Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31974D0055

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Jannar ta' l-1974 li tagħti l-poteri li jitwettqu l-miżuri tal-kontroll fl-Istati Membri fir-rigward ta' l-introjtu u l-infiq tal-Komunità

    ĠU L 34, 7.2.1974, p. 28–29 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/1974/55/oj

    31974D0055



    Official Journal L 034 , 07/02/1974 P. 0028 - 0029
    Finnish special edition: Chapter 1 Volume 1 P. 0108
    Swedish special edition: Chapter 1 Volume 1 P. 0108


    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tat-22 ta' Jannar ta' l-1974

    li tagħti l-poteri li jitwettqu l-miżuri tal-kontroll fl-Istati Membri fir-rigward ta' l-introjtu u l-infiq tal-Komunità

    (74/55/KEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi Kunsill wieħed u Kummissjoni Waħda għall-Komunitajiet Ewropej;

    Wara li kkunsidrat ir-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni provviżorji tas-6 ta' Lulju ta' l-1967, kif l-aħħar emendati mid-Deċiżjoni tas-6 ta' Jannar ta' l-1973;

    Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70 [1] tal-21 ta' April ta' l-1970 dwar l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni jistabbilixxi f'subparagrafi 3 u 4 ta' l-Artikolu 9(2) li l-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri biex iwettqu verifiki jew inkjesti li fihom hija tista', f'ċerti ċirkostanzi, tistieden lill-awtoritajiet amministrattivi ta' Stati Membri oħra biex jipparteċipaw;

    Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 2/71 [2] tat-2 ta' Jannar ta' l-1971 li jimplimenta d-Deċiżjoni tal-21 ta' April ta' l-1970 dwar il-bdil tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri mir-riżorsi tal-Komunità stess jistabbilixxi fl-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 14(2) li l-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri jwettqu miżuri addizzjonali ta' kontroll jew jistaqsu biex jiġu assoċjati mal-miżuri tal-kontroll li jkunu qedgħin iwettqu;

    Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 283/72 [3] tas-7 ta' Frar ta' l-1972 dwar l-irregolaritajiet u l-irkupru tas-somom li jkunu tħallsu bi żball fir-rigward ta' l-iffinanzjar tal-politika agrikola komuni u l-organizzazzjoni ta' sistema ta' l-informazzjoni f'dan il-qasam jistabbilixxi fl-ewwel sub-paragrafu ta' l-Artikolu 6(1) li, fejn tikkunsidra li jkunu saru l-irregolaritajiet jew in-negliġenza, il-Kummissjoni tista' titlob lill-Istat Membru kkonċernat biex iwettaq inkjesta amministrattiva;

    Billi r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 858/72 [4] ta' l-24 ta' April ta' l-1972 dwar ċerti proċeduri amministrattivi u finanzjarji għat-tħaddim tal-Fond Soċjali Ewropew jistabbilixxi fl-Artikolu 5(3) li l-Kummissjoni tista' titlob lill-Istati Membri jwettqu l-verifiki jew l-inkjesti li fihom hija tkun tista', f'ċerti ċirkostanzi, tistieden lill-awtoritajiet amministrattivi ta' Stati Membri oħra biex jipparteċipaw;

    Billi, jekk dawn il-poteri kellhom jintużaw b'mod effettiv, il-Kummissjoni għandha tkun tista' tieħu l-miżuri neċessarji fi żmien qasir ħafna; billi, għal dan il-għan il-poteri għandhom jingħataw fuq il-Membru tal-Kummissjoni bir-responsabbiltà tal-kontroll finanzjarju, li jaġixxi għan-nom u taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni u bl-approvazzjoni tal-President u tal-Membru tal-Kummissjoni bir-responsabbiltà għall-introjtu u l-infiq tal-Komunità kkonċernat u t-tfassil tad-disposizzjonijiet rilevanti tad-dwana;

    Billi tali poteri għandhom ikunu soġġetti għas-superviżjoni tal-Kummissjoni u jintużaw f'konformità mal-linjji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni;

    Billi l-Kummissjoni għandha tkun infurmata kull meta jintużaw il-poteri mogħtija;

    Billi dan l-għoti tal-poteri m'għandux itellef id-diskussjoni ta' xi materja mill-Kummissjoni kollha kull meta tikkunsidra li dan huwa neċessarju,

    IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ:

    Artikolu 1

    1. Il-Membru tal-Kummissjoni li għandu r-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju, waqt li jaġixxi bl-approvazzjoni tal-President, il-Membru li jkollu r-responsabbiltà għall-verifika ta' l-introjtu u l-infiq kkonċernat, u tal-Membru li jkollu r-responsabbiltà biex ifassal id-disposizzjonjiet rileavnti tad-dwana, għandhom ikollhom il-poter, f'konformità mal-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni, biex jieħdu l-miżuri li jimplimentaw skond l-Artikolu 9(2), sub-paragrafu 3 u 4 tar-Regolament (KEE) Nru 729/70, skond l-Artikolu 14(2), 1 tar-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 2/71, skond l-Artikolu 6(1), 1 tar-Regolament (KEE) Nru 283/72, u skond l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KEE) Nru 858/72.

    Meta l-affari tkun urġenti u fin-nuqqas tal-Membri li jkollhom il-poter li jagħmlu dan, bl-eċċezzjoni tal-Membru li għandu r-responsabbiltà għall-kontroll finanzjarju, l-approvazzjoni tista' tingħata mid-Diretturi Ġenerali jew mill-kapijiet tad-dipartiment li jkollhom ir-responsabbiltà għall-introjtu u l-infiq kkonċernat u għat-tfassil tad-disposizzjonijiet rilevanti tad-dwana.

    Fin-nuqqas tal-President, l-approvazzjoni tista' tingħata mix-Chef de Cabinet tal-President.

    2. Il-Membru tal-Kummissjoni li jkollu l-poter skond il-paragrafu 1 għandu jaġixxi f'isem u għar-responsabbiltà tal-Kummissjoni. Huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni li tkun ittieħdet.

    3. Kull miżura li tittieħed skond il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ nhar it-23 ta' Jannar ta' l-1974.

    Magħmul fi Brussel, nhar it-22 ta' Jannar ta' l-1974.

    Għall-Kummissjoni

    W. Haferkamp

    Il-Viċi-President

    [1] ĠU L 94, tat-28.4.1970, pġ. 13.

    [2] ĠU L 3, tal-5.1.1971, pġ. 1.

    [3] ĠU L 36, ta' l-10.2.1972, pġ. 1.

    [4] ĠU L 101, tat-28.4.1972, pġ. 3.

    --------------------------------------------------

    Top