Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999R1784

Ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-Fond Soċjali Ewropew

ĠU L 213, 13.8.1999, p. 5–8 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2006; Imħassar b' 32006R1081

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1999/1784/oj

31999R1784



Official Journal L 213 , 13/08/1999 P. 0005 - 0008


Ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tat-12 ta’ Lulju 1999

dwar il-Fond Soċjali Ewropew [1]

IL-PARLAMENT EWROPEW,

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 148 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [4],

Filwaqt li jaġixxu skond l-Artikolu 251 tat-Trattat [5],

(1) Billi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali [6] jissostitwixxi r-Regolament (KEE) Nru 2052/88 [7] u r-Regolament (KEE) Nru 4253/88 [8]; billi hemm il-ħtieġa wkoll li jiġi sostitwit ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4255/88 tad-19 ta’ Diċembru 1988 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 rigward il-Fond Soċjali Ewropew [9].

(2) Billi r-Regolament (KE) Nru 1260/1999 jiddefinixxi l-arranġamenti ġenerali li jirregolaw il-Fondi Strutturali fl-intier tagħhom u huwa meħtieġ li jiġi ddefinit liema attivitajiet huma eliġibbli għall-finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew (minn issa ’l quddiem imsejjaħ il-"Fond") fil-qafas ta’ l-Objettivi 1, 2 u 3 imsemmija fl-Artikolu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punti 1, 2 u 3 tar-Regolament imsemmi (minn isssa ’l quddiem imsejħa "L-Objettivi 1, 2 u 3") fil-qafas t’ l-inizjattiva Komunitarja għalbiex jinqerdu l-għamliet kollha ta’ diskriminazzjoni u inegwaljanza fejn jidħol is-suq tax-xogħol, u fil-qafas tal-miżuri innovattivi u ta’ l-għajnuna teknika.

(3) Billi jeħtieġ li tiġi ddefinita l-missjoni tal-Fond meta mqabbla max-xogħlijiet stabbiliti fit-Trattat u fil-kuntest tal-prijoritajiet miftiehma mill-Komunità fl-oqsma ta’ l-iżvilupp tar-riżorsi umani u tax-xogħol.

(4) Billi l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Amsterdam ta’ Ġunju 1997 u r-Riżoluzzjoni tiegħu dwar it-tkabbir u x-xogħol [10] ta bidu għall-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija Ewropea dwar ix-xogħol, il-linji gwida annwali dwar ix-xogħol u l-proċess ta’ stabbiliment ta’ pjani nazzjonali għal azzjoni dwar ix-xogħol.

(5) Billi huwa meħtieġ li jiġi ddefinit mill-ġdid l-iskop tal-Fond, partikolarment wara r-ristrutturazzjoni u s-simplifikazzjoni tal-għanijiet tal-Fondi Strutturali, sabiex tiġi appoġġjata l-istrateġija Ewropea dwar ix-xogħol u l-pjani nazzjonali għal azzjoni dwar ix-xogħol marbuta magħha.

(6) Billi huwa meħtieġ illi jiġi ddefinit qafas komuni għall-interventi mill-Fond f’kull wieħed mit-tliet Objettivi tal-Fond Stutturali sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u l-komplimentarjetà ta’ l-azzjonijiet meħuda skond dawn l-għanijiet bil-ħsieb li jiġi mtejjeb l-andament tas-suq tax-xogħol u li jiġu żviluppati r-riżorsi umani.

(7) Billi l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw li l-programmazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fond fil-kuntest ta’ l-għanijiet kollha jikkontribwixxu għall-promozzjoni ta’ l-ugwaljanza fl-opportunità bejn l-irġiel u n-nisa u l-promozzjoni ta’ l-integrazzjoni u ż-żamma ta’ gruppi u individwi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol.

(8) Billi l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiżguraw ukoll illi d-dimensjoni soċjali u l-aspett tax-xogħol fis-soċjetà ta’ l-informatika jiġu meqjusa kif mistħoqq fl-azzjonijiet li l-implimetazzjoni tagħhom tiġi ffinanzjata mill-Fond.

(9) Billi huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi l-ħidmiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-addattament industrijali jqisu l-ħtiġiet ġenerali tal-ħaddiema taż-żewġ sessi li jirriżultaw mill-bidla ekonomika u mill-bidliet fis-sistemi tal-produzzjoni identifikati jew previsti u li mhumiex iddisinjati li jkunu ta’ benefiċċju għal ditta waħda jew għal industrija partikolari; billi għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju u għat-titjib ta’ l-aċċess għat-taħriġ u għat-titjib ta’ l-organizzazzjoni tax-xogħol.

(10) Billi huwa meħtieġ li jiġi żgurat illi l-Fond jibqa’ jsaħħaħ ix-xogħol u l-kwalifiki tax-xogħol billi jappoġġja l-azzjoni antiċipatorja - safejn hu possibli - bil-għoti tal-pariri, bin-networking u bil-ħidmiet ta’ taħriġ fil-Komunità kollha u bħala konsegwenza ta’ dan, l-attivitajiet eliġibbli jkunu għalhekk orizzontali u jkopru l-ekonomija kollha, mingħajr restrizzjonijiet a priori għall-industriji jew għal setturi speċifiċi.

(11) Billi huwa meħtieġ illi jiġu ddefiniti mill-ġdid l-azzjonijet eliġibbli għalbiex tiżdied l-effettività fl-implimentazzjoni tal-miri politiċi fil-kuntest ta’ l-għanijiet kollha li fuqhom il-Fond jieħu azzjoni; billi huwa meħtieġ li tiġi ddefinita n-nefqa eliġibbli għall-għajnuna mill-Fond fil-qafas tas-sħubija.

(12) Billi huwa meħtieġ illi jissumplimenta u jiġu speċifikati l-kontenut tal-pjani u l-għamliet tal-għajnuna, speċjalment wara d-definizzjoni mill-ġdid ta’ l-Objettiv 3.

(13) Billi l-provvediment tal-għajnuna mill-Fond fil-livelli kollha għandu jkun imsejjes fuq il-prijoritajiet Komunitarji fil-politika soċjali u tax-xogħol u fuq il-prijoritajiet stabbiliti fil-pjani nazzjonali ta’ azzjoni.

(14) Billi jistgħu jiġu introdotti arranġamenti li permezz tagħhom gruppi lokali, inklużi l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, jistgħu jiksbu aċċess sempliċi u mħaffef ta’ appoġġ mill-Fond għal-ħidmiet illi l-għan tagħhom huwa li jikkumbattu l-esklużjoni soċjali u b’hekk jibnu l-kapaċità tagħhom għall-azzjoni f’dan il-qasam.

(15) Billi l-miżuri ta’ importanza kbira għall-Komunità li ġew midħula għalihom fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni għandhom rwol importanti x’jiżvolġu sabiex jinkisbu l-għanijiet ġenerali ta’ l-azzjoni strutturali Komunitarja msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999; billi daw l-iniżjattivi għandhom l-ewwel jippromwovu l-innovazzjoni politika u l-kooperazzjoni trans-nazzjonali.

(16) Billi l-Fond jikkontribwixxi wkoll appoġġ għal għajnuna teknika u għal miżuri innovattivi, u wkoll għal miżuri preparatorji, ta’ monitorjar, ta’ stima u ta’ kontroll skond l-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

(17) Billi huwa approprjat li jiġu stabbiliti l-poteri għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni u li jġu ddikjarati dispożizzjonijiet transitorji.

(18) Billi r-Regolament (KEE) Nru 4255/88 għandu jiġi mħassar,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT

L-Artikolu 1

Ix-xogħlijiet

Fil-qafas tal-ħidma fdata lill-Fond Soċjali Ewropew (il-"Fond") permezz ta’ l-Artikolu 146 tat-Trattat u tax-xogħol fdat lill-Fondi Strutturali skond l-Artikolu 159 tat-Trattat u skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, il-Fond għandu jappoġġja miżuri sabiex jiġi evitat u miġġieled il-qagħad u sabiex jiġu żviluppati r-riżorsi umani u l-integrazzjoni soċjali fis-suq tax-xogħol favur il-promozzjoni ta’ livell għoli fi-xogħol, fl-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, fl-iżvilupp sostenibbli, u fil-għaqda ekonomika u soċjali. Il-Fond għandu b’mod partikolari jikkontribwixxi għall-azzjonijiet meħuda skond l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol u l-Linji Gwida Annwali dwar ix-xogħol.

L-Artikolu 2

L-Iskop

1. Il-Fond għandu jappoġġja u jikkumplimenta l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri diretti lejn l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol u r-riżorsi umani fl-oqsma politiki li ġejjin, partikolarment fil-kuntest tal-pjani ta’ azzjoni nazzjonali multinannwali dwar ix-xogħol:

(a) li jiżviluppaw u jippromwovu politiċi attivi fis-suq tax-xogħol sabiex jiġġieldu u jipprevienu l-qagħad, sabiex jipprevienu l-mixja lejn qagħad fuq skond fit-tul kemm tan-nisa kif ukoll ta’ l-irġiel, sabiex jiffaċilitaw l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta’ dawk qiegħda fuq skond fit-tul, u sabiex jappoġġjaw l-integrazzjoni fix-xogħol taż-żgħażagħ u tal-persuni li jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol wara żmien ta’ assenza;

(b) li jippromwovu l-opportunitajiet indaqs sabiex kullħad ikollu aċċess għas-suq tax-xogħol, b’enfasi partikolari fuq dawk esposti għall-esklużjoni soċjali;

(ċ) li jippromwovu u jtejbu:

- it-taħriġ,

- l-edukazzjoni,

- il-konsulenza

bħala parti minn politika ta’ tagħlim għal matul il-ħajja:

- li jiffaċilita u jtejjeb l-aċċess u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol,

- li jtejjeb u jżomm il-kapaċità għax-xogħol, u

- li jippromwovi l-mobilità fix-xogħol;

(d) li jippromwovu qawwa ta’ ħaddiema tas-sengħa, imħarrġa u addattabbli, l-innovazzjoni u l-addattibilità fl-organizzazzjoni tax-xogħol, li jiżviluppaw l-imprenditorija u l-kondizzjonijiet li jiffaċilitaw il-ħolqien tal-xogħol, u li jtejbu l-ħiliet u jinkoraġġixxu l-potenzjal uman fir-riċerka, fix-xjenza u fit-teknoloġija;

(e) miżuri speċifiċi għalbiex itejbu l-aċċess u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, inklużi l-iżvilupp tal-karriera tagħhom, l-aċċess tagħhom għal opportunitajiet ġodda ta’ xogħol u li jistabbilixxu negozji, u li jnaqqsu s-segregazzjoni vertikali u orizzontali imsejsa fuq is-sess fis-suq tax-xogħol.

2. Fi ħdan l-oqsma tal-politiki stabbiliti fil-paragrafu 1, il-Fond għandu jqis dan li ġej:

(a) l-appoġġ għall-inizjattivi lokali rigward ix-xogħol, partikolarment l-inizjattivi li jappoġġjaw ix-xogħol lokali u pattijiet territorjali dwar ix-xogħol;

(b) id-dimensjonijiet soċjali u tas-suq tax-xogħol tas-soċjetà ta’ l-informatika, notabbilment billi jiġu żviluppati politika u programmi mħsuba għalbiex jisfruttaw il-potenzjal tax-xogħol fis-soċjetà tal-informatika u bl-assigurazzjoni ta’ l-aċċess ugwali għall-faċilitajiet u l-benefiċċji tagħha;

(ċ) opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel bħala parti mill-avviċinament tat-tqegħid fil-kurrrent prinċipali.

L-Artikolu 3

L-attivitajiet eliġibbli

1. L-appoġġ finanzjarju tal-Fond għandu prinċipalment jieħu s-sura ta’ għajnuna lill-persuni u jkun iddedikat għall-attivtajiet li ġejjin sabiex jiġu żviluppati r-riżorsi umani li jistgħu jkunu parti minn avviċinament ta’ mogħdija għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol:

(a) l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali - inkluż it-taħriġ vokazzjonali ekwivalenti għall-edukazzjoni obbligatorja, l-apprendissat, it-taħriġ preparatorju, partikolarment il-provvediment u l-perfezzjonament tal-ħiliet bażiċi, ir-riabilitazzjoni fix-xogħol, il-miżuri li jippromwovu l-kapaċità għax-xogħol fis-suq tax-xogħol, il-gwida, il-għoti tal-pariri u t-taħriġ issoktat;

(b) il-għajnuna għax-xogħol u l-għajnuna għal dawk li jaħdmu għal rashom;

(ċ) fl-oqsma ta’ l-iżvilupp tar-riċerka, ix-xjenza u t-teknoloġija, it-taħriġ ta’ wara gradwazzoni u t-taħriġ għall-persunal maniġerjali u tekniku fl-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-intrapriżi;

(d) l-iżvilupp ta’ sorsi ġodda ta’ xogħol, inklużi dawk fl-ekonomija soċjali (It-Tielet Sistema).

2. Biex tiżdied l-effettività ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-għajnuna tista’ tingħata wkoll lil:

(a) l-istrutturi u s-sistemi:

(i) l-iżvilupp u t-titjib tat-taħriġ, l-edukazzjoni u l-kisba tas-snajja, inkluż it-taħriġ ta’ l-għalliema, ta’ min iħarreġ u l-personal tagħhom, u t-titjib ta’ l-aċċess tal-ħaddiema għat-taħriġ u l-kwalifiki;

(ii) il-modernizzazzjoni u t-titjib fl-effiċjenza tas-servizzi tax-xogħol;

(iii) l-iżvilupp ta’ rabtiet bejn id-dinja tax-xogħol u l-edukazzjoni, it-taħriġ, u l-istituzzjonijiet tar-riċerka;

(iv) l-iżvilupp, safejn hu possibli, ta’ sistemi li jantiċipaw il-bidliet fix-xogħol u fil-ħtiġiet tal-kwalifiki, partikolarment fejn jidħlu mudelli ġodda tax-xogħol u għamliet ġodda ta’ l-organizzazzjoni tax-xogħol, waqt li titqies il-ħtieġa tar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tal-familja u dik tax-xogħol u l-għajnuna possibbli li l-ħaddiema anzjani jkollhom xogħol li jissodisfahom sakemm jirtiraw. Madankollu, dan m’għandux jinkludi l-finanzjament ta’ skemi ta’ rtirar kmieni mix-xogħol;

(b) miżuri li jmorru magħhom:

(i) għajnuna fil-provvediment tas-servizzi lil benefiċjarj, inkluż il-provvediment ta’ servizzi ta’ kura u faċilitajiet għad-dipendenti;

(ii) il-promozzjoni ta’ l-iżvilupp soċjo-edukattiv sabiex tiffaċilita l-approċċ integrat għad-dħul fis-suq tax-xogħol;

(iii) il-qawmien tal-konoxxenza, it-tagħrif u l-pubbliċità.

3. Il-Fond jista’ jiffinanzja attivitajiet skond it-tieni sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

L-Artikolu 4

Il-konċentrazzjoni ta’ l-għajnuna

1. B’rigward mistħoqq għall-prijoritajiet nazzjonali kif stabbiliti partikolarment fil-pjani nazzjonali tax-xogħol kif ukoll għall-evalwazzjoni ex ante, għandha tiġi ddikjarata strateġija li tqis l-oqsma kollha relevanti tal-politika u li tagħti attenzjoni partikolari għaż-żoni msemmija fl-Artikolu 2(1)(d) u (e). Biex tiġi massimizzata l-effiċjenza ta’ l-appoġġ tal-Fond, l-interventi tiegħu fi ħdan din l-istrateġija, u filwaqt li tqis l-oqsma ta’ prijorità msemmija fl-Artikolu 2(1), għandhom ikunu kkonċentrati fuq numru limitat ta’ oqsma jew temi u jkunu diretti lejn il-ħtiġiet l-aktar importanti u l-ħimiet l-aktar effettivi.

Fl-allokazzjoni ta’ l-approprjazzjonijiet għal kull intervent mill-Fond, għandha ssir għażla konġunta ta’ l-oqsma tal-politika li jridu jingħataw prijorità. Il-miżuri pprovduti fl-Artikolu 2(1) għandhom jitqiesu skond il-prijoritajiet nazzjonali.

2. Il-programmazzjoni ta’ l-interventi tal-Fond għandhom jipprovdu illi ammont raġjonevoli ta’ l-approprjazzjonijiet tal-Fond li jintgħamlu disponibbli għall-intervent ta’ l-Objettivi 1 u 3, għandhom ikunu disponibbli, skond l-Artikolu 27 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, fil-għamla ta’ għotjiet żgħar, b’aranġamenti speċjali għall-aċċess minn organizzazzjonijiet mhux governattivi u soċjetajiet lokali. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jimplimentaw dan il-paragrafu skond l-arranġamenti finanzjarji stabbiliti fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

L-Artikolu 5

L-inizjattiva Komunitarja

1. Skond l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, il-Fond għandu, bi qbil ma’ l-Artikolu 21(2) ta’ dak ir-Regolament, jikkontribwixxxi għall-implimentazzjoni ta’ l-Inizjattiva Komunitarja għalbiex tikkumbatti d-diskriminazzjoni u l-inegwaljanzi li għandhom x’jaqsmu mas-suq tax-xogħol (l-EQUAL).

2. Skond l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, id-Deċiżjonijiet dwar il-kontribuzzjoni mill-Fond lill-Inizjattiva Komunitarja tista’ twessa’ l-iskop ta’ l-attivitajiet eliġibbli msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament għalbiex tkopri l-miżuri li jistgħu jiġu ffinanzjati bir-Regolamenti (KE) Nru 1783/1999 [11], (KE) Nru 1257/1999 [12] u (KE) Nru 1263/1999 [13] sabiex jippermettu illi sseħħ l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha pprovduti fl-Inizjattiva.

L-Artikolu 6

Il-miżuri innovattivi u l-għajnuna teknika

1. Skond l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, il-Kummissjoni tista’ tiffinanzja ħidmiet ta’ tħejjija, ta’ monitorjar u ta’ evalwazzjoni fil-livell ta’ l-Istati Membri jew Komunitarju li huma meħtieġa sabiex jiġu implimentati l-ħidmiet imsemmija f’dan ir-Regolament. Dawn jistgħu jinkludu:

(a) operazzjonijiet ta’ natura innovattiva u proġetti pilota dwar is-swieq tax-xogħol, ix-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali;

(b) studji, għajnuna teknika u l-iskambji ta’ esperjenzi li għandhom effett multiplikatur;

(ċ) għajnuna teknika konnessa mat-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitorjar u l-evalwazzjoni, kif ukoll dwar il-kontroll tal-ħidmiet iffinanzjati mill-Fond;

(d) ħidmiet diretti, fi ħdan il-qafas tad-djalogu soċjali, lejn il-persunal ta’ intrapriżi f’żewġ Stati Membri jew aktar u li għandhom x’jaqsmu mat-trasferiment ta’ tagħrif speċjali relatat maż-żoni ta’ intervent mill-Fond;

(e) li tinforma lill-imsieħba diversi involuti, lill-benefiċjarji finali tal-għajnuna mill-Fond u lill-pubbliku ġenerali.

2. Skond l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999, l-iskop tal-ħidmiet imsemmija fil-paragrafu 1(a) ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu estiżi, b’Deċiżjoni għall-parteċipazzjoni fil-Fond, għall-miżuri li jistgħu jiġu ffinanzjati skond ir-Regolamenti (KE) Nru 1783/1999, (KE) Nru 1257/1999 u (KE) Nru 1263/1999, u dan biex jiġu koperti l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiġu implimentati l-azzjonijiet innovattivi fil-kwistjoni.

L-Artikolu 7

L-applikazzjonijiet għall-għajnuna

L-applikazzjonijiet għal kontribuzzjoni mill-Fond għandhom ikunu akkumpanjati minn formula komputerizzata, imfassla b’mod konġunt, li fiha jkun hemm imniżżla f’lista l-ħidmiet li jirrigwardaw kull għamla ta’ għajnuna biex din tkun tista’ tiġi segwita mill-impenn fl-estimi finanzjarji sal-ħlas finali.

L-Artikolu 8

Id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni

Ir-regoli dettaljati kollha għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999.

L-Artikolu 9

Id-dispożizzjonijiet transitorji

Id-dispożizzjonijiet transitorji li jinsabu fl-Artikolu 52 tar-Regolament (KE) Nru 1260/1999 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal dan ir-Regolament.

L-Artikolu 10

Il-klawsola ta’ reviżjoni

Fuq proposta mill-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrevedu dan ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2006.

Għandhom jaġixxu fuq din il-proposta skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 148 tat-Trattat.

L-Artikolu 11

Ir-revoka

Ir-Regolament (KEE) Nru 4255/88 għandu jiġi revokat mill-1 ta’ Jannar 2000.

Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

L-Artikolu 12

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-12 ta’ Lulju 1999.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. M. Gil-robles

Għall-Kunsill

Il-President

S. Niinistö

[1] Din il-pubblikazjoni tikkanċella u tissostitwixxi l-pubblikazzjoni li dehret fil-ĠU 161, tas- 26.6.1999, p. 48.

[2] ĠU C 176, tad-9.6.1998, p. 39 uĠU C 74, tat-18.3.1999, p. 7.

[3] ĠU C 407, tat-28.12.1998, p. 74.

[4] ĠU C 51, tat-22.2.1999, p. 48.

[5] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Novembru 1998 (ĠU C 379, tas-7.12.1998, p. 186), il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ April 1999 (ĠU C 134, ta’ l-14.6.1999, p. 9) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta’ Mejju 1999 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta’ Ġunju 1999.

[6] ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 1.

[7] ĠU L 185, tal-15.7.1988, p. 9. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 3193/94 (ĠU L 337, ta’ l-24.12.1994, p. 11).

[8] ĠU L 374, tal-31.12.1988, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 3193/94.

[9] ĠU L 374, tal-31.12.1988, p. 21. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2084/93 (ĠU L 193, tal-31.7.1993, p. 39).

[10] ĠU C 236, tat-2.8.1997, p. 3.

[11] ĠU L 213, tat-12.7.1999, p.1.

[12] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (EAGGF) (ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80).

[13] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1263/1999 tal-21 ta’ Ġunju 1999 dwar il-miżuri strutturali fil-qasam tas-sajd (ĠU L 161, tas-26.6.1999, p. 54).

--------------------------------------------------

Top