Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31992R0881

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 881/92 tas-26 ta' Marzu 1992 dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport ta' merkanzija bit-triq fil-Komunità lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru jew li jgħaddi mit-territorju ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri

    ĠU L 95, 9.4.1992, p. 1–7 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 03/12/2011: This act has been changed. Current consolidated version: 04/12/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1992/881/oj

    31992R0881



    Official Journal L 095 , 09/04/1992 P. 0001 - 0007


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 881/92

    tas-26 ta' Marzu 1992

    dwar l-aċċess għas-suq tat-trasport ta' merkanzija bit-triq fil-Komunità lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru jew li jgħaddi mit-territorju ta' wieħed jew aktar mill-Istati Membri

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 75 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi l-istabbiliment ta' politika komuni tat-trasport tinvolvi, inter alia, li jsiru regoli komuni applikabbli għall-aċċess għas-suq fit-trasport internazzjonali ta' merkanzija bit-triq fit-territorju tal-Komunità; billi dawk ir-regoli għandhom isiru b'mod li jikkontribwixxu għall-kisba tas-suq intern tat-trasport;

    Billi dawn l-arranġamenti uniformi għall-aċċess għas-suq jinvolvu wkoll l-introduzzjoni tal-libertà tal-provvediment tas-servizzi permezz ta' l-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet imposti fuq il-fornituri tas-servizzi minħabba n-nazzjonalità jew minħabba l-fatt li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dak li fih is-servizz sejjer ikun ipprovdut;

    Billi, f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport minn Stati Membru lejn Stat li mhuwiex Membru u viċe versa, l-implimentazzjoni tal-libertà li jkunu pprovduti servizzi għall-vjaġġ fit-territorju ta' Stat Membru ta' tagħbija u ta' ħatt għandu jkun pospost sakemm ikunu konklużi jew emendati l-arranġamenti xierqa mal-pajjiżi kkonċernati li ma humiex membri, biex jiggarantixxu l-konformità mal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni u l-ugwaljanza tal-kondizzjonijiet tal-kompetizzjonijiet bejn it-trasportaturi tal-Komunità;

    Billi, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta' Mejju 1985 fil-Każ 13/83 [4] u fil-konklużjonijiet adottati fit-28 u fid-29 ta' Ġunju 1985 mill-Kunsill Ewropew dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tlestija tas-suq intern, fil-21 ta' Ġunju 1988 il-Kunsill adotta ir-Regolament (KEE) Nru 1841/88 [5] li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 3164/76 dwar l-aċċess għas-suq fit-trasport internazzjonali ta' merkanzija bit-triq [6];

    Billi permezz ta' l-Artikolu 4a tar-Regolament (KEE) Nru 3164/76 miżjud bir-Regolament (KEE) Nru 1841/88 mill-1 ta' Jannar 1993, il-kwoti tal-Komunità, kwoti bilaterali bejn l-Istati Membri u kwoti mit-traffiku transitorju lejn u minn pajjiżi li ma humiex membri ser ikunu abolixxiti għat-tipi tat-trasport li hemm referenza dwarhom f'dak l-Artikolu, u l-arranġamenti għall-aċċess għas-suq bla restrizzjonijiet kwantittativi ibbażati fuq il-kriterji kwalitattivi li t-trasportaturi jridu jissodisfaw sejrin jiġu introdotti;

    Billi dawn il-kriterji kwalitattivi huma prinċiparjament stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 74/561/KEE tat-12 ta' Novembru 1974 dwar id-dħul għall-mestier ta' operatur tat-trasport bit-triq f'operazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali tat-trasport, kif l-aħħar emendat mid-Direttiva tal-Kunsill 89/483/KEE tal-21 ta' Ġunju 1989 [7];

    Billi permezz ta' l-Artikolu 4b tar-Regolament (KEE) Nru 3164/76, kif miżjud bir-Regolament (KEE) Nru 1841/88, il-Kunsill għandu jadotta l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' l-imsemmi Artikolu 4a;

    Billi f'dak li jirrigwardja r-regoli għall-applikazzjoni ta' l-arranġamenti għall-aċċess, it-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq għandu jkun ikkondizzjonat mill-pussess ta' l-awtorizzazzjoni għat-trasport bla kwota mill-Komunità;

    Billi fil-preżent, permezz ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1962 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ta' merkanzija bit-triq bejn l-Istati Membri [8], ċertu numru ta' tipi ta' karreġġjati huma eżentati minn kwalunkwe kwota jew sistema ta' awtorizzazzjoni tat-trasport; billi, fil-qafas ta' l-organizzazzjoni l-ġdida tas-suq introdott b'dan ir-Regolament, is-sistema ta' l-eżenzjoni mill-awtorizzazzjoni mill-Komunità jew minn xi awtorizzazzjoni ta' trasport oħra għandha tinżamm għal ċertu tip ta' trasport, minħabba n-natura speċjali tagħhom;

    Billi l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-kwistjoni u l-irtirar ta' l-awtorizzazzjonijiet u t-tipi ta' kareġġjati li għalihom japplikaw, il-perjodi tal-validità tagħhom u r-regoli dettaljati għall-użu tagħhom għandhom jiġu stabbiliti,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    L-Artikolu 1

    1. Dan ir-Regolament għandu japplika għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq bil-kiri jew b'kumpens għall-vjaġġi li jsiru fit-territorju tal-Komunità.

    2. Fil-każ ta' trasport minn Stat Membru lejn pajjiż li ma huwiex membru u viċe versa, dan ir-Regolament għandu japplika għal dik il-parti tal-vjaġġ li ssir fit-territorju ta' l-Istat Membru tal-ħatt u tat-tgħabija wara li jintlaħaq il-ftehim meħtieġ bejn il-Komunità u l-pajjiż ikkonċernat li ma huwiex membru.

    3. Sakemm jintlaħaq il-ftehim bejn il-Komunità u l-pajjiżi kkonċernati li ma humiex membri, dan ir-Regolament m'għandux jeffettwa:

    - id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-trasport li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 2 li huma inklużi fil-ftehim bilaterali li ntlaħaq mill-Istati Membri ma' dawk il-pajjiżi li ma humiex membri. B'danakollu, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jadattaw dak il-ftehim biex jassiguraw li l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni jkun imħares bejn it-trasportaturi tal-Komunità,

    - id-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-trasport li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 2 li huma inklużi fil-ftehim bilaterali li sar bejn l-Istati Membri, li, jew permezz ta' l-awtorizzazzjonijiet bilaterali jew permezz ta' l-arranġamenti għal-liberalizzazzjoni, jippermettu t-tagħbija jew il-ħatt fi Stat Membru minn trasportaturi li ma humiex stabbiliti f'dak l-Istat Membru.

    L-Artikolu 2

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

    - "vettura" għandha tfisser vettura bil-mutur irreġistrata fi Stat Membru jew grupp magħqud ta' vetturi li jkollu għallinqas vettura waħda mill-grupp irreġistrata fi Stat Membru u li huma użati esklussivament fit-trasport tal-merkanzija,

    - "trasport internazzjonali", għandu jfisser:

    - vjaġġ magħmul minn vettura li l-post tat-tluq u tal-wasla tagħha jkunu f'żewġ Stati Membri differenti, billi tgħaddi jew bla ma tgħaddi minn xi Stat Membru wieħed jew aktar minn wieħed jew minn pajjiżi li ma humiex membri;

    - vjaġġ li jsir minn vettura minn Stat Membru lejn pajjiż li ma huwiex membru jew viċe versa, sew jekk tgħaddi kif ukoll jekk ma tgħaddix minn Stat Membru wieħed jew aktar jew minn pajjiżi li ma humiex membri;

    - vjaġġ li jsir minn vettura bejn pajjiżi li ma humiex membri, bla ma jgħaddu mit-territorju ta' Stat Membru wieħed jew aktar minn wieħed;

    - vjaġġ bla tagħbija li huwa involut ma' dan it-trasport.

    L-Artikolu 3

    1. It-trasport internazzjonali għandu jkun imwettaq soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-Komunità.

    2. L-awtorizzazzjoni tal-Komunità għandha tiġi maħruġa minn Stat Membru, bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 5 u 7, lil kwalunkwe trasportatur li qed iġorr merkanzija bit-triq b'kera jew b'kumpens:

    - huwa stabbilit fi Stat Membru, minn issa 'l quddiem imsejjaħ "l-Istat Membru fejn hu stabbilit" skond il-liġijiet ta' dak l-Istat Membru,

    - huwa intitolat, f'dak l-Istat Membru, bi qbil mal-liġijiet tal-Komunità u ta' l-Istat li jirregolaw id-dħul fil-mestier ta' operatur tat-trasport bit-triq biex iwettaq it-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq.

    L-Artikolu 4

    L-awtorizzazzjoni tal-Komunità li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 3 għandha tieħu post id-dokument maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn hu stabbilit, meta dan id-dokument jeżisti, li jiċċertifika li t-trasportatur ikun ġie mogħti aċċess għas-suq tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq.

    Għat-trasport li jidħol fl-ambitu ta' dan ir-Regolament, għandu jieħu post ukoll kemm ta' l-awtorizzazzjonijiet tal-Komunità, kif ukoll l-awtorizzazzjonijiet bilaterali skambjati bejn l-Istati Membri li huma meħtieġa sakemm dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ.

    L-Artikolu 5

    1. L-awtorizzazzjoni tal-Komunità li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 3 għandha tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' fejn huma stabbiliti.

    2. L-Istati Membri għandhom jagħtu lid-detentur l-awtorizzazzjoni oriġinali tal-Komunità, li għandha tinżamm mill-impriża tat-trasportaturi, u n-numru ta' kopji attestati veri li jikkorrispondi għan-numru ta' vetturi li d-detentur ta' l-awtorizzazzjoni tal-Komunità għandu għad-dispożizzjoni tiegħu, kemm jekk huwa l-uniku sid tagħhom jew inkella, per eżempju, qegħdin għandu taħt titlu ta' xiri bin-nifs, kera jew kuntratti ta' twellija.

    3. L-awtorizzazzjoni tal-Komunità għandha tikkorrispondi għall-mudell li jinsab fl-Anness 1, li jesiġi wkoll il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-użu ta' din l-awtorizzazzjoni.

    4. L-awtorizzazzjoni tal-Komunità għandha tingħata f'isem it-trasportatur, dan ma jistax jittrasferiha lejn terza persuna. Kopja attestata vera għandha tinżamm fil-vettura u għandha tiġi murija meta dan ikun mitlub minn uffiċjal awtorizzat li jagħmel dawn l-ispezzjonijiet.

    L-Artikolu 6

    L-awtorizzazzjoni tal-Komunità għandha tingħata għal żmien ta' ħames snin li jkun jista' jiġi mġedded.

    L-Artikolu 7

    Meta ssir applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-Komunità, mhux aktar tard minn ħames snin wara li tingħata l-imsemmija awtorizzazzjoni u sussegwentement għallinqas kull ħames snin, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri ta' fejn hu stabbilit, għandhom jivverifikaw jekk it-trasportatur jissodisfax, jew għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 3(2).

    L-Artikolu 8

    1. Jekk il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2) ma jkunux issodisfati, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri ta' l-istabbiliment għandhom jieħdu l-applikazzjoni għall-ħruġ jew għat-tiġdid ta' l-awtorizzazzjoni tal-Komunità, permezz ta' deċiżjoni motivata.

    2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjoni tal-Komunità meta dak li għandu l-awtorizzazzjoni:

    - ma jkunx aktar jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(2),

    - ikun forna informazzjoni li ma kenitx korretta f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-informazzjoni meħtieġa biex tingħata l-awtorizzazzjoni tal-Komunità.

    3. Fil-każ ta' ksur serju jew ksur minuri ripetut ta' regolamenti tat-trasport, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' fejn ikun stabbilit it-trasportatur li ikkommetta dan il-ksur jistgħu, inter alia, temporanjament jew parzjalment, jissospendu l-kopji attestati veri ta' l-awtorizzazzjoni tal-Komunità.

    Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu ddeterminati wara li tkun ikkunsidrata l-gravità tal-ksur li jkun sar minn dak li jkollu l-awtorizzazzjoni tal-Komunità u wara li jkun ikkunsidrat in-numru sħiħ ta' kopji attestati veri li hu jkollu fir-rigward tat-traffiku internazzjonali.

    L-Artikolu 9

    L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-applikant jew id-detentur ta' l-awtorizzazzjoni tal-Komunità jkun jista' jappella kontra xi deċiżjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri ta' fejn hu stabbilit li permezz tagħha tkun ġiet irrifjutata jew irtirata xi awtorizzazzjoni.

    L-Artikolu 10

    Mhux aktar tard mill-31 ta' Jannar ta' kull sena, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bin-numru ta' trasportaturi li jkollhom l-awtorizzazzjonijiet mill-Komunità fil-31 ta' Diċembru tas-sena preċedenti u n-numru ta' kopji attestati veri li jikkorrispondu mal-vetturi li jkun hemm fiċ-ċirkolazzjoni f'dak iż-żmien.

    L-Artikolu 11

    1. L-Istati Membri għandhom jgħinu 'l xulxin biex jassiguraw l-applikazzjoni u l-monitoraġġ ta' dan ir-Regolament.

    2. Meta l-Istati Membri huma konxji ta' xi ksur ta' dan ir-Regolament li jkun qiegħed isir minn xi trasportatur minn Stat Membru ieħor, l-Istat Membru li fih qed isir il-ksur għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri ta' fejn it-trasportatur huwa stabbilit u jista' jitlob lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' fejn hu stabbilit biex jimponu s-sanzjonijiet li joħorġu minn dan ir-Regolament.

    3. Fil-każ ta' ksur serju jew ksur minuri ripetut tar-regolamenti tat-trasport, l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru ta' fejn it-trasportatur huwa stabbilit għandu jeżamina l-modi li permezz tagħhom is-sanzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(3) għandhom jiġu applikati u għandhom jikkomunikaw id-deċiżjoni tagħhom lejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat Membru fejn il-ksur ġie stabbilit.

    L-Artikolu 12

    Is-segwenti għandu jkun imħassar:

    - Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3164/76,

    - L-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 75/130/KEE tas-17 ta' Frar 1975 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni ġodda għal ċerti tipi ta' trasport kombinat ta' merkanzija bejn l-Istati Membri [9],

    - Id-Direttiva tal-Kunsill 65/269/KEE tat-13 ta' Mejju 1965 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti regolamenti dwar l-awtorizzazzjonijiet għat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Istati Membri [10],

    - Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 80/48/KEE ta' l-20 ta' Diċembru 1979 dwar l-aġġustament tal-kapaċità tat-trasport għall-merkanzija bit-triq b'kera jew b'kumpens bejn l-Istati Membri [11].

    L-Artikolu 13

    L-ewwel Direttiva tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 1962 hija b'hekk emendata kif ġej:

    1. it-titolu għandu jkun mibdul bis-segwenti: "L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tat-23 Lulju ta' l-1962 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ta' merkanzija bit-triq";

    2. L-Artikolu 1 għandu jkun mibdul bi:

    "L-Artikolu 1

    1. Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jilliberalizzaw it-tipi ta' trasport internazzjonali ta' merkanzija bit-triq b'kera jew b'kumpens u għal rashom elenkati fl-Anness meta dan it-trasport isir lejn jew minn, jew jgħaddi mit-territorju tagħhom.

    2. It-tipi ta' trasport jew ta' vjaġġ bla tagħbija magħmula b'konnessjoni mat-trasport elenkat fl-Anness għandhom ikunu eżentati mill-awtorizzazzjoni tal-Komunità jew minn xi awtorizzazzjoni tat-trasport";

    3. L-Anness II huwa mħassar u t-test li hemm fl-Anness I għandu jkun mibdul b'dak li jidher fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 14

    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lejn il-Kummissjoni l-miżuri li jieħdu biex jimplimentaw dan ir-Regolament.

    L-Artikolu 15

    Dan ir-regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak li fih ikun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 1993.

    Dan ir- Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fis-26 ta' Marzu 1992.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    Joaquim Ferreira Do Amaral

    [1] ĠU C 238, tat-13.9.1991, p. 2.

    [2] ĠU C 39, tas-17.2.1992.

    [3] ĠU C 40, tas-17.2.1992, p. 15.

    [4] ECR 1985, p. 1513.

    [5] ĠU L 163, tat-30.6.1988, p. 1.

    [6] ĠU L 357, tad-29.12.1976, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KEE) Nru 3914/90(ĠU L 375, tal-31.12.1990, p. 7).

    [7] ĠU L 308, tad-19.11.1974, p. 1. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KEE) Nru 3572/90 (ĠU L 353, tas-17.12.1990, p. 12).

    [8] ĠU L 70, tas-6.8.1962, p. 2005/62. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 84/647/KEE (ĠU L 335, tat-22.12.1984, p. 72).

    [9] ĠU L 48, 22.2.1975, p. 31. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 91/224/KEE (ĠU L 103, tat-23.4.1991, p. 1).

    [10] ĠU 88, ta' l-24.5.1965, p. 1469/65. Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 85/505/KEE (ĠU L 309, tal-21.11.1985, p. 27).

    [11] ĠU L 18, ta' l-24.1.1980, p. 21.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS I

    "

    L-ANNESS

    +++++ TIFF +++++

    +++++ TIFF +++++

    "

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS II

    "

    L-ANNESS

    It-tipi tal-karreġġjata li għandhom ikunu eżentati mill-awtorizzazzjoni tal-Komunità jew minn kwalunkwe awtorizzazzjoni tal-karreġġjata

    1. It-trasport tal-posta bħala servizz pubbliku.

    2. It-trasport ta' vetturi li jkunu ġarrbu ħsarat jew li m'għadhomx jaħdmu.

    3. It-trasport ta' merkanzija fuq vetturi bil-mutur li l-piż mgħobbi permissibbli tagħhom, li jinkludi anke t-toqol tat-trejlers, ma jeċċedix is-sitt tunnellati jew il-piż tat-tagħbija permissibbli tagħhom, li jinkludi dak tat-trejlers, ma jkunx jeċċedi it-3,5 tunnellati.

    4. It-trasport ta' merkanzija fuq vetturi bil-mutur basta li jibqgħu soġġetti għal dawn il-kondizzjonijiet:

    (a) il-merkanzija li tinġarr tkun il-proprjetà ta' l-impriża jew kienet mibjugħa, mixtrija, mikrija lill-jew mikrija mill-, prodotta, estratta, ipproċessata jew imsewwija mill-impriża;

    (b) l-għan tal-vjaġġ għandu jkun it-trasport tal-merkanzija lejn jew mill-impriża jew biex jiġu mċaqalqa, kemm jekk ġewwa l-impriża kif ukoll 'il barra minnha, għall-ħtiġiet tagħha;

    (ċ) il-vetturi bil-mutur li jintużaw għal dan it-trasport għandhom ikunu misjuqa mill-impjegati ta' l-impriża;

    (d) il-vetturi li jġorru l-merkanzija għandhom ikunu jappartienu lill-impriża jew ikunu ġew mixtrija minnha bi ħlas bin-nifs jew mikrijin, basta li fil-każ ta' l-aħħar dawn ikunu jilħqu l-kondizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 84/647/KEE tad-19 ta' Diċembru 1984 dwar l-użu tal-vetturi mikrijin bla sewwieqa għat-trasport ta' merkanzija bit-triq [1].

    Dawn id-dispożizzjonijiet ma jgħoddux għall-użu ta' vettura li tintuża minflok vettura oħra li normalment tintuża u li għal żmien qasir tkun bil-ħsara;

    (e) it-trasport ma jridx ikun aktar milli anċillari għall-attivitajiet kollha ta' l-impriża.

    5. It-trasport ta' prodotti mediċinali, appliances, tagħmir jew artikoli oħra li huma meħtieġa għall-kura medika, partikolarment fil-każi ta' diżastri naturali.

    "

    [1] ĠU L 335, tat-22.12.1984, p. 72.

    --------------------------------------------------

    Top