Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31987L0404

    Id-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju, 1987 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri marbuta ma' tankijiet sempliċi ta' pressjoni

    ĠU L 220, 8.8.1987, p. 48–59 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/10/2009; Imħassar b' 32009L0105

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1987/404/oj

    31987L0404

    Id-Direttiva tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju, 1987 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri marbuta ma' tankijiet sempliċi ta' pressjoni

    Official Journal L 220 , 08/08/1987 P. 0048 - 0059
    Finnish special edition: Chapter 13 Volume 16 P. 0200
    Swedish special edition: Chapter 13 Volume 16 P. 0200
    CS.ES Chapter 13 Volume 008 P. 334 - 345
    ET.ES Chapter 13 Volume 008 P. 334 - 345
    HU.ES Chapter 13 Volume 008 P. 334 - 345
    LT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 334 - 345
    LV.ES Chapter 13 Volume 008 P. 334 - 345
    MT.ES Chapter 13 Volume 008 P. 334 - 345
    PL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 334 - 345
    SK.ES Chapter 13 Volume 008 P. 334 - 345
    SL.ES Chapter 13 Volume 008 P. 334 - 345


    Id-Direttiva tal-Kunsill

    tal-25 ta' Ġunju, 1987

    dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri marbuta ma' tankijiet sempliċi ta' pressjoni

    (87/404/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 100 ta' dan,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

    Billi Stati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw is-sigurtà ta' persuni, annimali domestiċi u proprjetà fit-territorju tagħhom rigward il-perikli li jirriżultaw mit-tnixxija jew tifqiegħ ta' tankijiet sempliċi ta' pressjoni;

    Billi, f'kull Stat Membru, dispożizzjonijiet mandatorji jiddefinixxu b'mod partikolari l-livell ta' sigurtà meħtieġa minn tankijiet sempliċi ta' pressjoni billi jispeċifikaw il-karatteristiċi ta' disinn u tħaddim, kundizzjonijiet ta' stallazzjoni u użu u proċeduri ta' spezzjoni qabel u wara li jitqiegħdu fis-suq; billi dawn id-dispożizzjonijiet mandatorji ma jwasslux neċessarjament għal livelli ta' sigurtà differenti minn Stat Membru għal ieħor iżda, bin-nuqqas ta' qbil tagħhom, ifixklu l-kummerċ fi ħdan il-Komunità;

    Billi d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw din is-sigurtà għandhom ikunu armonizzati biex jiggarantixxu moviment liberu ta' tankijiet sempliċi ta' pressjoni mingħajr ma jbaxxu livelli ta' protezzjoni eżistenti u ġustifikabbli fl-Istati Membri;

    Billi leġislazzjoni tal-Komunità kif inhi qiegħda bħalissa tipprovdi li, minkejja waħda mir-regoli fundamentali tal-Komunità, jiġifieri l-moviment liberu ta' l-oġġetti, ostakoli għall-moviment fil-Komunità li jirriżultaw minn nuqqas ta' qbil fil-liġijiet nazzjonali dwar il-bejgħ ta' prodotti għandhom ikunu aċċettati sakemm dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu rikonoxxuti kif meħtieġ biex jissodisfaw il-ħtiġijiet essenzjali; billi l-armonizzazzjoni ta' liġijiet fil-każ preżenti għandha għalhekk tkun limitata għal dawk id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' sigurtà għal tankijiet sempliċi ta' pressjoni; billi, minħabba li huma essenzjali, dawn il-ħtiġijiet għandhom ibiddlu d-dispożizzjonijiet nazzjonali korrispondenti;

    Billi din id-Direttiva għalhekk għandha biss ħtiġijiet mandatorji u essenzjali; billi, biex tkun iffaċilitata prova ta' konformità mal-ħtiġijiet essenzjali, huwa neċessarju li jkun hemm normi armonizzati f'livell Ewropew b'mod partikolari għad-disinn, tħaddim u stallazzjoni ta' tankijiet sempliċi ta' pressjoni biex prodotti li huma konformi magħhom jistgħu jitqiesu li huma konformi mal-ħtiġijiet tas-sigurtà; billi dawn in-normi armonizzati f'livell Ewropew huma mfassla minn korpi privati u għandhom jibqgħu testijiet mhux mandatorji; billi għal dak il-għan il-Kumitat Ewropew għal Standardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew għal Standardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) huma rikonoxxuti bħala l-korpi kompetenti għall-adozzjoni ta' normi armonizzati bi qbil ma' mal-linji ta' gwida ġenerali għal koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u dawk iż-żewġ korpi ffirmati fit-13 ta' Novembru, 1984; billi għall-finijiet ta' din id-Direttiva, norma armonizzata hija speċifikazzjoni teknika (norma Ewropea jew dokument ta' armonizzazzjoni) adottat minn wieħed jew miż-żewġ korpi fuq proposta mill-Kummissjoni bi qbil mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 83/189/KEE tat-28 ta' Marzu, 1983 li jistabbilixxi proċedura għad-dispożizzjoni ta' informazzjoni fil-qasam ta' normi u regolamenti tekniċi [4] u l-linji ta' gwida ġenerali msemmija hawn fuq;

    Billi iċċekkjar dwar konformità mal-ħtiġijiet tekniċi relevanti huwa meħtieġ biex tkun provduta protezzjoni effettiva għal konsumaturi u terzi persuni; billi l-proċeduri ta' spezzjoni eżistenti huma differenti minn Stat Membru għal ieħor; billi, biex ikunu evitati għadd ta' spezzjonijiet, li fl-effett tagħhom ikunu xkiel għaċ-moviment liberu ta' tankijiet, għandhom isiru arranġamenti għar-rikonoxximent reċiproku ta' proċeduri ta' spezzjoni mill-Istati Membri; billi, biex ikun iffaċilitat r-rikonoxximent reċiproku ta' proċeduri ta' spezzjoni, għandhom jiġu stabbiliti proċeduri armonizzati tal-Komnità u għandhom ikunu armonizzati l-kriterji biex jinħatru l-korpi responsabbli ħalli jagħmlu t-testijiet, sorveljanza u verifika;

    Billi l-preżenza tal-marka ‘CE' fuq tankijiet sempliċi ta' pressjoni tindika li dan jissodisfa d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva u għalhekk ma jkunx hemm għalfejn, meta tank ikun impurtat u mqiegħed għax-xogħol, li jiġu rrepetuti l-ispezzjonijiet li diġà jkunu saru; billi minkejja li tankijiet sempliċi ta' pressjoni jafu jirrappreżentaw perikolu lis-sigurtà; billi għandha għalhekk issir dispożizzjoni għal proċedura biex jitnaqqas dan il-periklu,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    IL-KAPITOLU I

    Qasam ta' l-applikazzjoni, tqegħid fis-suq u moviment liberu

    Artikolu 1

    1. Din id-Direttiva tapplika għal tankijiet sempliċi ta' pressjoni manifatturati f'sensiela.

    2. Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, ‘tank sempliċi ta' pressjoni' jfisser kontenitur iwweldjat soġġett għal pressjoni interna mmarkata li hi aktar minn 0,5 bar li huwa maħsub biex ikollu arja jew nitroġenu u li mhuwiex maħsub li jiġi sparat.

    Barra dan,

    - il-partijiet u armar li jikkontribwixxu għas-saħħa tat-tank taħt pressjoni għandhom ikunu magħmula minn azzar mhux imħallat ta' kwalità jew ta' aluminju mhux imħallat jew taħlit ta' aluminju li ma jibbisx biż-żmien,

    - it-tank għandu jkun magħmul minn:

    - jew parti ċilindrika ta' felli li jdur bħal ċirku magħluq bi truf iddixxjati 'l barra u/jew ċatti li jduru madwar l-istess fus immaġinarju li miegħu ddur il-parti ċilindrika,

    - jew żewġt itruf iddixxjati li jduru madwar l-istess fus immaġinarju,

    - il-pressjoni massima operattiva it-tank ma għandhiex taqbeż 30 bar u l-prodott ta' dik il-pressjoni u l-kapaċità tat-tank (PS.V) ma għandhiex taqbeż 10000 bar/litru.

    - it-temperatura minima operattiva ma għandhiex tkun anqas minn 50 °C taħt iż-żero u t-temperatura massima operattiva ma għandhiex tkun ogħla minn 300 °C għal tankijiet ta' l-azzar u 100 °C għal tankijiet ta' aluminju jew ta' aluminju mħallat.

    3. It-tankijiet li ġejjin għandhom ikunu esklużi mill-fini tad-Direttiva:

    - tankijiet ddisinjati speċifikament għal użu nukleari, li falliment tagħhom jista' jikkawża ħruġ ta' radjuattività,

    - tankijiet maħsuba speċifikament għal stallazzjoni f'vapuri u ajruplani jew għall-propulsjoni tagħhom,

    - apparat għat-tifi tan-nar.

    Artikolu 2

    1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex jiżguraw li t-tankijiet li għalihom jirreferi Artikolu 1, minn hawn 'l hemm imsejħa bħala 'tankijiet', jistgħu jitqiegħdu fis-suq u jiddaħħlu fis-servizz biss jekk ma jikkompromettux is-sigurtà ta' persuni, annimali domestiċi jew proprjetà meta stallati u ssir manutenzjoni sew u meta wżati għall-finijiet li għalihom huma maħsuba.

    2. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva ma jaffettwawx id-dritt ta' Stati Membri li jispeċifikaw - b'osservanza xierqa tat-Trattat - il-ħtiġijiet li huma jaħsbu li huma meħtieġa biex jiżguraw li l-ħaddiema jkunu protetti meta jkunu qegħdin jużaw it-tankijiet, sakemm dan ma jfissirx li t-tankijiet jkunu modifikati b'mod li m'huwiex speċifikat f'din id-Direttiva.

    Artikolu 3

    1. Tankijiet li l-prodott ta' PS u V tagħhom jaqbeż il-50 bar/litru għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' sigurtà essenzjali mfissra f'Anness I.

    2. Tankijiet li l-prodott PS u V tagħhom huwa 50 bar/litru jew anqas għandhom ikunu manifatturati bi qbil ma' prattika soda ta' inġinerija f'wieħed mill-Istati Membri u li jkollhom il-marki kif stabbilit fit-taqsima 1 ta' Anness II miktubin fuqhom, bl-eċċezzjoni għall-marka CE li għalihom jirreferi Artikolu 16.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri ma għandhomx ifixklu t-tqegħid fis-suq jew dħul fis-servizz fit-territorju tagħhom ta' tankijiet li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva.

    Artikolu 5

    1. L-Istati Membri għandhom jippreżumu konformità mal-ħtiġijiet ta' sigurtà essenzjali li għalihom jirreferi Artikolu 3 rigward tankijiet li għandhom il-marka CE li turi konformità man-normi nazzjonali relevanti li jinkorporaw in-normi armonizzati li n-numri ta' riferenza tagħhom ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Stati Membri għandhom jippubblikaw in-numri ta' riferenza ta' normi nazzjonali bħal dawn.

    2. Stati Membri għandhom jippreżumu li tankijiet li għalihom il-manifattur ma applikax, jew applika parti biss, in-normi li għalihom jirreferi l-paragrafu 1, jew li għalihom ma jeżistux normi bħal dawn, jikkonformaw mal-ħtiġijiet essenzjali li għalihom jirreferi Artikolu 3 fejn, wara li jkun inkiseb ċertifikat ta' eżami tat-tip KEE, il-konformità tagħhom mal-mudell approvat tkun ġiet ċertifikata bit-twaħħil tal-marka KE.

    Artikolu 6

    1. Fejn Stat Membru jew il-Kummissjoni, jikkundisdraw li n-normi armonizzati li għalihom jirreferi Artikolu 5(1) ma jilħqux kompletament il-ħtiġijiet essenzjali li għalihom jirreferi Artikolu 3, il-Kummissjoni jew l-Istat Membru konċernat għandu jieħu l-każ quddiem il-Kumitat Permanenti stabbilit skond id-Direttiva 83/189/KEE, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ 'il-kumitat', u jagħti r-raġunijiet ta' dan. Il-Kumitat għandu jagħti opinjoni mingħajr dewmien. Fid-dawl ta' l-opinjoni tal-kumitat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri jekk huwiex meħtieġ jew le li jkunu rtirati dawk in-normi mill-pubblikazzjonijiet li għalihom jirreferi Artikolu 5(1).

    Artikolu 7

    1. Fejn Stat Membru jsib li tankijiet li fihom il-marka CE u li huma wżati bi qbil ma' l-għan maħsub għalihom jafu jikkompromettu s-sigurtà ta' persuni, annimali domestiċi jew proprjetà, huwa għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jirtira dawk il-prodotti mis-suq jew biex jipprojbixxi jew jirristrinġi t-tqegħid tagħhom fis-suq.

    L-Istat Membru konċernat għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni dwar kull miżura bħal din, jindika r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu, u b'mod partikolari jekk in-nuqqas ta' konformità hijiex dovuta għal:

    (a) falliment biex jintlaħqu l-ħtiġijiet essenzjali li għalihom jirreferi l-Artikolu 3, fejn it-tank ma jilħaqx in-normi li għalihom jirreferi Artikolu 5(1);

    (b) applikazzjoni li m'hijiex korretta tan-normi li għalihom jirreferi Artikolu 5(1);

    (ċ) nuqqasijiet fin-normi li għalihom jirreferi Artikolu 5(1).

    2. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-partijiet konċernati kemm jista' jkun malajr. Fejn, wara konsultazzjoni bħal din, il-Kummissjoni ssib li kull miżura li għaliha jirreferi l-paragrafu 1 tkun ġustifikata, hi għandha tinforma minnufih lill-Istat Membru li jkun ħa l-azzjoni kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra. Fejn id-deċiżjoni li għaliha jirreferi l-paragrafu 1 tattribwixxi għal nuqqasijiet fin-normi, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-partijiet konċernati, għandha ġġib il-każ quddiem il-Kumitat fi żmien xahrejn jekk l-Istat Membru li ħa l-miżuri jixtieq iżommhom u għandha tibda l-proċeduri li għalihom jirreferi Artikolu 6.

    3. Fejn tank li ma jikkonformax ikollu l-marka KE, l-Istat Membru kompetenti għandu jieħu passi xierqa kontra kull min ikun waħħal il-marka u għandu jinforma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra dwar dan.

    4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jinżammu informati dwar il-progress u riżultat ta' din il-proċedura.

    IL-KAPITOLU II

    Proċeduri ta' ċertifikazzjoni

    Artikolu 8

    1. Qabel ma tibda l-produzzjoni ta' tankijiet ta' pressjoni l-prodotti PS u V tagħhom tkun taqbeż 50 bar/litru, manifatturati:

    (a) bi qbil man-normi li għalihom jirreferi Artikolu 5(1), il-manifattur, jew ir-rappreżentant awtorizzat minnu stabbilit fil-Komunità, għandu bl-għażla tiegħu:

    - jinforma korp approvat ta' spezzjoni kif jirreferi għalih Artikolu 9, li wara li jeżamina d-disinn u l-iskeda tal-manifattura li għalihom jirreferi Anness II 3, għandu jipprepara ċertifikat ta' suffiċjenza li jafferma li l-iskeda hija sodisfaċenti, jew

    - tank prototip għall-eżami tat-tip CE li għalih jirreferi Artikolu 10;

    (b) mhux, jew f'parti biss, bi qbil man-normi li għalihom jirreferi Artikolu 5(1), il-manifattur, jew ir-rappreżentat awtorizzat tiegħu stabbilit fil-Komunità, għandu jissottometti tank prototip għall-eżami tat-tip CE li għalih jirreferi Artikolu 10.

    2. Tankijiet manifatturati bi qbil man-normi li għalihom jirreferi Artikolu 5(1) jew bil-prototip approvat għandhom, qabel ma jitqiegħdu fis-suq, ikunu soġġetti:

    (a) għall-verifika CE li għaliha jirreferi Artikolu 11 fejn il-prodotti ta' PS u V jaqbżu 3000 bar/litru:

    (b) għall-għażla tal-manifattur, fejn il-prodotti ta' PS u V ma jaqbżux 3000 bar litru imma jaqbżu 50 bar/litru:

    - jew għad-dikjarazzjoni ta' konformità CE li għaliha jirreferi Artikolu 12, jew

    - għall-verifika CE li għaliha jirreferi Artikolu 11.

    3. Ir-reġistri, u korrispondenza marbuta mal-proċeduri ta' ċertifikazzjoni li għalihom jirreferu l-paragrafi 1 u 2 għandhom jinkitbu bl-ilsien uffiċjali ta' l-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-korp approvat jew b'ilsien aċċettat minn dak il-korp.

    Artikolu 9

    1. Kull Stat Membru għandu javża lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-korpi approvati responsabbli biex iwettqu l-proċeduri ta' ċertifikazzjoni li għalihom jirreferi Artikolu 8(1) u (2). Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta' dawn il-korpi u n-numru li jiddistingwihom li allokat għalihom, għall-finijiet ta' informazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandha tiżgura li l-lista tinżamm aġġornata.

    2. Anness III jelenka l-kriterji minimi li Stati Membri għandhom jilħqu b'rigward għall-approvazzjoni ta' dawn il-korpi.

    3. Stat Membru li jkun approva korp għandu jirtira l-approvazzjoni jekk jinduna li l-korp m'għadux jilħaq il-kriterji elenkati f'Anness III. Huwa għandu immedjatament jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar dan.

    Eżami tat-tip CE

    Artikolu 10

    1. L-eżami tat-tip CE hija l-proċedura li biha korp approvat ta' spezzjoni jaċċerta u jiċċertifika li tank prototip jissodisfa d-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li japplikaw għalih.

    2. L-applikazzjoni għal eżami tat-tip CE għandha ssir mill-manifattur jew mir-rappreżentant awtorizzat minnu ma' korp approvat ta' spezzjoni wieħed rigward tank prototip jew prototip li jirrappreżenta familja ta' tankijiet. Dak ir-rappreżentant awtorizzat għandu jkun stabbilit fil-Komunità.

    L-applikazzjoni għandha tinkludi:

    - l-isem u l-indirizz tal-manifattur jew tar-rappreżentant awtorizzat minnu u l-post ta' manifattura tat-tankijiet,

    - l-iskeda tad-disinn u l-manifattura li għalihom jirreferi Anness II 3.

    Hija għandha tkun akkumpanjata minn tank li jkun rappreżentattiv tal-produzzjoni preveduta.

    3. Il-korp approvat għandu jagħmel l-eżami tat-tip CE fil-manjiera deskritta hawn taħt.

    Huwa għandu jeżamina mhux biss l-iskeda tad-disinn u l-manifattura biex jiċċekkja l-konformità tiegħu, iżda wkoll t-tank sottomess.

    Meta jeżamina t-tank, il-korp għandu:

    (a) jivverifika li t-tank ġie mmanifatturat b'mod konformi ma' l-iskeda tad-disinn u manifattura u li jista' jintuża b'mod sigur fil-kundizzjonijiet tax-xogħol maħsuba għalih;

    (b) jagħmel eżamijiet u testijiet xierqa biex jiċċekkja li t-tank huwa konformi mal-ħtiġijiet essenzjali applikabbli għalih.

    4. Jekk il-prototip huwa konformi mad-dispożizzjonijiet applikabbli għalih il-korp għandu jipprepara ċertifikat ta' l-eżami tat-tip CE li għandu jintbagħat lill-applikant. Dak iċ-ċertifikat għandu jiddikjara l-konklużjonijiet ta' l-eżami, jindika xi kundizzjonijiet li għalihom tista' tkun soġġetta l-pubblikazzjoni tiegħu u jkun akkumpanjat mid-deskrizzjonijiet u tpinġijiet meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-prototip approvat.

    Il-Kummissjoni, il-korpi approvati l-oħra u l-Istati Membri l-oħra jistgħu jiksbu kopja taċ-ċertifikat u, b'talba raġunata, kopja ta' l-iskeda tad-disinn u manifattura u r-rapporti dwar l-eżamijiet u t-testijiet li jkunu saru.

    5. Korp li jirrifjuta li joħroġ ċertifikat ta' eżami tat-tip CE għandu jinforma lill-korpi approvati l-oħra dwar dan. Korp li jirtira ċertifikat ta' eżami tat-tip CE jinforma dwar dan lill-Istat Membru li jkun approvah. Dan ta' l-aħħar għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni dwar dan, u jagħti r-raġunijiet li wasslu għad-deċiżjoni.

    Verifika CE

    Artikolu 11

    1. L-iskop tal-verifika CE huwa li tiċċekkja ċertifikazzjoni li tankijiet manifatturati f'sensiela jikkonformaw man-normi li għalihom jirreferi Artikolu 5(1) jew mal-prototip approvat. Hija għandha tkun esegwita minn korp approvat ta' spezzjoni bi qbil mad-dispożizzjonijiet elenkati hawn taħt. Dak il-korp għandu joħroġ ċertifikat tal-verifika CE u jwaħħal il-marka ta' konformità li hemm provdut għaliha f'Artikolu 16.

    2. Il-verifika għandha tkun esegwita fuq il-lottijiet ta' tankijiet sottomessi mill-manifattur tagħhom jew mir-rappreżentant awtorizzat minnu stabbilit fil-Komunità. Lottijiet għandhom ikunu akkumpanjati miċ-ċertifikat ta' eżami tat-tip CE li għalih jirreferi Artikolu 10 jew, jekk it-tankijiet ma jkunux manifatturati bi qbil ma' prototip aprovat, bl-iskeda ta' disinn u manifattura li għalihom jirreferi Anness II taqsima 3. Fil-każ ta' l-aħħar il-korp approvat għandu, qabel il-verifika KE, jeżamina l-iskeda biex jiċċertifika l-konformità tagħha.

    3. Meta lott jiġi eżaminat, il-korp ta' spezzjoni għandu jiżgura li t-tankijiet ġew manifatturati u ċċekkjati bi qbil ma' l-iskeda ta' disinn u manifattura u għandu jagħmel test idrostatiku jew, test pnewmatiku ta' effett ekwivalenti fuq kull tank fil-lott bi pressjoni Ph ugwali għal darba u nofs tal-pressjoni fuq id-disinn tat-tank biex tkun iċċekkjata s-saħħa tiegħu. It-test prematur għandu jkun soġġett għal aċċettazzjoni tal-proċeduri għas-sigurtà tat-test mill-Istati Membri li fihom isir it-test. Aktar minn hekk, il-korp ta' spezzjoni għandu jesegwixxi testijiet fuq biċċiet tat-test meħudin minn biċċa tat-test tal-produzzjoni rappreżentattiva jew minn tank, kif jagħżel il-manifattur, biex tkun eżaminata l-kwalità ta' iwweldjar. It-testijiet għandhom isiru fuq weldjaturi lonġitudinali. Iżda, fejn teknika differenti ta' iwweldjar jintużaw għal weldjaturi lonġitudinali u ċirkulari, it-testijiet għandhom jerġgħu jsiru fuq il-weldjaturi ċirkulari.

    4. Għat-tankijiet li għalihom tirreferi t-taqsima 2.1.2 ta' Anness I, dawn it-testijiet fuq biċċiet għat-test għandhom jinbidlu b'test idrostatiku fuq ħames tankijiet meħudin bl-addoċċ minn kull lott, biex ikun iċċekkjat li jikkonformaw mal-ħtiġijiet tat-taqsima 2.1.2 ta' Anness I.

    Dikjarazzjoni ta' konformità CE

    Artikolu 12

    1. Manifattur li jissodisfa l-obbligi li joħorġu minn Artikolu 13 għandu jwaħħal il-marka CE li hemm provdut għaliha f'Artikolu 16 għal tankijiet li huwa jiddikjara li huma konformi man-normi, li għalihom jirreferi Artikolu 5(1) jew ma' prototip approvat. B'din id-dikjarazzjoni ta' proċedura ta' konformità CE l-manifattur jiġi soġġett għal sorveljanza CE, f'każi fejn il-prodott ta' PS u V jaqbeż 200 bar/litru.

    2. L-iskop tas-sorveljanza CE hija biex ikun żgurat, kif meħtieġ b'Artikolu 14(2), li l-manifattur jissodisfa l-obbligi li joħorġu minn Artikolu 13(2). Sorveljanza għandha ssir mill-korp approvat li jkun ħareġ iċ-ċertifikat ta' l-eżami tat-tip CEli għalih jirreferi Artikolu 10 fejn it-tankijiet kienu ġew manifatturati bi qbil ma' prototip approvat jew, jekk dan ma jkunx il-każ, mill-korp approvat li lilu tkun intbagħtet l-iskeda tad-disinn u manifattura bi qbil ma' Artikolu 8(1)(a), l-ewwel inċiż.

    Artikolu 13

    1. Fejn manifattur juża l-proċedura li għaliha jirreferi Artikolu 12, huwa għandu, qabel jibda l-manifattura, jibgħat lill-korp approvat li jkun ħareġ iċ-ċertifikat ta' l-eżami tat-tip CE jew iċ-ċertifikat ta' suffiċjenza, dokument li jiddeskrivi l-proċessi tal-manifattura u l-miżuri sistematiċi deċiżi minn qabel meħuda biex tkun żgurata konformità tat-tankijiet ta' pressjoni man-normi li għalihom jirreferi Artikolu 5(1) jew il-prototip approvat.

    Dan id-dokument għandu jinkludi:

    (a) deskrizzjoni tal-mezz ta' manifattura u ċċekkjar xieraq għall-kostruzzjoni tat-tankijiet:

    (b) dokument ta' spezzjoni li jiddeskrivi l-eżamijiet u testijiet xierqa li għandhom isiru waqt il-manifattura, flimkien mal-proċeduri ta' dawn u l-frekwenza li bihom għandhom isiru;

    (ċ) impenn li jsiru l-eżamijiet u testijiet bi qbil mad-dokument ta' spezzjoni li għalih jirreferi hawn fuq u li jsir test idrostatiku jew, soġġett għall-ftehim ta' l-Istat Membru, test pnewmatiku esegwit fuq kull tank manifatturat bi pressjoni tat-test ugwali għal darba u nofs il-pressjoni tad-disinn.

    Dawn l-eżamijiet u testijiet għandhom isiru bir-responsibbilità ta' ħaddiema kwalifikati li jkunu indipendenti biżżejjed minn nies impjegati tal-produzzjoni, u għandhom ikunu koperti b'rapport;

    (d) l-indirizzi tal-postijiet ta' manifattura u ħażna u d-data li fiha għandha tibda l-manifattura.

    2. B'żieda, meta l-prodott ta' PS u V jaqbeż 200 bar/litru, il-manifatturi għandhom jawtorizzaw aċċess għall-imsemmijin postijiet ta' manifattura u ħażna mill-korp responsabbli għal sorveljanza CE, għal finijiet ta' spezzjoni, u għandhom jippermettu lil dak il-korp li jagħżel kampjuni ta' tankijiet u għandhom jipprovduh bl-informazzjoni meħtieġa kollha, u b'mod partikolari:

    - l-iskeda ta' disinn u manifattura,

    - ir-rapport ta' spezzjoni,

    - iċ-ċertifikat tat-tip CE jew ċertifikat ta' suffiċjenza, fejn xieraq,

    - rapport dwar l-eżamijiet u testijiet li saru.

    Artikolu 14

    1. Il-korp approvat li jkun ħareġ iċ-ċertifikat tat-tip CE jew iċ-ċerfifikat ta' suffiċjenza għandu, qabel id-data li tibda kull manifattura, jeżamina sew id-dokument li għalih jirreferi Artikolu 13(1) u sew l-iskeda ta' disinn u manifattura li għalihom jirreferi Anness II, taqsima 3, biex tkun iċċertifikata l-konformità tagħhom fejn tankijiet ma jkunux manifatturati bi qbil mal-prototip approvat.

    2. B'żieda, fejn il-prodott ta' PS u V jaqbeż 200 bar/litru, dak il-korp għandu waqt il-manifattura:

    - jiżgura li l-manifattur effettivament jiċċekkja tankijiet prodotti f'sensiela bi qbil ma' Artikolu 13(1)(ċ),

    - jieħu kampjuni bl-addoċċ fil-postijiet ta' manifattura jew fil-post ta' ħażna ta' tankijiet għal finijiet ta' spezzjoni.

    Il-korp għandu jissupplixxi kopja tar-rapport ta' spezzjoni lill-Istat Membru li approvaha, u, b'talba, lill-korpi approvati l-oħra, l-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

    IL-KAPITOLU III

    Marka KE

    Artikolu 15

    Fejn hu stabbilit li l-marka CE twaħħlet b'mod ħażin fuq tankijiet għaliex:

    - huma ma jikkonformawx mal-prototip approvat,

    - huma jikkonformaw ma' prototip approvat li ma jilħaqx il-ħtiġijiet essenzjali li għalihom jirreferi Artikolu 3,

    - huma ma jikkonformawx, rigward it-tankijiet li għalihom jirreferi Artikolu 8(1)(a), man-normi relevanti li għalihom jirreferi Artikolu 5(1).

    - il-manifattur ikun naqas li jissodissfa l-obbligi tiegħu li jinsabu f'Artikolu 13,

    il-korp responsabbli għal sorveljanza CE għandu jirrapporta lill-Istat Membru konċernat u, fejn xieraq, jirtira ċ-ċertifikat ta' l-eżami tat-tip CE.

    Artikolu 16

    1. Il-marka CE u l-iskrizzjonijiet li hemm provdut għalihom f'Anness II, taqsima 1, għandhom jitwaħħlu b'mod viżibbli, li jinqraw faċilment u f'forma li ma titħassarx mat-tank jew fuq pjanċa ta' informazzjoni mwaħħla mat-tank b'mod li ma tistax tinqala'.

    Il-marka CE għandha tikkonsisti fis-simbolu

    +++++ TIFF +++++

    , l-aħħar żewġ ċifri tas-sena li fiha twaħħlet il-marka, u n-numru li jiddistingwiha li għalih jirreferi Artikolu 9(1) tal-korp approvat ta' spezzjoni responsabbli għal verifika CE jew sorveljanza CE.

    2. It-twaħħil ma' tankijiet ta' marki jew skrizzjonijiet li jistgħu jitħawwdu mal-marka CE għandu jkun ipprojbit.

    IL-KAPITOLU IV

    Dispożizzjonijiet finali

    Artikolu 17

    Kull deċiżjoni meħuda skond din id-Direttiva u li tirriżulta f'restrizzjonijiet dwar it-tqegħid fis-suq u/jew it-teħid fis-servizz ta' tank għandha tiddikjara r-raġunijiet eżatti dwar fuqhiex inhi bbażata. Deċiżjoni bħal din għandha tkun innotifikata mingħajr dewmien lill-parti konċernata, li fl-istess ħin għandha tkun infurmata dwar ir-rimedji ġudizzjali disponibbli lilu fil-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru fil-kwistjoni u dwar il-limiti taż-żmien li għalihom huma soġġetti dawn ir-rimedji.

    Artikolu 18

    1. Qabel l-1 ta' Jannar, 1990, Stati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih dwar dan.

    Huma għandhom japplikaw dispożizzjonijiet bħal dawn mill-1 ta' Lulju, 1990.

    2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 19

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fil-Lussemburgu, il-25 ta' Ġunju, 1987.

    Għall-Kunsill,

    Il-President

    H. De Croo

    [1] ĠU C 89, tal-15.4.1986, p. 2.

    [2] Opinjoni mogħtija fid-19 ta' Ġunju, 1987 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [3] ĠU C 328, tat-22.12.1986, p. 20.

    [4] ĠU L 109, tas-26.4.1983, p. 8.

    --------------------------------------------------

    ANNESS I

    Il-ħtiġijiet essenzjali tas-sigurtà għat-tankijiet huma mniżżla hawn taħt:

    1. MATERJALI

    Il-materjali għandhom jintgħażlu skond l-użu maħsub tat-tankijiet u bi qbil ma' 1.1 sa 1.4.

    1.1. Partijiet taħt pressjoni

    Il-materjali li għalihom jirreferi Artikolu 1 li huma wżati għall-manifattura tal-partijiet taħt pressjoni għandhom ikunu:

    - kapaċi li jiġu wweldjati,

    - duttili u b'saħħithom, biex xi ksur b'temperatura minima operattiva ma tippermettix tfarrik jew ksur tat-tip fraġli,

    - m'huwiex affettwat avversament biż-żmien.

    Għal tankijiet ta' l-azzar, il-materjali għandhom ukoll jilħqu l-ħtiġijiet imniżżla fit-taqsima 1.1.1 u, għal tankijiet ta' l-aluminju jew ta' aluminju mħallat, dawk imniżżla fit-taqsima 1.1.2.

    Huma għandhom ikunu akkumpanjati minn karta ta' spezzjoni ppreparata mill-produttur tal-materjali kif deskritt f'Anness II.

    1.1.1. Tankijiet ta' l-azzar

    Azzar mhux imħallat ta' kwalità jilħaq il-ħtiġijet li ġejjin:

    (a) huwa ma għandux ikun effervexxenti u jkun fornut wara trattament ta' normalizzazzjoni, jew fi stat ekwivalenti;

    (b) il-kontenut ta' karbonju għal kull prodott għandu jkun inqas minn 0,25 % u dak ta' kubrit u fosfru għandu jkun anqas minn 0,05 % f'kull każ.

    (ċ) huma għandu jkollhom il-kwalitajiet mekkaniċi li ġejjin għal kull prodott:

    - ta' tensjoni massima Rm,mass għandha tkun anqas minn 580 N/mm2,

    - wara l-ksur għandu jkun:

    - il-biċċiet tat-test jittieħdu paralleli għad-direzzjoni ta' l-irrumblar:

    ħxuna ≥ 3 mm: | A | ≥ 22 %, |

    ħxuna < 3 mm: | A80 mm | ≥ 17 %, |

    - il-biċċiet tat-test jittieħdu perpendikolari għad-direzzjoni ta' l-irrumblar:

    ħxuna ≥ 3 mm: | A | ≥ 20 %, |

    ħxuna < 3 mm: | A80mm | ≥ 15 % |

    - il-medja ta' telf ta' enerġija KCV għal tliet biċċiet tat-test lonġitudinali f'temperatura minima operattiva ma għandhiex tkun anqas minn 35 J/cm2. Mhux aktar minn wieħed mit-tliet ċifri ma tista' tkun anqas minn 35 J/cm2, b'minimu ta' 25 J/cm2.

    Fil-każ ta' azzar użat fil-manifattura ta' tankijiet li t-temperatura minima operattiva tagħhom tkun anqas minn -10 °C u li l-ħxuna tal-ħitan tagħhom ma taqbiżx ħames mm, din il-kwalità għandha tkun iċċekkjata.

    1.1.2. Tankijiet ta' l-aluminju

    Aluminju mhux imħallat għandu jkollu kontenut ta' aluminju ta' mill-anqas 99,5 % u dawk it-taħlitiet deskritti f'Artikolu 1(2) għandhom juru reżistenza adegwata għall-korrożjoni interkristallina f'temperatura massima operattiva.

    Aktar minn hekk, dawn il-materjali għandhom jissodisfaw il-ħtiġijiet li ġejjin:

    (a) huma għandhom jiġu fornuti fi stat temprat; u

    (b) għandu jkollhom il-kwalitajiet mekkaniċi li ġejjin għal kull prodott:

    - is-saħħa massima ta' tensjoni Rm,mass m'għandhiex tkun aktar minn 350 N/mm2,

    - it-titwil wara l-ksur għandu jkun:

    - A 16 % jekk il-biċċa għat-test hija meħuda paralleli għad-direzzjoni ta' l-irrumblar,

    - A 14 % jekk il-biċċa għat-test hija meħuda perpendikolari għad-direzzjoni ta' l-irrumblar,

    1.2 Materjali għall-iwweldjar

    Il-materjali għall-iwweldjar użati biex ikunu manifatturati l-weldjaturi fuq jew tat-tank għandhom ikunu xierqa għal u kompatibbli mal-materjali li se jkunu jiġu wweldjati.

    1.3. Aċċessorji li jikkontribwixxu għas-saħħa tar-reċjipjent

    Dawn l-aċċessorji (eż boltijiet u skorfini) għandhom ikunu magħmula minn materjal speċifikat f'1.1 jew ta' tipi oħra ta' azzar, aluminju jew aluminju mħallat kompatibbli mal-materjali wżati għall-manifattura ta' partijiet taħt pressjoni.

    Dawn il-materjali għandhom ikollhom titwil xieraq wara ksur u saħħa f'temperatura minima operattiva.

    1.4. Partijiet li ma humiex taħt pressjoni

    Il-partijiet kollha tat-tankijiet wweldjali li ma humiex taħt pressjoni għandhom ikunu ta' materjali li huma kompatibbli ma' dak tal-komponenti li magħhom huma wweldjati.

    2. DISINN TAT-TANK

    Il-manifattur għandu, meta jiddisinja t-tank, jiddefinixxi l-użu li għalih se jkun soġġett, u jagħżel:

    - it-temperatura minima operattiva Tmin,

    - it-temperatura massima operattiva Tmass,

    - il-pressjoni massima operattiva PS.

    Iżda, jekk tingħażel temperatura minima operattiva li taqbeż 10ºC, il-kwalitajiet meħtieġa mill-materjali għandhom ikunu sodisfatti f'temperatura ta' -10º C.

    Il-manifattur għandu jinnota wkoll id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    - għandu jkun possibbli li jkun spezzjonat il-ġewwieni tat-tankijiet,

    - għandu jkun possibbli li jitbattlu t-tankijiet,

    - il-kwalitajiet mekkaniċi għandhom jinżammu għat-tul kollu tal-perjodu ta' l-użu tat-tank għall-iskop maħsub,

    - it-tankijiet għandhom, bil-ħsieb ta' l-użu preskritt tagħhom, ikunu protetti b'mod suffiċjenti kontra l-korrożjoni,

    - it-tankijiet ma jiġux soġġetti għal tensjonijiet li kapaċi jfixklu s-sigurtà tagħhom fl-użu,

    - il-pressjoni interna ma għandhiex tkun aktar mill-pressjoni massima operattiva PS għal dejjem; iżda tista' tagħmel hekk għal żmien qasir ħafna sa 10 %.

    Ħjatat ċirkulari u lonġitudinali għandhom isiru bl-użu ta' weldjaturi ta' penetrazzjoni mimlija jew weldjaturi ta' effett ekwivalenti. Truf konvessi barra minn dawk emisferi għandu jkollhom tarf ċilindriku.

    2.1 Ħxuna tal-ħajt

    Jekk il-prodott PS.V ma jkunx aktar minn 3000 bar/litru, il-manifattur għandu jagħżel wieħed mill-metodi deskritti f' 2.1.1 u 2.1.2 biex jiddeċiedi l-ħxuna tal-ħajt tat-tankijiet; jekk il-prodott ta' PS u V ikun aktar minn 3000 bar/litru, jew it-temperatura massima operattiva tkun aktar minn 100 °C, ħxuna bħal din għandha tkun deċiża bil-metodu deskritt f'2.1.1.

    Il-ħxuna effettiva tal-ħajt tat-taqsima ċilindrika u t-truf għandha, iżda ma tkunx anqas minn 2 mm fil-każ ta' tankijiet ta' l-azzar u mhux anqas minn 3 mm fil-każ ta' tankijiet ta' l-aluminju jew ta' l-aluminju mħallat.

    2.1.1. Metodu ta' kalkolu

    Il-ħxuna minima ta' partijiet taħt pressjoni għandha tkun kalkulata wara li tiġi kunsidrata l-intensità tal-pressjonijiet u d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

    - il-pressjoni għall-kalkolu li għandha tiġi nnotata ma għandhiex tkun anqas mill-pressjoni massima operattiva magħżulha,

    - it-tensjoni tal-membrana massima permessa ma għandhiex taqbeż l-iċken valuri 0,6 RET jew 0,3Rm. Il-manifattur għandu juża l-valuri minimi RET u Rm garantiti mill-manifattur tal-materjal biex jiddeċiedi t-tensjoni permessibbli.

    Iżda, fejn il-porzjon ċilindriku tat-tank għandu weldjatura waħda jew aktar lonġitudinali magħmulin bl-użu ta' proċess ta' iwweldjar mhux awtomatiku, il-ħxuna kalkulata kif muri hawn fuq għandha tkun immultipplikata bil-koeffiċjent 1,15.

    2.1.2. Metodu sperimentali

    Il-ħxuna tal-ħajt għandha tkun deċiża biex tgħin lit-tankijiet jirreżistu f'temperatura ambjentali pressjoni ugwali għal mill-inqas ħames darbiet il-pressjoni massima operattiva, b'deformazzjoni ċirkonferenzjali permanenti ta' mhux aktar minn 1 %.

    3. PROĊESS TA' MANIFATTURA

    It-tankijiet għandhom jinbnew u jkunu soġġetti għal iċċekkjar waqt il-produzzjoni bi qbil mar-reġistru ta' disinn u manifattura li għalih jirreferi Anness II, taqsima 3.

    3.1 Tħejjija tal-partijiet komponenti

    Tħejjija tal-partijiet komponenti (eż l-iffurmar u ċanfrinar) ma għandhiex tikkawża difetti fil-wiċċ jew qsim jew tibdil fil-karatteristiċi mekkaniċi li jafu jkunu ta' detriment lis-sigurtà tat-tankijiet.

    3.2 Weldjaturi fuq partijiet taħt pressjoni

    Il-karatteristiċi ta' weldjaturi u żoni maġenbhom għandhom ikunu simili għal dawk ta' materjali wweldjati u għandhom ikunu ħielsa minn kull difett fil-wiċċ jew intern li jistgħu jkunu ta' detriment lis-sigurtà tat-tankijiet.

    Il-weldjaturi għandhom isiru minn welders kwalifikati jew minn operaturi li jipproċessaw il-livell ta' kompetenza xierqa, bi qbil mal-proċessi ta' iwweldjar approvati. Approvazzjoni u testijiet ta' kwalifikazzjoni bħal dawn għandhom isiru minn korpi approvati ta' spezzjoni.

    Il-manifattur għandu wkoll, waqt il-manifattura, jiżgura kwalità ta' iwweldjar konsistenti billi jagħmel testijiet xierqa bl-użu ta' proċeduri adegwati. Dawn it-testijiet għandhom ikunu s-suġġett ta' rapport.

    4. TQEGĦID FIS-SERVIZZI TAT-TANKIJIET

    It-tankijiet għandhom ikunu akkumpanjati mill-istruzzjonijiet magħmula mill-manifattur, kif jirreferi għalihom Anness II, taqsima 2.

    --------------------------------------------------

    ANNESS II

    1. MARKA CE U SKRIZZJONIJIET

    It-tank jew pjanċa ta' informazzjoni għandu jkollu l-marka CE li hemm provdut għaliha f'Artikolu 16, flimkien ta' l-inqas ma' l-informazzjoni li ġejja:

    —il-pressjoni massima operattiva | PS f' bar |

    —it-temperatura massima operattiva | Tmass f' °C |

    —it-temperatura minima operattiva | Tmin f' °C |

    —il-kapaċità tat-tank | V f' L |

    —l-isem jew marka tal-manifattur |

    —l-identifikazzjoni tat-tip u sensiela jew lott tat-tank. |

    Fejn tintuża pjanċa ta' informazzjoni, hi għandha tkun ddisinjata b'mod li ma tistax terġa' tintuża u għandha tinkludi spazju vojt biex tippermetti li tkun provduta informazzjoni oħra.

    2. STRUZZJONIJIET

    L-istruzzjonijiet għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

    - id-dettalji mogħtija f'1 hawn fuq ħlief l-identifikazzjoni tas-sensiela tat-tank,

    - l-użu maħsub għat-tank,

    - il-ħtiġijiet ta' manutenzjoni u stallazzjoni għal sigurtà tat-tank.

    Huma għandhom ikunu fl-ilsien jew ilsna uffiċjali tal-pajjiż ta' destinazzjoni.

    3. SKEDI TA' DISINN U MANIFATTURA

    L-iskedi ta' disinn u manifattura għandu jkollhom deskrizzjoni tat-teknika u operazzjonijiet użati biex jintlaħqu l-ħtiġijiet essenzjali li għalihom jirreferi Artikolu 3 jew in-normi li għalihom jirreferi Artikolu 5(1) u b'mod partikolari:

    (a) tpinġija dettaljata tal-manifattura tat-tip ta' tank;

    (b) l-istruzzjonijiet;

    (ċ) dokument li jiddeskrivi:

    - il-materjali magħżula,

    - il-proċessi magħżula ta' wweldjar,

    - l-iċċekkjar magħżul,

    - kull dettall li jappartjeni għad-disinn tat-tank.

    Fejn jintużaw il-proċeduri stabbiliti f'Artikoli 11 sa 14, l-iskeda għandha tinkludi wkoll:

    (i) iċ-ċertifikati marbuta mal-kwalifika xierqa ta' l-operazzjonijiet ta' iwweldjar u tal-welders jew operaturi;

    (ii) il-karta ta' spezzjoni għall-materjali wżati fil-manifattura ta' partijiet u armar li jikkontribwixxu għas-saħħa tat-tank ta' pressjoni;

    (iii) rapport dwar l-eżamijiet u testijiet magħmula jew deskrizzjoni ta' l-iċċekkjar propost.

    4. DEFINIZZJONIJIET U SIMBOLI

    4.1. Definizzjonijiet

    (a) Il-pressjoni tad-disinn ‘P' hija l-pressjoni mmarkata magħżulha mill-manifattur u wżata biex tkun deċiża l-ħxuna tal-partijiet taħt pressjoni.

    (b) Il-pressjoni massima operattiva ‘P' hija l-ogħla pressjoni mmarkata li tista' tiġi eżerċitata f'kundizzjonijet normali ta' użu.

    (ċ) It-temperatura minima operattiva Tmin hija l-iktar temperatura baxxa stabbilizzata fil-ħajt tat-tank f'kundizzjonijiet normali ta' użu.

    (d) It-temperatura massima operattiva Tmass hija l-ogħla temperatura stabbilizzata li l-ħajt tat-tank jista' jikseb f'kundizzjonijiet normali ta' użu.

    (e) Is-saħħa ta' li joħroġ ‘RET' hija l-valur fit-temperatura massima operattiva Tmass

    - ta' fuq ta' dak li joħroġ ReH, għal materjal b'punti ta' li joħroġ sew fuq u sew taħt,

    - tal-prova ta' tensjoni Rp0,2,

    - tal-prova ta' tensjoni Rp1,0 fil-każ ta' aluminju mhux imħallat.

    (f) Familji ta' tankijiet:

    Tankijiet jiffurmaw parti mill-istess familja jekk ikunu differenti mill-prototip biss fid-dijametru, sakemm il-ħtiġijiet permessibbli li għalihom jirreferu t-taqsimiet 2.1.1 jew 2.1.2 t'Anness I ikunu mħarsa u/jew fit-tul tal-porzjon ċilindriku fi ħdan il-limiti li ġejjin:

    - prototip ikollu ċurkett jew aktar fil-qoxra barra mit-truf, varjanti fil-familja għandu jkollhom mill-inqas ċurkett wieħed fil-qoxra.

    - prototip ikollu biss żewġt itruf iddixxjati, varjanti fil-familja m'għandux ikollhom ċrieket fil-qoxra.

    Varjazzjonijiet fit-tul li jikkawżaw aperturi u/jew penetrazzjonijiet li għandhom ikunu modifikati għandhom jintwerew fit-tpinġijiet għal kull varjant.

    (ġ) Lott ta' tankijiet jikkonsisti l-aktar minn 3000 tank tal-mudell ta' l-istess tip.

    (ħ) Hemm il-manifattura f'sernsiela fi ħdan it-tifsira ta' din id-Direttiva jekk aktar minn tank wieħed ta' l-istess tip jiġi manifatturat waqt perjodu mogħti bi proċess ta' manifattura kontinwa, bi qbil ma' disinn komuni u bl-użu ta' l-istess proċessi ta' manifattura.

    (i) karta ta' spezzjoni: dokument li bih il-produttur jiċċertifika li l-prodotti kkunsinjati jilħqu l-ħtiġijiet ta' l-ordni u li fih iniżżel ir-riżultati tat-test ta' spezzjoni b'rutina fl-impjant, b'mod partikolari l-komposizzjoni kimika u l-karatteristiċi mekkaniċi magħmula fuq prodotti magħmula bl-istess proċess ta' produzzjoni bħall-kunsinna, iżda mhux bilfors fuq il-prodott kkunsinjat.

    4.2. Simboli

    A | Lo = 5,65 2So) | % |

    A 80 mm | Titwil wara ksur (Lo = 80mm) | % |

    KCV | Enerġija tal-ksur | J/ċm2 |

    P | Pressjoni tad-disinn | bar |

    PS | Pressjoni operattiva | bar |

    Ph | Pressjoni tat-test idrostatiku jew pnewmatiku | bar |

    Rp0,2 | Stress bi prova ta' 0,2 % | N/mm2 |

    RET | Saħħa ta' x'joħroġ f'temperatura massima operattiva | N/mm2 |

    ReH | Punt ta' fuq ta' x'joħroġ | N/mm2 |

    Rm | Saħħa tat-tensjoni | N/mm2 |

    Tmass | Temperatura massima operattiva | °C |

    Tmin | Temperatura minima operattiva | °C |

    V | Kapaċità tat-tank | L |

    Rm, mass | Saħħa massima tat-tensjoni | N/mm2 |

    Rp1,0 | Stress bi prova ta' 1,% | N/mm2 |

    --------------------------------------------------

    ANNESS III

    KRITERJI MINIMI LI GĦANDHOM JIĠU KKUNISDRATI MILL-ISTATI MEMBRI META JINNOMINAW IL-KORPI TA' SPEZZJONI

    1. Il-korp ta' spezzjoni, id-direttur tiegħu u l-impjegati responsabbli biex isiru t-testijiet tal-verifika ma għandhomx ikunu d-disinjatur, manifattur, fornitur jew stallatur ta' tankijiet li huma jispezzjonaw, u lanqas ir-rappreżentanti awtorizzati ta' xi wieħed minn dawk il-partijiet. Huma ma għandhomx ikunu involuti direttament fid-disinn, kostruzzjoni, bejgħ jew manutenzjoni tat-tankijiet, u lanqas ma jirrappreżentaw lill-partijiet inġaġġati f'dawn l-attivitajiet. Dan ma jipprekludix il-possibbiltà ta' tpartit ta' informazzjoni teknika bejn il-manifattur u l-korp ta' spezzjoni.

    2. Il-korp ta' spezzjoni u l-ħaddiema tiegħu għandhom jesegwixxu t-testijiet ta' verifika bl-ogħla grad ta' integrità professjonali u kompetenza teknika u għandhom ikunu ħielsa minn pressjonijiet u persważjonijiet, b'mod partikolari dawk finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati ta' l-ispezzjoni, speċjalment minn persuni jew gruppi ta' persuni b'interess fir-riżultat tal-verifiki.

    3. Il-korp ta' spezzjoni għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu l-ħaddiema meħtieġa u għandu jkollu l-faċilitajiet meħtieġa biex ikun jista' jesegwixxi sew ix-xogħlijiet amministrattivi u tekniċi konnessi mal-verifika; għandu wkoll ikollu aċċess għall-apparat meħtieġ għal verifika speċjali.

    4. Il-ħaddiema responsabbli għall-ispezzjoni għandu jkollhom:

    - taħriġ tekniku u professjonali sod,

    - tagħrif sodisfaċenti dwar il-ħtiġijiet tat-testijiet li jagħmlu u esperjenza adegwata ta' dawn it-testijiet.

    - il-kapaċità li jippreparaw iċ-ċertifikati, reġistri u rapporti meħtieġa biex jawtentikaw l-andament tat-testijiet.

    5. L-imparzjalità tal-ħaddiema ta' spezzjoni għandha tkun garantita. Il-ħlas tagħhom ma għandux jiddependi mill-għadd ta' testijiet li jagħmlu u lanqas mir-riżultati ta' dawn it-testijiet.

    6. Il-korp ta' spezzjoni għandu jkollu assigurazzjoni ta' responsabbiltà sakemm ir-responsabbiltà tagħha tittieħed mill-Istat skond il-liġi nazzjonali, jew l-Istat Membru nnifsu huwa responsabbli direttament għat-testijiet.

    7. Il-ħaddiema tal-korp ta' spezzjoni huwa marbut li josserva s-segretezza professjonali rigward l-informazzjoni kollha miksuba fl-esekuzzjonijiet tax-xogħlijiet tiegħu (ħlief rigward l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti ta' l-Istat li fih saru l-attivitajiet) f'din id-Direttiva jew kull dispożizzjoni ta' liġi nazzjonali li jagħtiha effett.

    --------------------------------------------------

    Top