Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001D0163

    Id-Deċiżjoni Nru 163/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Jannar 2001 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' taħriġ għall-professjonisti fl-industrija tal-programmi awdjoviżwali Ewropea (MEDIA-Taħriġ) (2001-2005)

    ĠU L 26, 27.1.2001, p. 1–9 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2001/163(2)/oj

    32001D0163



    Official Journal L 026 , 27/01/2001 P. 0001 - 0009


    Id-Deċiżjoni Nru 163/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    tad-19 ta' Jannar 2001

    dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' taħriġ għall-professjonisti fl-industrija tal-programmi awdjoviżwali Ewropea (MEDIA-Taħriġ) (2001-2005)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 150(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara l-kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3]

    Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4],

    Billi:

    (1) Mis-6 sat-8 ta' April 1998, il-Kummissjoni, b'koperazzjoni mal-Presidenza attwali, żammet konferenza awdjoviżwali Ewropea dwar "Sfidi u opportunitajiet ta' l-era diġitali" f'Birmingham. Dan il-proċess ta' konsultazzjoni enfasizza l-ħtieġa għal programm imtejjeb ta' taħriġ fis-settur awdjoviżwali li kkonċentra fuq l-aspetti l-ġodda kollha ta' l-era diġitali. Il-Kunsill fit-28 ta' Mejju 1998 ħa nota tal-konklużżjonijiet finali ta' l-imsemmija konferenza u talab li skemi ġodda jiġu żviluppati biex jinkoraġġixxu industrija ta' programmi b'saħħitha u kompetittiva.

    (2) Ir-Rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Politika Awdjoviżwali tas-26 ta' Ottubru 1998, intitolat "L-Era Diġitali: Politika Awdjoviżwali Ewropea", ikkonkluda li, f'dan l-ambjent, it-taħriġ kemm inizjali u wkoll dak kontinwu fis-settur awdjoviżwali għandu jiġi msaħħaħ.

    (3) L-isfidi tal-produzzjoni, distribuzzjoni u disponibbilità ta' kontenut awdjoviżwali Ewropew kienu s-suġġetti prinċipali diskussi fil-Forum dwar il-Politika Awdjoviżwali intitolat "Kontenut Ewropew għall-millenju diġitali" organizzat f'Helsinki fl-10 u l-11 ta' Settembru 1999 mill-Presidienza attwali b'koperazzjoni mal-Kummissjoni.

    (4) Is-seminar "Taħriġ għall-millenju l-ġdid" miżmum mill-Presidenza attwali b'koperazzjoni mal-Kummissjoni f'Oporto fl-10 u l-11 ta' April 2000 enfasizza fil-konklużjonijiet tiegħu li sforzi fit-taħriġ huma meħtieġa biex jiffaċilitaw it-tkabbir u l-internazzjonalizzazzjoni mixtieqa ta' l-industrija awdjoviżwali Ewropea.

    (5) Fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata "Politika Awdjoviżwali: il-passi li jmiss", il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-impatt konsiderevoli fuq l-impiegi li l-era diġitali għandu jkollha fl-industrija awdjoviżwali.

    (6) Il-Green Paper dwar il-"Konverġenza tat-Telekomunikazzjonijiet, Midja u s-Setturi ta' l-Informazzjoni Teknoloġika, u l-Implikazzjonijiet għar-Regolament" irrikonoxxiet li l-emerġenza ta' servizzi ġodda għandha twassal għall-ħolqien ta' impiegi ġodda. L-adattament għas-swieq il-ġodda jeħtieġ persunal imħarreġ fl-użu ta' teknoloġiji ġodda. Il-konsultazzjoni pubblika tal-Kummissjoni dwar il-Green Paper ikkonfermat it-talba għal taħriġ vokazzjonali speċjalizzat adattat għall-ħtiġiet tas-suq.

    (7) Fil-Konklużżjonijiet tiegħu tas-27 ta' Settembru 1999 dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Green Paper [5], il-Kunsill talab lill-Kummissjoni biex tagħti kont ta' dawk ir-riżultati meta tħejji l-proposti għall-miżuri biex issaħħaħ is-settur awdjoviżwali Ewropew, inkluż is-settur tal-multimidja.

    (8) Il-Kunsill Ewropew li nżamm fil-Lussemburgu fl-20 u l-21 ta' Novembru 1997 irrikonoxxa li l-edukazzjoni kontinwa u t-taħriġ vokazzjonali jistgħu jagħtu kontribuzzjoni maġġuri lill-politika ta' l-impiegi fl-Istati Membri bil-ħsieb li tittejjeb l-adattabilità għall-impiegi, l-adattabilità u l-ispirtu ta' intrapriża, u l-promozzjoni ta' ugwaljanza ta' opportunijiet.

    (9) Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew miżmuma f'Lisbona fl-24 ta' Marzu 2000 ukoll enfasizzat l-importanza ta' taħriġ adattat, partikolarment fit-teknoloġiji ġodda wżati fis-soċjetà ta' l-informatika.

    (10) Fir-rapport tagħha lill-Kunsill Ewropew dwar l-opportuniajiet ta' l-impiegi fis-soċjetà ta' l-informatika, il-Kummissjoni nnotat li s-servizzi ġodda awdjoviżwali joffru potenzjal qawwi għall-ħolqien ta' l-impiegi.

    (11) Huwa għalhekk xieraq li jiġi faċilitat l-iżvilupp ta' investiment fl-industrija awdjoviżwali Ewropea u titlob lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' mpiegi ġodda b'mezzi varji.

    (12) Il-Kummissjoni implimentat "Programm ta' azzjoni biex jippromwovi l-iżvilupp ta' l-industrija awdjoviżwali Ewropea (MEDIA) (1991-1995)", adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/685/KEE [6] u li jikkomprendi, b'mod partikolari, appoġġ għall-attivitajiet ta' taħriġ biex jittejbu l-ħiliet professjonali ta' persuni li jaħdmu fl-industrija ta' programmi awdjoviżwali Ewropej.

    (13) L-istrateġija tal-Komunità għall-Iżvilupp u t-tisħiħ ta' l-industrija awdjoviżwali Ewropea kien konfermat taħt il-programm MEDIA II adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/563/KE [7], u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/564/KE [8]. Fuq il-bażi tal-kisbiet tal-programm MEDIA II imsemmi hawn fuq, il-kontinwazzjoni tiegħu għandha tiġi assigurata fid-dawl tar-riżultati miksuba.

    (14) Fir-rapport tagħha dwar ir-riżultati miksuba taħt il-programm MEDIA II (1996-2000), mill-1 ta' Jannar 1996 sat-30 ta' Ġunju 1998, il-Kummissjoni tikkonsidra li l-programm jilħaq il-prinċipji tas-sussidjarjetà tal-fondi tal-Komunità għall-fondi nazzjonali, minħabba li l-qasam ta' l-intervent tas-supplimenti tal-MEDIA II u r-rwol tradizzjonali predominanti ta' l-iskemi nazzjonali.

    (15) Il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-impatt pożittiv tal-programm MEDIA II dwar l-impiegi fl-industrija awdjoviżwali fil-Komunikazzjoni tagħha dwar il-Politika tal-Komunità b'Appoġġ għall-Impiegi.

    (16) Billi huwa meħtieġ li jingħata kont ta' l-aspetti kulturali tas-settur awdjoviżwali kif indikat fl-Artikolu 151(4) tat-Trattat, għandu jiġi assigurat li l-parteċipazzjoni f'dan l-programm tirrifletti d-diversità kulturali Ewropea.

    (17) Bil-ħsieb li jiġu nkoraġġiti proġett awdjoviżwali Ewropej, il-Kummissjoni għandha teżamina l-possibiltà ta' ffinanzjar komplementari minn strumenti oħra tal-Komunità, partikolarment taħt il-pjan ta' Azzjoni "e-Europe", bħal dawk koperti mill-Bank Ewropew ta' l-Investiment (EIB), il-Fond Ewropew ta' l-Investiment (EIF) kif ukoll il-Programm tal-Ħames Qafas tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni adottati bid-Deċiżjoni Nru 182/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [9]. Il-professjonisti fis-settur awdjoviżwali għandhom ikunu informati bit-tipi differenti ta' iffinanzjar disponibbli fil-livell tal-Komunità.

    (18) L-emerġenza ta' suq awdjoviżwali Ewropew titlob li l-ħiliet professjonali jiġu aġġustati għad-dimensjoni ġdida tas-suq, partikolarment fil-qasam ta' l-immaniġġar ekonomiku, finanzjarju u kummerċjali ta' proġetti awdjoviżwali u fl-użu ta' teknoloġiji ġodda fid-disinn, żvilupp, produzzjoni, distribuzzjoni, marketing u xandir tal-programmi.

    (19) Il-professjonisti għandhom jingħataw il-ħiliet professjonali li jippermettulhom li jibbenefikaw bis-sħiħ mid-dimensjoni Ewropea u internazzjonali tas-suq għall-programmi awdjoviżwali, u għandhom jiġu nkoraġġiti biex jiżviluppaw proġetti li jilħqu l-ħtiġiet ta' dak is-suq.

    (20) Enfasi partikolari għandha tingħata għal taħriġ speċjalizzat fid-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, inklużi r-regoli relevanti tal-Komunità, kif ukoll għal taħriġ speċjalizzat fil-marketing ta' prodotti awdjoviżwali li jiffoka b'mod partikolari fuq teknoloġiji ġodda bħala vetturi ta' disseminazzjoni u marketing.

    (21) L-opportunitajiet ugwali huma l-prinċipju bażiku tal-politika tal-Komunità li għandu jingħata kont tagħhom fl-implimentazzjoni ta' dan il-programm.

    (22) It-taħriġ għall-professjonisti għandu jikkomprendi l-kontenut essenzjali ekonomiku, legali, teknoloġiku u tal-kummerċ; il-bidliet mgħaġġla f'dawn is-suġġetti iqanqlu l-ħtieġa tat-tagħlim tul il-ħajja kollha.

    (23) Sabiex jiġi assigurat li l-professjonisti jifhmu t-teknoloġiji l-ġodda, għandha ssir enfasi speċjali fuq it-taħriġ fl-użu ta' dawn it-teknoloġiji, u b'hekk tiżdied il-kompetittività ta' l-intrapriżi fis-settur awdjoviżwali.

    (24) Skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà, in-networking taċ-ċentri vokazzjonali ta' taħriġ għandhom jiġu nkoraġġiti sabiex jiffaċilitaw il-bdil ta' l-għarfien tat-teknika u l-aħjar prattika f'ambjent internazzjonali.

    (25) L-appoġġ għat-taħriġ vokazzjonali għandu jagħti kont ta' l-għanijiet strutturali bħal l-iżvilupp għall-potenzjal tal-kreazzjoni, il-produzzjoni, il-marketing u d-distribuzzjoni f'pajjiżi jew reġjuni b'kapaċità baxxa ta' produzzjoni awdjoviżwali; u/jew żona ristretta lingwistika jew ġeografika; kif ukoll l-iżvilupp ta' settur indipendenti Ewropew ta' produzzjoni u distribuzzjoni, b'mod partikolari intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

    (26) Skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u minħabba l-fatt li l-għanijiet tal-miżuri proposti li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-politika tat-taħriġ vokazzjonali ma jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri, b'mod partikolari minħabba s-sħubiji transnazzjonali li għandhom jiġu stabbiliti bejn iċ-ċentri tat-taħriġ, il-miżuri meħtieġa biex dawn jinkisbu għandhom jiġu implimentati mill-Komunità. Din id-Deċiżjoni ma tmurx 'l hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawn l-għanijiet.

    (27) Il-miżuri proposti taħt dan il-programm huma kollha mmirati lejn il-ksib ta' koperazzjoni transnazzjonali li ġġib valur miżjud għall-miżuri li qegħdin jittieħdu fl-Istati Membri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà msemmi qabel.

    (28) Il-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, dawk il-pajjiżi ta' l-EFTA li huma membri tal-Ftehim ŻEE, Ċipru, Malta u t-Turkija huma rikonoxxuti bħala parteċipanti potenzjali fil-programmi tal-Komunità fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari u skond il-proċeduri li għandhom jiġu miftiehma ma' dawk il-pajjiżi. Dawk il-pajjiżi ta' l-Ewropa li ffirmaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-Televiżjoni bejn il-Fruntieri, li jagħmlu parti miż-żona Ewropea awdjoviżwali u jistgħu għalhekk, jekk jixtiequ, u waqt li jingħata kont tal-konsiderazzjonijiet ta' l-estimi jew prijoritajiet oħra ta' l-industriji tagħhom awdjoviżwali, jipparteċipaw fil-programm jew jibbenefikaw taħt skema limitata ta' koperazzjoni, fuq il-bażi ta' l-approprjazzjonijiet supplimentari, skond proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti fil- ftehim bejn il-partijiet interessati.

    (29) Il-ftuħ tal-programm għall-pajjiżi terzi Ewropej għandu jkun suġġett għall-eżami minn qabel fir-rigward tal-kompatibbilità tal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom ma' l-acquis tal-Komunità u b'mod partikolari mad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE tat-3 ta' Ottubru 1989 dwar il-kordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri fir-rigward ta' l-eżerċitar ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni [10].

    (30) Il-koperazzjoni fil-qasam tat-taħriġ vokazzjonali min-naħa ta' stabbilimenti Ewropej ta' taħriġ u dawk f'pajjiżi terzi, fuq il-bażi ta' interessi komuni, x'aktarx li toħloq valur miżjud għall-industrija awdjoviżwali Ewropea. B'żieda, il-ftuħ għall-pajjiżi terzi għandu jkabbar l-għarfien tad-diversità kulturali Ewropea u għandu jwassal għad-disseminazzjoni ta' valuri komuni demokratiċi. Dik il-koperazzjoni għandha tiġi żviluppata fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari u skond il-proċeduri li għandhom jiġu stabbiliti fil-patti ta' ftehim bejn il-partijiet interessati.

    (31) Sabiex jiżdied il-valur miżjud ta' l-azzjoni tal-Komunità, huwa meħtieġ li jiġi assigurat, fil-livelli kollha, li l-miżuri meħuda taħt din id-Deċiżjoni huma konsistenti ma' u jikkumplimentaw azzjoni oħra tal-Komunità. Huwa mixtieq li l-attivitajiet stipulati f'dan il-programm jiġu koordinati ma' dawk imwettqa minn attivitajiet internazzjonali bħall-Kunsill ta' l-Ewropa.

    (32) Skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Lisbona, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jirrapportaw sa l-aħħar tas-sena 2000 dwar ir-reviżjoni ta' l-istrumenti finanzjarji EIB u EIF li kienet twettqet sabiex iffinanzjar jiġi dirett mill-ġdid lejn bidu ta' negozji, ditti b'teknoloġija għolja u mikro intrapriżi, kif ukoll mekkaniżmi ta' inizjattivi ta' riskji oħra kapitali jew garanziji proposti mill-EIB u l-EIF. F'din il-konnessjoni, attenzjoni partikolari għandha tingħata lis-settur awdjoviżwali, nklużi programmi ta' taħriġ.

    (33) Din id-Deċiżjoni tistipula, għat-tul sħiħ tal-programm, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi r-referenza primarja, skond it-tifsira tal-punt 33 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlement Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni [11], għall-awtorità ta' l-estimi matul il-proċedura ta' l-estimi annwali.

    (34) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni konfertiti fuq il-Kummissjoni [12],

    IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Programm jiġi stabbilit

    Programm ta' taħriġ vokazzjonali, MEDIA-Taħriġ, hawnhekk iżjed 'l quddiem imsejjaħ "il-programm", qiegħed b'dan jiġi stabbilit għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2001 sal-31 ta' Diċembru 2005.

    Dan il-programm huwa maħsub biex jagħti lill-professjonisti fl-industrija Ewropea ta' programmi awdjoviżwali, prinċipalment permezz ta' taħriġ vokazzjonali kontinwu, il-ħiliet meħtieġa biex jippermettilhom li jieħdu vantaġġ sħiħ mid-dimensjoni Ewropea u internazzjonali tas-suq u ta' l-użu tat-teknoloġiji l-ġodda.

    Artikolu 2

    Għanijiet tal-programm

    1. L-għanijiet tal-programm huma kif ġej:

    (a) Biex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet ta' l-industrija u jippromwovu l-kompetittività billi jittejjeb it-taħriġ vokazzjonali kontinwu lill-professjonisti fis-settur awdjoviżwali, bil-ħsieb li jagħtihom l-għarfien tat-teknika u l-ħiliet meħtieġa biex joħolqu prodotti kompetittivi fis-swieq Ewropej u oħrajn, b'mod partikolari fil-qasam ta':

    - l-applikazzjoni ta' teknoloġiji ġodda, u b'mod partikolari teknoloġiji diġitali, għall-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta' programmi awdjoviżwali b'valur miżjud għoli kummerċjali u artistiku;

    - l-amministrazjoni ekonomika, finanzjarja u kummerċjali, inkluż il-qafas legali u t-teknika għall-iffinanzjar, produzzjoni u distribuzzjoni ta' programmi awdjoviżwali;

    - it-teknika tal-kitba tat-testi u r-rakkontar ta' l-istejjer inkluża teknika għall-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' programmi awdjoviżwali.

    Attenzjoni partikolari għandha tingħata għall-opportunitajiet ta' tagħlim minn distanza u l-innovazzjoni pedagoġika offruta mill-iżvilupp ta' teknoloġiji on-line.

    Għal dawn l-attivitajiet ta' taħriġ, il-koperazzjoni bejn diversi persuni involuti fl-industrija awdjoviżwali, bħal kittieba tat-testi, diretturi u produtturi, għandha tiġi nkoraġġita.

    Bħala eċċezzjoni, ċerti miżuri inizjali ta' taħriġ vokazzjonali li fih ikun direttament involut is-settur industrijali, bħal gradi tal-masters, jistgħu wkoll jiġu appoġġati jekk ebda appoġġ ieħor tal-Komunità ma jkun disponibbli u f'oqsma li għalihom ma jkun hemm ebda miżuri ta' appoġġ fil-livell nazzjonali.

    (b) biex jiġu nkoraġġiti l-koperazzjoni u l-iskambju ta' l-għarfien tat-teknika u l-aħjar prattika permezz ta' networking bejn l-imsieħba responsabbli għat-taħriġ, jiġifieri l-istabbilimenti tat-taħriġ, is-settur professjonali u l-impriżi, kif ukoll permezz ta' l-iżvilupp ta' taħriġ għal dawk li jħarrġu.

    Għandha tingħata importanza partikolari lill-inkoraġġment sabiex ikunu stabbiliti b'mod gradwali networks fis-settur tat-taħriġ awdjoviżwali u fit-taħriġ kontinwu għal dawk li jħarrġu.

    2. Biex jinkisbu l-għanijiet maħsuba fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1(a) u fil-paragrafu 1(b), attenzjoni partikolari għandha tingħata għall-ħtiġiet speċifiċi ta' pajjiżi jew reġjuni b'kapaċità baxxa ta' produzzjoni awdjoviżwali u/jew żona lingwistika jew ġeografika ristretta, kif ukoll għall-iżvilupp ta' settur ta' produzzjoni u distribuzzjoni indipendenti Ewropew, b'mod partikolari intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

    3. L-għanijiet stipulati fil-paragrafu 1 għandhom jiġu mwettqa skond l-arranġamenti li jinsabu fl-Anness.

    Artikolu 3

    Koordinazzjoni

    Sabiex tinkiseb il-kordinazzjoni massima, il-Kummissjoni għandha tassigura li jkun hemm koperazzjoni bejn l-attivitajiet tat-taħriġ imsemmija fil-programm u l-proġetti ta' żvilupp mgħejuna taħt il-programm MEDIA Plus stabbilit taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/821/KE [13].

    Artikolu 4

    Dispożizzjonijiet finanzjarji u kondizzjonijiet tal-finanzjament

    1. Il-benefiċjarji ta' l-appoġġ tal-Komunità li jieħdu parti fl-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet stipulati fl-Anness għandhom jipprovdu proporzjon sostanzjali ta' l-iffinanzjar. L-iffinanzjar tal-Komunità m'għandux jeċċedi l-50 % tal-infieq ta' l-operazzjonijiet. Iżda, fil-każijiet li jipprovdi espressament għalihom l-Anness, dan il-proporzjon jista' jkun sa 60 % tal-infieq ta' l-operazzjonijiet.

    2. Il-benefiċjarji ta' l-appoġġ tal-Komunità għandhom jassiguraw li fil-prinċipju il-maġġoranza tal-parteċipanti f'miżura ta' taħriġ, ċittadini ta' l-Istati li jipparteċipaw fil-programm, jkunu ċittadini ta' pajjiż li ma jkunx dak benefiċjarju. Għal dak il-għan, appoġġ biex jiffaċilità l-parteċipazzjoni minn professjonisti minn żoni lingwistiċi differenti jistgħu jiġu inklużi fl-iffinanzjar tal-Komunità għall-miżura tat-taħriġ.

    3. Il-Kummissjoni għandha tassigura li, sa fejn hu possibbli, proporzjon xieraq ta' l-iffinanzjar annwalment disponibbli, li jiġi stabbilit skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6(2), jiġi riżervat għal attivitajiet ġodda.

    4. L-iffinanzjar tal-Komunità għandu jiġi stabbilit skond l-ispejjeż u n-natura ta' kull proġett ippjanat.

    5. Il-qafas finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' dan il-programm għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1 qiegħed b'dan jiġi ffissat bħala EUR 50 miljun.

    6. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità ta' l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

    Artikolu 5

    Implimentazzjoni tal-programm

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm.

    2. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li jikkonċernaw il-kwistjonijiet riferiti hawn taħt għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta' mmaniġġar imsemmija fl-Artikolu 6(2):

    (a) linji gwida ġenerali għall-miżuri kollha deskritti fl-Anness;

    (b) il-kontenut tas-sejħiet għall-proposti, id-definizzjoni tal-kriterji u l-proċeduri għall-għażla tal-proġetti;

    (ċ) il-perċentwali adattat tal-fondi disponibbli kull sena riżervati għal attivitajiet ġodda;

    (d) l-arranġamenti sabiex ikunu segwiti u assessjati l-azzjonijiet;

    (e) kull proposta għal allokazzjoni tal-Komunità li teċċedi EUR 200000 għal kull benefiċjarju għal kull sena. Din it-treshold tista' tiġi riveduta fid-dawl ta' l-esperjenza.

    3. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li jikkonċernaw il-kwistjonijiet l-oħra kollha għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 6(3). Din il-proċedura għandha wkoll tapplika għall-għażla finali ta' l-uffiċji ta' assistenza teknika.

    4. L-assistenza teknika għandha tkun regolata mid-dispożizzjonijiet adottati skond ir-regolament Finanzjarju.

    5. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill avviż regolari u f'waqtu ta' l-implimentazzjoni tal-programm, b'mod partikolari l-użu tar-riżorsi disponibbli.

    Artikolu 6

    Kumitat

    1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat.

    2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jittieħed kont ta' l-Artikolu 8 tagħha.

    Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat bħala ta' xahrejn.

    3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, wara li jittieħed kont ta' l-Artikolu 8 tagħha.

    4. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

    Artikolu 7

    Konsistenza u komplimentarjetà

    Fl-implimentazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni għandha, b'koperazzjoni mill-qrib ma' l-Istati membri, tassigura l-konsistenza ġenerali u l-komplimentarjetà ma' politika, programmi u azzjonijiet relevanti oħra tal-Komunità, li jimpinġu fuq it-taħriġ u l-oqsma awdjoviżwali.

    Il-Kummissjoni għandha wkoll tassiġura kordinazzjoni bejn il-programm u programmi oħra tal-Komunità fil-qasam tat-taħriġ inizjali u kontinwu, u bl-operazzjoni mal-Fond Soċjali Ewropew, skond ir-regoli tal-Fond.

    Il-Kummisjoni għandha tassigura kollaborazzjoni effettiva bejn dan il-programm u programmi u azzjonijiet fl-oqsma tat-taħriġ u l-awdjoviżwali li jkunu qegħdin jitwettqu fil-qafas tal-koperazzjoni tal-Komunità ma' pajjiżi mhux membri u ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti.

    Artikolu 8

    Il-ftuħ tal-programm għall-pajjiżi terzi

    1. Il-programm għandu jinfetaħ għall-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, skond il-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim ta' assoċjazzjoni jew il-protokolli addizzjonali tagħhom li jirrelataw mal-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Komunità konklużi jew li għandhom jiġu konklużi ma' dawk il-pajjiżi.

    2. Dan il-programm għandu jinfetaħ għall-parteċipazzjoni ta' Ċipru, Malta, it-Turkija u dawk il-pajjiżi ta' l-EFTA li huma membri tal-Ftehim ŻEE, fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari, skond proċeduri li għandhom jiġu miftiehma ma' dawk il-pajjiżi.

    3. Il-programm għandu jinfetaħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi li huma Partijiet fil-Konvenzjoni tal-Kunsill ta' l-Ewropa dwar it-Televiżjoni Transkonfini, barra minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari, skond il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim bejn il-partijiet interessati.

    4. Il-ftuħ tal-programm għall-pajjiżi terzi Ewropej imsemmiji fil-paragrafi 1, 2 u 3 huwa suġġett għall-eżami minn qabel dwar il-kompatibbilità tal-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom ma' l-acquis tal-Komunità, inkluż it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE.

    5. Il-programm għandu wkoll jinfetaħ għall-koperazzjoni ma' pajjiżi terzi oħra fuq il-bażi ta' approprjazzjonijiet supplimentari u l-qsim tal-infieq skond proċeduri miftiehma li għandhom jiġu stabbiliti fil-ftehim bejn il-partijiet interessati. Il-pajjiżi terzi Ewropej imsemmija fil-paragrafu 3 li ma jixtiqux jipparteċipaw bis-sħiħ fil-programm jistgħu jkunu eliġibbli għall-koperazzjoni taħt il-kondizzjonijiet stipulati f'dan il-paragrafu.

    Artikolu 9

    Sorveljanza u evalwazzjoni

    1. Il-Kummissjoni għandha tassigura li l-miżuri meħuda taħt din id-Deċiżjoni jkunu suġġetti għall-apprezzament minn qabel, u għas-sorveljanza u evalwazzjoni sussegwenti, waqt li tingħata attenzjoni li tiġi żgurata l-aċċessibbilità tal-programm u t-trasparenza tiegħu.

    2. Il-benefiċjarji magħżula għandhom jibgħatu rapport annwali lill-Kummissjoni.

    3. Wara t-tlestija tal-proġetti, l-Kummissjoni għandha tevalwa l-mod li bih ikunu twettqu u l-impatt ta' l-implimentazzjoni tagħhom, sabiex jiġi stmat jekk l-għanijiet oriġinali jkunux inkisbu.

    4. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport ta' evalwazzjoni dwar l-impatt u l-effettività tal-programm, fuq il-bażi tar-riżultati wara sentejn ta' l-implimentazzjoni. Dan ir-rapport għandu jinkludi indikaturi tal-prestazzjoni bħall-impatt fuq l-impiegi.

    Dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk meħtieġ, b'kull proposta li tirrigwarda aġġustamenti.

    5. Mat-tlestija tal-programm, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni rapport dettaljat dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-programm.

    Ir-rapport tal-Kummissjoni għandu, b'mod partikolari, jieħu kont tal-valur miżjud maħluq mill-appoġġ finanzjarju tal-Komunità, l-impatt possibbli tiegħu fuq l-impiegi u l-miżuri ta' koordinazzjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 7.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2001.

    Magħmula fi Brussel, fid-19 ta' Jannar 2001.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    N. Fontaine

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. Ringholm

    [1] ĠU C 150, tat-30.5.2000, p. 59.

    [2] ĠU C 168, tas-16.6.2000, p. 8.

    [3] ĠU C 317, 06.11.2000, p. 60.

    [4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2000 (għada mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tat-23 ta' Novembrur 2000 (ĠU C 375, tat-28.12.2000, p. 44) u Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2000.

    [5] ĠU C 283, 06.10.1999, p. 1.

    [6] ĠU L 380, tal-31.12.1990, p. 37.

    [7] ĠU L 321, tat-30.12.1995, p. 25.

    [8] ĠU L 321, tat-30.12.1995, p. 33.

    [9] ĠU L 26, ta' l-1.2.1999, p. 1.

    [10] ĠU L 298, tas-17.10.1989, p. 23. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 202, tat-30.7.1997, p. 60).

    [11] ĠU C 172, tat-18.6.1999, p. 1.

    [12] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

    [13] Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/821/KE ta' l-20 ta' Diċembru 2000 dwar l-implimentazzjoni ta' programm biex jinkoraġġixxi l-iżvilupp, id-distribuzzjoni u l-promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżwali Ewropej (MEDIA Plus - Żvilupp, Distribuzzjoni u Promozzjoni) (2001-2005) (ĠU L 336, tat-30.12.2000, p. 82).

    --------------------------------------------------

    ANNESS

    1. MIŻURI LI GĦANDHOM JIĠU IMPLIMENTATI

    B'appoġġ ma’, u b'żieda mal-miżuri li qegħdin jittieħdu mill-Istati Membri, il-programm jimmira li jippermetti lill-professjonisti li jadattaw għad-dimesjoni tas-suq, u b'mod partikolari s-suq Ewropew, għal xogħlijiet awdjoviżwali, billi jippromwovi taħriġ vokazzjonali fi:

    - teknoloġiji ġodda, inkluża l-konservazzjoni u t-tisħiħ tal-film u l-wirt awdjoviżwali Ewropew;

    - immaniġġjar ekonomiku, finanzjarju u kummerċjali, inkluż il-qafas legali, distribuzzjoni u marketing;

    - teknoloġiji tal-kitba tat-testi, u l-iżvilupp ta' tipi ġodda ta' programmi.

    L-attivitajiet tat-taħriġ jieħdu kont tal-qafas legali fiż-żona tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, b'mod partikolari r-regoli relevanti tal-Komunità.

    Il-professjonisti mill-industrija awdjoviżwali u mir-radju jkollhom aċċess għall-attivitajiet relevanti ta' taħriġ.

    Il-programm jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni dwar il-miżuri proposti bejn il-persuni interessati differenti fl-industrija awdjoviżwali, bħall-kittieba tat-testi, diretturi u produtturi, bil-ħsieb li tittejjeb il-kwalità u l-potenzjal kummerċjali ta' proġetti permezz ta' koperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-gruppi varji ta' professjonisti.

    1.1. Taħriġ f'teknoloġiji ġodda

    Dan it-taħriġ jimmiri li jiżviluppa l-abbiltà tal-professjonisti li jużaw teknika avvanzata ta' kreazzjoni u ta' disseminazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma ta' l-animazzjoni, il-grafika tal-kompjuter, il-multimidja u applikazzjonijiet interattivi li jinkludu teknika post-produzzjoni li jiffaċilitaw il-moviment transnazzjonali ta' xogħlijiet Ewropej.

    Il-miżuri proposti huma kif ġej:

    - il-promozzjoni ta' l-iżvilupp u l-aġġornar tal-moduli għat-taħriġ f'teknoloġiji ġodda awdjoviżwali, b'parallel mal-miżuri li qegħdin jittieħdu mill-Istati Membri;

    - in-networking tal-korsijiet tat-taħriġ, il-promozzjoni ta' skambju ta' dawk li jħarrġu u professjonisti, bl-għoti ta' għotjiet, l-organizzar ta' l-esperjenza tax-xogħol f’ impriżi fi Stati Membri oħra, u l-kontribuzzjoni lejn it-taħriġ ta' dawk li jħarrġu, permezz ta' tagħlim minn distanza, u bil-promozzjoni ta' skambji u sħubija li jinvolvu pajjiżi u reġjuni b'kapaċità baxxa ta' produzzjoni awdjoviżwali u/jew żona lingwistika jew ġeografika ristretta.

    1.2. Taħriġ fl-amministrazzjoni ekonomika, finanzjarja u kummerċjali

    Dan it-taħriġ jimmira lejn l-iżvilupp ta' l-abbiltà tal-professjonisti biex japprezzaw u jużaw id-dimensjoni Ewropea fl-iżvilupp, il-produzzjoni, il-marketing u d-distribuzzjoni/ disseminazzjoni ta' programmi awdjoviżwali.

    Il-miżuri proposti huma kif ġej:

    - il-promozzjoni ta' l-iżvilupp u l-aġġornar tal-moduli għat-taħriġ fl-immaniġġjar, b'parallel mal-miżuri li qegħdin jittieħdu mill-Istati Membri u l-enfasi tad-dimensjoni Ewropea;

    - networking u korsijiet ta' taħriġ, il-promozzjoni ta' skambji ta' dawk li jħarrġu u professjonisti bl-għoti ta' għotjiet, l-organizzazzjoni ta' esperjenza tax-xogħol f'impriżi fi Stati Membri oħra, il-kontribuzzjoni lejn it-taħriġ dawk li jħarrġu permezz ta' tagħlim minn distanza, u billi jiġu promossi skambji u sħubija li jinvolvu pajjiżi u reġjuni b'kapaċità baxx ta' produzzjoni awdjoviżwali u/jew żona lingwistika jew ġeografika ristretta.

    1.3. Teknika tal-kitba tat-testi

    Dan it-taħriġ huwa mmirat lejn kjittieba tat-testi b'esperjenza u diretturi sabiex itejjeb l-abbiltà tagħhom li jiżviluppaw teknika bbażata kemm fuq kitba ta' testi konvenzjonali u interattiva u l-metodi tar-rakkonti ta' l-istejjer għat-tipi kollha ta' programmi awdjoviżwali.

    Il-miżuri jkunu kif ġej:

    - il-promozzjoni ta' l-iżvilupp u l-aġġornar tal-moduli ta' taħriġ għall-identifikazzjoni ta' udjenzi mmirati; il-pubblikazzjoni u l-iżvilupp ta' testi għal udjenza internazzjonali mmirati lejn produzzjonijiet ta' kwalità; relazzjonijiet bejn il-kittieb tat-testi, id-direttur, il-produttur u d-distributur;

    - networking u korsijiet ta' taħriġ, il-promozzjoni ta' skambji ta' dawk li jħarrġu u professjonisti bl-għoti ta' għotjiet, l-organizzazzjoni ta' esperjenza tax-xogħol f'impriżi fi Stati Membri oħra, il-kontribuzzjoni lejn it-taħriġ ta' dawk li jħarrġu, permezz ta' tagħlim minn distanza, u billi jiġu promossi skambji u sħubija li jinvolvu pajjiżi u reġjuni b'kapaċità baxx ta' produzzjoni awdjoviżwali u/jew żona lingwistika jew ġeografika ristretta.

    1.4. Korsijiet ta' taħriġ fin-networks

    L-għan huwa li jiġu nkoraġġiti dawk li jirċievu appoġġ taħt il-programm biex iżidu l-kordinazzjoni ta' l-attivitajiet tagħhom fit-taħriġ kontinwu sabiex jistabbilixxu networks Ewropej.

    1.5. Attivitajiet inizjali ta' taħriġ vokazzjonali

    Bħala eċċezzjoni appoġġ jista’ jiġi provdut għal attivitajiet f'xi oqsma ta' taħriġ inizjali vokazzjonali fejn ebda ffinanzjar ieħor tal-Komunità jew nazzjonali ma jkun qiegħed jiġi offrut, inklużi gradi tal-masters fejn ikun hemm rabta ma’ l-industrija fil-forma ta' sħubija u/jew l-esperjenza tax-xogħol.

    2. PROĊEDURA TA' IMPLIMENTAZZJONI

    2.1. Approċċ

    Fl-implimentazzjoni tal-programm, il-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat li għalih jipprovdi l-Artikolu 6, taħdem fil-qrib ma’ l-Istati Membri. Għandha wkoll tikkonsulta l-imsieħba konċernati. Għandha wkoll tassigura li l-parteċipazzjoni tal-professjonisti tirrifletti b'mod adegwat id-diversità kulturali Ewropea.

    Għandha wkoll tinkoraġġixxi lid-disinjaturi ta' moduli tat-taħriġ biex jikkoperaw ma’ stabbilimenti, is-settur professjonali u l-impriżi f'xogħolhom u meta jkunu qed isegwu l-ħidma tagħhom.

    Il-Kummissjoni għandha tassigura li d-disinjaturi tal-moduli jieħdu l-passi kollha bil-ħsieb li jirrispettaw il-prinċipju stipulat fl-Artikolu 4(2), u, jekk raġunjiet speċifiċi jiġġustifikaw it-tluq minn dan il-prinċipju, li l-valur miżjud tal-Komunità jiġi assigurat,

    Għandu jiġi assigurat li l-istabbilimenti jipprovdu faċilitajiet lingwistiċi, b'mod partikolari fiż-żona tat-teknika tal-kitba tat-testi.

    Għandha tiffaċilita l-parteċipazzjoni ta' dawk li jitħarrġu, partikolarment minn pajjiżi u reġjuni b'kapaċità baxxa ta' produzzjoni awdjoviżwali u/jew żona lingwistika jew ġeografika ristretta.

    2.2. Kontribuzzjoni tal-Komunità

    Il-ko-finanzjar tal-Komunità ta' l-ispejjeż totali tat-taħriġ jiġi provdut fil-qafas ta' ffinanzjar konġunt ma’ imsieħba pubbliċi u/jew privati, ġeneralment sal-limitu ta' 50 %. Dan il-perċentwali jista’ jittella' għal 60 % għal attivitajiet ta' taħriġ f'pajjiżi jew reġjuni b'kapaċità baxxa ta' produzzjoni awdjoviżwali u/jew żona lingwistika jew ġeografika ristretta.

    Bħala regola ġenerali, l-assistenza finanzjarja tal-Komunità mogħtija għal proġetti taħt il-programm tista’ tkopri perjodu massimu ta' tlett snin, bla ħsara għar-reviżjoni perjodika tal-progress miksub.

    Il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6(2) tiġi applikata biex tistabbilixxi l-allokazzjoni ta' l-iffinanzjar ta' kull tip ta' miżura li għaliha jiprovdi l-punt 1.

    Skond ir-regoli ta' l-iffinanzjar tal-Komunità, u skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni tistabbilixxi sett ta' regoli għall-iffinanzjar sabiex tistabbilixxi l-limitu għal kull attività kontinwa ta' taħriġ u kull professjonista mħarreġ.

    Id-disinjaturi tal-moduli u l-istabbilimenti tat-taħriġ jintgħażlu wara sejħa għall-proposti.

    Sa fejn hu possibbli, l-Kummissjoni tassigura li perċentwali adattat tal-fondi disponibbli kull sena jiġi allokat għal attivitajiet ġodda.

    2.3. Implimentazzjoni

    2.3.1. Il-Kummissjoni, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6, timplimenta l-programm. Għandha titlob li l-konsulenti u l-uffiċċji ta' assistenza teknika jintgħażlu, wara sejħa għall-proposti, fuq il-bażi tal-ħila tagħhom fis-settur, l-esperjenza miksuba fil-programm MEDIA II, jew kull esperjenza oħra akkwistata f'din iż-żona. L-assistenza teknika tiġi ffinanzjata mill-estimi tal-programm. Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni tista’ wkoll tikkonkludi sħubija għal operazzjonijiet ma’ korpi speċjalizzati, inklużi dawk li ġew stabbiliti taħt inizjattivi oħra Ewropej, bħall-Audiovisual Eureka, Eurimages u l-Osservatorju Ewropew Awdjoviżwali, sabiex timplimenta miżuri konġunti li jilħqu l-għanijiet tal-programm fil-qasam tat-taħriġ. Il-Kummissjoni tagħmel l-għażla finali tal-benefiċjarji tal-programm u tiddeċiedi fuq l-appoġġ finanzjarju li għandu jingħata, skond l-Artikolu 5.

    Għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha lill-applikanti għall-appoġġ tal-Komunità u tassigura t-trasparenza fl-implimentazzjoni tal-programm.

    Il-benefiċjarji jieħdu passi biex jippubliċizzaw l-appoġġ tal-Komunità.

    Fl-għażla ta' l-attivitajiet appoġġati, l-Kummissjoni, b'żieda mal-prijoritajiet stipulati fl-Artikolu 2(2), tieħu kont partikolari tal-kriterji li ġejjin:

    - is-sħubija bejn stabbilimenti ta' taħriġ, is-settur professjonali u l-impriżi;

    - in-natura innovattiva tal-miżura;

    - l-effett multiplikatur tal-miżura (inklużi riżultati li jistgħu jintużaw, per eżempju manwali);

    - l-effettività tal-infieq tal-miżura;

    - id-disponibbilità ta' miżuri oħra ta' appoġġ nazzjonali jew tal-Komunità.

    Għall-implimentazzjoni tal-programm, u b'mod partikolari l-istima tal-proġetti li jirċievu l-iffinanzjar taħt il-programm, u għall-miżuri ta' networking, il-Kummissjoni tassigura li tagħmel użu sħiħ tal-ħiliet ta' esperti rikonoxxuti fis-settur awdjoviżwali fil-qasam tat-taħriġ, l-iżvilupp, il-produzzjoni, d-distribuzzjoni, l-promozzjoni u wkoll l-immaniġġjar tad-drittijiet, speċjalment fl-ambjent ġdid diġitali.

    Sabiex tiġi assigurata l-indipendenza tal-konsulenti u l-esperti li tuża s-servizzi tagħhom, il-Kummissjoni tistipula dispożizzjonijiet ta' inkompatibbilità fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta' dawn il-gruppi ta' persuni fl-inviti għas-sottomisjoni ta' proposti taħt il-programm.

    2.3.2. Permezz ta' miżuri adattati, il-Kummissjoni tgħarraf l-opportunitajiet offruti mill-programm u tassigura l-promozzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni wkoll tipprovdi permezz ta' l-Internet informazzjoni komprensiva li tikkonċerna dawk l-arranġamenti kollha ta' appoġġ disponibbli taħt il-politika tal-Komunità Ewropea li huma ta' relevanza għas-settur awdjoviżwali.

    B'mod partikolari, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa, billi jkomplu l-attivitajiet tan-network tal-MEDIA Desks u Antennae, u billi jassiguraw li l-ħiliet professjonali ta' dawn imsemmija l-aħħar jiġu msaħħa, sabiex:

    - jinfurmaw lill-professjonisti fis-settur awdjoviżwali bl-arranġamenti kollha ta' appoġġ disponibbli għalihom taħt il-politika tal-Komunità Ewropea;

    - jiġi assigurat li l-programm jiġi pubbliċizzat u promoss;

    - jinkoraġġixxu l-akbar parteċipazzjoni possibbli ta' professjonisti fil-miżuri taħt il-programm;

    - jgħinu lill-professjonisti fil-preżentazzjoni tal-proġetti tagħhom b'risposta tas-sejħa għall-proposti;

    - irawwmu koperazzjoni transkonfini bejn il-professjonisti;

    - jaġixxu bħala intermedjarji bejn il-korpi varji ta' appoġġ fl-Istati Membri bil-ħsieb li jiġi assigurat li l-miżuri taħt dan il-programm huma kumplimentari mal-miżuri nazzjonali ta' appoġġ.

    --------------------------------------------------

    Top