This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32001R1092
Commission Regulation (EC) No 1092/2001 of 30 May 2001 laying down detailed rules for the application of Council Regulation (EC) No 2202/96 introducing a Community aid scheme for producers of certain citrus fruits
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1092/2001 tat-30 ta' Mejju 2001 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2202/96 li jdaħħal skema Komunitarja ta' għajnuna għall-produtturi ta' ċertu frott taċ-ċitru
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1092/2001 tat-30 ta' Mejju 2001 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2202/96 li jdaħħal skema Komunitarja ta' għajnuna għall-produtturi ta' ċertu frott taċ-ċitru
ĠU L 150, 6.6.2001, p. 6–16
(ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)
No longer in force, Date of end of validity: 30/09/2003; Imħassar b' 32003R2111
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 31997R1169 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32001R1092R(01) | (EN, IT) | |||
Derogated in | 32002R0350 | Deroga | artikolu 10.4 | 30/09/2002 | |
Derogated in | 32002R0350 | Deroga | artikolu 11.1 | 30/09/2002 | |
Modified by | 32002R0350 | Sostituzzjoni | artikolu 14.A) | 01/10/2002 | |
Modified by | 32002R0350 | Sostituzzjoni | artikolu 3.7 | 01/10/2002 | |
Modified by | 32002R0350 | Emenda | artikolu 23.1 | 01/10/2002 | |
Modified by | 32002R0350 | Emenda | artikolu 12.1 | 01/10/2002 | |
Modified by | 32002R0350 | Sostituzzjoni | artikolu 5.1 | 01/10/2002 | |
Modified by | 32002R0350 | Sostituzzjoni | artikolu 2.1 | 01/10/2002 | |
Modified by | 32002R0350 | Sostituzzjoni | artikolu 5.3 | 01/10/2002 | |
Modified by | 32002R0350 | Sostituzzjoni | artikolu 2.3 | 01/10/2002 | |
Modified by | 32002R0350 | Sostituzzjoni | artikolu 14.B) | 01/10/2002 | |
Repealed by | 32003R2111 |
Official Journal L 150 , 06/06/2001 P. 0006 - 0016
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1092/2001 tat-30 ta' Mejju 2001 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2202/96 li jdaħħal skema Komunitarja ta' għajnuna għall-produtturi ta' ċertu frott taċ-ċitru IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2202/96 tat-28 ta' Ottubru 1996, li jintroduċi skema ta' għajnuna għal ċerti produtturi tal-frott taċ-ċitru [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2699/2000 [2] u partikolarment l-Artikoli 2(2), 3(4) u 6 tiegħu, Billi: (1) Ir-Regolament (KE) Nru 2202/96 li jistabbilixxi skema ta' għajnuna għall-organizzazzjonijiet li jipproduċu u li jibagħtu għal proċessar ċertu frott taċ-ċitru maħsud ġewwa l-Komunità u elenkat fl-Artikolu 1 ta' dak ir-Regolament. (2) Is-snin tal-bejgħ u perjodi ekwivalenti għal frott taċ-ċitru għandhom ikunu definiti biex tkun applikata l-iskema b'mod uniformi. (3) L-iskema ta' l-għajnuna għall-produtturi ta' ċertu frott taċ-ċitru hija bażata fuq kuntratti bejn l-organizzazzjonijiet li jipproduċu rikonoxxuti jew mogħtija rikonoxximent preliminari taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta' Ottubru 1996 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħaxix [3] kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 911/2001 [4], fuq naħa, u l-proċessuri, fuq l-oħra. Organizzazzjonijiet li jipproduċu jistgħu jaġixxu wkoll bħala proċessuri f'ċerti ċirkostanzi. It-tipi u t-tul tal-kuntratti u l-partikolaritajiet li għandhom ikunu inklużi fihom għandhom ikunu speċifikati għall-għanijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-iskema ta' l-għajnuna. (4) Għal kull prodott msemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2202/96 għandhom ikunu konklużi kuntratti qabel data partikolari, biex l-organizzazzjonijiet li jipproduċu jistgħu jistabbilixxu l-pjanijiet tagħhom u jiggarantixxu l-proċessuri provista stabbli. Biex ikun żgurat li l-iskema hija kemm jista' jkun effettiva, il-partijiet f'dawn il-kuntratti għandhom madankollu jkunu awtorizzati li jikkonkludu emendi li jaġġustaw il-kwantitajiet miftiehma oriġinarjament hemmhekk sa limitu determinat. (5) Biex ikun imtejjeb il-mod kif topera l-iskema, l-awtoritajiet għandhom ikunu jafu bl-organizzazzjonijiet li jipproduċu kollha li jbiegħu l-produzzjoni tal-membri tagħhom, tal-membri ta' organizzazzjonijiet li jipproduċu oħra li jixtiequ jikkwalifikaw taħt l-iskema. Il-proċessuri li jiffirmaw il-kuntratti ma’ dawn l-organizzazzjonijiet li jipproduċu għandhom jibagħtu wkoll lill-awtoritajiet l-informazzjoni meħtieġa biex ikun żgurat li l-iskema topera b'mod korrett. (6) Hemm rabta mill-qrib bejn il-materja prima mibgħuta għall-ipproċessar u l-prodott aħħari miksub. Il-materja prima għandha għalhekk tilħaq ċerti ħtiġiet minimi. (7) Applikazzjonijiet għall-għajnuna għal kull prodott għandhom jinkludu kull informazzjoni meħtieġa biex tkun verifikata l-aċċettabbiltà tagħhom, minħabba l-informazzjoni tagħhom li tinsab fil-kuntratti. (8) Biex ikun żgurat li l-iskema ta' l-għajnuna hija applikata sew, l-organizzazzjonijiet li jipproduċu u l-proċessuri għandhom jibagħtu informazzjoni xierqa u jżommu dokumentazzjoni xierqa aġġornata u għandhom, partikolarment, jispeċifikaw l-arji taħt il-larinġ, frott żgħir taċ-ċitru, lumi, grapefruit u pomeli, fuq il-bażi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta' Novembru 1992 li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll għal ċerti skemi Komunitarji ta' għajnuna [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 495/2001 [6] u bir-Regolament (KEE) 3887/92 tat-23 ta' Diċembru 1992 li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll għal ċerti skemi Komunitarji ta' għajnuna [7] kif ġie l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) 2721/2000 [8], għall-iskopijiet ta' l-ispezzjonijiet kollha u l-kontrolli mitqiesa meħtieġa. (9) Għall-għanijiet ta' l-amministrazzjoni ta' l-iskema ta' għajnuna, għandhom ikunu provduti proċeduri għal verifiki fiżiċi u dokumentarji fuq l-operazzjonijiet ta' tqassim u proċessar, il-verifiki għandhom ikopru numru suffiċjentement rappreżentattiv ta' applikazzjonijiet ta' għajnuna u għandhom ikunu provduti ċerti penalitajiet għall-organizzazzjonijiet li jipproduċu u proċessuri li jiksru r-regolamenti, partikolarment billi jsiru dikjarazzjonijiet foloz, billi ma jitħarsux il-kondizzjonijiet tal-kuntratt jew bin-nuqqas li jkunu proċessati l-prodotti mqassma. (10) Il-miżuri provduti f'dan ir-Regolament għandhom jieħdu post dawk provduti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1196/97 tas-26 ta' Ġunju 1997 li jipprovdi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 rigward is-sistema ta' għajnuna għall-produzzjoni għal prodotti proċessati mill-frott u l-ħaxix [9], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2729/1999 [10]. Dak ir-Regolamenti għandu għalhekk jitħassar. (11) Il-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Frott u l-Ħaxix ma tax opinjoni fil-limitu ta' żmien stabbilit mill-President tiegħu, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: KAPITOLU I TIFSIRIET U SNIN TAL-BEJGĦ Artikolu 1 Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin: (a) "organizzazzjonijiet li jipproduċu" tfisser organizzazzjonijiet li jipproduċu kif imsemmija fl-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 u organizzazzjonijiet li jipproduċu mogħtija rikonoxximent preliminari taħt l-Artikolu 14 ta' dak ir-Regolament; (b) "assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet li jipproduċu" tfisser assoċjazzjonijiet kif msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96; (ċ) "produttur individwali" tfisser kull persuna naturali jew legali kif imsemmi fl-Artikoli 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 2202/96 li mhumiex ta' organizzazzjonijiet li jipproduċu u li jikbru fir-razzett tagħhom materja prima maħsuba għall-ipproċessar; (d) "proċessur" tfisser impriża ta' proċessar li topera, għall-iskopijiet ekonomiċi u fuq responsabbiltà tagħha, impjant wieħed jew iżjed b'faċilitajiet għall-manifattura wieħed jew iżjed prodotti elenkati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 22002/1996. Artikolu 2 1. Is-snin tal-bejgħ fit-tifsira ta' l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2202/96 (1) għandhom jibdew: (a) mill-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Settembru fil-każ ta': - larinġ ħelu: - mandolin, klementini u satsumi, - grapefruit u pomeli; (b) mill-1 ta' Ġunju sal-31 ta' Mejju fil-każ tal-lumi. 2. Għajnuna lill-organizzazzjonijiet li jipproduċu li jqassmu mandolin, klementini u satsumi għandha tingħata biss fuq prodotti mqassma lill-industrija ta' l-ipproċessar fil-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Ġunju. 3. Għal sena determinata ta' bejgħ, il-"perjodu ekwivalenti" msemmi fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 2202/96 (1) għandu jibda: - mill-1 ta' Lulju tas-sena ta' qabel sat-30 ta' Ġunju tas-sena kurrenti fil-każ ta' larinġ, - mill-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Ġunju tas-sena ta' bejgħ kurrenti fil-każ ta' mandolin, klementini u stasumi, - mill-1 ta' Lulju tas-sena ta' bejgħ ta' qabel sat-30 ta' Ġunju tas-sena kurrenti fil-każ ta' grapefruit u larinġ, - mill-1 ta' Marzu tas-sena ta' bejgħ ta' qabel sat-28/29 ta' Frar tas-sena kurrenti fil-każ ta' lumi. KAPITOLU II KUNTRATTI Artikolu 3 1. Il-kuntratti msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 2202/96 li fuqu hija bażata l-iskema ta' għajnuna (minn hawn 'il quddiem msejħin bħala "kuntratti"), għandhom ikunu konklużi bil-miktub. Għandhom ikunu konklużi separatament għal kull prodott bażiku elenkat fl-Artikolu 1 ta' dak ir-Regolament u għandu jkollu numru ta' identifikazzjoni. Il-kuntratti jistgħu jieħdu waħda mill-forom li ġejjin: (a) kuntratt bejn organizzazzjoni li tipproduċi jew assoċjazzjoni ta' organizzazzjonijiet li jipproduċu, u proċessur, (b) impenn ta' provista, fejn l-organizzazzjoni li tipproduċi taħdem ukoll bħala proċessur. F'kull ħin u għal kull prodott bażiku elenkat fl-Artikolu tar-Regolament (KE) Nru 2202/96 kuntratt waħdieni ta' sena u/jew kuntratt waħdieni multiannwali jista' jkun fis-seħħ bejn organizzazzjoni li tipproduċi u proċessur. 2. Il-kuntratti għandhom ikopru: (a) is-sena kollha tal-bejgħ konċernata fil-każ ta' kuntratt ta' sena; (b) minn ta' l-inqas tliet snin ta' bejgħ fil-każ ta' kuntratti multi-annwali fit-tifsira ta' l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2202/96. Fil-każ ta' klementini, għandhom ikunu konklużi kuntratti separati għaż-żewġ użi possibbli: meraq jew biċċiet. 3. Kuntratti għandhom jispeċifikaw, partikolarment: (a) l-isem u l-indirizz ta' l-organizzazzjoni kontraenti li tipproduċi; (b) l-isem u l-indirizz tal-proċessur; (ċ) għandhom jinqasmu skond is-sena ta' bejgħ fil-każ ta' kuntratti multiannwali l-kwantitajiet ta' materji primi li għandhom jitqassmu għall-ipproċessar ta' din il-kwantità; (d) l-iskeda tat-tqassim lill-proċessuri; (e) impriża mill-proċessuri biex ikunu proċessati l-kwantitajiet mqassma taħt il-kuntratt konċernat; (f) il-prezz li għandu jitħallas lill-organizzazzjoni li tipproduċi għall-materji primi, li jistgħu jvarjaw b'varjetà u/jew kwalità u/jew perjodu ta' tqassim ta' perjodu ta' tliet xhur; dan il-prezz għandu jitħallas biss bil-bank jew bil-posta. Il-kuntratt għandu jindika wkoll l-istadju tat-tqassim li għalih japplika l-prezz u l-kondizzjonijiet tal-ħlas. Kull skadenza ta' ħlas ma tistax taqbeż 90 ġurnata mid-data ta' tqassim ta' kull konsenja; (g) il-kumpens li għandu jitħallas jekk xi parti tonqos milli twettaq l-obbligi kontrattwali tagħha, partikolarment rigward l-iskadenzi tal-ħlas u l-obbligu li jkun hemm it-tqassim u jkunu aċċettati l-kwantitajiet koperti bil-kuntratt. 4. Fil-każ ta' kuntratti ta' sena, il-prezz imsemmi fil-paragrafu 3(f) jista' jkun aġġustat, bi ftehim taż-żewġ partijiet, b'emendi bil-miktub imsemmija fl-Artikolu 5(2) hawn isfel u biss għal iżjed kwantitajiet addizzjonali ffissati minn dawn l-emendi. 5. Kuntratti multiannwali jistgħu jkopru kemm il-produzzjoni tal-membri u l-organizzazzjonijiet li jipproduċu li jiffirmaw il-kuntratt u l-produzzjoni tal-membri ta' organizzazzjonijiet li jipproduċu oħra fejn japplikaw it-tieni u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 11 (1)(ċ) (3) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96. 6. Biex jikkwalifikaw għall-għajnuna msemmija fit-Tabella 2 ta' l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 2202/96, kwantitajiet mqassma taħt kuntratti multiannwali għandhom ikunu ta' l-anqas 1000 tunnellata kull kuntratt, prodott u sena ta' bejgħ. 7. Fil-każ ta' kuntratti multiannwali, il-prezz msemmi fil-paragrafu 3(f) hawn fuq għal kull sena ta' bejgħ għandu jkun stabbilit meta l-kuntratt rilevanti jkun iffirmat. Iżda, il-prezz applikabbli għal sena ta' bejgħ determinata jista' jkun rivedut, bi ftehim taż-żewġ partijiet, b'emenda miktuba fil-kuntratt qabel l-1 ta' Lulju tas-sena ta' bejgħ konċernata fil-każ ta' lumi u qabel l-1 ta' Novembru tas-sena ta' bejgħ konċernata fil-każ ta' prodotti oħra. 8. L-Istati Membri jistgħu jadottaw disposizzjonijiet addizzjonali li jkopru kuntratti, partikolarment fir-rigward ta' kumpens pagabbli mill-proċessuri jew organizzazzjonijiet li jipproduċu li jonqsu li jwettqu l-obbligi kuntrattwali tagħhom. Artikolu 4 Fil-każ ta' impenn għall-provista fit-tifsira ta' l-Artikolu 3(1)(b), kuntratti li jkopru l-produzzjoni tal-membri ta' organizzazzjoni li tipproduċi konċernata għandhom jitqiesu li jkunu ġew konklużi wara d-dettalji li ġejjin jkunu ntbagħtu lill-awtorità kompetenti: (a) l-isem u l-indirizz ta' kull produttur u d-data ta' riferenza u l-arji tal-pakketti li fihom kull produttur jikkoltiva l-materja prima; (b) il-ħsad totali stmat; (ċ) il-kwantità maħsuba għall-ipproċessar, maqsumin b'tip ta' kuntratt; (d) l-iskeda tat-tqassim msemmija fl-Artikolu 3(3)(d); (e) impriża mill-organizzazzjoni li tipproduċi biex ikunu proċessati l-kwantitajiet mqassma taħt il-kuntratt konċernat. Din in-notifika għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti sa l-iskadenza msemmija fl-Artikolu 6. Artikolu 5 1. Il-kuntratti għandhom ikunu konklużi mhux aktar tard mill-: (a) 1 ta' Novembru fil-każ ta' larinġ, mandolin, klementini, satsumi, grapefruit u pomeli; (b) 1 ta' Lulju fil-każ ta' lumi. 2. Fil-każ ta' kuntratti ta' sena, il-kwantità tal-bidu provduta fil-kuntratt ta' l-ipproċessar imsemmija fl-Artikolu 3(3)(ċ) tista' tkun emendata bi ftehim taż-żewġ partijiet b'emenda waħda jew tnejn miktubin. Il-kwantità totali provduta fl-emendi ma tistax taqbeż 40 % tal-kwantità inizjali provduta fil-kuntratt. Fejn hemm żewġ emendi, ma jistgħux jirrelataw għal iżjed minn 20 % ta' kull kwantità tal-bidu msemmija. L-emendi għandhom jinkludu n-numru ta' l-identifikazzjoni tal-kuntratt li dwarhom jirrelataw. Il-kwantitajiet mqassma mill-membri l-ġodda msemmija fl-Artikolu 8 (5) għandhom ikunu inklużi fl-emendi. 3. Fil-każ ta' kuntratti multiannwali, il-kwantità tal-bidu provduta għal kull sena fit-tifsira ta' l-Artikolu 3(3)(ċ), tista' tkun emendata bil-miktub bil-ftehim taż-żewġ partiti. L-emenda għandha tinkludu n-numru ta' l-identifikazzjoni tal-kuntratt li dwarhom jirrelataw. L-emendi għandhom ikunu konklużi qabel l-1 ta' Lulju tas-sena konċernata fil-każ ta' lumi u qabel l-1 ta' Novembru tas-sena konċernata fil-każ tal-prodotti oħra. Il-kwantità li għandha titqassam kull sena kif provdut fl-emenda ma tistax taqbeż aktar minn 40 % tal-kwantità provduta fil-bidu fil-kuntratt għas-sena determinata. Artikolu 6 1. L-organizzazzjonijiet li jipproduċu li jiffirmaw il-kuntratti għandhom jibagħtu kopja ta' kull kuntratt u kull emenda għalih lill-korp maħtur mill-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni tagħhom u, jekk xieraq, lill-korp maħtur mill-Istat Membru fejn l-ipproċessar għandu jsir. Dawn il-kopji għandhom jaslu għand l-awtoritajiet kompetenti mhux aktar tard minn 10 ijiem wara l-konklużjoni tal-kuntratt jew emenda għalih u mhux anqas minn ħamest ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tat-tqassim. Il-kwantità totali koperti mill-kuntratti kollha iffirmati minn organizzazzjoni li tipproduċi partikolari ma tistax teċċedi, għal kull prodott, il-kwantità maħsuba għall-ipproċessar indikat minn dik l-organizzazzjoni li tipproduċi taħt l-Artikolu 4(ċ) u l-Artikolu 8(1)(ċ). 2. F'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw kuntratti u emendi għalihom li jaslu għand l-awtoritajiet tagħhom wara l-limitu ta' żmien provdut fil-paragrafu 1, sakemm dik il-wasla tard ma ttellifx il-verifiki tagħhom. KAPITOLU III INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TINGĦATA Artikolu 7 1. Organizzazzjonijiet li jixtiequ jipparteċipaw fl-iskema ta' għajnuna provduta fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2202/96 u l-proċessuri li jixtiequ jiffirmaw kuntratti ma' dawk l-organizzazzjonijiet li jipproduċu għandhom jinfurmaw b'hekk il-korp maħtur mill-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni tagħhom u, jekk xieraq, il-korp maħtur mill-Istat Membru fejn isir l-ipproċessar, mhux aktar tard minn 30 jum qabel il-bidu tas-sena tal-bejgħ. Għandhom jikkomunikaw f'dan iż-żmien l-informazzjoni meħtieġa mill-Istat Membru konċernat biex titmexxa u tkun spezzjonata l-iskema ta' l-għajnuna. L-informazzjoni għandha tinkludi l-estrazzjoni ta' kull siegħa, il-pastorizzazzjoni u l-kapaċità ta' konċentrazzjoni ta' kull impjant ta' proċessar. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu li dik l-informazzjoni għandha: (a) tkun notifikata minn organizzazzjonijiet li jipproduċu ġodda biss, jew proċessuri ġodda, jekk l-informazzjoni meħtieġa għall-oħrajn hija faċilment disponibbli. (b) tkopri sena waħda ta' bejgħ, diversi snin ta' bejgħ jew perjodu mhux limitat. 2. Ta' l-anqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel il-bidu tat-tqassim jew l-ipproċessar kull sena ta' bejgħ, l-organizzazzjonijiet li jipproduċu u l-proċessuri għandhom jinnotifikaw l-awtoritajiet kompetenti tal-ġimgħa meta għandhom jibdew it-tqassim u l-ipproċessar. Organizzazzjonijiet li jipproduċu u proċessuri għandhom jitqiesu li qdew dan l-obbligu fejn jipprovdu prova li bagħtu din l-informazzjoni ta' l-anqas tmint ijiem tax-xogħol qabel l-iskadenza. 3. F'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw notifiki mill-organizzazzjonijiet li jipproduċu u proċessuri wara l-iskadenza provduta fil-paragrafu 2. Iżda, l-ebda għajnuna m'għandha tingħata f'dawn il-każijiet lill-organizzazzjonijiet li jipproduċu jew proċessuri għall-kwantitajiet mqassma diġà jew waqt it-tqassim sakemm il-verifiki meħtieġa biex tkun stabbilita l-eliġibbiltà għall-għajnuna jistgħu jsiru għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet kompetenti. Artikolu 8 1. L-organizzazzjoni li tipproduċi li tiffirma l-kuntratti għandha tibgħat lill-korp maħtur mill-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni l-informazzjoni li ġejja, skond il-prodott: (a) l-isem u l-indirizz ta' kull produttur kopert bil-kuntratti u d-data tar-referenza u l-arji tal-pakketti fejn kull produttur jikkoltiva l-materji prima; (b) il-ħsad totali stmat; (ċ) il-kwantità maħsuba għall-ipproċessar; (d) ir-rendimenti medji ta' l-organizzazzjoni li tipproduċi kull ettaru u l-perċentwali medji ta' din il-kwantità mibgħuta għall-ipproċessar matul is-sentejn ta' bejgħ ta' qabel. 2. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun provduta mill-organizzazzjonijiet li jipproduċu jew produtturi individwali konċernati lill-organizzazzjoni li tipproduċi li tiffirma l-kuntratt, li għandha tibgħatha lill-korp maħtur mill-Istat Membru, fejn l-organizzazzjoni li tipproduċi tifforma l-kuntratt: (a) kwantitajiet tas-swieq intiżi għall-ipproċessar prodotti minn membri ta' organizzazzjonijiet li jipproduċu oħra taħt it-tieni u t-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 11(1)(ċ)(3) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96; u/jew (b) passijiet fuq il-benefiċċju ta' skema ta' għajnuna lill-produtturi individwali taħt l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 2202/96; 3. Biex jikkwalifikaw għall-għajnuniet, l-organizzazzjonijiet li jipproduċu u l-produtturi individwali kif msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiffirmaw ftehim ma' l-organizzazzjoni li tipproduċi li tiffirma l-kuntratt. Dawn il-ftehim għandhom ikopru l-produzzjoni kollha tal-frott taċ-ċitru mqassma għall-ipproċessar mill-imsemmija organizzazzjonijiet li jipproduċu u produtturi individwali konċernati u għandhom jispeċifikaw ta' l-anqas li ġej: (a) in-numru tas-snin tas-suq koperti bil-ftehim; (b) il-kwantitajiet li għandhom jitqassmu għall-ipproċessar, maqsuma bil-produttur u bil-prodott u bbażati fuq skeda ta' tqassim kif msemmija fl-Artikolu 3(3)(d); (ċ) il-konsegwenzi u n-nuqqas ta' konformità mal-ftehim. L-Istati Membri jistgħu jadottaw disposizzjonijiet addizzjonali li jkopru ftehim msemmi fl-ewwel subparagrafu, partikolarment fir-rigward ta' kumpens pagabbli mill-organizzazzjonijiet li jipproduċu jew produtturi individwali li jonqsu li jwettqu l-obbligi kuntrattwali tagħhom. 4. L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, flimkien ma' kopja tal-ftehim msemmija fil-paragrafu 3 għandha tintbagħat lill-korp imsemmi fil-paragrafu 1 fi żmien 30 ġurnata tal-bidu tas-sena tal-bejgħ konċernat. 5. Fejn produttur jingħaqad ma' organizzazzjoni li tipproduċi wara d-dati msemmija fil-paragrafu 4, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 u, fejn xieraq, il-ftehim msemmija fil-paragrafu 3 li jirrelata lil dan il-membru ġdid għandhom jintbagħtu lill-korp msemmi fil-paragrafu 1 mhux aktar tard minn 30 jum mid-data meta s-sħubija tiegħu tidħol fis-seħħ. 6. Għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 4 (a) u l-paragrafu 1(a) ta' dan l-Artikolu: - is-sistema ta' identifikazzjoni tal-pakkett għandu jkun dak użat għas-sistema integrata msemmija fl-Artikolu 4 (6) tar-Regolament (KEE) Nru 3508/92, L-arji għandhom ikunu dikjarati f'ettari sa żewġ postijiet deċimali. L-Artikolu 6(7) tar-Regolament (KEE) Nru 3887/92 għandu japplika għall-iskop li tkun determinata l-arja tal-pakketti matul verifiki fuq il-post kif provdut fl-Artikolu 19(1)(a), - l-isem u l-indirizz ta' kull produttur jista' jkun mibdul b'kull informazzjoni oħra meħtieġa mil-leġislazzjoni nazzjonali biex jitħalla jkun determinat il-produttur b'mod inekwivoku għas-sodisfazzjon ta' l-awtoritajiet kompetenti. KAPITOLU IV MATERJI PRIMI Artikolu 9 Prodotti mqassma mill-organizzazzjonijiet li jipproduċu lill-proċessuri taħt kuntratt għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet minimi provduti fl-Anness ta' hawnhekk. Artikolu 10 1. Mhux aktar tard mit-18.00 fil-jum tax-xogħol ta' qabel, l-organizzazzjoni li tipproduċi għandha tinnotifika kull tqassim lill-korp maħtur mill-Istati Membri fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni tiegħu u, fejn applikabbli, lill-korp maħtur mill-Istat Membru fejn isir l-ipproċessar. In-notifika għandha tinkludi l-kwantità li għandha titqassam, identifikazzjoni preċiża tal-mezzi tat-trasport użati u n-numru ta' identifikazzjoni tal-kuntratt dwar it-tqassim konċernat. Għandha tintbagħat elettronikament jew permezz ta' kompjuter u l-korp li lilu hija indirizzata għandha żżomm rekord tagħha għal ta' l-anqas tliet snin. Il-korp kompetenti jista' jitlob kull informazzjoni addizzjonali li jikkonsidra meħtieġa għall-verifika fiżika fuq it-tqassim. Jekk id-data fl-ewwel subparagrafu tkun emendata wara li jkunu ġew notifikati, id-data emendata għandha tkun notifikata bl-istess mod bħan-notifika inizjali, qabel ma jibda t-tqassim. In-notifika inizjali tista' tkun emendata darba biss. 2. Ċertifikat ta' tqassim għandu jinħareġ għal kull lott ta' prodott mqassam taħt kuntratt u aċċettat għall-ipproċessar fl-impjant ta' l-ipproċesar, li jispeċifika: (a) id-data u l-ħin tal-ħatt; (b) l-identifikazzjoni preċiża tal-mezzi tat-trasport użati; (ċ) in-numru ta' identifikazzjoni tal-kuntratt li dwaru għandha x'taqsam il-konsenja. (d) il-piż gross u l-piż nett; (e) fejn applikabbli, ir-rata ta' riduzzjoni kalkulata fuq il-bażi tal-kriterji ta' kwalità minima provduti fl-Anness. Ċertifikat ta' konsenja għandu jkun preparat f'erba' kopji. Għandhom ikunu ffirmati mill-proċessur jew ir-rappreżentant tiegħu u mill-organizzazzjoni li tipproduċi jew ir-rappreżentant tagħha. Il-firem għandhom ikunu ppreċeduti bi kliem miktub bl-id "Miftiehem minn". Kull ċertifikat għandu jkollu numru ta' indentifikazzjoni. Proċessuri u organizzazzjonijiet li jipproduċi għandhom iżommu t-tnejn kopja taċ-ċertifikati tal-konsenja. Għall-iskopijiet ta' spezzjoni, l-organizzazzjoni li tipproduċi għandha tibgħat kopja lill-korpi msemmija fil-paragrafu 1 mhux aktar tard mill-ħames jum tax-xogħol wara l-ġimgħa ta' konsenja. 3. Fejn il-lott kollu jew parti minnu ikun tal-produtturi msemmija fl-Artikolu 8(2)(a) jew (b), l-organizzazzjoni li tipproduċi kontraenti għandha tibgħat kopja taċ-ċertifikat provdut fil-paragrafu 2 lil kull organizzazzjoni li tipproduċi u lill-produttur individwali konċernat. 4. Għal kull tliet xhur mill-bidu tas-sena tal-bejgħ, mhux aktar tard mill-għaxar ġurnata tax-xahar ta' wara l-organizzazzjoni li tipproduċi għandha tinnotifika l-korp maħtur mill-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni u, fejn xieraq, il-korp maħtur mill-Istat Membru fejn isir l-ipproċessar, bil-kwantitajiet imqassma, bil-lott u bil-prodott. Kwantitajiet imqassma taħt il-kuntratt għandhom jinqasmu b'kuntratt u fuq il-bażi ta' l-ammont ta' l-għajnuna korrispondenti. 5. Id-dokumenti meħtieġa taħt il-liġi nazzjonali jistgħu jintużaw għall-għanijiet ta' dan l-Artikolu, iżda għandu jkollhom l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 2. Artikolu 11 1. Għal kull tliet xhur mill-bidu tas-sena tal-bejgħ, mhux aktar tard mill-għaxar ġurnata tax-xahar ta' wara l-proċessuri li jikkonkludu kuntratti ma' l-organizzazzjonijiet li jipproduċu għandu jibgħat lill-korp maħtur mill-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni ta' l-organizzazzjoni li tipproduċi u, fejn xieraq, il-korp maħtur mill-Istat Membru fejn isir l-ipproċessar, l-informazzjoni li ġejja, maqsuma skond il-prodott. (a) il-kwantità tal-prodott riċevut għal kull lott u għal kull kuntratt konċernat u l-kwantità ta' prodotti riċevuti 'l barra minn dawn il-kuntratti; (b) il-kwantitajiet ta' meraq miksub, maqsum skond il-konċentrazzjoni Brix, li tispeċifika l-kwantitajiet miksuba mil-lottijiet mqassma taħt kuntratt; (ċ) il-piż medju tar-rendiment f'meraq mill-materji primi u l-konċentrazzjoni Brix ta' dan il-meraq; (d) il-kwantitajiet ta' biċċiet miksubin, li jkun speċifikat il-kwantitajiet miksuba mil-lottijiet mqassma taħt il-kuntratt. Il-kwantitajiet għandhom ikunu espressi bħala piż nett. In-notifiki għandhom ikunu ffirmati mill-proċessur, li għandu jiċċertifika l-preċiżjoni tagħhom billi jagħmel hekk. 2. Fi żmien 45 ġurnata mit-tlestija ta' l-operazzjonijiet ta' l-ipproċessar għas-sena tas-suq, il-proċessuri għandhom jinnotifikaw il-korp msemmi fil-paragrafu 1 ta' li ġej fir-rigward ta' kull prodott: (a) il-kwantitajiet riċevuti, maqsumin skond il-prodott finali li jirriżulta; (b) il-kwantitajiet riċevuti taħt kuntratt, maqsumin skond il-perjodu tat-tqassim u t-tip tal-kuntratt (ta' sena jew multiannwali); (ċ) il-kwantitajiet riċevuti taħt kuntratt, maqsumin bil-prodott riżultanti lest; (d) il-kwantità ta' prodotti lesti miksuba minn kull kwantità msemmija f'(a). Fil-każ ta' meraq, dawn il-kwantitajiet għandhom jitqassmu fuq il-bażi tal-konċentrazzjoni tagħhom Brix; (e) il-kwantità ta' prodotti lesti miksuba minn kull waħda mill-kwantitajiet msemmija f'(ċ). Fil-każ ta' meraq, dawn il-kwantitajiet għandhom jitqassmu fuq il-bażi tal-konċentrazzjoni tagħhom Brix; (f) il-kwantitajiet ta' kull prodott lest fl-istokk fit-tmiem ta' l-operazzjonijiet ta' l-ipproċessar għal dik is-sena tas-suq. Il-kwantitajiet għandhom ikunu espressi bħala piż nett. KAPITOLU V APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-GĦAJNUNA Artikolu 12 1. L-organizzazzjonijiet li jipproduċu għandhom jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom għall-għajnuna, għal kull prodott u għal kull sena ta' bejgħ, lill-korp maħtur mill-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni tagħhom. Dawn l-applikazzjonijiet ta' għajnuna għandhom ikunu sottomessi: (a) għall-kwantitajiet aċċettati għall-ipproċessar matul l-ewwel nofs tas-sena tas-suq, mhux aktar tard minn: - 31 ta' Diċembru fil-każ ta' lumi, - 30 ta' April fil-każ ta' prodotti oħra; (b) għall-kwantitajiet aċċettati għall-ipproċessar matul it-tieni nofs tas-sena tas-suq, bl-eċċezzjoni tal-mandolin u l-klementini, mhux aktar tard minn: - 30 ta' Ġunju tas-sena tas-suq ta' wara fil-każ ta' lumi. - 31 ta' Ottubru tas-sena tas-suq ta' wara fil-każ ta' larinġ, grapefruit u pomeli; (ċ) fil-każ ta' mandolini u klementini aċċettati għall-ipproċessar matul it-tielet tliet xhur tas-sena tas-suq, mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju. 2. F'każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw applikazzjonijiet għall-għajnuna wara l-iskadenzi provduti fil-paragrafu 1, sakemm dik ma jkollhiex effett ħażin fuq il-kontroll ta' l-iskema ta' l-għajnuna tal-produzzjoni. 3. Jekk l-applikazzjonijiet għall-għajnuna jintbagħtu wara l-iskadenzi provduti fil-paragrafu 1, l-għajnuna għandha titnaqqas b'1 % kuljum għad-dewmien. L-ebda għajnuna m'għandha tingħata jekk id-dewmien jaqbeż ħmistax-il ġurnata. Dawn id-disposizzjonijiet m'għandhomx ikunu applikabbli fejn il-paragrafu 2 huwa applikat: 4. Fil-każ ta' klementini, għandhom ikunu preparati applikazzjonijiet għall-għajnuna għaż-żewġ użi possibbli: meraq jew biċċiet. Artikolu 13 1. Kull applikazzjoni għall-għajnuna kif msemmija fl-Artikolu 12 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja: (a) l-isem u l-indirizz ta' l-organizzazzjoni li tipproduċi; (b) il-kwantità koperta bl-applikazzjoni għall-għajnuna. Dik il-kwantità, maqsuma bil-kuntratt u fuq il-bażi ta' l-ammont korrispondenti ta' għajnuna, ma tistax taqbeż il-kwantità aċċettata għall-ipproċessar, wara t-tnaqqis ta' kull rata mnaqqsa applikata; (ċ) il-prezz medju tal-bejgħ għall-kwantità mqassma taħt kuntratt; (d) il-kwantità mqassma matul l-istess perjodu li ma jkunx taħt kuntratt, u l-prezz medju tal-bejgħ. 2. L-għajnuna għandha titħallas mill-korp kompetenti fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni li tipproduċi li tiffirma l-kuntratt għandha l-uffiċċju ewlieni tagħha hekk kif dak il-korp ikun għamel il-verifiki provduti fl-Artikolu 19(1)(a) u jkun verifikat li l-applikazzjoni għall-għajnuna taqbel maċ-ċertifikati tat-tqassim msemmija fl-Artikolu 10(2) għall-prodott konċernat. Fejn l-ipproċessar jsir fi Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru għandu jipprovdi l-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju ewlieni ta' l-organizzazzjoni li tipproduċi li tiffirma l-kuntratt bi prova li l-prodott kien fil-fatt tqassam u aċċettat għall-ipproċessar. M'għandiex tingħata għajnuna jekk il-prova msemmija fis-subparagrafu ta' qabel ma tinġiebx, u lanqas m'għandha l-għajnuna tingħata fuq kwantitajiet li fir-rigward tagħhom il-verifiki msemmija fl-ewwel subparagrafu ma jkunux saru. Artikolu 14 L-għajnuna għandha titħallas lill-organizzazzjonijiet li jipproduċu: (a) għall-kwantitajiet aċċettati għall-ipproċessar matul l-ewwel nofs tas-sena tas-suq, mhux aktar tard minn: - 28 jew 29 ta' Frar fil-każ ta' lumi, - 30 ta' Ġunju fil-każ ta' prodotti oħra; (b) għall-kwantitajiet aċċettati għall-ipproċessar matul it-tieni nofs tas-sena tas-suq, bl-eċċezzjoni tal-mandolin u l-klementini, mhux aktar tard minn: - 31 ta' Awwissu tas-sena tas-suq ta' wara fil-każ ta' lumi, - 31 ta' Diċembru tas-sena tas-suq ta' wara fil-każ ta' larinġ, grapefruit u pomeli; (ċ) fil-każ ta' mandolin u klementini aċċettati għall-ipproċessar matul it-tielet tliet xhur tas-sena tas-suq, mhux aktar tard mit-30 ta' Settembru. Artikolu 15 Fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara li tkun irċevuta l-għajnuna, l-organizzazzjoni li tipproduċi għandha tħallas fl-intjier l-ammonti riċevuti, b'trasferiment bankarju jew postali, lill-membri tagħha u, fejn xieraq, lill-produtturi msemmija fl-Artikolu 8(2)(a) u (b). Fil-każijiet koperti mill-Artikolu 3(1)(b), jista' jsir ħlas bil-ftuħ ta' linja ta' kreditu. Fejn organizzazzjoni li tipproduċi hija kollha kemm hi jew parzjalment magħmula minn membri li huma nfushom organizzazzjonijiet b'personalità legali magħmula minn produtturi, ħlasijiet kif provduti fl-ewwel subparagrafu għandhom isiru minn dawk l-organizzazzjonijiet membri lill-produtturi fi żmien 15-il jum tax-xogħol. KAPITOLU VI VERIFIKI U PENALITAJIET Artikolu 16 1. Mingħajr preġudizzju għat-Titolu VI tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa: (a) biex jiżguraw li dan ir-Regolament huwa mħares; (b) biex jipprevjenu u jipprosegwixxu irregolaritajiet u japplikaw il-penalitajiet provduti f'dan ir-Regolament; (ċ) biex jirkupraw somom mitlufa bħala riżultat ta' irregolaritajiet jew traskuraġni; (d) biex jivverifikaw ir-rekords provduti fl-Artikoli 17 u 18, u jiżguraw li jaqblu mal-kontabilità meħtiega mill-organizzazzjonijiet li jipproduċu u l-proċessuri taħt il-liġi nazzjonali; (e) biex iwettqu verifiki mingħajr ma jitħabbru kif imsemmi fl-Artikolu 19 matul il-perjodi xierqa. 2. L-Istati Membri għandhom jipprogrammaw il-verifiki li jaqblu fuq il-bażi ta' analiżi ta' riskju li jikkonsidra, fost oħrajn: (a) ir-riżultanzi tal-verifiki magħmula fi snin qabel; (b) żviluppi mis-sena ta' qabel; (ċ) ir-rendiment tal-materja prima skond iż-żona ta' produzzjoni omoġenea; (d) ir-rapport tal-kwantitajiet imqassma mal-ħsad totali stmat; (e) ir-rendiment tal-materja prima fil-każ ta' prodott lest. Il-kriterji ta' l-analiżi tar-riskju għandu jkun aġġornat regolarment. 3. Fejn jinstabu irregolaritajiet jew anomaliji, l-Istati Membri għandhom iżidu l-frekwenza u l-perċentwal tal-verifiki kif imsemmi fl-Artikolu 19, waqt li titqies is-serjetà tar-riżultanzi. Artikolu 17 1. Organizzazzjonijiet li jipproduċu li jqassmu l-prodotti għall-ipproċessar għandhom iżommu rekord ta' kull prodott mqassam. Dawn ir-rekords għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja: (a) fil-każ ta' kwantitajiet mqassma taħt kuntratti multiannwali: (i) il-lottijiet mqassma kuljum, u n-numru ta' identifikazzjoni tal-kuntratt li dwarhom jirrelataw; (ii) il-piż nett ta' kull lott imqassam u aċċettat għall-ipproċessar, ħlief għal xi tnaqqis, u n-numru ta' l-identifikazzjoni taċ-ċertifikat tat-tqassim rilevanti; (b) fil-każ ta' kwantitajiet imqassma taħt kuntratti ta' sena: (i) il-lottijiet mqassma kuljum, u n-numru ta' identifikazzjoni tal-kuntratt li dwarhom jirrelataw; (ii) il-piż nett ta' kull lott mqassam u aċċettat għall-ipproċessar, ħlief għal xi tnaqqis, u n-numru ta' l-identifikazzjoni taċ-ċertifikat tat-tqassim rilevanti; (iii) il-kwantità totali mqassma kuljum, maqsuma fuq il-bażi ta' l-għajnuna applikabbli; (ċ) fil-każ ta' kwantitajiet imqassma ħlief għal dawk taħt il-kuntratt: (i) il-lottijiet mqassma kuljum, u l-isem u l-indirizz tal-proċessur; (ii) il-piż nett ta' kull lott mqassam u aċċettat għall-ipproċessar. 2. Organizzazzjonijiet li jipproduċu u l-produtturi msemmija fl-Artikolu 8(2) għandhom iżommu disponibbli għall-awtoritajiet ta' spezzjoni nazzjonali l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-verifika ta' konformità ma' dan ir-Regolament. Fil-każ ta' kull prodott bażiku, dik l-informazzjoni għandha tagħmilha possibbli li jkun stabbilit, għal kull produttur kopert b'kuntratt, jekk l-arji, il-ħsad totali, il-kwantitajiet totali mqassma lill-organizzazzjonijiet li jipproduċu u l-kwantitajiet mqassma għat-tqabbil ta' l-ipproċessar mal-ħlas ta' għajnuna. Organizzazzjonijiet li jipproduċu u l-produtturi msemmija fl-Artikolu 8(2) għandhom jissottomettu għall-ispezzjonijiet u l-verifiki kollha meqjusa meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti u għandhom iżommu r-rekords addizzjonali meħtieġa minn dawk l-awtoritajiet għall-iskopijiet tal-verifiki meqjusa meħtieġa. 3. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu x'materjal jew forma komputerizzata għandhom jieħdu r-rekords maħsuba fil-paragrafi 1 u 2. Ir-rekords jew id-dokumenti ta' kontabilità meħtieġa taħt il-liġi nazzjonali jistgħu jintużaw għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu, iżda għandu jkollhom l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1. Artikolu 18 1. Proċessuri għandhom iżommu rekord ta' kull prodott mixtri. Dawn ir-rekords għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja: (a) fil-każ ta' kwantitajiet mixtrija mill-organizzazzjonijiet li jipproduċu taħt kuntratt: (i) il-lottijiet riċevuti kuljum, u n-numru ta' l-identifikazzjoni tal-kuntratt li dwarhom jirrelataw; (ii) il-piż nett ta' kull lott riċevut u aċċettat għall-ipproċessar, in-numru ta' l-identifikazzjoni taċ-ċertifikat tat-tqassim rilevanti u l-informazzjoni preċiża tal-mezzi tat-trasport użati; (b) fil-każ ta' kwantitajiet oħra mixtrija: (i) il-lottijiet riċevuti kuljum, u l-isem u l-indirizz tal-bejjiegħ; (ii) il-piż nett ta' kull lott riċevut; (ċ) il-kwantitajiet ta' meraq miksub kuljum, maqsum bil-konċentrazzjoni Brix, u jkunu speċifikati l-kwantitajiet miksuba mil-lottijiet mqassma taħt kuntratt; (d) il-kwantitajiet tal-biċċiet miksuba kuljum, u jkunu speċifikati miksuba għal-lottijiet taħt kuntratt; (e) il-kwantitajiet u l-prezzijiet tal-prodotti lesti mixtrija mill-proċessur kuljum, bl-isem u l-indirizz tal-bejjiegħ indikat. Fil-każ ta' meraq, dawn il-kwantitajiet għandhom jinqasmu fuq il-bażi tal-konċentrazzjoni Brix; (f) il-kwantitajiet u prezzijiet ta' kull prodott lest li jħalli l-istabbiliment ta' kuljum, u jingħataw l-isem u l-indirizz tal-konsenjat. Fil-każ tal-meraq, dawn il-kwantitajiet għandhom jinqasmu fuq il-bażi tal-konċentrazzjoni Brix; din l-informazzjoni tista' tkun rekordjata b'referenza għad-dokumenti ta' appoġġ miżmuma x'imkien ieħor, iżda għandhom ikollhom il-partikolaritajiet fuq imsemmija; (g) il-kwantitajiet ta' kull prodott lest fl-istokk fl-aħħar tas-sena tal-bejgħ. Fil-każ ta' meraq, dawn il-kwantitajiet għandhom jinqasmu fuq il-bażi tal-konċentrazzjoni Brix. Il-kwantitajiet għandhom ikunu espressi bħala piż nett. 2. Il-proċessuri għandhom iżommu prova tal-ħlas għall-materji primi taħt kuntratt jew emenda miktuba miegħu għal ħames snin mit-tmiem tas-sena tal-proċessar konċernat. Il-proċessuri għandhom iżommu wkoll prova ta' kull xiri jew bejgħ tal-meraq proċessat għal ħames snin. Il-proċessuri għandhom jaġġornaw kuljum ir-rekords tal-meraq u/jew biċċiet għal kull impjant. 3. Proċessuri għandhom jissottomettu ruħhom għall-ispezzjonijiet u verifiki mitqiesa meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti u għandhom iżommu r-rekords addizzjonali kollha meħtieġa minn dawk l-awtoritajiet għall-iskopijiet tal-verifiki mitqiesa meħtieġa. 4. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu x'materjal jew forma kompjuterizzata għandhom jieħdu r-rekords provduti fil-paragrafi 1 u 3. Ir-rekords jew id-dokumenti ta' kontabilità meħtieġa taħt il-liġi nazzjonali jistgħu jintużaw għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu, iżda għandu jkollhom l-informazzzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 1. Artikolu 19 1. Għal kull organizzazzjoni li tipproduċi, prodott lest u s-sena tas-suq: (a) għandhom jitwettqu verifiki fiżiċi fuq ta' l-anqas: - 5 % ta' l-arji msemmija fl-Artikoli 4 u 8(1) u (2), - 20 % tal-kwantitajiet imqassma għall-ipproċessar taħt kull kuntratt, biex ikun verifikat li jaqblu maċ-ċertifikati tat-tqassim msemmija fl-Artikolu 10(2) u jħarsu l-ħtiġiet minimi ta' kwalità msemmija fl-Artikolu 9; (b) verifiki amministrattivi u ta' kontabilità għandhom isiru ta' lanqas fuq: - 5 % tal-produtturi koperti b'kuntratti, biex ikun verifikat partikolarment li għal kull produttur l-arji, il-ħsad totali, il-kwantità mqassma lill-organizzazzjoni li tipproduċi u l-kwantità mqassma għall-ipproċessar kollha jaqblu mal-ħlasijiet ta' l-għajnuna provduti fl-Artikolu 15, - 10 % tal-ftehim imsemmija fl-Artikolu 8(3); (ċ) verifiki amministrattivi u ta' kontabilità għandhom isiru biex ikun verifikat li l-kwantitajiet ta' prodotti mqassma lill-organizzazzjoni li tipproduċi mill-produtturi msemmija fl-Artikolu 8(1) u (2), il-kwantitajiet imqassma għall-ipproċessar, iċ-ċertifikati tat-tqassim imsemmija fl-Artikolu 10, u l-kwantitajiet imsemmija fl-applikazzjonijiet għall-għajnuna kollha jaqblu ma' l-għajnuna taħt l-Artikolu 15; (d) verifiki amministrattivi għandhom jitwettqu fuq l-applikazzjonijiet għall-għajnuna kollha kif imsemmi fl-Artikolu 12. 2. Għal kull proċessur, impjant, prodott riċevut u sena tal-bejgħ: (a) għandhom jitwettqu verifiki fiżiċi fuq ta' l-anqas: - 10 % tal-prodotti lesti miksuba, biex ikun verifikat ir-rendiment tal-materja prima taħt il-kuntratt u xort'oħra; (b) verifiki amministrattivi u ta' kontabilità għandhom isiru ta' lanqas fuq: - 5 % tal-lottijiet riċevuti taħt kull tip ta' kuntratt (ta' sena jew multi-annwali); għandhom jinvolvu r-rabta reali ma' kuntratt, iċ-ċertifikati ta' tqassim imsemmiija fl-Artikolu 10(2), l-identifikazzjoni preċiża tal-mezzi tat-trasport użati u t-tħaris tal-ħtiġiet minimi provduti fl-Artikolu 9, - 10 % tat-trasferimenti tal-prezz imsemmija fl-Artikolu 3(3)(f); (ċ) verifiki fiżiċi u ta' kontabilità għandhom isiru fuq stokkijiet, u, ta' lanqas darbtejn fis-sena, għandhom ikopru l-istokkijiet kollha ta' prodotti lesti biex jiżguraw li jaqblu mal-prodotti lesti manifatturati, mixtrija u mibjugħa. Kif ukoll, verifiki għat-tqabbil għandhom isiru biex jiżguraw li: (a) il-fatturi tax-xiri u tal-bejgħ għall-meraq jaqbel; u (b) il-kwantitajiet ta' materji prima riċevuti mill-industrija, il-kwantitajiet ta' meraq prodott, il-kwantitajiet ta' meraq mixtri u l-kwantitajiet ta' meraq mibjugħ jew fl-istokk, Artikolu 20 1. Fejn ikun żgurat, għal prodott partikolari, li l-għajnuna li tkun intalbet fir-rigward ta' sena tal-bejgħ partikolari taqbeż l-ammont dovut, allura l-ammont għandu jkun imnaqqas, kemm-il darba d-differenza ma tkunx minħabba żball ċar. It-tnaqqis għandu jkun daqs id-differenza. Jekk l-għajnuna tkun diġà tħallset, il-benefiċjarju għandu jħallas lura darbtejn id-differenza, kif ukoll l-imgħax kalkulat fuq iż-żmien li jgħaddi bejn il-pagament u r-rimborż mill-benefiċjarju. Ir-rata ta' l-imgħax għandha tkun dik applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta' rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikat fis-serje Ċ tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, fis-seħħ fid-data ta' ħlas mhux dovut, flimkien ma tliet punti tal-perċentwal. 2. Jekk id-differenza msemmija fil-paragrafu 1 hija ta' iżjed minn 20 %, il-benefiċjarju għandu jitlef l-intitolament kollu għall-għajnuna u, jekk l-għajnuna kienet diġà mħallsa, jirrimborża l-għajnuna kollha, flimkien ma' l-imgħax kalkulat skond il-paragrafu 1. Jekk id-differenza hija ta' aktar minn 30 %, l-organizzazzjoni li tipproduċi għandha tkun eskluża wkoll mill-iskema ta' l-għajnuna għall-prodott konċernat għat-tliet snin tal-bejgħ ta' wara. 3. L-ammonti rikoperti u l-imgħax fuqhom għandhom jitħallsu lill-aġenzija kompetenti tal-ħlas u mnaqqsa min-nefqa finanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija. 4. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-disposizzjonijiet fuq il-ħlasijiet ta' l-għajnuna jkunu mħarsa, skond l-Artikolu 15. Għandhom jipprovdu partikolarment għall-penalitajiet proporzjonati mas-serjetà ta' xi irregolarità li għandha tkun imposta fuq l-uffiċjali ta' l-organizzazzjoni li tipproduċi. 5. Ħlief fil-każ ta' forza maġġuri, jekk il-kwantità mqassma ta' prodott taħt il-kuntratt multiannwali għas-sena tas-suq tinstab li hija anqas mill-kwantità minima provduta fl-Artikolu 3(6), l-għajnuna korrispondenti għandha tkun ridotta b'50 % għas-sena tas-suq konċernata. Jekk l-għajnuna tkun diġà tħallset, il-benefiċjarju għandu jħallas lura d-differenza bejn l-għajnuna mħallsa u l-għajnuna dovuta, flimkien ma' l-imgħax kalkulat skond il-paragrafu 1. Jekk l-għajnuna tkun diġà tħallset, il-benefiċjarju għandu jħallas lura d-differenza bejn l-għajnuna mħallsa u l-għajnuna dovuta, flimkien ma' l-imgħax kalkulat skond il-paragrafu 1. Fejn tliet kuntratti multiannwali jew iżjed fl-istess ħin huma affettwati b'nuqqas li titqassam il-kwantità minima għal sena tas-suq, l-organizzazzjoni li tipproduċi konċernata għandha tiċċaħħad milli tiffirma kuntratti oħra multiannwali minn dakinhar li jkun notat dak in-nuqqas. L-Istat Membru għandu jiddetermina d-durata ta' din iċ-ċaħda bbażata fuq is-serjetà tan-nuqqas. Iċ-ċaħda għandha ddum għal minn lanqas sentejn tas-suq. L-ewwel subparagrafu għandu japplika għal kull kuntratt. 6. Ħlief fil-każijiet ta' forza maġġuri, jekk il-kwantitajiet aċċettati għall-ipproċessar matul sena tas-suq taħt kull kuntratt imsemmi fl-Artikolu 3(2)(a) u (b) jinstabu li huma anqas mill-kwantitajiet kuntrattati fir-rigward ta' dik is-sena tas-suq, inkluż kull emenda għaliha, l-għajnuna korrispondenti għandha titnaqqas bi: - 20 %, jekk id-diskrepanza bejn il-kwantitajiet aċċettati għall-ipproċessar u l-kwantitajiet kuntrattati hija daqs jew iżjed minn 20 % imma anqas minn 30 % tal-kwantitajiet kuntrattati, - 30 %, jekk id-diskrepanza bejn il-kwantitajiet aċċettati għall-ipproċessar u l-kwantitajiet kuntrattati hija daqs jew iżjed minn 30 % imma anqas minn 40 % tal-kwantitajiet kuntrattati, - 40 %, jekk id-diskrepanza bejn il-kwantitajiet aċċettati għall-ipproċessar u l-kwantitajiet kuntrattati hija daqs jew iżjed minn 40 % imma anqas minn 50 % tal-kwantitajiet kuntrattati, L-ebda għajnuna m'għandha tingħata jekk id-diskrepanza bejn il-kwantitajiet aċċettati għall-ipproċessar u l-kwantitajiet kuntrattati hija daqs jew iżjed minn 50 % tal-kwantitajiet kuntrattati. Jekk l-għajnuna tkun diġà tħallset, l-organizzazzjoni li tipproduċi għandha tħallas lura d-differenza bejn l-għajnuna mħallsa u l-għajnuna dovuta, kif ukoll l-imgħax kalkulat skond il-paragrafu 1. Fil-każ ta' kuntratti multiannwali, fejn huwa possibbli li jkunu applikati l-paragrafi 5 u 6 simultanjament, għandha tkun imposta l-ogħla penali. 7. Jekk jinstab li kuntratt ta' proċessar ikun ġie għal kollox jew parzjalment mħassar qabel it-tmiem tiegħu, l-organizzazzjoni li tipproduċi li ffirmat il-kuntratt għandha tħallas lura 40 % ta' l-għajnuna riċevuta taħt dak il-kuntratt, flimkien ma' l-imgħax kalkulat skond it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1. Kif ukoll, fil-każ ta' kuntratti multiannwali: - organizzazzjoni li tipproduċi li tkun ħassret kollha jew f'parti ta' żewġ kuntratti jew iżjed fl-istess sena tas-suq ma tkunx tista' tikkonkludi xi kuntratti multiannwali oħra taħt ir-Regolament (KE) Nru 2202/96 għal tliet snin tas-suq mid-data meta l-korp kompetenti fl-Istat Membru konċernat jinduna bit-tħassir, - ħlief fil-każ ta' falliment tal-proċessur, in-nuqqas li jkun imqassam prodott għal sena waħda minn tas-suq taħt kuntratt għandu jkun kunsidrat tħassir tal-kuntratt konċernat. 8. Jekk il-verifiki ta' l-arji msemmija fl-Artikolu 19(1)(a) juru diskrepanza bejn l-arja dikjarata u dik attwalment determinta, fil-livell ta' l-arja totali verifikata, l-għajnuna pagabbli lill-organizzazzjoni li tipproduċi għandha titnaqqas, kemm-il darba d-diskrepanza ma tkunx b'mod ċar minħabba żball: - bil-persentaġġ tad-diskrepanza stabbilita, jekk hija iżjed minn 5 % imma mhux iżjed minn 20 % ta' l-arja attwalment determinata, - b'30 % jekk id-diskrepanza hija iżjed minn 20 % ta' l-arja determinata. It-tnaqqis ta' l-għajnuna hekk ikkalkolata għandha titnaqqas bin-nofs fejn l-arja dikjarata hija anqas mill-arja determinata. 9. Fejn organizzazzjoni li tipproduċi tikkommetti irregolarità sussegwenti, l-Istat Membru għandu jirtira r-rikonoxximent ta' l-organizzazzjoni li tipproduċi, jew rikonoxximent preliminari fil-każ ta' produttur mogħti rikonoxximent preliminari. Artikolu 21 1. Ħlief fil-każijiet ta' forza maġġuri, fejn jinstab li l-kwantità sħiħa ta' prodott aċċettat għall-ipproċessar taħt kuntratt ma kienx ipproċessat f'wieħed mill-prodotti elenkat fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 2202/96, il-proċessur għandu jħallas ammont daqs id-doppju l-ammont ta' l-unità ta' l-għajnuna, immoltiplikat bil-kwantità tal-materja prima konċernata li ma kinetx proċessata, flimkien ma' l-imgħax kalkolat skond l-Artikolu 20(1). Kif ukoll, il-proċessur m’għandux jiffirma kuntratti ġodda; - għas-sena tas-suq wara s-sejba, jekk id-differenza msemmija fl-ewwel subparagrafu hija 10 % jew anqas, - għal sentejn tas-suq wara s-sejba, jekk id-differenza hija iżjed minn 10 % imma mhux aktar minn 20 %, - għal tliet snin tas-suq wara s-sejba jekk id-differenza hija ta' iżjed minn 20 %. 2. Kif ukoll, l-Istati Membri għandhom jeskludu l-proċessur mill-iskema ta' l-għajnuna provduta fir-Regolament (KE) Nru 2202/96: - fejn l-organizzazzjoni li tipproduċi tagħmel dikjarazzjonijiet foloz bil-kollaborazzjoni tal-proċessur, - fejn il-proċessur jonqos li jħallas il-prezz imsemmi fl-Artikolu 3(3)(f), - fejn il-proċessur jonqos li jħallas il-penalitajiet provduti fil-paragrafu 1. L-Istat Membru għandu jiddeċiedi fuq it-tul taż-żmien li fih il-proċessur ma jistax jieħu sehem fl-iskema ta' l-ipproċessar, wara li titqies is-serjetà tal-każ. 3. Ammonti rkuprati u l-imgħax dovut għandhom jitħallsu lill-aġenzija li tħallas kompetenti u mnaqqsa mill-ispiża finanzjata mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija. Artikolu 22 1. Għandha tkun żgurata li jitħarsu l-limiti nazzjonali u Komunitarji fuq il-bażi tal-kwantitajiet mqassma għall-ipproċessar taħt ir-Regolament (KE) Nru 2202/96 f'kull Stat Membru konċernat. 2. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-kooperazzjoni amministrattiva reċiproka biex ikun żgurat li dan ir-regolament huwa applikat sew. KAPITOLU VII NOTIFIKI LILL-KUMMISSJONI Artikolu 23 1. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni: (a) qabel il-bidu ta' kull sena tas-suq, jekk irrikorra għall-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 2202/96 u l-kwantitajiet ta' kull sub-limitu konċernat; (b) il-kwantità ta' kull prodott kontrattat fis-sena tas-suq kurrenti, maqsuma bit-tip tal-kuntratt: (i) mhux aktar tard mill-15 ta' Awissu fil-każ tal-lumi; (ii) mhux aktar tard mill-15 ta' Awissu fil-każ ta' prodotti oħra; (ċ) il-kwantità ta' kull prodott imqassma għall-ipproċessar taħt ir-Regolament (KE) Nru 2202/96 fil-perjodi msemmija fl-Artikolu 2(3): (i) mhux aktar tard mill-1 ta' April tas-sena tas-suq kurrenti fil-każ tal-lumi; (ii) mhux aktar tard mill-1 ta' Awissu tas-sena tas-suq kurrenti fil-każ ta' prodotti oħra. Fil-każ tal-klementini, din il-kwantità għandha tinqasam fi prodotti mqassma għall-ipproċessar f'biċċiet fuq naħa u f'meraq fuq l-oħra. 2. Mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar tas-sena tas-suq ta' wara, kull Stat Membru konċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni: (a) il-kwantitajiet ta' kull prodott riċevut mill-proċessuri, maqsumin mill-prodott lest li jirriżulta; (b) il-kwantitajiet ta' kull prodott riċevut mill-proċessuri taħt kuntratt, maqsumin bit-tip tal-kuntratt (sena jew multiannwali); (ċ) il-kwantitajiet ta' kull prodott riċevut mill-proċessuri taħt kuntratt, maqsum bil-prodott riżultanti lest; (d) il-kwantità ta' prodotti lesti miksuba minn kull kwantità msemmija f'(a). Fil-każ ta' meraq, dawn il-kwantitajiet għandhom jinqasmu fuq il-bażi tal-konċentrazzjoni Brix; (e) il-kwantità ta' prodotti lesti miksuba minn kull kwantità msemmija f'(ċ). Fil-każ ta' meraq, dawn il-kwantitajiet għandhom jinqasmu fuq il-bażi tal-konċentrazzjoni Brix; (f) il-kwantitajiet ta' kull prodott lest fl-istokk fl-aħħar ta' l-operazzjonijiet ta' l-ipproċessar għal dik is-sena tas-suq; (g) il-kwantitajiet ta' kull prodott kuntrattat u tqassim għat-tip tal-kuntratt (sena jew multiannwali); (h) il-kwantitajiet ta' kull prodott mqassam, maqsum fuq il-bażi ta' l-ammont ta' għajnuna korrispondenti; (i) l-ispiża, imfissra fil-valuta nazzjonali, fuq għajnuna mħallsa lill-organizzazzjonijiet li jipproduċu għal kull prodott. Il-kwantitajiet għandhom ikunu espressi bħala piż nett. 3. Mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar tas-sena tas-suq ta' wara, għandu jkun preparat għal kull prodott rapport fuq il-verifiki magħmula matul is-sena tas-suq ta' qabel, li jispeċifika n-numru tal-verifiki u r-riżultati, maqsuma b'tip tas-sejbien. KAPITOLU VIII DISPOSIZZJONIJIET TRANSITORJI U FINALI Artikolu 24 Minkejja l-Artikolu 8(6), għas-sena tas-suq 2001/02 referenzi għal biċċiet għandhom ikunu r-referenzi kadastali jew kull referenza oħra rikonoxxuta bħala ekwivalenti mill-korp ta' spezzjoni. Artikolu 25 Regolament (KEE) Nru 1169/97 huwa b'dan imħassar b'effett mit-tmiem tas-sena tas-suq 2000/01 għal kull prodott konċernat. Artikolu 26 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intjier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-30 ta' Mejju 2001. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 49. [2] ĠU L 311, tat-12.12.2002, p. 9. [3] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1. [4] ĠU L 129, tal-11.5.2001, p. 3. [5] ĠU L 355, tal-5.12.1992, p. 1. [6] ĠU L 72, tas-17.7.1999, p. 6. [7] ĠU L 391, tal-31.12.1992, p. 36. [8] ĠU L 314, ta' l-14.12.2000, p. 8. [9] ĠU L 169, tas-27.6.1997, p. 15. [10] ĠU L 328, tat-22.12.1999, p. 35. -------------------------------------------------- ANNESS ĦTIĠIET MINIMI MSEMMIJA FL-ARTIKOLU 9 Prodotti mqassma għall-ipproċessar għandhom: 1. ikunu sħaħ, ta' kwalità tajba, ġenwina u tajba għal bejgħ u xierqa għall-ipproċessar. Prodotti mqassma għall-ipproċessar għandhom: 2. konformità mal-valuri minimi li ġejjin: (a) Prodotti għall-ipproċessar f'meraq | Rendiment f'meraq | Gradi Brix | Larinġ | 30 % | 10° | Mandolin | 23 % | 9° | Klementini | 25 % | 10° | Grapefruit u pomeli | 22 % | 8° | Lumi | 20 % | 7° | (b) Prodotti għall-ipproċessar f'biċċiet | Rendiment f'meraq | Gradi Brix | Klementini | 33 % | 10° | Satsumi | 33 % | 10° | Għall-ipproċessar f'biċċiet, clementini u statsumi għandhom ikunu ta' lanqas 45mm fid-daqs. --------------------------------------------------