EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998R1638

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/98 ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 li jemenda r-Regolament Nru136/66/KEE dwar l-istabbiliment ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet.

ĠU L 210, 28.7.1998, p. 32–37 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2005; Imħassar b' 32004R0865

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1998/1638/oj

31998R1638



Official Journal L 210 , 28/07/1998 P. 0032 - 0037


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1638/98

ta’ l-20 ta’ Lulju 1998

li jemenda r-Regolament Nru136/66/KEE dwar l-istabbiliment ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq taż-żjut u x-xaħmijiet.

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

(1) Billi fi Frar 1997 il-Kummissjoni issottomettiet komunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-settur taż-żebbuġ u ż-żejt taż-żebbuġa, bil-konklużjoni li l-organizzazzjoni komuni viġenti tas-suq fiż-żjut u x-xaħmijiet għandha bżonn ta’ riforma; billi dak il-komunikat u l-għażliet imħollija fih ġew diskussi fl-istituzzjonijiet tal-Komunità; billi hemm l-opinjonijiet jaqblu dwar il-bżonn ta’ riforma; billi, b’dana kollu, bl-għan li jkun iddeterminat l-aħjar metodu, informazzjoni aktar attendibbli għandha tiġi miksuba, b’mod partikolari dwar in-numru ta’ siġar fil-Komunità, iż-żoni mxettla u l-prodott riżultanti; billi, il-ġabra ta’ dawn id-dati tirrikjedi ħafna ħin, il-Kummissjoni kkommettiet ruħha li tissottometti proposta għar-riforma matul is-sena 2000 biex tkun applikata matul is-sena tas-suq 2001/02.

(2) Billi l-esperjenza wriet li xi aġġustamenti għandhom jsiru fil-futur qarib fl-organizzazzjoni komuni preżenti tas-suq biex tnaqqas id-diffikultajiet ta’ l-operaturi fis-settur, jiġu msaħħa l-kontrolli mill-awtoritajiet nazzjonali u jkun protett aħjar il-bilanċ Komunitarju; billi miżuri għandhom jittieħdu għall-aġġustamenti neċessarji għall-organizzazzjoni tas-suq preżenti u l-prezzijiet u l-ammonti relevanti għandhom jiġu ffissati għas-snin tas-suq mill-1998/99 sal-2000/01.

(3) Billi l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 136/66/KEE tat-22 ta’ Settembru 1966 dwar it-twaqqif ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żjut u x-xaħmijiet [4] taħseb għall-għajnuna għall-produzzjoni iffissata fuq bażi ta’ rata fissa għall-produtturi li l-medja tal-produzzjoni tagħom ma’ teċċedix il-500 kg; billi il-miżura kienet intiża b’mod partikolari sabiex tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi konnessi mal-kontrolli fuq l-intitolament għall-għajnuna; billi, b’dana kollu, tibdil fl-iskema ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni, u b’mod partikolari ż-żieda fil-proporzjon tan-nefqa fuq l-għajnuna mħallsa lill-produtturi ż-żgħar u ż-żieda fil-livell ta’ l-għajnuna bidlu s-sistema b’żewġ saffi ta’ l-għajnuna lill-produtturi f’għajn ta’ frodi; billi id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu speċifikament ma’ l-għajnuna lill-produtturi ż-żgħar għandhom għalhekk jiġu mħassra.

(4) Billi l-mekkaniżmu stabbilizzatur għall-għajnuna għall-produzzjoni huwa bħalissa bbażat fuq kwantità massima ggarantita għall-Komunità fl-intier tagħha; billi l-kwantità massima ggarantita għandha tkun miżjuda sabiex tieħu kont, b’mod partikolari, tat-tendenzi fil-produzzjoni.

(5) Billi, sabiex jiġi nkoraġġut livell raġonevoli ta’ produzzjoni f’kull Stat Membru, il-kwantità massima ggarantita għandha tiġi mqassma bejn l-Istati Membri produtturi fil-forma ta’ Kwantitajiet Garantiti Nazzjonali (NGQ); billi t-tqassim għandhu essenzjalment ikun ibbażat fuq perjodu rappreżentattiv, mingħajr ma jittieħed kont ta’ snin ta’ produzzjoni estrema; billi, b’dana kollu, għandu jittieħed kont tas-sitwazzjoni fis-settur fl-Istati Membri differenti u b’mod partikolari ta’ l-allokazzjoni speċifika ta’ l-għajnuna li qabel kienet tingħata lill-produtturi ż-żgħar u tal-potenzjal produttiv ta’ msaġar taż-żebbuġ eżistenti fi Spanja u l-Portugall.

(6) Billi, sabiex jitnaqqsu l-effetti oxxilazzanti fil-produzzjoni, meta l-produzzjoni ta’ Stat Membru fil-fatt tkun anqas mill-NGQ, parti min-nuqqas jista’ jkun miżjud mal-NGQ ta’ dak l-Istat Membru għas-sena tas-suq segwenti; billi l-bqija tan-nuqqas jista’ jpaċċi l-NGQ żejda ta’ l-Istati Membri l-oħra sabiex titkompla li tkun assigurata s-solidarjetà bejn il-produtturi fl-Unjoni Ewropea.

(7) Billi l-għajnuna għall-produzzjoni hija pagabbli lil dawk li jkabbru ż-żebbuġ; billi dawn ta’ l-aħħar għandhom jirċievu l-għajnuna kollha, irrispettivament mill-varji tnaqqis li hemm provvediment dwarhom fir-regoli tal-Komunità.

(8) Billi, meta jkun meħtieġ li jingħata sostenn għaż-żebbuġ tal-mejda, l-Istati Membri għanhom ikunu kapaċi jagħmlu użu minn parti tar-riżorsi allokati għall-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa.

(9) Billi l-għajnuna għall-konsum ma tistax tkun miżjuda mingħajr ir-riskju ta’ frodi u mhix effettiva fil-livell attwali; billi fil-passat kienet imnaqqsa drastikament mingħajr effett ħażin fuq il-konsum taż-żejt taż-żebbuġa fil-Komunità; billi t-tneħħija tagħha tippermetti ż-żieda tal-kontrolli fuq l-iskema ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni, b’mod partikolari mill-aġenziji ta’ l-ispezzjoni hekk kif hemm ipprovdut dwar dan fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2262/84 tas-17 ta’ Lulju 1984 li jistabbilixxi miżuri speċjali għaż-żejt taż-żebbuġa [5]; billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3089/78 tad-19 ta’ Diċembru 1978 li jistabbilixxi regoli ġenerali għall-għajnuna għall-konsum taż-żejt taż-żebbuġa [6] għandhu għalhekk jiġi mħassar.

(10) Billi d-dispożizzjonijiet għall-promozzjoni tal-konsum taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda fl-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu miżmuma, iċċarati u msaħħa; billi miżuri bħal dawn huma intiżi sabiex jistabbilixxu bilanċ aħjar fis-suq u bħala konsegwenza n-nefqa relevanti għandha tkun meqjusa bħala intervent fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta’ April 1970 dwar l-iffinanzjar ta’ l-istrateġija agrikola komuni [7]; billi dawk id-dispożizzjonijiet jitolbu għal ċerti addattazzjonijiet tekniċi għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1970/80 tat-22 ta’ Lulju 1980 li jistabbilixxi regoli ġenerali ta’ l-implimentazzjoni għall-kampanji immirati għall-promozzjoni tal-konsum taż-żejt taż-żebbuġa fil-Komunità [8]; billi dak ir-Regolament għandhu jkun imħassar u d-dispożizzjonijiet tiegħu inkorporati, bl-emendi li hemm bżonn, fir-Regolament 136/66/KEE.

(11) Billi s-sistema ta’ buying-in pubbliku tikkostitwixxi inċentiv għall-produzzjoni li għandha l-possibilità li tiddistabilizza s-suq; billi l-buying-in għalhekk għandu jkun imwaqqaf u r-riferenzi għall-prezz ta’ l-intervent għandhom ikunu mħassra jew mibdula.

(12) Billi, jekk il-provvista taż-żejt taż-żebbuġa għandha tkun irregolata meta jkun hemm tfixkil serju tas-suq, hemm bżonn ta’ sistema ta’ għajnuna għall-kuntratti ta’ ħażna privati, bil-prijorità għall-kuntratti bħal dawn tingħata lill-gruppi ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet ta’ dawn irrikonoxxuti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 952/97 ta’ l-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-gruppi ta’ produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom [9].

(13) Billi d-definizzjonijiet tal-kategoriji taż-żejt verġni taż-żebbuġa fl-Anness tar-Regolament Nru 136/66/KEE jirreferu għall-stima organopletika bbażata fuq metodu partikolari; billi l-metodi ta’ l-analiżi sensorjali tjiebu dan l-aħħar, għalkemm għad baqa’ fihom riskju intrinsiku ta’ soġġettività; billi d-definizzjonijiet f’dan il-każ għandhom ikunu emendati biex jirreferu, fejn hemm bżonn, għall-metodi ta’ analiżi aktar effettivi.

(14) Billi, sabiex jitjieb it-tgħarif ta’ u l-kontrolli fuq il-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fil-livell tal-produttur individwali, attenzjoni speċjali għandha tingħata lix-xogħol fuq ir-reġistru tal-kultivazzjoni matul is-snin tas-suq 1998/99 sa 2000/01; billi, sabiex jittieħed kont ta’ l-esperjenza akkwistata, il-metodu użat għall-uċuħ l-oħrajn fil-kuntest tas-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll għandhom ikunu applikati wkoll għar-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk tistabbilixxi l-miżuri li għandhom jittieħdu u l-arranġamenti u l-kriterji li għandhom ikunu mħarsa sabiex jitwettaq il-ħolqien ta’ Sistema Ġeografika ta’ Informazzjoni; billi għalhekk huwa meħtieġ li ssir deroga mir-Regolament (KEE) Nru 154/75 [10] u mir-Regolament (KEE) Nru 2261/84 [11].

(15) Billi l-alternattivi għar-riforma jistgħu jinkoraġġixxu lill-produtturi biex iħawlu siġar taż-żebbuġ ġodda; billi tħawwil ġdid bħal dan ipoġġi serjament fil-periklu l-bilanċ futur tas-suq, li bħalissa diġà qiegħed fl-eċċess; billi, sabiex jitneħħa dak ir-riskju, dispożizzjonijiet għandhom ikunu magħmula f’dan l-istadju sabiex ikun eskluż tħawwil ġdid milli jkunu eliġibbli taħt xi skema ta’ għajnuna futura, sakemm m’humiex parti minn programm approvat mill-Kummissjoni; billi, minħabba l-ħin li hemm bżonn bejn il-preżentazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni u l-adozzjoni tagħha, tħawwil mix-xahar wara d-data meta l-operaturi jiġu nnotifikati bl-intenzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward għandhom ukoll ikunu ineliġibbli.

(16) Billi l-ħtieġa ta’ riforma tas-settur taż-żejt taż-żebbuġa jirriżulta mill-impossibbiltà aħħarija li jkunu mantenuti ċerti miżuri stabbiliti fir-Regolament Nru 136/66/KEE; billi, minkejja l-aġġustament transizzjonali stabbilit hawnhekk, il-miżuri f’dan il-każ għandhom ikunu mħassra b’effett mill-1 ta’ Novembru 2001,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Nru 136/66/KEE huwa emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 2a(2), il-kliem

"prezz ta’ l-intervent"

għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

"prezz tal-produzzjoni ppjanata, li minnu għandha titnaqqas l-għajnuna għall-produzzjoni u l-ammont li jieħu kont ta’ varjazzjonijiet fis-suq u l-ispejjeż tat-trasport taż-żejt taż-żebbuġa miż-żoni tal-produzzjoni għaż-żoni tal-konsum,".

2. L-Artikolu 4 għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

"L-Artikolu 4

1. Prezz ta’ mira tal-produzzjoni għandu jkun stabbilit għall-Komunità.

Dak il-prezz għandu jkun stabbilit fl-istadju tas-suq bl-ingrossa għaż-zejt verġni taż-żebbuġa ordinarju b’kontenut ħieles mill-grass aċiduż espress bħala aċiduu olejku ta’3,3 g/100 g.

2. Għas-snin tas-suq 1998/99 sa 2000/01, il-prezz mira tal-produzzjoni stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun ta’ ECU 383,77/100 kg.

3. Apparti milli għal xi deċiżjoni oħra tal-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, is-sena tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa għandha tkopri mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Ottubru tas-sena segwenti."

3. L-Artikolu 5 għandhu jkun mibdul b’dan li ġej:

"L-Artikolu 5

1. Għajnuna għall-produzzjoni għandha tkun mogħtija għaz-zejt taż-żebbuġa. Għajnuna bħal din għandha tkun intiża sabiex tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ qliegħ ekwu għall-produtturi.

L-għajnuna għandha tingħata lil dawk li jkabbru ż-żebbuġ fuq il-bażi tal-kwantità ta’ żejt taż-żebbuġa li fil-fatt jipproduċu.

Mingħajr preġudizzju għad-diversi tnaqqis li hemm provvediment dwaru fir-regoli tal-Komunità, l-għajnuna għandha tingħata kollha kemm hi lil dawk li jkabbru ż-żebbuġ.

2. Għas-snin tas-suq 1998/99 sa 2000/01, l-unità ta’ l-ammont għall-għajnuna għall-produzzjoni kif hemm provvedimenet dwarha fil-paragrafu 1 għandha tkun ta’ ECU 132,25/100 kg.

3. Il-kwantità massima taż-żejt taż-żebbuġa li għalih tapplika l-għajnuna li hemm provvediment dwarha fil-paragrafu 1 għandha tkun ta’ 1777261 tunnellata kull sena tas-suq. Dik il-kwantità massima ggarantita għandha tkun imqassma bejn l-Istati Membri kif ġej fil-forma ta’ NGQ:

—Spanja | 760027 tunnellata |

—Franza | 3297 tunnellata |

—Il-Greċja | 419529 tunnellata |

—L-Italja | 543164 tunnellata |

—Il-Portugall | 51244 tunnellata. |

4. Permezz tal-kondizzjonijiet li għandhom ikunu approvati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38, kull Stat Membru għandu jalloka parti mill-NGQ u mill-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa tiegħu sabiex jappoġġja ż-żebbuġ tal-mejda.

F’każi bħal dawn, il-NGQ użata sabiex ikunu applikati l-paragrafi 5 u 6 għandha tkun dik mogħtija fil-paragrafu 3, imnaqqsa bi kwantità korrispondenti għall-għajnuna mogħtija liż-żebbuġ tal-mejda.

5. Meta l-produzzjoni fi kwalunkwe sena tas-suq fi Stat Membru fil-fatt hija anqas mill-NGQ:

(a) 20 % tan-nuqqas għandu jkun distribwit bejn l-Istati Membri li jeċċedu l-NGQ matul l-istess sena tas-suq; id-distribuzzjoni għandha titwettaq proporzjonalment mal-NGQ ta’ l-Istati benefiċjarji; u

(b) 80 % tan-nuqqas għandu jkun miżjud, unikament għas-sena sussegwenti tas-suq, mal-NGQ tal-Istati Membri f’dak il-każ.

Il-kwantitajiet residwi għandhom jiġu mqassma mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38.

6. L-għajnuna stabbilita fil-paragrafu 2 għandha tingħata f’dawk l-Istati Membri li l-produzzjoni attwali tagħhom irrikonoxxuta bħala eliġibbli għall-għajnuna hija anqas jew ekwivalenti għall-NGQ tagħhom, flimkien ma’ kull żieda skond il-paragrafu 5.

Fl-Istati Membri l-oħra, kull unità ta’ l-għajnuna mogħtija għandha tkun ekwivalenti ma’ l-ammont stabbilit fil-paragrafu 2, immultiplikat b’koeffiċjent. Dak il-koeffiċjent għandu jkun stabbilit permezz tad-diviżjoni tal-NGQ ta’ l-Istat Membru kkonċernat, u kull żieda skond il-paragrafu 5, bil-produzzjoni attwalment irrikonoxxuta bħala intitolata għall-għajnuna.

7. Bil-ħsieb li tkun ikkontrollata l-kwantità taż-żejt taż-żebbuġa intitolata għall-għajnuna, ir-rendimenti taż-żebbuġ u taż-żejt taż-żebbuġa għandhom jiġu stabbiliti għal kull sena tas-suq għal kull zona omoġenija tal-produzzjoni.

8. Organizzazzjonijiet ta’ produtturi rrikonoxxuti u l-assoċjazzjonijiet tagħhom jistgħu jiġu assoċjati fix-xogħol tad-determinazzjoni tal-produzzjoni attwali li hemm referenza dwarha fil-paragrafu 5 u ta’ l-istabbiliment tar-rendimenti kif hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 7.

9. Persentaġġ mill-għajnuna għall-produzzjoni allokata lil kull jew lil xi wħud mill-produtturi għandha tkun użata sabiex jiġu ffinanzjati miżuri reġjonali għat-titjib fil-kwalità tal-produzzjoni taż-żejt u l-impatt ambjentali f’kull Stat Membru produttur.

Għas-snin tas-suq 1998/99 sa 2000/01, il-persentaġġ li hemm referenza dwaru fl-ewwel subparagrafu għandu jammonta għal 1,4 % ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni allokata għall-produtturi taż-żejt taż-żebbuġa.

10. Il-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, għandhu jistabbilixxi regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

11. Ir-rendimenti li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 7 u r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu ddeterminati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 ta’ dan ir-Regolament u, meta applikabbli, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta’ April 1970 dwar il-finanzjament ta’ l-istrateġija agrikola komuni [12].";

4. L-Artikoli 5a, 7 u 8 għandhom jiġu mħassra;

5. L-Artikolu 11 għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

"L-Artikolu 11

1. Il-Komunità tista’ tieħu miżuri direttament jew indirettament sabiex tipprovdi informazzjoni jew biex tippromwovi, fl-Istati Membri jew f’pajjiżi terzi, il-konsum taż-żejt taż-żebbuġa u ż-żebbuġ tal-mejda prodott fil-Komunità.

Il-miżuri li hemm referenza dwarhom fl-ewwel subparagrafu jistgħu jinvolvu dan li gej:

(a) id-disseminazzjoni tat-tagħrif eżistenti, b’mod partikolari dwar il-kwalitajiet nutrizzjonali taż-żejt taż-żebbuġa;

(b) l-istudji tas-suq sabiex ikun imkabbar is-suq taż-żejt taż-żebbuġa;

(ċ) il-pubbliċità, ir-relazzjonijiet pubbliċi u l-kampanji promozzjonali sabiex ikun inkoraġġit il-konsum taż-żejt taż-żebbuġa, b’mod partikolari bil-ħsieb li tkun enfasizzata l-kwalità tiegħu, u tal-prodotti mħejja biż-żejt taż-żebbuġa;

(d) xogħol ta’ riċerka, b’mod partikolari dak li jkopri l-istudju xjentifiku dwar l-aspetti nutrizzjonali taż-żejt taż-żebbuġa;

(e) l-istudju li jagħmel stima tar-riżultati tal-kampanji promozzjonali.

2. Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Kunsill programm tal-miżuri li tikkunsidra li tieħu matul is sena jew snin tas-suq segwenti. Bil-ħsieb li jitfassal il-programm, il-Kummissjoni tista’ b’mod partikolari tikkonsulta mal-korpi li jispeċjalizzaw fl-istudji tas-suq u l-kampanji pubbliċitarji u l-istituti tar-riċerka.

3. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar il-miżuri elenkati fil-paragrafu 1 wara li tikkonsulta mal-Kumitat ta’ Ġestjoni għaż-Żjut u x-Xaħmijiet skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 39.

4. In-nefqa involuta dwar il-miżuri li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 1 tista’ tkun iffinanzjata b’rata ta’ 100 % mill-Komunità u għandha tkun meqjusa bħala intervent skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70.

5. Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38.";

6. L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 11a għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

"L-Istati Membri individwali għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippenalizzaw ksur ta’ l-iskema ta’ l-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 5. Meta xi ksur ikun irrappurtat mill-aġenziji ta’ l-ispezzjoni stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2262/84 tas-17 ta’ Lulju 1984 li jistabbilixxi miżuri speċjali fir-rigward taż-żejt taż-żebbuġa [*] ĠU L 208, tat-3.8.1984, p.11. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2599/97 (ĠU L 351, tat-23.12.1997, p.17)., l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fi żmien 12-il xahar mir-rapport.";

7. L-Artikolu 12 għandu jitħassar;

8. L-Artikolu 12a għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

"L-Artikolu 12a

Fil-każ ta’ tfixkil serju tas-suq f’ċerti reġjuni tal-Komunità, sabiex ikun irregolarizzat is-suq, deċiżjoni tista’ tkun meħuda skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 sabiex jiġu awtorizzati korpi li joffru garanziji suffiċjenti, u approvati mill-Istati Membri, sabiex jikkonkludu kuntratti għall-ħażna taż-żejt taż-żebbuġa li huma jpoġġu fuq is-suq.

Fost il-korpi kkonċernati, prijorità għandha tingħata lill-gruppi tal-produtturi u l-assoċjazzjonijiet tagħhom irrikonoxxuti skond ir-Regolament (KE) Nru 952/97 [*] ĠU L 142, tat-2.6.1997, p.30..

Il-miżuri li hemm referenza dwarhom fl-ewwel paragrafu jistgħu jiġu implimentati inter alia meta l-prezz medju rreġistrat fuq is-suq matul perjodu rappreżentattiv huwa anqas minn 95 % tal-prezz ta’ l-intervent applikabbli matul is-sena tas-suq 1997/98.

L-ammont ta’ l-għajnuna għat-twettiq ta’ kuntratti u r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari l-kwantitajiet, il-kwalitajiet u t-tul tal-ħażna taż-żjut ikkonċernati, għandhom ikunu stabbiliti permezz tal-proċedura stabbilita skond l-Artikolu 38 b’tali mod li tassigura impatt sinjifikanti fuq is-suq. L-għajnuna tista’ tingħata permezz ta’ offerti.";

9. L-Artikolu 20(2) għandhu jkun imħassar;

10. L-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 20a(2) u l-Artikolu 20a(4) għandhom jiġu mħassra;

11. L-Artikolu 20d(1) għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

"1. Persentaġġ ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni għandha tkun miżmuma mill-ammont imħallas lill-gruppi ta’ produtturi rrikonoxxuti u l-assoċjazzjonijiet tagħhom permezz ta’ dan ir-Regolament. L-ammont li jirriżulta għandu jgħin biex jiġu ffinanzjati attivitajiet permezz ta’ l-Artikolu 5(7) u l-Artikolu 20c.

Għas-snin tas-suq 1998/99 sa 2000/01, il-persentaġġ ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni li hemm referenza dwarha fl-ewwel subparagrafu għandu jkun ta’ 0,8 %.";

12. L-Artikolu 20d(3) għandu jkun imħassar;

13. Il-punt 1 ta’ l-Anness għandu jkun mibdul b’dan li ġej:

"1. Żjut verġni taż-żebbuġa iż-żejt extra verġni taż-żebbuġa : Iż-żejt taż-żebbuġa li għandu massimu ta’ ħelsien mill-aċidu, f’termini ta’ aċidu olejku, ta’ 1 g kull 100g, li l-karatteristiċi l-oħra tiegħu jkunu konformi ma’ dawk stabbiliti għal din il-kategorija.

Żejt verġni taż-żebbuġa (l-espressjoni "żejt verġni fin" tista’ tkun użata fl-istadju tal-produzzjoni jew tal-bejgħ bl-ingrossa) : Iż-żejt verġni taż-żebbuġa li għandu massimu ta’ ħelsien mill-aċidità, f’termini ta’ aċidu olejku, ta’ 2 g kull 100 g, li l-karatteristiċi l-oħra tiegħu jkunu konformi ma’ dawk stabbiliti għal din il-kategorija.

Żejt verġni ordinarju taż-żebbuġa : Żejt verġni taż-żebbuġa li għandu massimu ta’ ħelsien mill-aċidità, f’termini ta’ aċidu olejku, ta’ 3,3 g kull 100 g, li l-karatteristiċi l-oħra tiegħu jikunu konformi ma’ dawk stabbiliti għal din il-kategorija.

Żejt verġni lampante taż-żebbuġa : Żejt verġni taż-żebbuġa li għandu ħelsien mill-aċididtà, f’termini ta’ aċidu olejku, ta’ aktar minn 3,3 g kull 100 g u/jew li l-karatteristiċi l-oħra tiegħu jkunu konformi ma’ dawk stabbiliti għal din il-kategorija."

Artikolu 2

1. Minkejja r-Regolament (KEE) Nru 154/75, ix-xogħol fuq ir-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ matul is-snin tas-suq 1998/99 sa 2000/01 għandu jiffoka fuq il-ħolqien ta’, l-aġġornament u użu ta’ sistema ta’ l-informazzjoni ġeografika (GIS).

Il-GIS għandha tkun maħluqa bl-użu ta’ dettalji mir-reġistru tal-kultivazzjoni taż-żebbuġ. Dettalji addizzjonali għandhom ikunu pprovduti mid-dikjarazzjonijiet tat-tkabbir mhemuża ma’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna. L-informazzjoni fil-GIS għandha tkun pożizzjonata ġeografikament bl-użu ta’ ritratti kompjuterizzati meħuda mill-ajru.

2. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li l-informazzjoni fid-dikjarazzjonijiet tat-tkabbir tkun tikkorrispondi għall-informazzjoni fil-GIS. Jekk din l-informazzjoni ma tkunx tikkorrispondi, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-verifiki u l-kontrolli fuq il-post.

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi r-regoli dettaljati u l-kriterji biex tassigura l-korrispondenza kif hemm referenza dwarha fl-ewwel subparagrafu u t-tolleranza aċċettabbli. Għandha wkoll tistabbilixxi r-regoli dettaljati u l-intensità għall-verifikazzjonijiet u l-kontrolli fuq il-post li għandhom jitwettqu matul kull waħda mit-tliet snin tas-suq mill-1998/99 sal-2000/01.

3. Jekk, matul il-verifiki u l-kontrolli li hemm referenza dwarhom fil-paragrafu 2, l-informazzjoni fid-dikjarazzjoni tat-tkabbir ma tinstabx korretta, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam man-numru ta’ siġar taż-żebbuġ, l-Istati Membri għandhom japplikaw, għal sena tas-suq waħda jew aktar, u skond id-daqs tad-diskrepanzi misjuba:

- tnaqqis fil-kwantità taż-żejt taż-żebbuġa eliġibbli għall-għajnuna, jew

- l-esklużjoni tas-siġar taż-żebbuġ ikkonċernati mill-eliġibbiltà għall-għajnuna,

skond ir-regoli u l-kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni.

4. Il-Kummissjoni għandha tadotta il-miżuri li għandhom jittieħdu u r-regoli dettaljati, il-kriterji u l-intensità tal-kontrolli li għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ dan l-Artikolu għas-snin tas-suq 1998/99 sa 2000/01, skond il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

5. Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw permezz ta’ deroga minn dawk stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 2261/84 f’dak li għandu x’jaqsam mad-dikjarazzjonijiet tat-tkabbir u r-rabtiet tagħhom ma’ l-għajnuna.

Artikolu 3

1. Skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri meħtieġa għal transizzjoni bla xkiel mill-arranġamenti viġenti għas-sena tas-suq 1997/98 għal dawk li jirriżultaw mill-miżuri introdotti b’dan ir-Regolament.

2. Fuq proposta mill-Kummissjoni li għandha tkun ippreżentata fl-2000, il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żjut u x-xaħmijiet li għandha tieħu post, mill-1 ta’ Novembru 2001, dak stabbilit permezz tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

Artikolu 4

1. L-ebda għajnuna permezz ta’ l-organizzazzjoni komuni tas-suq fiż-żjut u x-xaħmijiet viġenti mill-1 ta’ Novembru 2001 ma tista’ tkun imħallsa lil dawk li jkabbru ż-żebbuġ fir-rigward tas-siġar taż-żebbuġ addizzjonali jew taż-żoni relevanti mħawla wara l-1 ta’ Mejju 1998 u dawk mhux koperti minn dikjarazzjoni ta’ kultivazzjoni f’data li trid tkun iddeterminata.

Minkejja dan:

- siġar taż-żebbuġ addizzjonali konnessi mall-konverżjoni ta’ pjantaġjon qadim taż-żebbuġ, jew

- tħawwiliet ġodda

fuq żoni koperti bi programm approvat mill-Kummissjoni jista’ jkun meqjus sa ċerti limiti li għandhom ikunu ddeterminati. Għall-Greċja, Franza, u l-Portugall, iż-żoni li hemm provvediment dwarhom bil-programmi li għandhom ikunu approvati mill-Kummissjoni matul il-perjodu kurrenti sa l-1 ta’ Novembru 2001 għandhom ikunu 3500 ettaru, 3500 ettaru, u 30000 ettaru rispettivament.

Ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 136/66/KEE.

Artikolu 5

L-Artikoli 5, 11a, 12a, 13 u 20a tar-Regolament Nru 136/66/KEE huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Novembru 2001.

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 3089/78 u 1970/80 huma mħassra.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jkun japplika mill-1 Novembru 1998.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-20 Lulju 1998.

Għall-Kunsill

Il-President

W. Molterer

[1] ĠU C 136, ta' l-1.5.1998, p.20.

[2] ĠU C 210, tat-6.7.1998.

[3] ĠU C 235, tas-27.7.1998.

[4] ĠU C 172, tat-30.9.1966, p.3025/66. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 1581/96 (ĠU L 206, tas-16.8.1996, p.11).

[5] ĠU L 208 tat-3.8.1984, p.11. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 2599/97 (ĠU L 351, tat-23.12.1997, p.17).

[6] ĠU L 369, tad-29.12.1978, p.12. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat permezz ta’ Regolament (KE) Nru 1582/96 (ĠU L 206, tas-16.8.1996, p.13).

[7] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p.13. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 1287/95 (ĠU L 125, tat-8.6.1995, p.1).

[8] ĠU L 192, tas-26.7.1980, p.5. Ir-Regolament kif emendat permezz tar-Regolament (KEE) Nru 1651/86 (ĠU L 145, tat-30.5.1986, p.10).

[9] ĠU L 142, tat-2.6.1997, p.30.

[10] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 154/75 tal-21 ta’ Jannar 1975 dwar l-istabbiliment ta’ reġistru tal-koltivazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa fl-Istati Membri li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 19, ta' l-24.1.1975, p.1). Ir-Regolement kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament (KEE) Nru 3788/85 (ĠU L 367, tal-31.12.1985, p.1).

[11] Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2261/84 tas-17 ta’ Lulju 1984 li jistabbilixxi regoli ġenerali dwar l-għoti ta’ l-għajnuna għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa u ta’ l-għajnuna lill-organizzazzjonijiet ta’ dawk li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa (ĠU L 208, tat-3.8.1984, p.3). Ir-Regolament kif l-aħħar emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 636/95 (ĠU L 67, tal-25.3.1995, p.1).

[12] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p.13. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1287/95 (ĠU L 125, tat-8.6.1995, p.1).

--------------------------------------------------

Top