    (3) Il-prezzijiet għandhom ikunu dawk irrekordjati fis-suq rappreżentattiv jew fis-swieq ta’ kull Stat Membru għad-diversi kategoriji ta’ karkassi tan-nagħaġ friski jew imkessħa. Barra dan, fejn hemm iktar minn suq rappreżentattiv wieħed fi Stat Membru l-medja aritmetika jew, jekk meħtieġ, peżata ta’ kwotazzjonijiet irrekordjati f’dawn is-swieq għandha tittieħed.

    (4) Il-prezzijiet irrekordjati fis-suq għandhom ikunu bbażati fuq il-prezzijiet, eskluża t-taxxa fuq il-valur miżjud, ta’ karkassi, imma mingħajr tnaqqis awtorizzat fir-rigward ta’ ħlasijiet oħra. Prezzijiet tas-suq għandhom ikunu rrekordjati fir-rigward tal-"piż tal-karkassa" kif iddefinit fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/434/KE tat-30 ta’ Mejju 1994 li tippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/25/KEE dwar l-istħarriġ statistiku li għandu jitwettaq minn Stati Membri fuq il-popolazzjoni tan-nagħaġ u l-mogħoż u l-produzzjoni [6], kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 1999/47/KE [7]. Madankollu, għandu jkun permess li din id-definizzjoni ma tintużax fil-każ ta’ karkassi ta’ ħrief żagħżugħa li jiżnu bejn id-9 u s-16-il kilogramma, biex prattiċi tas-suq, li bihom karkassi sħaħ għall-bejgħ bir-ras u l-ġewwieni jġibu valur kummerċjali ikbar, jistgħu jitqiesu.

    (5) F’ċerti Stati Membri l-prezzijiet jirrelataw għal prezzijiet ta' annimali ħajjin. Dawn il-prezzijiet għandhom imbagħad jiġu konvertiti permezz ta’ koeffiċjenti approprjati. Madankollu, f’reġjuni fejn l-istima individwali ta’ annimali ħajjin issir biex ikun stmat il-piż tal-karkassa l-konverżjoni tista’ tkun ibbażata fuq dik l-istima.

    (6) Biex tkun spjegata l-bażi li fuqha Stati Membri jiġbru l-prezzijiet, dawn għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bis-swieq rappreżentattivi magħżula u l-kategoriji ta’ karkassi u l-peżar jew l-importanza relattiva ta’ dawk l-elementi użati għall-kalkolazzjoni tal-prezzijiet.

    (7) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għan-Nagħaġ u l-Mogħoż,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    1. Stati Membri li l-produzzjoni tagħom tal-laħam tan-nagħaġ teċċedi l-200 tunnellata metrika kull sena għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, l-iktar tard kull nhar ta’ Ħamis, il-prezzijiet ta’ karkassi friski jew imkessħa ta' ħrief u nagħaġ.

    2. Il-prezzijiet għandhom ikunu dawk irrekordjati fl-arei ta’ kwotazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 ta’ Stati Membri li jissodisfaw ir-rekwiżiti preskritti fil-paragrafu 1. Dawn għandhom ikunu prezzijiet bl-ingrossa rrekordjati minn dawk l-Istati Membri fis-suq jew swieq rappreżentattivi matul il-ġimgħa ta’ qabel il-ġimgħa li fiha tingħata l-informazzjoni. Is-suq jew swieq rappreżentattivi għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri msemmija iktar ’il fuq. Il-prezzijiet għandhom ikunu kkalkolati fuq il-bażi ta' prezzijiet tas-suq, mingħajr it-taxxa ta’ valur miżjud.

    Artikolu 2

    1. Il-prezzijiet tas-suq għandhom ikunu rrekordjati fir-rigward tal-"piż tal-karkassa" fis-sens tad-Deċiżjoni Nru 94/434/KE.

    Fejn il-prezzijiet huma rrekordjati skond kategoriji differenti ta’ karkassi l-prezz fis-suq rappreżentattiv għandu jkun ugwali għall-medja, peżata b’koeffiċjenti stabbiliti minn Stati Membri biex jirriflettu l-importanza relattiva ta’ kull kategorija, tal-prezzijiet irrekordjati għall-kategoriji msemmija matul perjodu ta’ sebat ijiem fl-istadju ta’ l-ingrossa.

    2. Fil-każ ta’ karkassi tal-ħrief li jiżnu sa 16-il kilogramma, u skond il-prattika normali kummerċjali, prezzijiet jistgħu jkunu rrekordjati qabel it-tneħħija tal-ġewwieni u t-tneħħija tar-ras.

    Meta prezzijiet huma rreġistrati fuq bażi ta’ piż tal-ħaj, il-prezzijiet kull kilogramma piż tal-ħaj għandhom ikunu diviżi b'koeffiċjent massimu ta’ konverżjoni ta’ 0,5. Madankollu, fejn il-prattika normali hija li tinkludi r-ras u l-ġewwieni mal-karkassa, għal ħrief li jiżnu sa 28 kilogramma piż tal-ħaj l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu koeffiċjent ogħla.

    F'reġjuni fejn ir-rekordjar tal-prezz huwa bbażat fuq l-istima individwali tal-piż tal-karkassi tal-ħrief, il-konverżjoni għandha tkun ibbażata fuq dik l-istima.

    Artikolu 3

    1. Fejn swieq isiru iktar minn darba matul il-perjodu ta’ sebat ijiem imsemmija fl-Artikolu 2(1), il-prezz ta’ kull kategorija għandu jkun il-medja aritmetika tal-kwotazzjonijiet irrekordjati matul kull suq.

    2. Fejn ikun hemm numru ta' swieq rappreżentattivi f’area ta’ kwotazzjonijiet il-prezz għal dik l-area ta’ kwotazzjonijiet għandu jkun il-medja tal-prezzijiet irrekordjati fis-swieq imsemmija, peżata b’koeffiċjenti stabbiliti mill-Istati Membri biex jirriflettu l-importanza relattiva ta’ kull suq jew ta’ kull kategorija.

    3. Madankollu, fejn ebda informazzjoni ma tkun disponibbli l-prezzijiet tas-swieq rappreżentattivi ta’ dak l-Istat Membru għandhom ikunu ddeterminati b’referenza b’mod partikolari għall-aħħar prezzijiet magħrufa.

    Artikolu 4

    Stati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni sa l-1 ta’ Marzu 2002 bi:

    (a) is-swieq rappreżentattivi ta’ kull area ta’ kwotazzjonijiet;

    (b) il-kategoriji ta' karkassi tal-ħrief;

    (ċ) il-koeffiċjenti ta’ peżar u konverżjoni msemmijin fl-Artikoli 2 u 3.

    Stati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’xi bidliet fl-arranġamenti fi żmien xahar wara xi tibdil bħal dan.

    Artikolu 5

    Ir-Regolament (KEE) Nru 1481/86 hu b’dan imħassar.

    Artikolu 6

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, 20 ta’ Frar 2002.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 341, tat-22.12.2001, p. 3.

    [2] ĠU L 312, ta' l-20.11.98, p. 1.

    [3] ĠU L 193, tad-29.7.2000, p. 8.

    [4] ĠU L 130, tas-16.5.1986, p. 12.

    [5] ĠU L 333, tad-29.12.2000, p. 57.

    [6] ĠU L 179, tat-13.7.1994, p. 33.

    [7] ĠU L 15, ta' l-20.1.1999, p. 10.

    --------------------------------------------------

    Top