EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001R1447

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1447/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali fuq il-Fondi Strutturali

ĠU L 198, 21.7.2001, p. 1–2 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2001/1447/oj

32001R1447



Official Journal L 198 , 21/07/2001 P. 0001 - 0002


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1447/2001

tat-28 ta’ Ġunju 2001

li jemenda ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali fuq il-Fondi Strutturali

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 161 u 299(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

Billi:

(1) L-Artikolu 29(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 [4] jipprovdi għall-possibbiltà li tkun aġġudikata kontribuzzjoni mill-Fondi sa mhux aktar minn 85 % ta’ l-ispiża eliġibbli totali għar-reġjuni biss l-aktar imbiegħda ta’ Stat Membru li għalih japplika l-Fond ta’ Koeżjoni u għall-gżejjer Griegi tat-trufijiet li huma żvantaġġati minħabba il-pożizzjoni mbiegħda tagħhom.

(2) L-Artikolu 299(2) tat-Trattat jgħid li r-reġjuni l-aktar imbiegħda għandhom l-istess żvantaġġi, partikolarment ta’ distanzi u insularità, li jistgħu jrażżnuhom bis-sħiħ fl-iżvilupp tagħhom.

(3) Għaldaqstant l-Artikolu 29(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandu jkun emendat sabiex jistabbilixxi l-ogħla kontribuzzjoni mill-Fondi sa 85 % ta’ l-ispiża eliġibbli totali għar-reġjuni kollha mbiegħda, kemm jekk ikunu ta’ Stat Membru li għalih japplika l-Fond ta’ Koeżjoni u kemm jekk le, fejn dan ma jinvolvix investimenti fi proġetti ta’ infrastruttura li jiġġeneraw dħul sostanzjali nett jew investimenti f’ditti.

(4) L-Artikolu 29(4)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jgħid li, fil-każ ta’ investimenti f’ditti, il-kontribuzzjoni mill-Fondi ma tistax taqbeż il-35 % ta’ l-ispiża eliġibbli totali fir-reġjuni li għalihom japplika Oġġettiv 1.

(5) Ir-reġjuni kollha l-aktar imbiegħda huma eliġibbli għal Oġġettiv 1 tal-Fondi Strutturali mill-1 ta’ Jannar 2000, sal-31 ta’ Diċembru 2006, skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/502/KE ta’ l-1 ta’ Lulju 1999, li turi l-lista tar-reġjuni li għalihom japplika l-Oġġettiv 1 tal-Fondi Strutturali għall-perjodu mill-2000 sa l-2006.

(6) Żieda fl-ogħla rata ta’ għajnuna mill-Fondi Struttarali fil-każ ta’ investiment f’ditti żgħar u ta’ daqs medju li jkunu jinsabu fir-reġjuni l-aktar imbiegħda tidher li hija meħtieġa minħabba d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom dawn id-ditti, sabiex jagħtu sehemhom sewwa għall-iżvilupp ta’ dawk ir-reġjuni.

(7) L-Artikolu 29(4)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandu għalhekk ikun emendat sabiex, fil-każ ta’ investimenti f’ditti żgħar u ta’ daqs medju li jkunu jinsabu fir-reġjuni l-aktar imbiegħda, għajnuna mill-Fondi tkun tista’ tilħaq il-50 % ta’ l-ispiża eliġibbli totali.

(8) Skond l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, kull pjan, qafas ta’ appoġġ tal-Komunità, programm ta’ ħidma u kull wieħed mid-dokumenti tal-programm għandu jkun għal żmien ta’ seba’ snin, u l-perjodu tal-programm jibda fl-1 ta’ Jannar 2000. Sabiex ikun hemm l-għaqda u ma ssirx diskriminazzjoni bejn benefiċjarji ta’ l-istess programm, id-derogi li hemm f’dan ir-Regolament għandhom, ħlief f’eċċezzjonijiet, ikunu jgħoddu tul il-programm kollu.

(9) L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2019/93 tad-19 ta’ Lulju, 1993, li daħħal miżuri speċifiċi għall-gżejjer iż-żgħar Eġei dwar prodotti agrikoli [5] jipprovdi għal derogi strutturali għal dawn il-gżejjer. Dan l-Artikolu ġie mħassar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar appoġġ għal żvilupp rurali mill-Fond Ewropew ta’ Garanzija u Gwida għall-Agrikoltura (EAGGF), u li emenda u ħassar xi Regolamenti [6]. Il-pożizzjoni eċċezzjonali u n-natura ġeografika tal-gżejjer iż-żgħar Eġei jikkostitwixxu tfixkil biex l-oqsma rurali tagħhom ikunu addattati u żviluppati, iżda tista’ tagħmel tajjeb għal dan żieda fil-kontribuzzjoni mill-Fondi Strutturali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 huwa b’dan emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 29(3)(a) għandu jiġi emendat kif ġej:

"(a) mhux aktar minn 75 % ta’ l-ispiża eliġibbli totali u, bħala regola ġenerali, mill-anqas 50 % tan-nefqa eliġibbli pubblika fil-każ ta’ miżuri meħudin fir-reġjuni li għalihom japplika l-Oġġettiv 1. Fejn ir-reġjuni jinsabu fi Stat Membru li għalih japplika l-Fond ta’ Koeżjoni, il-kontribuzzjoni tal-Komunità tista’ titla’, f’każijiet eċċezzjonali u li tassew jixirqilhom, għal mhux aktar minn 80 % ta’ l-ispiża eliġibbli totali u għal mhux aktar minn 85 % ta’ l-ispiża eliġibbli totali għall-gżejjer Griegi tat-trufijiet li huma żvantaġġjati minnħabba l-pożizzjoni mbiegħda tagħhom. Il-kontribuzzjoni tal-Komunità għar-reġjuni kollha l-aktar imbiegħda tista’ titla’, f’każijiet eċċezjonali u li tassew jixirqilhom, għal mhux aktar minn 85 % ta’ l-ispiża eliġibbli totali;"

2. Dan li ġej għandu jiżdied mat-tieni sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 29(4)(b):

"(ii) 50 % ta’ l-ispiża eliġibbli totali fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u, b’eċċezzjoni, ukoll fil-gżejjer iż-żgħar Eġei fil-każ ta’ investiment skond ir-Regolament (KE) Nru. 1257/1999, fil-każ ta’ investimenti f’ditti żgħar u ta’ daqs medju;"

Il-punti (ii) u (iii) għandhom ikunu (iii) u (iv) rispettivament.

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2000.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-28 ta’ Ġunju, 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

B. Rosengren

[1] ĠU C 96 E, tas-27.2.2001, p. 272.

[2] L-Opinjoni mogħtija fl-14 ta’ Ġunju 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 139, tal-11.5.2001, p. 29.

[4] ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 1.

[5] ĠU L 184, tas-27.7.1993, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2417/95 (ĠU L 248, ta’ l-14.10.1995, p. 39).

[6] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80.

--------------------------------------------------

Top