Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31994L0034

    Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/34/KE tat-30 ta’ Ġunju 1994 li temenda d-Direttiva 89/107/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw l-addittivi ma’ l-ikel awtorizzati għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem

    ĠU L 237, 10.9.1994, p. 1–2 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/01/2010; Impliċitament imħassar minn 32008R1333

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1994/34/oj

    31994L0034



    Official Journal L 237 , 10/09/1994 P. 0001 - 0002
    Finnish special edition: Chapter 13 Volume 27 P. 0003
    Swedish special edition: Chapter 13 Volume 27 P. 0003


    Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/34/KE

    tat-30 ta’ Ġunju 1994

    li temenda d-Direttiva 89/107/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li jirrigwardaw l-addittivi ma’ l-ikel awtorizzati għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-konsum mill-bniedem

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100a tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2],

    Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura riferita fl-Artikolu 189b tat-Trattat [3],

    Billi r-regoli għall-armonizzazzjoni fil-qasam ta’ l-addittivi m’għandhomx jaffettwaw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Istati Membri li jkunu jeżistu fl-1 ta’ Jannar 1992, li jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti addittivi f’ċerti l-oġġetti ta’ l-ikel speċifiċi li huma kkunsidrati bħala tradizzjonali u huma prodotti fit-territorju tagħhom, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jkoprux serje sħiħa ta’ oġġetti ta’ l-ikel inklużi l-oġġetti ta’ l-ikel li ma jaqgħux taħt din id-Direttiva imma li rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet Komunitarji jipprovdu għall-awtorizzazzjoni ta’ l-addittivi;

    Billi dawn il-prodotti jistgħu jingħarfu minn xulxin b’tikkettjar xieraq;

    Billi ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel li jikkonformaw mad-direttivi li jirrigwardaw l-addittivi m’għandhomx jiġu affettwati;

    Billi l-libertà ta’ l-istabbiliment, kif ukoll tal-produzzjoni u l-bejgħ fit-territorju ta’ kull wieħed mill-Istati Membri ta’ oġġetti ta’ l-ikel li jikkonformaw mad-Direttivi li jirrigwardaw l-addittivi m’għandhomx jiġu affetwati,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    L-Artikolu 1

    L-Artikolu 3a li ġej għandu jiddaħħal fid-Direttiva Nru 89/107/KEE [4]:

    "L-Artikolu 3a

    1. B’deroga mill-Artikolu 3(2)(a) u (b), il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 100a tat-Trattat, jawtorizza lill-Istati Membri li jibqgħu jżommu l-projbizzjoni dwar l-użu ta’ ċerti addittivi fil-produzzjoni ta’ ċerti oġġetti ta’ l-ikel ikkunsidrati bħala tradizzjonali sakemm:

    - din il-projbizzjoni tkun eżistiet fl-1 ta’ Jannar 1992,

    - l-Istati Membri ikkonċernati jawtorizzaw fuq it-territorju tagħhom il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ kull oġġett ta’ l-ikel mhux ikkunsidrat bħala tradizzjonali li jikkonforma mar-regoli pprovvduti fl-Artikolu 3.

    2. Mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (KEE) Nru 2081/92 [5] u (KEE) Nru 2082/92 [6], qabel l-1 ta’ Lulju 1994, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-lista ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel li jikkunsidraw bħala tradizzjonali, filwaqt li jagħtu r-raġunijiet tagħhom fid-dettal, flimkien mad-dispożizzjonijiet leġislattivi rilevanti li jipprojbixxu l-użu ta’ ċerti additivi f’dawn l-oġġetti ta’ l-ikel.

    Qabel l-1 ta’ April 1995, il-Kummissjoni għandha tissottometti proposta lill-Kunsill dwar il-kriterji li jridu jiġu applikati sabiex jiġi deċiz jekk prodott huwiex tradizzjonali jew le u dwar il-projbizzjonijiet nazzjonali li jkunu jistgħu jinżammu skond dawn il-kriterji.

    Il-Kunsill għandu jaġixxi fuq il-proposta qabel l-1 ta’ April 1996.

    3. Sakemm il-Kunsill ikun irregola dwar il-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jżommu kull projbizzjoni li tkun ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni skond l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, sakemm jikkonformaw mal-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-paragrafu 1."

    L-Artikolu 2

    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva.

    Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza ta’ meta jiġu ppublikati uffiċjalment. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    L-Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fit-30 ta’ Ġunju 1994.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    E. Klepsch

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. Baltas

    [1] ĠU C 206, tat-13.8.1992, p. 1.

    [2] ĠU C 73, tal-15.3.1993, p. 4.

    [3] L-opinjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Mejju 1993 (ĠU C 176, tat-28.6.1993, p. 117), ikkonfermata fit-2 ta’ Diċembru 1993 (ĠU C 342, tal-20.12.1993), il-Pożizzjoni komuni tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 1994 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 (ĠU C 91, tat-28.3.1994, p. 75).

    [4] ĠU L 40, tal-11.2.1989, p. 27.

    [5] Ir-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għal prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 208, ta’ l-24.7.1992, p. 1).

    [6] Ir-regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar iċ-ċertifikati ta’ karattru speċifiku għal prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 208, ta’ l-24.7.1992, p. 9).

    --------------------------------------------------

    Top