This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22006D0672
2006/672/EC: Decision No 1/2006 of the EU-Morocco Association Council of 26 September 2006 creating a Subcommittee on Human Rights, Democratisation and Governance
Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill Ta’ L-Assoċjazzjoni UE-Marokk tas- 26 ta’ Settembru 2006 li joħloq SottoKumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokratizzazzjoni u l-Governanza
Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill Ta’ L-Assoċjazzjoni UE-Marokk tas- 26 ta’ Settembru 2006 li joħloq SottoKumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokratizzazzjoni u l-Governanza
ĠU L 276, 7.10.2006, p. 73–76
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 200M, 1.8.2007, p. 10–13
(MT)
In force
1.8.2007 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
10 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2006 TAL-KUNSILL TA’ L-ASSOĊJAZZJONI UE-MAROKK
tas-26 ta’ Settembru 2006
li joħloq SottoKumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokratizzazzjoni u l-Governanza
(2006/672/KE)
IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (1), hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim” u b'mod partikolari l-Artikolu 84 tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-rispett għal u l-promozzjoni tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jifformaw parti integrali u essenzjali mill-qafas li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba Mediterranji tagħha. |
(2) |
Minħabba l-importanza tagħhom bħala element essenzjali tal-Ftehim, dawn il-materji se jiġu diskussi bl-attenzjoni debita fid-diversi korpi stabbiliti taħt il-Ftehim. |
(3) |
Il-politika tal-viċinat ta' l-Unjoni Ewropea tistabbilixxi miri ambizzjużi, ibbażati fuq sens ta' rabta rikonoxxut reċiprokament mal-valuri komuni, li jinkludi demokrazija, l-istat tad-dritt, governanza tajba u rispett għal u promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. |
(4) |
Ir-relazzjonijiet ta’ l-UE mal-pajjiżi tal-Mediterran tan-nofsinhar qed isiru iktar kumplessi bħala riżultat ta' l-implimentazzjoni tal-ftehim Ewro-Mediterranji u l-kontinwazzjoni tas-sħubija Ewro-Mediterranja. |
(5) |
Għandu jsir monitoraġġ ta' l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet tas-sħubija u l-approssimazzjoni tal-leġislazzjoni. Il-kompetenzi ta’ l-UE jipprovdu qafas għall-iżvilupp ta' relazzjonijiet u kooperazzjoni mal-pajjiżi Mediterranji b'mod li jieħu in konsiderazzjoni l-ħtieġa li l-Proċess sħiħ ta’ Barċellona ikun koerenti u bilanċjat. |
(6) |
L-Assoċjazzjoni tal-Kunsill diġà ddeċidiet li toħloq sottokumitati tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni sabiex jipprovdu qafas istituzzjonali xieraq għall-implimentazzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni, |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Is-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem, id-Demokratizzazzjoni u l-Governanza huwa b'dan stabbilit u r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu kif stabbiliti fl-Anness, huma b'dan adottati.
Is-Sottokumitat għandu jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, u għandu jirrapporta lilu wara kull laqgħa. Is-Sottokumitat m’għandux setgħa li jieħu deċiżjonijiet. Madankollu huwa jista' jissottometti proposti lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.
Kwistjonijiet fi ħdan il-mandat tas-Sottokumitat jistgħu jiġu indirizzati wkoll f’livelli aktar għoljin fid-djalogu politiku bejn l-UE u l-Marokk.
Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni għandu jieħu kull azzjoni meħtieġa sabiex jiżgura li s-Sottokumitat jaħdem sew u jinforma lill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni għaldaqstant.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tiġi adottata.
Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Settembru 2006.
Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni
Il-President
E. TUOMIOJA
ANNESS
Regoli ta’ Proċedura Sottokumitat UE-Marokk Nru 7 Drittijiet tal-Bniedem, Demokratizzazzjoni u Governanza
1. Kompożizzjoni u presidenza
Is-Sottokumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u rappreżentanti tal-Gvern tar-Renju tal-Marokk u għandu jkun ppresedut alternattivament miż-żewġ partijiet.
2. Rwol
Is-Sottokumitat għandu jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, u għandu jirrapporta lilu wara kull laqgħa. Is-Sottokumitat m'għandux ikollu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet. Madankollu huwa jista' jagħmel proposti lill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.
3. Suġġetti
Is-Sottokumitat għandu jeżamina l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni fl-oqsma elenkati hawn taħt. Għal kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-bniedem, id-demokratizzazzjoni u l-governanza inklużi fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Viċinat bejn l-UE-Marokk, is-Sottokumitat għandu jkun is-segwitu tekniku tal-mekkaniżmu prinċipali. Huwa għandu jivvaluta l-progress fuq l-approssimazzjoni tal-leġislazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar. Kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta' amministrazzjoni pubblika għandhom jiġu diskussi wkoll. Is-Sottokumitat għandu jivvaluta l-progress u jeżamina xi problemi li jistgħu jinqalgħu fis-setturi elenkati hawn taħt u għandu jissuġġerixxi miżuri li jistgħu jittieħdu.
(a) |
L-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-demokrazija, inkluż b’mod partikolari: it-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; l-indipendenza tal-ġudikatura u l-aċċess għal ġustizzja u modernizzazzjoni tal-ġustizzja. |
(b) |
It-twettiq ta' ratifika u implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali prinċipali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-protokolli għal dawk il-konvenzjonijiet. L-implimentazzjoni ta' rapportar ta' obbligi u l-progress f'reviżjoni tar-riżervi. |
(ċ) |
Rinfurzar tal-kapaċità amministrattiva u istituzzjonali nazzjonali. |
Il-lista ta' hawn fuq mhijiex kompluta u suġġetti rilevanti oħrajn, inkluż kwistjonijiet orizzontali, per eżempju l-istatistika, jistgħu jiżdiedu mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-programm reġjonali.
Is-Sottokumitat jista’ jiddiskuti suġġetti relatati ma’ qasam wieħed, diversi oqsma jew l-oqsma kollha ta' hawn fuq.
4. Segretarjat
Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern tar-Renju tal-Marokk għandhom jaġixxu flimkien bħala segretarji permanenti tas-Sottokumitat.
Il-komunikazzjonijiet kollha dwar is-Sottokumitat għandha tiġi trasmessa lis-segretarji.
5. Laqgħat
Is-Sottokumitat għandu jiltaqa' kull meta ċ-ċirkostanzi jeħtieġu u mill-inqas darba fis-sena. Laqgħa tista’ tissejjaħ abbażi ta’ talba minn parti jew minn oħra, li titwassal mis-segretarju konċernat, li jgħaddi t-talba lill-parti l-oħra. Meta jirċievi t-talba għal laqgħa tas-Sottokumitat, is-segretarju tal-parti l-oħra għandu jwieġeb fi żmien 15-il ġurnata ta’ xogħol.
F’każ ta’ urġenza partikolari, is-Sottokumitat jista’ jissejjaħ fi żmien iqsar jekk iż-żewġ partijiet jaqblu. It-talbiet kollha sabiex jissejħu laqgħat għandhom isiru bil-miktub.
Il-laqgħat tas-Sottokumitat għandhom isiru fid-data u l-post li dwarhom kien hemm qbil miż-żewġ partijiet.
Il-laqgħat jissejħu mis-segretarju fil-kariga bi qbil mal-President. Qabel kull laqgħa, il-President jiġi nformat bil-komposizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni ta’ kull parti.
Jekk iż-żewġ partijiet jaqblu, is-Sottokumitat jista’ jistieden lil xi esperti għal-laqgħat tiegħu sabiex dawn jipprovdu informazzjoni speċifika.
6. Aġenda tal-laqgħat
It-talbiet kollha għal punti li għandhom jiddaħħlu fl-aġenda tas-Sottokumitat għandhom jingħaddu lis-segretarji.
Aġenda proviżorja għandha titfassal mill-president għal kull laqgħa. Hija għandha tiġi tingħadda mis-segretarju in kariga lill-kontraparti tiegħu sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem qabel il-bidu ta' kull laqgħa.
Il-punti li għandhom jiddaħħlu fl-aġenda proviżorja għandhom jiġu notifikati lis-segretarji mill-inqas ħmistax-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. Dokumentazzjoni relatata għandha tiġi rċevuta miż-żewġ partijiet mill-inqas sebat ijiem qabel il-laqgħa. Sabiex jittieħdu in konsiderazzjoni każijiet partikolari u/jew urġenti, notifika u forniment ta' dokumentazzjoni iktar tard jistgħu jkunu permessi, dment li ż-żewġ partijiet jaqblu.
L-aġenda għandha tkun adottata mis-Sottokumitat fil-bidu ta’ kull laqgħa.
7. Minuti
Il-minuti għandhom jittieħdu u jsir qbil dwarhom miż-żewġ segretarji wara kull laqgħa. Kopja tal-minuti, inkluż il-proposti tas-Sottokumitat, għandhom jiġu jingħaddu mis-segretarji tas-Sottokumitat lis-segretarji u lill-president tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.
8. Pubbliċità
Sakemm ma jkunx ġie deċiż mod ieħor, il-laqgħat tas-Sottokumitat m'għandhomx ikunu pubbliċi u l-proċedimenti tiegħu m'għandhomx isiru pubbliċi.