Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31990R2343

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2343/90 ta' l-24 ta' Lulju 1990 dwar l-aċċess għat-trasportaturi bl-ajru għal rotot ta' servizz bl-ajru intra-Komunitarji skedati u dwar it-tqassim tal-volum ta' passiġġieri bejn trasportaturi bl-ajru fuq servizzi skedati bl-ajru bejn Stati Membri

    ĠU L 217, 11.8.1990, p. 8–14 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2008: This act has been changed. Current consolidated version: 01/01/1993

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1990/2343/oj

    31990R2343



    Official Journal L 217 , 11/08/1990 P. 0008 - 0014
    Finnish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0214
    Swedish special edition: Chapter 7 Volume 3 P. 0214


    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2343/90

    ta' l-24 ta' Lulju 1990

    dwar l-aċċess għat-trasportaturi bl-ajru għal rotot ta' servizz bl-ajru intra-Komunitarji skedati u dwar it-tqassim tal-volum ta' passiġġieri bejn trasportaturi bl-ajru fuq servizzi skedati bl-ajru bejn Stati Membri

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 84(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi huwa importanti li jkunu adottati miżuri bl-għan li progressivament ikun stabbilit is-suq intern ma tul perjodu li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 1992, bħal ma hemm provvediment dwar dan fl-Artikolu 8a tat-Trattat; billi s-suq intern intern għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni li fihom il-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huma assigurati;

    Billi d-Deċiżjoni 87/602/KEE [4] għamlet l-ewwel pass lejn il-liberalizzazzjoni fir-rigward tat-tqassim tal-volum tal-passiġġieri u l-aċċess għas-suq, li hija meħtieġa biex jintlaħaq is-suq intern fit-trasport bl-ajru; billi l-Kunsill qabel li jieħu aktar miżuri ta' liberalizzazzjoni fit-tmiem tal-perjodu inizjali ta' tliet snin;

    Billi huwa meħtieġ li jkunu implementati l-prinċipji li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-Istati tar-reġistrazzjoni u t-trasportaturi bl-ajru li huma liċenzjati fit-territorju tagħhom sa l-1 ta' Lulju 1992 fuq il-bażi ta' speċifikazzjonijiet u kriterji komuni;

    Billi arranġamenti għal kooperazzjoni akbar dwar l-użu ta' l-ajruport ta' Ġibiltà kienu ġew miftiehma f'Londra fit-2 ta' Diċembru 1987 mir-Renju ta' Spanja u r-Renju Unit f'dikjarazzjoni konġunta mill Ministri ta' l-Affarijiet Barranin taż-żewġ pajjiżi, u li dawn l-arranġamenti għad iridu jidħlu fis-seħħ;

    Billi l-iżvilupp tas-sistema tat-traffiku bl-ajru fil-Ġżejjer Griegi u fil-Gżejjer ta' l-Atlantiku tiġbor fiha ir-reġjun awtonomu ta' l-Azores preżentament mhix adegwata u għal din ir-raġuni l-ajruporti li jinsabu fuq dawn il-gżejjer għandhom temporanjament ikunu eżentati mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

    Billi l-infrastruttura fl-ajruport ta' Porto għadha qiegħda tiġi mkabbra biex tkun tista' tilħaq mat-tkabbir fis-servizzi skedati; billi, b'konsegwenza, dak l-ajruport għandu temporanjament ikun eskluż mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sa kemm l-espansjoni ta' din l-infrastruttura tkun twettqet;

    Billi huwa meħtieġli jsiru dispożizzjonijiet speċjali, permezz ta' ċirkustanzi illimitati, għall-servizzi bl-ajru fuq rotot ġodda bejn l-ajruporti reġjonali u għall-obbligazzjonijiet tas-servizz pubbliku li huma meħtieġa għaż-żamma ta' servizzi lejn ċerti ajruporti reġjonali;

    Billi ż-żieda fl-aċċess lejn is-suq għandha tistimula l-iżvilupp tas-settur tat-trasport bl-ajru fil-Komunità u jagħti bidu għal titjib fis-servizzi lejn l-utenti; billi bħala konsegwenza huwa meħtieġ li jkunu introdotti dispożizzjonijiet aktar liberali li jikkonċernaw id-denominazzjoni multipla, it-tielet, ir-raba', u l-ħames libertà tad-drittijiet tat-traffiku;

    Billi, meta jittieħed akkont tal-problemi li jirrigwardjaw l-infrastruttura u l-għajnuniet navigazzjonali ta' l-ajruport u d-disponibbiltà ta' spazju (slots), huwa meħtieġ li jkunu inklużi ċerti limitazzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tad-drittijiet tat-traffiku;

    Billi l-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku għandhom ikunu konsistenti mar-regoli li jirrigwardaw is-sigurtà, il-protezzjoni ta' l-ambjent, l-allokazzjoni ta' spazju u l-kondizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess lejn ajruport u għandu jkun ittrattat mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità;

    Billi regoli bilaterali li jikkonċernaw l-ishma ma humiex kompatibbli mal-prinċipji tas-suq intern li għandu jkun imwettaq sa l-1993 fis-settur tat-trasport bl-ajru; billi għalhekk ir-restrizzjonijiet bilaterali għandhom ikunu mnaqqsa gradwalment;

    Billi huwa speċjalment importanti li jkun inkuraġġit l-iżvilupp tas-servizzi inter-reġjonali sabiex ikun żviluppat il-qafas tal-Komunità u biex jikkontribwixxi lejn soluzzjoni għall-problema ta' konġestjoni f'ċerti ajruporti kbar; billi għalhekk, huwa xieraq li jkun hemm regoli aktar liberi f'dak li għandu x'jaqsam mas-sehem tal-volum ta' dawn is-servizzi;

    Billi invista ta' l-importanza relattiva għal uħud mill-Istati Membri ta' traffiku mhux-skedat rigward it-traffiku skedat, huwa meħtieġ li jittieħdu miżuri biex inaqqsu l-impatt tiegħu fuq l-opportunitajiet tat-trasportaturi ta' l-Istati Membri li jirċievu traffiku bħal dan; billi l-miżuri li għandhom jittieħdu m'għandhomx ikunu mmirati lejn il-limitazzjoni tat-traffiku mhux skedat jew li jkun soġġett għal regolazzjoni;

    Billi, meta jittieħed akkont tas-sitwazzjoni kompetittiva tas-suq, dispożizzjoni għandha ssir biex ma tħallix li jkun hemm effetti ekonomiċi mhux ġustifikabbli fuq it-trasportaturi bl-ajru;

    Billi dan ir-Regolament jieħu post id-Direttiva 83/416/KEE [5], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 89/463/KEE [6], u d-Deċiżjoni 87/602/KEE; billi huwa għalhek meħtieġ li tkun revokata dik id-Direttiva u dik id-Deċiżjoni;

    Billi huwa mixtieq li l-Kunsill jadotta aktar miżuri ta' liberalizzazzjoni, inklużi l-kabotaġġ f'dak li jirrigwarda l-aċċess għas-suq u s-sehem tal-volum sat-30 ta' Ġunju 1992,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

    L-Artikolu 1

    1. Dan ir-Regolament jikkonċerna:

    (a) l-aċċess għas-suq għat-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità;

    (b) it-tqassim fil-volum tal-passiġġieri bejn it-traportatur(i) bl-ajru liċenzjat(i) fi Stat Membru wieħed u t-trasportatur(i) bl-ajru liċenzjat(i) fi Stat Membru ieħor fuq servizzi skedati bl-ajru bejn dawn l-Istati.

    2. L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-ajruport ta' Ġibiltà huwa mifhum li huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit f'dak li jirrigwardja l-kwistjoni dwar is-sovranità dwar it-territorju li fih jinsab l-ajruport.

    3. L-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għall-ajruport ta' Ġibiltà għandu jkun sospiża kemm l-arranġamenti tad-dikjarazzjoni konġunta magħmula mill-Ministri ta' l-Affarijiet Barranin tar-Renju ta' Spanja u tar-Renju Unit fit-2 ta' Diċembru 1987 ikunu saru operabbli. Il-Gvernijiet ta' Spanja u tar-Renju Unit għandhom hekk jinfurmaw lill-Kunsill f'dik id-data.

    4. L-ajruporti fil-gżejjer Griegi u fil-gżejjer ta' l-Atlantiku li jinkludu r-reġjun awtonomu ta' l-Azores għandhom ikunu eżentati mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sat-30 ta' Ġunju 1993. Sa kemm ma jkunx mod ieħor deċiż mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, din l-eċċezzjoni għandha tapplika għal perjodu ieħor ta' ħames snin u tista tibqa' għall-ħames snin ta' wara.

    L-ajruport ta' Porto għandu jkun eżentat mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament sal-31 ta' Diċembru 1992. Din id-deroga għandha tkun imneħħija malli r-Repubblika Portugiża tiddikjara li l-kondizzjonijiet ekonomiċi ta' l-ajruport ikunu tjiebu.

    Għal dan il-għan, ir-Repubblika Portugiża għandha tinforma lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

    L-Artikolu 2

    Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

    (a) trasportatur bl-ajru tfisser impriża tat-trasport bl-ajru b'liċenzja operattiva valida minn Stat Membru biex topera servizzi skedati bl-ajru;

    (b) id-dritt tat-traffiku tat-tielet libertà tfisser id-dritt ta' trasportatur bl-ajru liċenzjat fi Stat wieħed li jħott, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, passiġġieri, merkanzija u posta miġbura fl-Istat li fih ikun liċenzjat;

    id-dritt tat-traffiku tar-raba' libertà tfisser id-dritt ta' trasportatur bl-ajru liċenzjat fi Stat wieħed li jgħabbi, fit-territorju ta' Stat ieħor, passiġġieri, merkanzija u posta biex jinħattu fl-Istat li fih ikun liċenzjat;

    id-dritt tat-traffiku tal-ħames libertà tfisser id-dritt ta' trasportatur bl-ajru li jwettaq it-trasport bl-ajru ta' passiġġieri, merkanzija u posta bejn Stati apparti milli mill-Istat li fih ikun liċenzjat;

    (ċ) L-istati kkonċernati tfisser l-Istati Membri li bejniethom is-servizz skedat bl-ajru ikun operat;

    (d) L-istat tar-reġistrazzjoni tfisser l-Istat Membru li fih il-liċenzja msemmija fil-paragrafu (a) tkun maħruġa.

    (e) Trasportatur bl-ajru tal-Komunità tfisser:

    (i) trasportatur bl-ajru li għandu u jibqa' jkollu ċ-ċentru amministrattiv tiegħu u l-post ewlieni tan-negozju fil-Komunità, li l-maġġoranza ta' l-ishma tiegħu huma, u jibqgħu ikunu miżmuma minn Stati Membri u/jew minn ċittadini ta' Stati Membri u li hu, u li jibqa' jkun, effettivament ikkontrollat minn dawk l-Istati jew persuni; jew

    (ii) trasportatur bl-ajru li, fil-waqt ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, għalkemm ma jkunx jissodisfa d-definizzjoni stabbilita fi (i):

    1. jew ikollu l-amministrazzjoni ċentrali tiegħu u l-post ewlieni tan-negozju fil-Komunità u li kien jipprovdi servizzi bl-ajru skedati jew mhuxskedati fil-Komunità ma tul it-12-ilxahar preċedenti għall- adozzjoni ta' dan ir-Regolament;

    2. jew li kien jipprovdi servizzi skedati bl-ajru bejn Stati Membri fuq il-bażi tat-tielet, u r-raba' libertà tad-drittijiet tat-traffiku ma tul it-12-ilxahar preċedenti għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament.

    It-trasportaturi bl-ajru li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti f'dan il-punt (ii) huma elenkati fl-Anness I;

    (f) servizzi skedati bl-ajru tfisser serje ta' titjiriet li kull waħda minnhom tippossjedi dawn il-karatteristiċi segwenti kollha:

    (i) tgħaddi minn spazju ta' l-ajru fuq territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed;

    (ii) hija mwettqa minn ajruplan għat-trasport tal-passiġġieri jew tal-passiġġieri u l-merkanzija u/jew tal-posta għal remunerazzjoni, b'tali mod li fuq kull titjira l-postijiet disponibbli għal xiri individwali mill-membri tal-pubbliku (jew direttament mingħand it-trasportatur bl-ajru jew minn wieħed mill-aġenti awtorizzati tiegħu);

    (iii) hija operata hekk li sservi t-traffiku bejn l-istess żewġ punti jew jew aktar, jew:

    1. skond tabella tal-ħin ippubblikata; inkella

    2. b'titjiriet hekk regolari jew frekwenti li dawn jikkostitwixxu serje sistematika rikonoxxibbli;

    (g) titjira tfisser tluq minn ajruport speċifikat lejn ajruport speċifikat tad-destinazzjoni;

    (h) denominazzjoni multipla fuq il-bażi ta' par-ta'-pajjiżi tfisser id-denominazzjoni minn Stat tar-reġistrazzjoni ta' żewġ trasportaturi bl-ajru jew aktar liċenzjati minnu biex joperaw servizzi skedati bl-ajru bejn it-territorju tiegħu u dak ta' Stat Membru ieħor;

    (i) denominazzjoni multipla fuq il-bażi ta' par-ta'-bliet tfisser id-denominazzjoni minn Stat tar-reġistrazzjoni ta' żewġ trasportaturi bl-ajru jew aktar liċenzjati minnu biex joperaw servizzi skedati bl-ajru bejn ajruport jew sistema ta' ajruporti u ajruport jew sistema ta' ajruporti fit-territorju ta' Stat Membru ieħor;

    (j) ajruport reġjonali tfisser kwalunkwe ajruport apparti minn dak elenkat fl-Anness II bħala ajruport tal-kategorija I;

    (k) sistema ta' ajruporti tfisser żewġ ajruporti jew aktar miġbura flimkien hekk li jservu l-istess belt, kif indikat fl-Anness II;

    (l) il-volum għandu jkun espress bħala numru ta' postijiet offruti lejn il-pubbliku ġenerali fuq servizz skedat bl-ajru ma tul perjodu partikolari;

    (m) sehem tal-volum tfisser is-sehem ta' Stat Membru espress bħala perċentwali tal-volum totali ikkalkolat bi qbil ma l-Artikolu 11 f'relazzjoni bilaterali ma Stat Membru ieħor, eskluż il-volum ipprovdut mis-servizzi tal-ħames libertà;

    (n) obbligazzjoni ta' servizz pubbliku tfisser kwalunkwe obbligazzjoni imposta fuq trasportatur bl-ajru li jieħu, f'dak li jirrigwarda kwalunkwe rotta li hu jkun liċenzjat li jopera minn Stat Membru, il-miżuri kollha meħtieġa biex jassigura li l-provvediment ta' servizz ikun jissodisfa n-normi stabbiliti ta' kontinwità, regolarità u volum, liema normi t-trasportatur ma kienx jidħol għalihom li kieku kien ikun biss iqis l-interessi kummerċjali tiegħu.

    Relazzjonijiet bejn l-Istati tar-reġistrazzjoni u t-trasportaturi bl-ajru tagħhom

    L-Artikolu 3

    1. Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa r-relazzjoni bejn Stat Membru u t-trasportaturi bl-ajru li huma liċenzjati minn dak l-Istat rigward l-aċċess tas-suq u s-sehem tal-volum.

    2. Il-Kunsill għandu jadotta, għall-implimentazzjoni mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 1992 fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni li tikkonċerna speċifikazzjonijiet u kriterji komuni, li għandha tkun ippreżentata mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 1991, regoli li jirregolaw il-liċenzjar tat-trasportaturi bl-ajru u l-liċenzjar tar-rotot.

    Id-drittijiet tat-traffiku tat-tielet, u r-raba' libertà

    L-Artikolu 4

    Bla ħsara għall-dan ir-Regolament, it-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità għandhom ikollhom il-permess tat-tielet u r-raba' libertà tas-servizzi bl-ajru bejn ajruporti jew sistemi ta' ajruporti fi Stat Membru wieħed u ajruporti jew sistemi ta' ajruporti fi Stat Membru ieħor meta dawn l-ajruporti jew sistemi ta' ajruporti jkunu miftuħa għat-traffiku bejn Stati Membri jew għal servizzi internazzjonali.

    Relazzjonijiet bejn Stat Membru u t-trasportaturi bl-ajru ta' l-Istati Membri l-oħra

    L-Artikolu 5

    1. Soġġett għall-Artikolu 6, Stat Membru għandu jawtorizza trasportaturi bl-ajru liċenzjati fi Stat Membru ieħor li jkunu ġew awtorizzati mill-Istat tagħhom tar-reġistrazzjoni, biex

    - jeżerċitaw id-drittijiet tat-traffiku tat-tielet, u r-raba' libertà kif hemm provvediment dwar dan fl-Artikolu 4,

    - jużaw, fi ħdan il-Komunità, l-istess numru ta' titjira għal-libertà ta' għaqda tat-tielet, u r-raba' libertà ta' servizzi.

    2. Meta t-trasportatur bl-ajru ta' Stat Membru wieħed ikun ġie liċenzjat bi qbil ma' dan l-Artikolu biex jopera servizz skedat bl-ajru, l-Istat tar-reġistrazzjoni ta' dak it-trasportatur bl-ajru m'għandu jqajjem l-ebda oġġezzjoni għal xi applikazzjoni għall-introduzzjoni ta' servizz skedat bl-ajru fuq l-istess rotta minn trasportatur bl-ajru ta' l-Istat l-ieħor ikkonċernat.

    3. (a) Stat Membru, wara konsultazzjonijiet ma' l-Istati l-oħra kkonċernati, jista' jimponi obbligazzjoni ta' servizz pubbliku f'dak li għandu x'jaqsam ma' servizzi bl-ajru lejn ajruport reġjonali fit-territorju tiegħu fuq rotta li hija meqjusa bħala vitali għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun li fih l-ajruport ikun lokalizzat, sal-limitu meħtieġ biex jassigura fuq dik ir-rotta provvediment adegwat ta' servizzi bl-ajru li jissodisfaw in-normi stabbiliti ta' kontinwità, regolarità, volum u prezzijiet, liema normi t-trasportaturi ma kenux jassumu kieku kellhom jikkunsidraw biss l-interessi kummerċjali tagħhom.

    (b) L-adegwatezza tas-servizzi tat-trasport bl-ajru għandhom ikunu eżaminati billi:

    (i) jitqies l-interess pubbliku;

    (ii) titqies il-possibbiltà li jkun hemm użu ta' tipi oħrajn ta' trasport u l-abbiltà ta' dawk it-tipi li jlaħħqu mal-ħtiġiet tat-trasport permezz ta' dawk il-konsiderazzjonijiet;

    (iii) jitqiesu n-nollijiet ta' l-ajru u l-kondizzjonijiet li jistgħu jkunu ikkwotati lejn l-utenti.

    (ċ) Bla ħsara għall-paragrafu 2, Stat Membru mhux obbligat li jawtorizza aktar minn trasportatur wieħed biex iservi rotta li dwarha tkun tapplika l-obbligazzjoni ta' servizz pubbliku, basta li d-dritt li jopera dak is-servizz ikun offrut b'offerta pubblika għal perjodu sa massimu ta' tliet snin lejn kwalunkwe trasportatur bl-ajru b'liċenzja operattiva maħruġa fl-Istati kkonċernati u lejn kwalunkwe trasportatur bl-ajru tal-Komunità li, bi qbil ma' l-Artikolu 8, huwa intitolat li jeżerċita d-drittijiet tat-traffiku tal-ħames libertà fuq dik ir-rotta. Is-sottomissjonijiet magħmula mit-trasportaturi bl-ajru għandhom ikunu kkomunikati lejn l-Istati l-oħra kkonċernati u lejn il-Kummissjoni.

    (d) Is-subparagrafu (ċ) m'għandux japplika fi kwalunkwe każ li fih l-Istat Membru l-ieħor konċernat jipproponi mezzi alternattivi sodisfaċenti tat-twettiq ta' l-obbligazzjoni ta' l-istess servizz pubbliku.

    (e) Dan il-paragrafu m'għandux japplika għal rotot b'volum ta' aktar minn 30000 post kull sena.

    4. Bla ħsara għall-paragrafu 2, Stat Membru, li jkun awtorizza trasportatur bl-ajru wieħed liċenzjat minnu biex jopera servizz tal-passiġġieri fuq rotta ġdida bejn ajruporti reġjonali b'ajruplan ta' mhux aktar minn 80 post, mhux obbligat li jawtorizza servizz bl-ajru reċiproku għall-perjodu ta' sentejn, basta li dan ma jkunx operat minn ajruplan ta' mhux aktar minn 80 post, jew inkella jkun parti minn servizz operat permezz tat-termini ta' l-Artikolu 7 li fih mhux aktar minn 80 post ikunu disponibbli għall-bejgħ bejn iż-żewġ ajruporti reġjonali f'dak il-każ, fuq kull titjira.

    5. Fuq it-talba ta' xi Stat Membru li jikkunsidra li l-iżvilupp ta' rotta ikun qiegħed jiġi ristrett bla bżonn permezz tat-termini tal-paragrafi 3 jew 4, jew fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew meta jkun hemm tilwima rigward l-applikazzjoni tal-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha twettaq investigazzjoni u, fuq il-bażi tal-fatturi relevanti kollha, għandha tieħu deċiżjoni fi żmien xahrejn mill-bidu ta' l-investigazzjoni tagħha dwar jekk il-paragrafu 3 jew 4 għandux jibqa' jkun japplika fir-rigward tar-rotta konċernata.

    6. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lejn il-Kunsill u lejn l-Istati Membri. Kwalunkwe mill-Istati Membri jista' jirreferi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lejn il-Kunsill fil-limitu ta' żmien ta' xahar. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-perjodu ta' xahar.

    Denominazzjonijiet multipli

    L-Artikolu 6

    1. Stat Membru għandu jaċċetta denominazzjonijiet multipli fuq il-bażi ta' par-ta'-pajjiżi minn Stat Membru ieħor.

    2. Għandu wkoll jaċċetta denominazzjonijiet multipli fuq il-bażi ta' par-ta'-bliet:

    - mill-1 ta' Jannar 1991, fuq rotot li fuqhom aktar minn 140000 passiġġier kienu nġarru fis-sena preċedenti, jew li fuqhom ikun hemm aktar minn 800 titjira bir-ritorn ta' kull sena,

    - mill-1 ta' Jannar 1992, fuq rotot li fuqhom aktar minn 100000 passiġġier kienu nġarru fis-sena preċedenti, jew li fuqhom ikun hemm aktar minn 600 titjira bir-ritorn ta' kull sena.

    Għaqda ta' punti

    L-Artikolu 7

    Fl-operazzjoni tas-servizzi skedati bl-ajru lejn jew minn żewġ punti jew aktar fi Stat(i) Membru(Membri) ieħor(oħrajn) apparti milli l-Istat tiegħu tar-reġistrazzjoni, it-trasportatur bl-ajru tal-Komunità għandu jkollu l-permess mill-Istati kkonċernati li jgħaqqad is-servizzi skedati bl-ajru u li juża l-istess numru tat-titjira. Id-drittijiet tat-traffiku bejn il-punti magħquda jistgħu ikunu eżerċitati bi qbil ma' l-Artikolu 8.

    Id-drittijiet tal-ħames libertà

    L-Artikolu 8

    1. It-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità għandhom, bi qbil ma' dan l-Artikolu, ikollhom il-permess li jeżerċitaw id-drittijiet tat-traffiku tal-ħames libertà bejn il-punti miġbura flimkien f'żewġ Stati Membri differenti permezz ta' dawn il-kondizzjonijiet segwenti:

    (a) id-drittijiet tat-traffiku jkunu eżerċitati fuq servizz li jikkostitwixxi u li huwa skedat bħala estensjoni ta' servizz minn, jew bħala preliminari għal servizz lejn, l-Istat tagħhom tar-reġistrazzjoni;

    (b) it-trasportatur bl-ajru ma jistax juża, għas-servizz tal-ħames libertà aktar minn 50 % tal-volum tal-postijiet staġjonali tiegħu fuq l-istess servizz tat-tielet, u tar-raba' libertà li tagħhom is-servizz tal-ħames libertà jikkostitwixxi l-estensjoni jew il-preliminari.

    2. (a) It-trasportatur bl-ajru jista', għas-servizz tal-ħames libertà, juża ajruplan li huwa differenti imma mhux akbar mill-ajruplan li hu juża għal servizz tat-tielet, u r-raba' libertà li tagħhom is-servizz tal-ħames libertà ikun estensjoni jew preliminari.

    (b) Meta aktar minn servizz wieħed tal-ħames libertà ikun operat bħala estensjoni jew bħala preliminari għal servizz tat-tielet, jew tar-raba' libertà, il-provvediment tal-volum fil-paragrafu 1 (b) għandhom jirrappreżentaw il-miġemgħa tal-volum tal-postijiet disponibbli għall-karreġġjata tal-passiġġieri ta' dawk is-servizzi tal-ħames libertà.

    3. Trasportatur bl-ajru li jopera servizz tal-ħames libertà bi qbil ma' dan l-Artikolu għandu jforni, fuq talba ta' l-Istat Membru involut bl-informazzjoni relevanti kollha li tikkonċerna:

    (a) il-volum staġjonali tal-postijiet fis-servizz tat-tielet, u r-raba' libertà li tagħhom is-servizz tal-ħames libertà jikkostitwixxi l-estensjoni jew il-preliminari; u

    (b) fil-każ tas-servizzi tal-ħames libertà li dwarhom japplika l-Artikolu 8(2)(b), il-volum staġjonali utilizzat fuq kull servizz.

    Kondizzjonijiet għall-eżerċitar tad-drittijiet tat-traffiku

    L-Artikolu 9

    Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa d-dritt ta' l-Istati Membri li jirregolaw, mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità, id-distribuzzjoni tat-traffiku bejn l-ajruporti f'sistema ta' ajruporti.

    L-Artikolu 10

    1. Bla ħsara għall-Artikolu 5(2), l-eżerċitar tar-drittijiet tat-traffiku huwa soġġett għar-regoli ippubblikati tal-Komunità, nazzjonali, reġjonali jew lokali rigward is-sigurtà, il-protezzjoni ta' l-ambjent jew dwar l-allokazzjoni tas-siltiet, u dwar il-kondizzjonijiet segwenti:

    (a) l-ajruport jew is-sistema ta' l-ajruporti kkonċernati għandhom ikollhom faċilitajiet suffiċjenti biex jakkomodaw is-servizz;

    (b) l-għajnuniet tan-navigazzjoni għandhom ikunu suffiċjenti biex jakkomodaw is-servizz.

    2. Meta l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 ma jkunux milħuqa, Stat Membru jista', mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità, jimponi kondizzjonijiet fuq, jillimita jew jirrifjuta l-eżerċitar ta' dawk id-drittijiet tat-traffiku. Qabel ma jieħu miżura bħal dik, l-Istat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u jipprovdiha bl-elementi ta' l-informazzjoni kollha meħtieġa.

    3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 u bl-eċċezzjoni tal-ftehim ta' l-Istat(i) Membru (Membri) l-oħra kkonċernati, Stat Membru m'għandux jawtorizza trasportatur bl-ajru:

    (a) li jistabbilixxi servizz ġdid; jew

    (b) li jżid il-frekwenza ta' servizz eżistenti

    bejn ajruport speċifiku fit-territorju tiegħu u Stat Membru ieħor għal tul ta' dak iż-żmien li fih trasportatur bl-ajru liċenzjat minn xi Stat Membru ieħor ma jkollux il-permess, fuq il-bażi tal-paragrafi 1 u 2, li jistabbilixxi servizz ġdid jew li jżid il-frekwenzi fuq servizz eżistenti lejn l-ajruport f'dak il-każ, sa kemm isseħħ l-adozzjoni mill-Kunsill u sa kemm jidħol b'effett Regolament dwar il-Kodiċi ta' l-imġieba dwar l-allokazzjoni ta' siltiet ibbażati fuq il-prinċipju ġenerali ta' non-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' nazzjonalità.

    4. Fuq it-talba ta' xi Stat Membru, il-Kummissjoni għandha teżamina l-applikazzjoni tal-paragrafu 2 u/jew tal-paragrafu 3 fi kwalunkwe każ partikolari u fi żmien xahar tiddeċiedi jekk l-Istat Membru jkunx jista jkompli japplika l-miżura.

    5. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lejn il-Kunsill u lejn l-Istati Membri. Kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri jista' jirreferi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lejn il-Kunsill fil-limitu ta' żmien ta' xahar. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista jieħu deċiżjoni differenti fil-perjodu ta' xahar.

    L-ishma tal-volum

    L-Artikolu 11

    1. Mill-1 ta' Novembru 1990, Stat Membru għandu jippermetti lil Stat Membru ieħor li jżid is-sehem tiegħu tal-volum għal xi staġun bi 7,5 punti perċentwali mqabbla mas-sitwazzjoni matul l-istaġun korrispondenti preċedenti, b'hekk ikun miftiehem li kull Stat Membru jista' fi kwalunkwe każ li jitlob sehem tal-volum ta' 60 %.

    2. Il-Kunsill għandu jadotta, għall-implimentazzjoni mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1993, u fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni li għandha tkun ippreżentata sal-31 ta' Diċembru 1991, dispożizzjonijiet biex ineħħi r-restrizzjonijiet dwar l-ishma tal-volum bejn l-Istati Membri.

    3. Il-limitazzjoni ta' l-ishma tal-volum m'għandhomx japplikaw dwar servizz bejn ajruporti reġjonali irrispettivament mill-volum tal-postijiet fl-ajruplan.

    4. Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 1, tnaqqis unilaterali fil-volum ta' postijiet m'għandux ikun meqjus. F'każi bħal dawn, il-bażi tal-kalkolazzjoni ta' l-ishma tal-volum tal-postijiet għandha tkun il-volum ta' postijiet offruti fl-istaġuni korrispondenti preċedenti mit-trasportatur(i) bl-ajru ta' l-Istat(i) Membru(Membri) li kien(u) naqqas(naqqsu) il-volum tal-postijiet tiegħu(tagħhom).

    Artikolu 12

    1. Fuq it-talba ta' xi Stat Membru li dwaru l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 11 tkun wasslet għal ħsara finanzjarja serja għat-trasportatur(i) liċenzjat(i) minn dak l-Istat Membru, il-Kummissjoni għandha twettaq reviżjoni u, fuq il-bażi tal-fatturi relevanti kolha, inkluża s-sitwazzjoni tas-suq, il-pożizzjoni finanzjarja tat-trasportatur(i) bl-ajru kkonċernat(i) u l-utilizzazzjoni milħuqa tal-volum tal-postijiet, għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk l-ishma tal-volum tal-postijiet fuq ir-rotot lejn u minn dak l-Istat għandux ikun stabbilizzat ma tul perjodu limitat.

    2. Fuq it-talba ta' Stat Membru li s-servizzi bl-ajru skedati tiegħu huma esposti għal kompetizzjoni sostanzjali minn servizzi mhux skedati u meta sitwazzjoni tkun teżisti li biha l-opportunitajiet għat-trasportaturi ta' dak l-Istat Membru li effettivament jikkompetu fis-suq ikunu effettwati aktar milli meħtieġ, il-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat il-fatturi relevanti kolha, inkluża s-sitwazzjoni fis-suq u l-kapaċità ta' l-utilizzazzjoni milħuqa, u wara li tkun ikkonsultat lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati, għandha fi żmien xahrejn minn meta tirċievi t-talba, tiddeċiedi jekk is-7,5 punti perċentwali li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 11(1) għandhomx ikunu mnaqqsa għal dik ir-relazzjoni bilaterali.

    3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lejn il-Kunsill u lejn l-Istati Membri. Kwalunkwe mill-Istati Membri jista' jirreferi d-deċiżjoni tal-Kummissjoni lejn il-Kunsill fil-limitu ta' żmien ta' xahar. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kkwalifikata, jista' jieħu deċiżjoni differenti fil-perjodu ta' xahar.

    Dispożizzjonijiet ġenerali

    L-Artikolu 13

    1. Dan ir-Regolament m'għandux ifixkel lill-Istati Membri milli jikkonkludu bejniethom l-arranġamenti li huma aktar flessibli milli minn dawk tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 6, 8 u 11 jew milli jkomplu jżommu l-arranġamenti eżistenti bħal dawk.

    2. Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament m'għandhomx ikunu użati biex jagħmlu l-aċċess għas-suq eżistenti jew l-arranġamenti tal-volum tal-postijiet aktar restrittivi.

    L-Artikolu 14

    1. Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament darba kull sentejn u għall-ewwel darba mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju 1992.

    2. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, partikolarment f'dak li jirrigwardja l-ġbir ta' l-informazzjoni għar-rapport li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 1.

    3. Informazzjoni kunfidenzjali akkwistata fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandha tkun koperta bis-sigriet professjonali.

    L-Artikolu 15

    Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar ir-reviżjoni ta' dan ir-Regolament sat-30 ta' Ġunju 1992 l-aktar tard, fuq il-bażi ta' proposta mill-Kummissjoni li għandha tkun ippreżentata sal-31 ta' Mejju 1991.

    L-Artikolu 16

    Id-Deċiżjoni 87/602/KEE u d-Direttiva 83/416/KEE huma b'hekk irrevokati.

    L-Artikolu 17

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Novembru 1990.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussel, fl-24 ta' Lulju 1990.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. Mannino

    [1] ĠU C 258, tal-11.10.1989, p. 6; u ĠU C 164, tal-5.7.1990, p. 11.

    [2] ĠU C 96, tas-17.4.1990, p. 65.

    [3] ĠU C 112, tas-7.5.1990, p. 17.

    [4] ĠU C 374, tal-31.12.1987, p. 19.

    [5] ĠU L 237, tas-26.8.1983, p. 19.

    [6] ĠU L 226, tat-3.8.1989, p. 14.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS I

    It-trasportaturi bl-ajru li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 2(e)(ii)

    It-trasportaturi bl-ajru segwenti jilħqu il-kriterji li hemm referenza dwarhom fl-Artikolu 2(e)(ii) sa kemm dawn ikunu rikonoxxuti bħala trasportaturi nazzjonali mill-Istat Membru li hekk jirrikonoxxihom fil-waqt ta' l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament:

    - Scandinavian Airlines System,

    - Britannia Airways,

    - Monarch Airlines.

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS II

    Lista ta' ajruporti tal-kategorija 1

    IL-BELĠJU: | Brussels-Zaventem |

    ID-DANIMARKA: | Copenhagen-Kastrup/Roskilde |

    IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA: | Frankfurt-Rhein-Main, Düsseldorf-Lohausen, Munich-Riem |

    SPANJA: | Palma-Mallorca, Madrid-Barajas, Malaga, Las Palmas |

    IL-GREĊJA: | Athens-Hellinikon, Salonica-Micra |

    FRANZA: | Paris-Charles De Gaulle/Orly |

    L-IRLANDA: | Dublin |

    L-ITALJA: | Rome-Fiumicino/Ciampino, Milan-Linate/Malpensa |

    L-OLANDA: | Amsterdam-Schiphol |

    IL-PORTUGAL: | Lisbona, Faro |

    IR-RENJU UNIT: | London-Heathrow/Gatwick/Stansted, Luton |

    --------------------------------------------------

    Top