Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31976L0308

    Id-Direttiva tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 1976 dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta' imposti agrikoli u dazji doganali

    ĠU L 73, 19.3.1976, p. 18–23 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/06/2008; Imħassar b' 32008L0055

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1976/308/oj

    31976L0308



    Official Journal L 073 , 19/03/1976 P. 0018 - 0023
    Finnish special edition: Chapter 2 Volume 2 P. 0066
    Greek special edition: Chapter 02 Volume 2 P. 0126
    Swedish special edition: Chapter 2 Volume 2 P. 0066
    Spanish special edition: Chapter 02 Volume 3 P. 0046
    Portuguese special edition Chapter 02 Volume 3 P. 0046


    Id-Direttiva tal-Kunsill

    tal-15 ta' Marzu 1976

    dwar l-għajnuna reċiproka għall-irkupru ta' talbiet li jirriżultaw minn ħidmiet li jiffurmaw parti mis-sistema li tiffinanzja l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, u ta' imposti agrikoli u dazji doganali

    (76/308/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 100 ta' l-istess,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 tal-21 ta' April 1970 dwar il-finanzjar tal-politika agrikola komuni [1], kif emendata l-aħħar bir-Regolament (KEE) Nru 2788/72 [2], u partikolarment Artikolu 8(3) tal-istess,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [3],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [4],

    Billi mhux possibli fil-preżent li tkun infurzata fi Stat Membru talba għall-irkupru msaħħa minn dokument imfassal mill-awtoritajiet ta' xi Stat Membru ieħor;

    Billi l-fatt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriferu għall-irkupru huma applikabbli biss fil-limiti tat-territorji nazzjonali huwa fih innifsu ta' xkiel għat-twaqqif u t-tħaddim tas-suq komuni; billi din is-sitwazzjoni ma tħallix li r-regoli tal-Komunità jiġu applikati fis-sħiħ u b'ġustizzja partikolarment fis-settur tal-politika agrikola komuni, u tagħmel eħfef ħidmiet frawdolenti;

    Billi huwa għalhekk meħtieġ li jiġu adottati regoli komuni dwar il-għajnuna reċiproka għall-irkupru;

    Billi dawn il-miżuri għandhom japplikaw kemm għall-irkupru ta' talbiet li jirriżultaw mid-diversi miżuri li jagħmlu parti mis-sistema ta' finanzjar totali jew parzjali tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija kif ukoll għall-irkupru ta' imposti agrikoli u dazji doganali fil-limiti tat-tifsira ta' l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 70/243/KEFA, KEE, Euratom tal-21 ta' April 1970 dwar is-sostituzzjoni ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri bir-risorsi tal-Komunitajiet infushom [5], u ta' Artikolu 128 tal-Att ta' Adeżjoni; billi għandhom ukoll japplikaw għall-irkupru ta' interessi u spejjeż inċidentali għal talbiet bħal dawn;

    Billi l-għajnuna reċiproka trid tikkonsisti f'dan li ġej: l-awtorità mitluba trid min-naħa l-waħda tforni lill-awtorità applikanti bit-tagħrif li din ta' l-aħħar jkollha bżonn sabiex tirkupra t-talbiet li jinqalgħu fl-Istat Membru li fih tkun tinsab u tgħarraf lid-debitur bid-dokumenti kollha li jirreferu għal talbiet bħal dawn li jiġu minn dak l-Istat Membru, u min-naħa l-oħra trid tirkupra, fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, it-talbiet li jinqalgħu fl-Istat Membru li fih din ta' l-aħħar tkun tinsab;

    Billi dawn il-forom differenti ta' għajnuna jridu jingħataw mill-awtorità mitluba skond il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirregolaw materji bħal dawn fl-Istat Membru li fih tkun tinsab;

    Billi huwa meħtieġ li wieħed jagħmel il-kondizzjonijiet li taħthom talbiet għall-għajnuna jkunu jridu jitfasslu mill-awtorità applikanti u li tingħata tifsira restrittiva taċ-ċirkostanzi partikolari li fihom l-awtorità mitluba tista' tiċħad il-għajnuna f'xi każ partikolari;

    Billi meta l-awtorità mitluba jkun jeħtiġilha taġixxi f'isem l-awtorità applikanti sabiex tirkupra xi talba, għandha tkun kapaċi, jekk id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab hekk jippermettu u bil-qbil ta' l-awtorità applikanti, li tagħti żmien lid-debitur sabiex iħallas jew tawtorizza ħlas bin-nifs; billi xi interessi fuq faċilitajiet ta' ħlas bħal dawn għandhom ukoll jintbagħtu lill-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab

    Billi, fuq talba raġonata mill-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha wkoll tkun kapaċi, kemm-il darba d-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab hekk jippermettu, li tieħu miżuri ta' prekawzjoni sabiex tiggarantixxi l-irkupru ta' talbiet li jinqalgħu fl-Istat Membru applikanti; billi talbiet bħal dawn m'għandhomx madankollu jingħataw xi trattament preferenzjali fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab;

    Billi huwa possibbli li matul il-proċedura ta' rkupru fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab it-talba jew id-dokument li jawtorizzaw l-infurzar tagħha maħruġa fl-Istat Membru li fih tinsab l-awtorità applikanti jistgħu jiġu kkontestati mill-persuna konċernata; billi għandu jiġi stabbilit f'każijiet bħal dawn li l-persuna konċernata għandha tressaq l-azzjoni biex tikkontesta t-talba quddiem il-korp kompetenti ta' l-Istat Membru li l-awtorità applikanti tkun tinsab fih u li l-awtorità mitluba trid tissospendi kull proċedura ta' infurzar li hi tkun bdiet sakemm tittieħed deċiżjoni mill-korp imsemmi qabel;

    Billi għandu jiġi stabbilit li dokumenti u tagħrif mgħoddija fil-kors tal-għajnuna reċiproka għall-irkupru m'għandhomx jintużaw għal skopijiet oħra;

    Billi din id-Direttiva m'għandhiex tillimita l-għajnuna reċiproka bejn xi Stati Membri partikulari taħt xi ftehim jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali;

    Billi huwa meħtieġ li jkun żgurat li l-għajnuna reċiproka taħdem bla xkiel u li għal dan il-għan tkun stabbilita proċedura tal-Komunità sabiex jiġu stabbiliti r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' għajnuna bħal din f'perijodu xieraq; billi huwa meħtieġ li jitwaqqaf kumitat sabiex jorganizza kollaborazzjoni mill-qrib u effettiva bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni f'dan il-qasam,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu inkorporati fil-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta' l-Istati Membri sabiex jiġi żgurat l-irkupru f'kull Stat Membru tat-talbiet li għalihom jirriferi Artikolu 2 li jinqalgħu fi xi Stat Membru ieħor.

    Artikolu 2

    Din-Direttiva għandha tapplika għad-dispożizzjonijiet kollha li għandhom x'jaqsmu ma:

    (a) rifużjonijiet, interventi u miżuri oħra li jiffurmaw parti mis-sistema ta' finanzjar totali jew parzjali tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija, inklużi ammonti li jridu jinġabru b'konnessjoni ma' dawn l-azzjonijiet;

    (b) imposti agrikoli, fil-limiti tat-tifsira ta' Artikolu 2(a) tad-Deċiżjoni 70/243/KEFA, KEE, Euratom u Artikolu 128(a) tal-Att ta' Adeżjoni;

    (ċ) dazji doganali, fil-limiti tat-tifsira ta' l-Artikolu 2(b) ta' l-imsemmija Deċiżjoni u Artikolu 128(b) tal-Att ta' Adeżjoni;

    (d) interessi u spejjeż inċidentali għall-irkupru tat-talbiet li għalihom saret referenza hawn fuq.

    Artikolu 3

    F'din id-Direttiva:

    - "awtorità applikanti" tfisser l-awtorità kompetenti ta' kull Stat Membru li tagħmel talba għall-għajnuna b'konnessjoni ma' xi talba li għaliha jirreferi Artikolu 2;

    - "awtorità mitluba" tfisser l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru li ssirlu talba.

    Artikolu 4

    1. Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha tipprovdi kull tagħrif li jkun utli għall-awtorità applikanti fl-irkupru tat-talbiet tagħha.

    Sabiex jinkiseb dan it-tagħrif, l-awtorità mitluba għandha tagħmel użu mis-setgħat mogħtija mil-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għall-irkupru ta' talbiet bħalhom li jinqalgħu fl-Istat Membru fejn dik l-awtorità tkun tinsab.

    2. It-talba għal tagħrif għandha tindika l-isem u l-indirizz tal-persuna li għaliha jirriferi t-tagħrif li jrid jingħata u n-natura u l-ammont tat-talba li ssir.

    3. L-awtorità mitluba mhiex obbligata li tforni tagħrif:

    (a) li ma tkunx tista' tikseb bl-iskop li tirkupra talbiet bħal dawn li jinqalgħu fl-Istat Membru li fih tkun tinsab;

    (b) li jikxef xi sigrieti kummerċjali, industrijali jew professjonali; jew

    (ċ) li l-iżvelar tiegħu jista' jippreġudika s-sigurta ta' jew imur kontra l-politika pubblika tal-Istat.

    4. L-awtorità mitluba għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti bir-raġuni li għaliha tkun ċaħdet xi talba għal tagħrif.

    Artikolu 5

    1. L-awtorità mitluba għandha, fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, u skond ir-regoli fis-seħħ għan-notifika ta' dokumenti bħalhom jew deċiżjonijiet fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, tinnotifika lid-destinatarju b' kull dokument u deċiżjoni, inklużi dawk ta' natura ġudizzjarja, li jiġu mill-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab u li jkollhom x'jaqsmu ma' xi talba u/jew l-irkupru tagħha.

    2. It-talba għan-notifika għandha tindika l-isem u l-indirizz tad-destinatarju konċernat, in-natura u s-suġġett tad-dokument jew deċiżjoni li għandhom jiġu notifikati, jekk meħtieġ l-isem u l-indirizz tad-debitur u t-talba li għaliha d-dokument jew deċiżjoni jirreferu, u kull tagħrif utli ieħor.

    3. L-awtorità mitluba għandha minnufih tgħarraf lill-awtorità applikanti bl-azzjoni meħuda fuq it-talba tagħha għan-notifika u, aktar minn hekk, bid-data li fiha d-dokument jew deċiżjoni ġiet mgħoddija lid-destinatarju.

    Artikolu 6

    1. Fuq it-talba ta' l-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha, skond il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li japplikaw għall-irkupru ta' talbiet bħalhom li jinqalgħu fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, tirkupra talbiet li huma s-suġġett ta' xi dokument li jippermetti l-infurzar tagħhom.

    2. Għal dan l-iskop kull talba li għaliha jkun intalab l-irkupru għandha tiġi trattata bħala talba ta' l-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, ħlief fejn japplika Artikolu 12.

    Artikolu 7

    1. It-talba għall-irkupru ta' xi talba li l-awtorità applikanti tindirizza lill-awtorità mitluba għandha tkun akkumpanjata minn kopja uffiċjali jew ċertifikata tad-dokument li jippermetti l-infurzar tagħha, maħruġa fl-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab u, jekk ikun xieraq, minn kopja oriġinali jew ċertifikata ta' dokumenti oħra meħtieġa għall-irkupru.

    2. L-awtorità applikanti m'għandhiex tagħmel talba għall-irkupru jekk:

    (a) it-talba u/jew d-dokument li jippermettu l-infurzar ma jkunux kontestati fl-Istat Membru li fih tkun tinsab;

    (b) tkun applikat, fl-Istat Membru li fih tkun tinsab, il-proċedura ta' rkupru disponibbli għaliha fuq il-bażi tad-dokument li għalih jirreferi paragrafu 1, u l-miżuri meħuda ma jkunux irriżultaw fil-ħlas sħiħ tat-talba.

    3. It-talba għall-irkupru għandha tindika l-isem u l-indirizz tal-persuna konċernata, in-natura tat-talba, l-ammont tal-kapital u l-interessi u l-ispejjeż dovuti, kif ukoll kull tagħrif ieħor li jkollu x'jaqsam.

    4. It-talba għall-irkupru għandu jkun fiha wkoll dikjarazzjoni mill-awtorità applikanti li tindika d-data minn meta l-infurzar jkun possibli taħt il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab u li tikkonferma li l-kundizzjonijiet imniżżla fil-paragrafu 2 huma sodisfatti.

    5. Hekk kif xi tagħrif li jkollu x'jaqsam mal-materja li tat lok għat-talba għall-irkupru ssir taf bih l-awtorità applikanti hija għandha tgħaddih lill-awtorità mitluba.

    Artikolu 8

    Id-dokument li jippermetti l-infurzar tat-talba għandu, meta hu xieraq, u skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab, jkun aċċettat, rikonoxxut, miżjud, jew mibdul b'xi dokument li jawtorizza l-infurzar fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

    Aċċettazzjoni, rikonoxximent, żjieda jew bdil bħal dawn jridu jseħħu kemm jista' jkun malajr wara d-data tal-wasla tat-talba għall-irkupru. Huma ma jistgħux jiġu miċħuda jekk id-dokument li jippermetti l-infurzar fl-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab ikun imfassal kif hu xieraq.

    Jekk xi waħda minn dawn il-formalitajiet tagħti lok għal eżami jew kontestazzjoni b'konnessjoni mat-talba u/jew id-dokument li jippermettu l-infurzar mill-awtorita applikanti, Artikolu 12 għandu japplika.

    Artikolu 9

    1. It-talbiet għandhom jiġu rkuprati fil-munita ta' l-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab.

    2. L-awtorità mitluba tista', fejn il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru li fih hija tkun tinsab hekk jippermettu, u wara konsultazzjonijiet ma' l-awtorià applikanti, tagħti lid-debitur żmien sabiex iħallas jew tawtorizza l-ħlas bin-nifs. Kull imgħax li tieħu l-awtorità mitluba dwar dan iż-żmien żejjed sabiex isir il-ħlas għandu jintbagħat lill-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab.

    Kull imgħax ieħor li jittieħed minħabba ħlas tard taħt il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab għandu wkoll jintbagħat lill-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab.

    Artikolu 10

    It-talbiet li jridu jiġu rkuprati m'għandhomx jingħataw trattament preferenzjali fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab.

    Artikolu 11

    L-awtorità mitluba għandha minnufih tgħarraf lill-awtorità applikanti bl-azzjoni li tkun ħadet dwar it-talba għall-irkupru.

    Artikolu 12

    1. Jekk, matul il-proċedura ta' rkupru, it-talba u/jew id-dokument li jippermettu l-infurzar tiegħu maħruġa fl-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab huma kontestati minn parti interessata, l-azzjoni għandha titressaq minn din tal-aħħar quddiem il-korp kompetenti ta' l-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab, skond il-liġijiet fis-seħħ hemmhekk. Din l-azzjoni għandha tiġi notifikata mill-awtorità applikanti lill-awtorità mitluba. Il-parti konċernata tista' wkoll tinnotifika l-awtorità mitluba bl-azzjoni.

    2. Hekk kif l-awtorità mitluba tkun irċeviet in-notifika li għaliha jirreferi l-paragrafu 1 jew mill-awtorità applikanti jew mill-parti interessata, għandha tissospendi l-proċedura ta' infurzar sakemm ikun hemm id-deċiżjoni tal-korp kompetenti fil-materja. Jekk l-awtorità mitluba tħoss li hu meħtieġ, u bla ħsara għal Artikolu 13, dik l-awtorità tista' tieħu miżuri prekawzjonarji biex tiggarantixxi l-irkupru kemm-il darba l-liġijiet jew regolamenti fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab jippermettu azzjoni bħal din dwar talbiet bħalhom.

    3. Fejn huma l-miżuri ta' infurzar meħuda fl-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab li qed ikunu kkontestati l-azzjoni għandha titressaq quddiem il-korp kompeteneti ta' dak l-Istat Membru skond il-liġijiet u r- regolamenti tiegħu.

    4. Fejn l-awtorità kompetenti li quddiemha tkun tressqet l-azzjoni skond il-paragrafu1 hija tribunal ġudizzjarju jew amministrattiv, id-deċiżjoni ta' dak it-tribunal, sakemm tkun favorevoli għall-awtorità applikanti u tippermetti l-irkupru tat-talba fl-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab għandha tikkonstitwixxi "d-dokument li jippermetti l-infurzar" fil-limiti tat-tifsira ta' Artikoli 6, 7 u 8 u l-irkupru tat-talba għandu jkompli fuq il-bażi ta' dik id-deċiżjoni.

    Artikolu 13

    Fuq talba raġonata mill-awtorità applikanti, l-awtorità mitluba għandha tieħu miżuri prekawzjonarji sabiex tiżgura l-irkupru ta' talba sakemm il-liġijiet jew ir-regolamenti fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tkun tinsab hekk jippermettu.

    Sabiex jingħata effett lid-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu, Artikoli 6, 7 (1), (3) u (5), 8, 11, 12 u 14 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

    Artikolu 14

    L-awtorità mitluba mhix obbligata:

    (a) li tagħti l-għajnuna li għaliha hemm provdut f'Artikoli 6 sa 13 jekk l-irkupru tat-talba jkun, minnħabba s-sitwazzjoni tad-debitur, se joħloq diffikultajiet ekonomiċi jew soċjali serji fl-Istat Membru li fih dik l-awtorità tkun tinsab;

    (b) li tieħu r-responsabbiltà għall-irkupru tat-talba jekk l-awtorità applikanti ma tkunx eżawrit il-mezzi ta' rkupru fit-territorju ta' l-Istat Membru li fih tkun tinsab.

    L-awtorità mitluba għandha tgħarraf lill-awtorità applikanti bir-raġuni għaliex tkun ċaħdet xi talba għall-għajnuna. Ċaħda raġonata bħal din għandha wkoll tkun mgħoddija lill-Kummissjoni.

    Artikolu 15

    1. Kwistjonijiet dwar perijodi ta' limitazzjoni għandhom ikunu regolati biss mil-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab.

    2. Passi meħuda għall-irkupru ta' talbiet mill-awtorità mitluba wara xi talba għall-għajnuna, li, kieku kienu twettqu mill-awtorità applikanti, kien ikollhom l-effett li jissospendu jew iwaqqfu l-perijodu ta' limitazzjoni skond il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab, għandhom jitqiesu li kienu ttieħdu fl-Istat ta' l-aħħar, safejn jikkonċerna dak l-effett.

    Artikolu 16

    Dokumenti u tagħrif mibgħuta lill-awtorità mitluba skond din id-Direttiva jistgħu jiġu mgħoddija biss minn ta' l-aħħar lil:

    (a) il-persuna msemmija fit-talba għall-għajnuna;

    (b) dawk il-persuni u awtoritajiet responsabbli għall-irkupru tat-talbiet, u għal dak l-iskop biss;

    (ċ) l-awtoritajiet ġudizzjarji li jieħdu ħsieb materji li jikkonċernaw l-irkupru tat-talbiet.

    Artikolu 17

    Talbiet għall-għajnuna u dokumenti li għandhom x'jaqsmu magħhom għandhom ikunu akkompanjati minn traduzzjoni fl-ilsien uffiċjali, jew waħda mill-ilsna uffiċjali ta' l-Istat Membru li fihom l-awtorità mitluba tkun tinsab, bla ħsara għad-dritt ta' l-awtorità ta' l-aħħar li tirrinunzja għat-traduzzjoni.

    Artikolu 18

    L-Istati Membri għandhom jirrinunzjaw għal kull talba kontra xulxin għar-rimbors ta' spejjeż li jirriżultaw mill-għajnuna reċiproka li huma jagħtu lil xulxin skond din id-Direttiva.

    Madankollu, l-Istat Membru li fih l-awtorità applikanti tkun tinsab għandu jibqa' responsabbli lejn l-Istat Membru li fih l-awtorità mitluba tkun tinsab għall-ispejjeż magħmula bħala riżultat ta' azzjonijiet ikkunsidrati bħala li huma bla bażi, safejn is-sustanza tat-talba jew il-validità tad-dokument maħruġa mill-awtorità applikanti huma kkonċernati.

    Artikolu 19

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu lil xulxin lista ta' awtoritajiet awtorizzati biex jagħmlu jew jilqgħu talbiet għall-għajnuna.

    Artikolu 20

    1. Kumitat dwar l-Irkupru (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-kumitat") huwa b'dan imwaqqaf u għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri b'rappreżentant tal-Kummissjoni bħala president.

    2. Il-kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

    Artikolu 21

    Il-kumitat jista' jeżamina kull kwistjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva li titqajjem mill-president tiegħu kemm fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq it-talba tar-rappreżentant ta' Stat Membru.

    Artikolu 22

    1. Ir-regoli dettaljati biex ikunu implimentati Artikoli 4(2) u (4), 5 (2) u (3), 7 (1), (3) u (5), 9, 11 u 12 (1) u r-regoli dwar tisrif, trasferiment ta' ammonti rkuprati, u l-iffissar ta' ammont minimu għal talbiet li jistgħu jikkawżaw talba għall-għajnuna, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura preskritta fil-paragrafi 2 u 3.

    2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jiġu adottati. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fuq l-abbozz f'limitu ta' żmien stabbilit mill-president, b'rispett għall-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjonijiet għandhom jiġu adottati b'maġġoranza ta' 41 vot, bil-voti tal-Istati Membri jingħataw il-piż kif hemm provdut f'Artikolu 148(2) tat-Trattat. Il-president m'għandux jivvota.

    3. (a) Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti fejn dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat;

    (b) Fejn il-miżuri proposti m'humiex skond l-opinjoni tal-kumitat, jew jekk l-ebda opinjoni ma tkun mgħotija, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tipproponi lill-Kunsill il-miżuri li jridu jkunu adottati. Il-Kunsill għandu jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata.

    (ċ) Jekk, fi żmien tliet xhur minn meta l-proposta tkun ingħatat lilu, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-miżuri proposti għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni.

    Artikolu 23

    Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva m'għandhomx jimpedixxu miżura akbar ta' għajnuna reċiproka milli tkun mogħtija kemm issa jew fil-futur minn Stati Membri partikolari taħt xi ftehim jew arranġamenti, inklużi dawk għan-notifikazzjoni ta' atti legali jew ekstralegali.

    Artikolu 24

    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1978.

    Artikolu 25

    Kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkun adotta sabiex jimplimenta din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dan it-tagħrif lill-Istati Membri l-oħra.

    Artikolu 26

    Din id-Direttiva hija indirrizata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussell, fil-15 ta' Marzu 1976.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. Vouel

    [1] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 13.

    [2] ĠU L 295, tat-30.12.1972, p. 1.

    [3] ĠU Ċ 19, tat- 12.4.1973, p. 38.

    [4] ĠU Ċ 69, tat- 28.8.1973, p. 3.

    [5] ĠU L 94, tat-28.4.1970, p. 19.

    --------------------------------------------------

    Top