EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31984L0450

Id-Direttiva tal-Kunsill ta' l-10 ta’ Settembru 1984 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (84/450 KEE)

ĠU L 250, 19.9.1984, p. 17–20 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 11/12/2007; Imħassar b' 32006L0114

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1984/450/oj

31984L0450



Official Journal L 250 , 19/09/1984 P. 0017 - 0020
Finnish special edition: Chapter 15 Volume 4 P. 0211
Spanish special edition: Chapter 15 Volume 5 P. 0055
Swedish special edition: Chapter 15 Volume 4 P. 0211
Portuguese special edition Chapter 15 Volume 5 P. 0055


Direttiva tal-Kunsill

ta' l-10 ta’ Settembru 1984

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi

(84/450 KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’ mod partikolari l-Artikolu 100 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi l-liġijiet kontra reklamar qarrieqi li hemm bħalissa fis-seħħ fl-Istati Membri jvarjaw ħafna; billi, la darba r-reklamar jmur ’l hinn mill-fruntieri ta’ Stati Membri individwali, għandu effett dirett fuq it-twaqqif u l-operat tas-suq komuni;

Billi r-reklamar qarrieqi jista’ jwassal għal tgħawwiġ fil-kompetizzjoni fis-suq komuni;

Billi r-reklamar, sew jekk jirriżultax f’kuntratt jew le, jaffettwa l-benesseri ekonomiku tal-konsumaturi;

Billi reklamar qarrieqi jista’ jġiegħel konsumatur biex jieħu deċiżjonijiet ta’ ħsara għalih meta jikseb merkanzija jew proprjetà oħra, jew meta juża servizzi, u d-differenzi bejn il-liġijiet ta’ l-Istati Membri mhux biss iwasslu, f’ħafna każi, f’livelli inadekwati ta’ protezzjoni tal-konsumatur, iżda wkoll ifixklu t-twettiq ta’ kampanji ta’ reklamar ’l hinn minn fruntieri nazzjonali u hekk jaffettwaw iċ-ċirkulazzjoni ħielsa ta’ merkanzija u provvista ta’ servizzi;

Billi t-tieni programm tal-Komunità Ekonomika Ewropea għal politika ta’ protezzjoni u ta’ informazzjoni tal-konsumatur [4] jipprovdi għal azzjoni xierqa għall-protezzjoni tal-konsumaturi kontra reklamar qarrieqi u inġust;

Billi huwa fl-interess tal-pubbliku in ġenerali, kif ukoll dak tal-konsumaturi u dawk kollha li, f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jeżerċitaw sengħa, kummerċ, negozju, okkupazzjoni jew professjoni, fis-suq komuni, biex jagħmlu jarmonizzaw fl-ewwel istanza dispożizzjonijiet nazzjonali kontra reklamar qarrieqi u li, fit-tieni istanza, reklamar inġust u, sa fejn huwa meħtieġ, reklamar komparattiv għandu jiġi ttrattat a bażi ta’ proposti xierqa tal-Kummissjoni;

Billi kriterji minimi u oġġettivi biex jiġi stabbilit jekk reklamar huwiex qarrieqi għandhom jiġu stabbiliti għal dan il-għan;

Billi l-liġijiet li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri kontra reklamar qarrieqi għandhom ikunu adekwati u effettivi;

Billi l-persuni jew organizzazzjonijiet meqjusa skond il-liġi nazzjonali bħala li għandhom interess leġġittimu fil-kwistjoni għandu jkollhom faċilitajiet biex jagħtu bidu għal proċeduri kontra reklamar qarrieqi, jew quddiem qorti jew quddiem awtorità amministrattiva li tkun kompetenti biex tiddeċidi dwar l-ilmenti jew biex jagħtu bidu għal proċeduri legali xierqa;

Billi sta għal kull Stat Membru li jiddeċidi jekk jagħtix setgħa lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi li jesiġu rimedju minn qabel għal mezzi stabbiliti oħra għall-ittrattar ta’ l-ilmenti;

Billi l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi għandu jkollhom setgħat li bihom ikunu jistgħu jordnaw jew jiksbu l-waqfien ta’ reklamar qarrieqi;

Billi f’ċerti każi jista’ jkun mixtieq li jipprojbixxu reklamar qarrieqi ukoll qabel dan ikun ippubblikat; billi, b’danakollu, dan bl-ebda mod ma jimplika li l-Istati Membri huma obbligati li jdaħħlu regoli li jeħtieġu vvettjar sistematiku minn qabel ta’ reklamar;

Billi għandu jkun ipprovdut għall-proċeduri mgħaġġla li taħthom jistgħu jittieħdu miżuri b’seħħ temporanju jew definittiv;

Billi jista’ jkun desiderabbli li ssir ordni biex il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet magħmula mill-qrati jew mill-awtoritajiet amministrattivi jew tad-dikjarazzjonijiet korrettivi sabiex jiġi eliminat kull effett kontinwu ta’ reklamar qarrieqi;

Billi l-awtoritajiet amministrattivi għandhom ikunu imparzjali u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom għandu jkun suġġett għar-reviżjoni ġuridika;

Billi l-kontroll volontarju eżerċitat mill-korpi awto-regolatorji biex jeliminaw reklamar qarrieqi jista’ jevita r-rikors għal azzjoni amministrattiva jew ġuridika u għandu għalhekk ikun inkoraġġut;

Billi min jagħmel ir-reklam għandu jkun jista’ jipprova, b’mezzi xierqa, l-eżattezza materjali ta’ l-asserzjonijiet fattwali li jagħmel fir-reklamar tiegħu, u jista’ f’każi xierqa jkun meħtieġ li jagħmel dan mill-qorti jew mill-awtorità amministrattiva;

Billi din id-Direttiva m’għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet bil-għan li jisguraw protezzjoni aktar estensiva tal-konsumatur, persuni eżerċjenti sengħa, negozju, okkupazzjoni jew professjoni, u l-pubbliku ġenerali,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-fini ta’ din id-Direttiva huwa li jipproteġi konsumaturi, persuni li jeżerċitaw sengħa jew negozju jew li jipprattikaw okkupazzjoni jew professjoni u l-interessi tal-pubbliku in ġenerali kontra reklamar qarrieqi u l-konsegwenzi inġusti tiegħu.

Artikolu 2

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

1. "reklamar" ifisser l-għemil ta’ preżentazzjoni fi kwalunkwe forma b’konnessjoni ma’ kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni sabiex jippromwovi l-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, inkluż proprjetà immobbli, drittijiet u obbligi;

2. "reklamar qarrieqi" jfisser kull reklamar li, bi kwalunkwe mod, inkluż il-preżentazzjoni tiegħu, iqarraq jew ikun hemm proababilta li jqarraq lill-persuni li lejhom ikun ġie indirizzati jew li jasal għandhom u li, minħabba n-natura qarrieqa tiegħu, jista’ jaffettwaw l-imġieba ekonomika tagħhom jew li, għal dawk ir-raġunijiet, jagħmel ħsara jew ikun hemm probabilta li jagħmel ħsara lill-kompetitur;

3. "persuna" tfisser kull persuna fiżika jew legali.

Artikolu 3

Biex jiġi stabbilit jekk reklamar huwiex qarrieqi, għandhom jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi tiegħu kollha, u b’mod partikulari kull informazzjoni li jkollu dwar:

(a) il-karatteristiċi tal-merkanzija jew servizzi, bħad-disponibbiltà tagħhom, in-natura, l-eżekuzzjoni, l-kompożizzjoni, il-metodu u d-data ta’ manifattura jew provvista, kemm huma adattati għall-iskop, l-użu, il-kwantita, l-ispeċifikazzjoni, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali jew ir-riżultati li għandhom jistennew mill-użu tagħhom, jew ir-riżultati u l-karatteristiċi materjali tat-testijiet jew kontrolli imwettqa fuq il-merkanzija jew servizzi;

(b) il-prezz jew il-manjiera li bihom l-prezz jiġi kkalkolat, u l-kondizzjonijiet li bihom il-merkanzija tkun pprovduti jew is-servizzi jkunu mogħtija;

(ċ) in-natura, l-attributi u d-drittijiet ta’ min jagħmel ir-reklam, bħall-identità u l-assi tiegħu, il-kwalifiki u l-pussess ta’ drittijiet ta’ proprjetà industrijali, kummerċjali jew intellettwali jew il-premjijiet u d-distinzjonijiet tiegħu.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mezzi adekwati u effettivi għall-kontroll ta’ reklamar qarrieqi fl-interessi tal-konsumaturi kif ukoll tal-kompetituri u l-pubbliku inġenerali.

Dawn il-mezzi għandhom jinkludu dispożizzjonijiet legali li taħthom persuni jew organizazzjonijiet meqjusa taħt il-liġi nazzjonali bħala li għandhom interess leġittimu fil-projbizzjoni ta’ reklamar qarrieqi jistgħu:

(a) jieħdu azzjoni legali kontra tali reklamar; u/jew

(b) iressqu dan ir-reklamar quddiem awtorità amministrattiva kompetenti jew biex tiddeċiedi fuq l-ilmenti jew biex tagħti bidu għal proċeduri legali xierqa.

Sta għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema minn dawn il-faċilitajiet għandhom ikunu disponibbli u jekk jagħmilhiex possibbli għall-qrati jew għall-awtoritajiet amministrattivi li jkun jeħtieġu rikors minn qabel għal mezzi oħra stabbiliti biex jittrattaw l-ilmenti, inklużi dawn imsemmija fl-Artikolu 5.

2. Skond id-dispożizzjonijiet legali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi setgħat li jagħtuhom is-setgħa, f’każi fejn iqisu li dawn il-miżuri huma meħtieġa waqt li jikkunsidraw l-interessi involuti kollha u b’mod partikulari l-interess pubbliku:

- sabiex jordnaw il-waqfien ta’, jew biex jistitwixxu proċeduri legali xierqa għal ordni għall-waqfien ta’, reklamar qarrieqi, jew

- jekk reklamar qarrieqi ma jkunx għadu ġie ppubblikat jew il-publikazzjoni tkun imminenti, sabiex jordnaw il-projbizzjoni ta’, jew biex jistitwixxu poċeduri legali xierqa għal ordni għall-projbizzjoni ta’, tali pubblikazzjoni,

ukoll mingħajr prova ta’ telf jew ħsara attwali jew ta’ intenzjoni jew negliġenza fuq il-parti tar-reklamant.

L-Istati Membri għandhom ukoll jipprovdu għall-miżuri msemmija fl-ewwel subparagrafu li għandhom jittieħdu skond proċedura aċċellerata:

- jew b’seħħ temporanju, jew

- b’seħħ definittiv,

bi ftehim li sta għal kull Stat Membru li jiddeċiedi liema jagħżel miż-żewġ għażliet.

B’żieda ma’ dan, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-qrati jew lill-awtoritajiet amministrattivi setgħat li bihom ikunu jistgħu, bil-għan li jeliminaw l-effetti kontinwi ta’ reklamar qarrieqi, li l-waqfien tiegħu kien ordnat b’deċiżjoni finali:

- li jitolbu l-pubblikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni fl-interità jew f’parti u f’dik il-forma li huma jqisu adekwata,

- li jeħtieġu b’żieda ma’ dan il-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjoni korrettiva.

3. L-awtoritajiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

(a) ikunu kkostitwiti hekk li ma jitfgħux dubbju fuq l-imparzjalità tagħhom;

(b) ikollhom setgħat biżżejjed, fejn huma jiddeċidu dwar l-ilmenti, biex josservaw kontinwament u jinfurzaw l-osservanza tad-deċiżjonijiet tagħhom effettivament;

(ċ) normalment jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom.

Billi s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 2 huma eżerċitati esklussivament mill-awtorità amministrattiva, dejjem għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha B’żieda ma’ dan f’dan il-każ, għandu jkun hemm dispożizzjoni għal proċeduri li bihom twettiq mhux xieraq jew mhux raġonevoli tas-segħat tagħha minn awtorità amministrattiva jew nuqqas mhux xieraq jew mhux raġonevoli biex twettaq is-setgħat imsemmija jistgħu jkunu bla ħsara għar-reviżjoni ġudizzjarja.

Artikolu 5

Din id-Direttiva ma teskludix il-kontroll volontarju ta’ reklamar qarrieqi minn korpi awto regolatorji u rikors għal dawn il-korpi minn persuni jew organizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 jekk proċeduri quddiem dawn il-korpi jkunu b’żieda ma’ proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi msemmija f’dak l-Artikolu.

Artikolu 6

L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi setgħat li jagħtuhom poteri fil-proċeduri ċivili jew amministrattivi li hemm ipprovdut dwarhom fl-Artikolu 4:

(a) biex jesiġu lir-riklamant li jagħti xiehda għall-eżattezza tal-pretensjonijiet fattwali fir-reklamar jekk, waqt li jikkunsidra l-interessi leġittimi tar-reklamant u kull parti oħra għall-proċeduri, dan ir-rekwiżit jidher xieraq fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi tal-każ partikulari; u

(b) biex jikkunsidra l-pretensjonijiet fattwali bħala mhux eżatti jekk ix-xhieda mitluba skond (a) ma tingħatax jew titqies bħala mhux suffiċjenti mill-qorti jew awtorità amministrattiva.

Artikolu 7

Din id-Direttiva m’għandhiex teskludi lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw dispożizzjonijiet bil-għan li jiżguraw protezzjoni aktar estensiva għall-konsumaturi, persuni eżerċjenti l-kummerċ, negozju, sengħa jew professjoni, u għall-pubbliku inġenerali.

Artikolu 8

L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta’ Ottubru 1986. Għandhom jgħarrfu bihom minnufih lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet kollha tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.

Artikolu 9

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fl-10 ta’ Settembru 1984.

Għall-Kunsill

Il-President

P. O'Toole

[1] ĠU C 70, tal-21.3.1978, p. 4.

[2] ĠU C 140, tas-6.5.1979, p. 23.

[3] ĠU C 171, tad-9.7.1979, p. 43.

[4] ĠU C 133, tat-3.6.1981, p. 1.

--------------------------------------------------

Top