EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32000L0061

Id-Direttiva 2000/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-10 ta' Ottubru 2000 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE dwar l-approsimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trasport ta' merkanzija perikoluża bit-triq

ĠU L 279, 1.11.2000, p. 40–43 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2009; Impliċitament imħassar minn 32008L0068

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2000/61/oj

32000L0061



Official Journal L 279 , 01/11/2000 P. 0040 - 0043


Id-Direttiva 2000/61/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ta' l-10 ta' Ottubru 2000

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE dwar l-approsimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trasport ta' merkanzija perikoluża bit-triq

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 71(1)(ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) Ix-xogħol ta' standardizzazzjoni tal-Kumitat Ewropew dwar l-Istandardizzazzjoni (CEN) dwar il-kontroll tal-kwalità fit-trasport ta' merkanzija perikoluża għadu mhux lest; minħabba dan il-Kummissjoni ma tistax tħejji rapport dwar is-suġġett għalissa; huwa għalhekk neċessarju li t-terminu stabbilit fir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 94/55/KE [4] jiġi emendat.

(2) Ix-xogħol tal-Kummissjoni tal-Ġnus Magħquda għall-Ewropa (KĠME) fuq id-dispożizzjonijiet dwar iċ-ċentri tal-gravità ta' vetturi b'tank stabbiliti fl-Anness B tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali bit-triq ta' Merkanzija perikoluża (FPT) għadu mhux lest; huwa għalhekk neċessarju li t-terminu stipulat fl-Artikolu 5(3)(b) ta' Direttiva 94/55/KE jiġi emendat.

(3) Għandha tiġi inkluża dispożizzjoni sabiex ċerti Stati Membri, minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi tagħhom, jitħallew japplikaw standards iktar stretti għal ċertu tagħmir użat fit-trasport.

(4) Ix-xogħol ta' standardizzazzjoni tas-CEN dwar reċipjenti u tankijiet għadu mhux lest; huwa għalhekk neċessarju li t-termini stipulati fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 94/55/KE jiġu emendati.

(5) Huwa meħtieġ li tiġi żgurata konsistenza bejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 94/55/KE u l-emendi meħtieġa sabiex l-annessi tagħha jiġu addattati għall-progress xjentifiku u tekniku.

(6) It-termini stipulati fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 94/55/KE dwar ċertu tagħmir iridu jitressqu lura; l-identifikazzjoni tat-tagħmir involut u l-aħħar data għall-applikazzjoni tad-Direttiva 94/55/KE jridu jkunu soġġetti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 tagħha.

(7) Id-deroga stabbilita fl-Artikolu 6(9) tad-Direttiva 94/55/KE trid tkun soġġetta għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 tagħha.

(8) L-Istati Membri jridu jitħallew jadottaw derogi fir-rigward ta' operazzjonijiet lokali tat-trasport, u l-awtorizzazzjoni għal dak l-iskop għandha tkun soġġetta għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 94/55/KE.

(9) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva jridu jiġu adottati b'mod konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni [5].

(10) Il-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati qabel ma operazzjoni tat-trasport tkun tista' titqies bħala operazzjoni tat-trasport ad hoc iridu jiġu speċifikati.

(11) Id-Direttiva 94/55/KE tird tiġi emendata b'dan il-mod,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

Id-Direttiva 94/55/KE qiegħda tiġi emendata skond kif ġej:

1. fl-Artikolu 1(2), il-punt (ċ) irid jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"(ċ) kontrolli ta' kwalità fuq impriżi meta jwettqu operazzjonijiet nazzjonali tat-trasport kif indikat fil-paragrafu 1 ta' l-Anness Ċ.

Il-qasam ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rekwiżiti stipulati f'dan il-punt ma jistgħux jiġu estiżi.

Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma jkomplux japplikaw jekk miżuri bħalhom isiru obbligatorji taħt dispożizzjonijiet Komunitarji.

Sa mhux aktar tard minn sentejn wara d-dħul fis-seħħ ta' standard fuq il-kontroll ta' kwalità fit-trasport ta' merkanzija perikoluża, il-Kummissjoni trid tagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jagħmel stima ta' l-aspetti ta' sigurtà koperti minn dan il-punt flimkien ma' proposta xierqa għall-kontinwazzjoni jew għat-tneħħija tiegħu";

2. L-Artikolu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) Fil-paragrafu 2, "ħdejn il-Marġinali 10599 ta' l-Anness B" għandha tiġi sostitwita b' "b'dispożizzjoni speċjali msemmija fil-paragrafu 2 ta' l-Anness Ċ".

(b) Fil-paragrafu 3:

- is-subparagrafu (b) għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

- "(b) Iżda l-Istati Membri jistgħu, madanakollu, iżommu d-dispożizzjonijiet nazzjonali speċifiki tagħhom dwar iċ-ċentri ta' gravità ta' vetturi b'tank reġistrati fit-territorji tagħhom sakemm l-emenda, jekk ikun hemm waħda, tad-dispożizzjoni speċjali msemmija fil-paragrafu 3 ta' l-Anness Ċ, b'mod konformi mal-verżjoni emendata ta' l-FPT applikabbli mill-1 ta' Lulju 2001 u mhux fl-ebda każ, wara t-30 ta' Ġunju 2005 fil-każ ta' vetturi oħrajn b'tank.";

- għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:

- "(ċ) L-Istati Membri fejn it-temperatura ambjentali regolarment tkun inqas minn — 20 °C jistgħu jimponu standards iktar stretti fir-rigward tat-temperatura operattiva ta' materjali użati fl-ippakkjar bil-plastik, tankijiet u t-tagħmir tagħhom maħsubin għall-użu fit-trasport nazzjonali ta' merkanzija perikoluża bit-triq fit-territorju tagħhom sakemm jiġu inkorporati fl-Annessi dispożizzjonijiet dwar it-temperaturi ta' referenza approprjati għal żoni klimatiċi speċifiċi.";

3. L-Artikolu 6 irid jiġi emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 3 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"3. Fil-limiti tat-territorju tiegħu kull Stat Membru jista' jawtorizza l-użu ta' vetturi mibnija qabel l-1 ta' Jannar 1997 li ma jikkonformawx ma' din id-Direttiva, iżda li ġew prodotti b'mod konformi ma' rekwiżiti nazzjonali fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 1996 sakemm dawk il-vetturi jinżammu fil-livelli ta' sigurtà meħtieġa.

It-tankijiet u l-vetturi mibnija fl-1 ta' Jannar 1997 jew wara li ma jikkonformawx ma' l-Anness B iżda li ġew mibnija b'mod konformi mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva li kienu applikabbli fid-data tal-kostruzzjoni tagħhom jistgħu jkomplu jintużaw għat-trasport nazzjonali sa data stabbilita b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9.";

(b) il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"4. Kull Stat Membru jista' jżomm id-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu li jkunu fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 1996 u li għandhom x'jaqsmu mal-kostruzzjoni, l-użu u l-kundizzjonijiet ta' trasport ta' reċipjenti ġodda fis-sens tad-dispożizzjoni speċjali li għaliha ssir referenza fil-paragrafu 4 ta' l-Anness Ċ u tankijiet ġodda li ma jikkonformawx ma' l-Annessi A u B, sakemm jiżdiedu ma' l-Annessi A u B referenzi għal standards tal-kostruzzjoni u ta' l-użu ta' tankijiet u reċipjenti li jorbtu bl-stess mod bħad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva, u dan m'għandu f'ebda każ ikun aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2001. Reċipjenti u tankijiet li jinbnew qabel l-1 ta' Lulju 2001 u li jinżammu fil-livelli ta' sigurtà meħtieġa jistgħu jkomplu jiġu użati taħt il-kundizzjonijiet oriġinali.

Dawn id-dati għandhom jitressqu lura għal reċipjenti u tankijiet li għalihom m'hemm ebda rekwiżiti tekniċi dettaljati jew li għalihom ma żdiedux biżżejjed referenzi għall-istandards xierqa Ewropej fl-Annessi A u B.

Ir-reċipjenti u t-tankijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu u l-aħħar data għall-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fir-rigward ta' dawk ir-reċipjenti u tankijiet jiġu stabbiliti b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9.";

(ċ) fl-aħħar tal-paragrafu 6 għandu jiżdied dan li ġej:"…, ħlief li fil-każ ta' ippakkettjar bil-plastik li ma jaqbiżx l-għoxrin litru fil-kapaċità, dik id-data tista' titressaq lura sat-30 ta' Ġunju 2001 sa mill-aktar tard";

(d) il-paragrafu 9 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"9. Sakemm javżaw lill-Kummissjoni minn qabel mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002 jew sa sentejn wara l-aħħar data ta' applikazzjoni tal-verżjonijiet emendati ta' l-Annessi A u B ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet li huma inqas stretti minn dawk fl-Annessi għat-trasport fit-territorju tagħhom ta' ammonti żgħar biss ta' xi merkanzija perikoluża, bl-eċċezzjoni ta' sostanzi li għandhom livell medju jew għoli ta' radjuattività.

Sakemm javżaw lill-Kummissjoni minn qabel mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2002 jew sa sentejn wara l-aħħar data ta' applikazzjoni ta' verżjonijiet emendati ta' l-Annessi A u B ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet differenti minn dawk fl-Annessi fir-rigward ta' trasport lokali b'mod limitat fit-territorju tagħhom.

Id-derogi stipulati fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandhom jiġu applikati mingħajr diskriminazzjoni.

Minkejja dak li jinsab hawn fuq, l-Istati Membri jistgħu, sakemm javżaw lill-Kummissjoni minn qabel, f'kull ħin jadottaw dispożizzjonijiet li jixbhu lid-dispożizzjonijiet adottati minn Stati Membri oħra b'referenza għal dan il-paragrafu.

Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk il-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-paragrafu ġewx issodisfati u għandha tiddeċiedi, b'mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 9, jekk l-Istati Membri involuti jistgħux jadottaw dawn id-derogi.";

(e) fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 10, "tal-Marġinali 2010 u 10602 ta' l-Annessi A u B" għandha tiġi sostitwita b' "tad-dispożizzjonjiet speċjali li għalihom issir referenza fil-paragrafu 5 ta' L-Anness Ċ";

(f) il-paragrafu 11 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"11. L-Istati Memrbri jistgħu joħorġu awtorizazzjonijiet, validi għat-territorju tagħhom biss, għat-twettiq ta' operazzjonijiet tat-trasport ad hoc ta' merkanzija perikoluża li jew m'humiex permessi mill-Anness A jew B jew li jitwettqu taħt kundizzjonijiet differenti minn dawk stipulati f'dawk l-Annessi, bil-kundizzjoni li dawn l-operazzjonijiet tat-trasport ad hoc huma deskritti u limitati b'mod ċar fil-ħin";

(g) fil-paragrafu 12, "il-Marġinali 2010 u 10602 ta' l-Annessi A u B" għandha tiġi sostitwita b' "id-dispożizzjonijiet speċjali li għalihom issir referenza fil-paragrafu 5 ta' l-Anness Ċ";

4. Fl-Artikolu 8, "l-Annessi A u B" għandhom jiġu sostitwiti b' "l-Annessi A, B u Ċ";

5. L-Artikolu 9 għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"L-Artikolu 9

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat għat-trasport ta' merkanzija perikoluża.

2. Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE japplikaw wara li wieħed jikkunsidra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu msemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi stabbilit bħala tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jaddotta r-regoli ta' proċeduri tiegħu.";

6. It-test fl-Anness ta' din id-Direttiva, għandu jiġi miżjud bħala l-Anness Ċ.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri jridu jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Mejju 2001. Iridu javżaw lill-Kummissjoni b'dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, iridu jagħmlu referenza għal din id-Direttiva, jew inkella din ir-referenza trid tidher ħdejhom meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif għandha ssir din ir-referenza jridu jiġu adottati mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

L-Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-10 ta' Ottubru 2000.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

D. Voynet

[1] ĠU C 171, tat-18.6.1999, p.17.

[2] ĠU C 329, tas-17.11.1999, p.10

[3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewopew tat-18 ta' Jannar 2000 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2000 (ĠU C 245, tal-25.8.2000, p. 7) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Settembru 2000.

[4] ĠU L 319, tat-12.12.1994, p. 7. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/47/KE (ĠU L 169, tal-5.7.1999, p. 1).

[5] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

"

L-ANNESS Ċ

Dispożizzjonijiet speċjali dwar ċerti Artikoli ta' din id-Direttiva

1. L-operazzjonijiet nazzjonali tat-trasport imsemmija fl-Artikolu 1(2)(ċ) huma kif ġejjin:

(i) sostanzi splussivi u artikoli fil-Klassi 1, meta l-ammont ta' sostanza splussiva għal kull unità ta' trasport huwa akbar minn:

- 1000 kg għal kull diviżjoni 1.1, jew

- 3000 kg għal kull diviżjoni 1,2, jew

- 5000 kg għal diviżjonijiet 1.3 u 1.5;

(ii) is-sostanzi li ġejjin f'tankijiet jew f'kontenituri tat-tankijiet b'kapaċità totali li taqbeż it-3000 litru:

- sostanzi fil-Klassi 2: gass li jaqa' fil-gruppi ta' riskju li ġejjin: F, T, TF, TC, TO, TFC, TOC;

- sostanzi fil-Klassijiet 3, 4.1, 4.2, 4.3, 5.1, 5.2, 6.1 u 8: sostanzi mhux elenkati taħt (b) jew (ċ) f'dawk il-klassijiet jew elenkati fihom iżda li għandhom kodiċi ta' perikolu bi tliet numri importanti jew aktar (mhux inkluż iż-żero);

(iii) il-pakketti li ġejjin ta' Klassi 7 (materjali radjuattivi): pakketti ta' materjali fissjili, pakketti tat-tip B (U), pakkett tat-tip B (M).

2. Id-dispożizzjoni speċjali applikabbli għall-Artikolu 5(2) hija l-Marġinali 10599 ta' l-Anness B.

3. Id-dispożizzjoni speċjali applikabbli għall-Artikolu 5(3)(b) hija l-Marġinali 211128 ta' l-Anness B.

4. Id-dispożizzjoni speċjali applikabbli għall-Artikolu 6(4) hija l-Marġinali 2211 ta' l-Anness A.

5. Id-dispożizzjonijiet speċjali applikabbli għall-Artikolu 6(10) u (12) huma l-Marġinali 2010 u 10602 ta' l-Annessi A u B.

"

--------------------------------------------------

Top