Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001D0697

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Settembru 2001 li tikkonċerna li l-klorfenapir ma tkunx inkluża f’Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/414/KEE (notifikata bin-numru tad-dokument Ċ(2001) 2617)Test b’ relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 249, 19.9.2001, p. 19–20 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2001/697/oj

    32001D0697



    Official Journal L 249 , 19/09/2001 P. 0019 - 0020


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tal-5 ta’ Settembru 2001

    li tikkonċerna li l-klorfenapir ma tkunx inkluża f’Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/414/KEE

    (notifikata bin-numru tad-dokument Ċ(2001) 2617)

    (Test b’ relevanza għaż-ŻEE)

    (2001/697/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar it-tpoġġija fis-suq ta’ prodotti li jipproteġu l-pjanti [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/49/KE [2], u partikolarment Artikolu 6(1) tagħha,

    Billi:

    (1) Skond Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE (minn hawn ’il quddiem msejħa d-Direttiva) Spanja rċeviet fis-7 ta’ Lulju 1995 applikazzjoni mingħand Cyanamid, (l-applikant) għall-inklużjoni tas-sustanza attiva il-klorfenapir f’Anness I għad-Direttiva.

    (2) Skond il-provedimenti ta’ Artikolu 6(3) tad-Direttiva il-Kummissjoni kkonfermat id-Deċiżjoni tagħha 96/521/KE [3] li l-inkartament sottomess għall-klorfenapir ma jistax ikun kunsidrat li jissodisfa, fil-prinċipju, il-kundizzjonijiet tad-data u ta’ l-informazzjoni t’Anness II u għal prodott li jipproteġi l-pjanti li fih din is-sustanza attiva, t’Anness III għad- Direttiva.

    (3) Skond Artikolu 5(1) tad-Direttiva, sustanza attiva għandha tkun inkluża f’Anness I għal perijodu ta’ mhux aktar minn 10 snin jekk ikun mistenni li la l-użu u lanqas ir-residwi ta’ prodotti li jipproteġu l-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva ma jkollhom ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tan-nies jew ta’ l-annimali jew l-ilma ta’ l-ispieri jew effett mhux aċċettabbli fuq l-ambjent.

    (4) Għall-klorfenapir, l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent ġew stmati, skond il-provvedimenti ta’ Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva, għall-użu propost mill-applikant. Spanja waqt li aġixxiet bħala Stat Membru nominat biex tħejji r-rapport, issottomettiet abbozz ta’ rapport ta’ valutazzjoni dwar is-sustanza lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Novembru 1998.

    (5) Meta rċeviet ir-rapport minn għand l-Istat Membru nominat biex iħejjih, il-Kummissjoni daħlet f’konsultazzjonijiet ma’ esperti ta’ l-Istati Membri kif ukoll ma’ l-applikant Cyanamid kif maħsub f’Artikolu 6(4) tad-Direttiva.

    (6) Ir-rapport ta’ valutazzjoni mħejji minn Spanja ġie eżaminat mill-Istati Membri u l-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti. Dan l-eżami kien finalizzat fis-27 ta’ April 2001 fil-format ta’ rapport ta’ eżami tal-Kummissjoni għall-Klorfenapir.

    (7) Valutazzjonijiet maħduma fuq il-bażi ta’ informazzjoni sottomessa qajmu aktar mistoqsijiet partikolarment dwar x’ isir minnha u kif taġixxi s-sustanza fl-ambjent.

    (8) L-applikant informa lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru nominat biex iħejji r-rapport li ma baqax jixtieq jieħu sehem fil-programm ta’ xogħol għal din is-sustanza attiva, u għalhekk xejn aktar informazzjoni mhu ser ikun sottomessa.

    (9) Għalhekk, mhuwiex possibbli li din is-sustanza attiva tkun inkluża f’Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE.

    (10) Perijodu ta’ konċessjoni għar-rimi, għal-ħażna, għat-tpoġġija fis-suq u l-użu tal-istokk eżistenti ta’ prodotti li jipproteġu l-pjanti li jkun fihom il-klorfenapir mhuwiex meħtieġ għax il-Belġju biss ta awtorizzazzjoni proviżorja għal din is-sustanza attiva. Il-Belġju indika li din l-awtorizzazzjoni issa skadiet u s-sustanza attiva ma kienet qatt effettivament għal bejgħ fil-Belġju.

    (11) Din id-Deċiżjoni ma tippreġudika l-ebda azzjoni li l-Kummissjoni tista’ tieħu aktar ’il quddiem għal din is-sustanza attiva fil-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 79/117/KEE [4].

    (12) Il-miżuri maħsuba f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-klorfenapir mhuwiex inkluż bħala sustanza attiva f’Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE.

    Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom jassiguraw li mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni preżenti l-ebda awtorizzazzjonijiet proviżorji għal prodotti li jipproteġu l-pjanti li jkun fihom il-klorfenapir ma jingħataw kif maħsub f’Artikolu 8(1) tad-Direttiva 91/414/KEE.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fil-5 ta’ Settembru 2001.

    Għall-Kummissjoni

    David Byrne

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1.

    [2] ĠU L 176, tad-29.6.2001, p. 61.

    [3] ĠU L 220, tat-30.8.1996, p. 21.

    [4] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 36.

    --------------------------------------------------

    Top