Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31993R1848

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1848/93 tad-9 ta' Lulju 1993 li jistabilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/92 dwar iċ-ċertifikati ta’ karattru speċifiku għal prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel.

ĠU L 168, 10.7.1993, p. 35–36 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/10/2007; Imħassar b' 32007R1216

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1993/1848/oj

31993R1848



Official Journal L 168 , 10/07/1993 P. 0035 - 0036
Finnish special edition: Chapter 3 Volume 50 P. 0252
Swedish special edition: Chapter 3 Volume 50 P. 0252


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1848/93

tad-9 ta' Lulju 1993

li jistabilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/92 dwar iċ-ċertifikati ta’ karattru speċifiku għal prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel.

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/92 ta’ l-14 ta’ Lulju 1992 dwar iċ-ċertifikati ta’ karattru speċifiku għall-prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 20 tiegħu,

Billi, biex tassigura li r-Regolament (KEE) Nru 2082/92 jkun applikat b’uniformità, għandhom ikunu stabbiliti dati ta’ l-għeluq preċiżi għall-proċedura tar-reġistrazzjoni;

Billi, biex jitqiesu d-differenzi fis-sitwazzjonijet legali fl-Istati Membri, dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjoni fis-sens tat-tifsira ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92 ippreżentati minn grupp ta’ individwi magħquda b’interess komuni tista’ tkun ammissibbli;

Billi, biex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddefinixxi s-simbolu Komunitarju u l-indikazzjoni li hemm provvediment dwarha fl-Artikoli 12 u 15 rispetivament tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92, l-informazzjoni meħtieġa għandha tinġabar sabiex tkun tista’ ssir l-evalwazzjoni;

Billi dawn l-arranġamenti jikkostitwixxu sistema Komunitarja ġdida bi tweġiba għat-talbiet tal-konsumaturi għall-informazzjoni dwar prodotti tradizzjonali speċifiċi; billi huwa essenzjali li tkun spjegata t-tifsira tas-simbolu u l-indikazzjoni tal-Komunità lill-pubbliku, mingħajr b’daqshekk ma jitneħħa l-bżonn għal dawk li jipproduċu u/jew jipproċessaw biex jippromwovu l-prodotti rispettivi tagħhiom;

Billi r-Regolament (KEE) Nru 2082/92 ma jeskludix l-eżistenza ta’ sistema nazzjonali ta’ ċertifikazzjoni għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel; billi l-użu, fejn ikun xieraq, ta’ simbolu nazzjonali flimkien mas-simbolu tal-Komunità għandu jkun permissibbli fl-ittikkettjar, fil-preżentazzjoni u fir-reklamar ta’ dawn il-prodotti;

Billi l-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’dan ir-Regolament huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju taċ-Ċertifikati ta’ Karattru Speċifiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT-:

L-Artikolu 1

1. Il-perjodu ta’ sitt xhur li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92 għandu jibda jgħodd mid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitàjiet Ewropej li hemm referenza dwaru fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament.

2. Il-perjodu ta’ sitt xhur għandu jikkonsisti minn:

- perjodu ta’ ħames xhur li matulhom kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun ikkonċernata mir-reġistrazzjoni tista’ toġġezzjona għar-reġistrazzjoni ppjanata bis-saħħa ta' l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92, u

- perjodu ta’ xahar, jew perjodu itwal sakemm il-perjodu li hemm provvediment dwaru fil-paragrafu 1 jkun osservat, isir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex jittrasmettu dawn l-għanijiet lejn il-Kummissjoni.

L-Artikolu 2

Għall-finijiet tat-trasmissjoni mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-limiti taż-żmien stabbiliti għal:

- in-notifika ta’ l-oġġezzjonijiet fis-sens tat-tifsira ta’ l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92, u

- in-notifika ta’ l-oġġezzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet fis-sens tat-tifsira ta’ l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92,

għandu jiġi nnotat jew id-data tat-trasmissjoni, fejn it-timbru postali jkun aċċettat bħala d-data tat-trasmissjoni, jew id-data ta' l-iriċevuta meta d-dokumenti ikunu ntbagħtu lejn il-Kummissjoni direttament bit-telex jew bil-fax.

L-Artikolu 3

Meta l-liġi nazzjonali tittratta grupp ta’ individwi mingħajr personalità legali bħala persuna legali, l-imsemmi ġrupp ta’ l-individwi għandu jkun awtorizzat li jikkonsulta l-applikazzjoni fis-sens u fis-suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92 u li jressaq oġġezzjoni fis-sens u fis-suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 83) ta’ dak ir-Regolament.

L-Artikolu 4

1. Is-simbolu tal-Komunità li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92 u l-indikazzjoni li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 15 ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu definiti malajr kemm jista’ jkun b’konfornità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 ta’ dak ir-Regolament.

2. Għal perjodu ta’ ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tinforma lill-pubbliku dwar it-tifsira ta’ l-indikazzjoni u tas-simbolu tal-Komunità. Dawn il-passi ma għandhomx jieħdu l-forma ta’ għajnuna favur dawk li jipproduċu u/jew li jipproċessaw.

L-Artikolu 5

L-użu simultanju tas-simbolu tal-Komunità flimkien mas-simboli nazzjonali għandu jkun awtorizzat għall-prodotti agrikoli u oġġetti ta’ l-ikel li jissodisfaw iż-żewġ ħtiġiet tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92 u l-ħtiġiet nazzjonali li magħhom dawk il-prodotti u l-oġġetti ta’ l-ikel jikkorrispondu.

L-Artikolu 6

Sussegwentament għar-reġistrazzjoni li hemm provvediment dwarha fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2082/92, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jassiguraw li kwalunkwe individwu jkun jista’ jikkonsulta l-ispeċifikazzjoni tal-prodott agrikolu jew ta’ l-oġġett ta’ l-ikel li jkun hekk irreġistrat.

L-Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-26 ta’ Lulju 1993.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-9 ta’ Lulju 1993.

Għall-Kummissjoni

René Steichen

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 208, ta' l-24.7.1992, p. 9

--------------------------------------------------

Top