Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000R1886

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1886/2000 tas-6 ta' Settembru 2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 dwar l-estensjoni għal min mhux membru ta' ċerti regoli addottati mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tas-sajd

    ĠU L 227, 7.9.2000, p. 11–12 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/08/2008; Imħassar b' 32008R0696

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2000/1886/oj

    32000R1886



    Official Journal L 227 , 07/09/2000 P. 0011 - 0012


    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1886/2000

    tas-6 ta' Settembru 2000

    li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 dwar l-estensjoni għal min mhux membru ta' ċerti regoli addottati mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi fis-settur tas-sajd

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkusidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 tas-17 ta' Diċembru 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq tas-sajd u tal-prodotti ta' l-akwakultura [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 7(10) tiegħu,

    Billi:

    (1) Ir-Regolament (KE) Nru 104/2000, li ħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3759/922 [2] u (KEE) Nru 1772/82 [3] b'effett mill-1 ta' Jannar 2001, fih dispożizzjonijiet dwar l-estensjoni għal min mhux membru tar-regoli introdotti mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Issa huwa xieraq illi timtela l-istruttura stabilita bir-Regolament (KE) Nru 104/2000, billi ssir il-leġislazzjoni dwar ir-regoli ddettaljati u billi jitħassar ir-Regolament korrenti dwar dan is-suġġett, jiġifieri r-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3190/82 [4], emendat bir-Regolament (KE) Nru 1336/95 [5].

    (2) Huwa meħtieġ illi jiġu definiti l-kriterji sabiex jiġi stmat il-grad tar-rappreżentanza ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi li r-regoli tagħhom huma proposti li jiġu estiżi għal min mhux membru. Dawn il-kriterji għandhom jinkludu kemm il-proporzjon tal-kwantitajiet totali maħruġa fis-suq ta' l-ispeċi interessati ġġustifikati mill-membri ta' l-organizzazzjoni u l-proporzjon tas-sajjieda fis-settur involut li huma membri ta' l-organizzazzjoni.

    (3) Sabiex tiġi armonizzata l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri, għandhom jiġu definiti r-regoli tal-produzzjoni u tal-marketing li jistgħu jiġu estiżi għal min mhux membru. Għall-istess għan, għandu jiġi speċifikat l-istadju li għalih japplikaw dawn ir-regoli estiżi.

    (4) Għandu jiġi ffissat żmien minimu sabiex jiġu applikati r-regoli fil-kwistjoni sabiex tinżamm ċerta stabbilità fil-kondizzjonijiet li fuqhom jinbiegħu il-prodotti tas-sajd.

    (5) L-Istati Membru li jiddeċiedu li jagħmlu obbligatorji r-regoli addottati minn organizazzjoni tal-produtturi huma obbligati li jissottomettuhom lill-Kummissjoni għall-eżami. Huwa għalhekk meħtieġ illi jiġi speċifikat it-tagħrif li jrid tintbagħat lill-Kummissjoni.

    (6) Huwa meħtieġ illi l-Istati Membri u l-Kummissjoni jippubblikaw it-tagħrif dwar l-estensjoni tar-regoli li jista' jaffettwa lis-settur.

    (7) Kull emenda għar-regoli estiżi għal min mhux membru għandha tkun bla ħsara għall-istess ħteġijiet tan-notifika lill-Kummissjoni u tal-pubblikazzjoni bħall-estensjoni oriġinali.

    (8) Il-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni tal-Prodotti tas-Sajd,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    1. L-attivitajiet tal-produzzjoni u tal-marketing ta' organizzazzjoni ta' produtturi għandhom jitqiesu li huma rappreżentattivi biżżejjed fis-settur li fih tiġi proposta l-estensjoni tar-regoli jekk:

    (a) il-marketing mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-membri tagħha ta' l-ispeċi li għalihom ikunu japplikaw ir-regoli, jammontaw b'kollox għal iktar minn 65 % tal-kwantitajiet mibjugħa, u

    (b) in-numru tas-sajjieda fuq il-bastimenti mħaddma mill-membri ta' l-organizzazzjoni tal-produtturi ikun aktar minn 50 % tan-numru totali tas-sajjieda stabbiliti fis-settur li għalih ikunu japplikaw ir-regoli.

    2. Għall-għanijiet tal-punt 1(a), għandhom jitqiesu l-ammonti li jkunu nbiegħu fis-sena tas-suq ta' qabel.

    3. Għall-għan tal-kalkolu tal-perċentwali msemmi fil-punt 1(b), is-sajjieda fuq il-bastimenti li t-tul totali tagħhom huwa ta' 10 metri jew inqas għandhom jitqiesu fil-proporzjoni tar-relazzjoni bejn l-ammonti maħruġa fis-suq minn dawn is-sajjieda u l-kwantitajiet maħruġa fis-suq fis-settur involut.

    L-Artikolu 2

    Ir-regoli tal-produzzjoni u l-marketing imsemmija fl-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin:

    (a) il-kwalità, id-daqs jew l-użin u l-preżentazzjoni tal-prodotti għall-bejgħ;

    (b) il-kampjuni, ir-reċipjenti użati għall-għanijiet tal-bejgħ, il-pakkettjar u t-tikkettjar u l-użu tas-silġ;

    (ċ) il-kondizzjonijiet tal-ewwel ħruġ fuq is-suq, li jistgħu jinkludu regoli dwar ir-rimi razzjonali tal-produzzjoni sabiex ikun stabbilizzat is-suq.

    L-Artikolu 3

    Iż-żmien minimu sabiex jiġu applikati r-regoli li jiġu estiżi għal min mhux membru għandu jkun ta' 90 jum.

    L-Artikolu 4

    Fejn Stat Membru jiddeċiedi illi jestendi ċerti regoli addottati minn organizzazzjoni tal-produtturi għal min mhux membru, in-notifika lill-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000 għandha tinkludi mill-anqas:

    (a) l-isem u l-indirizz ta' l-organizzazzjoni interessata tal-produtturi;

    (b) it-tagħrif kollu meħtieġ biex juri illi l-organizzazzjoni hija rappreżentattiva, b'mod partikolari b'referenza għall-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1;

    (ċ) ir-regoli involuti;

    (d) il-ġustifikazzjoni ta' dawn ir-regoli, appoġġjati minn informazzjoni xierqa;

    (e) iż-żona ġeografika fejn ikun maħsub li dawn ir-regoli jsiru obbligatorji;

    (f) it-tul taż-żmien ta' dawn ir-regoli;

    (g) id-data tad-dħul fis-seħħ.

    L-Artikolu 5

    L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-regoli li jkunu ddeċidew li jagħmlu obbligatorji, mill-anqas tmint ijiem qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom.

    L-Artikolu 6

    Kull bdil fir-regoli estiżi għal min mhux membru għandu jkun bla ħsara għall-Artikoli 4 u 5.

    L-Artikolu 7

    Il-Kummissjoni għandha tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej id-deċiżjonijiet li tieħu, meta tiddikjara estensjoni tar-regoli bħala nulla u invalida skond it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 7(3) u ta' l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (KE) Nru 104/2000.

    L-Artikolu 8

    Ir-Regolament (KEE) Nru 3190/82 huwa hawnhekk imħassar.

    L-Artikolu 9

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu jibda japplika mill-1 ta' Jannar 2001.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-6 ta' Settembru 2000.

    Għall-Kummissjoni

    Franz Fischler

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 17, tal-21.1.2000, p. 22.

    [2] ĠU L 388, tal-31.12.1992, p. 1.

    [3] ĠU L 197, tas-6.7.1982, p. 1.

    [4] ĠU L 338, tat-30.11.1982, p. 11.

    [5] ĠU L 129, ta' l-14.6.1995, p. 4.

    --------------------------------------------------

    Top