This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22006A1020(01)
Fisheries Partnership Agreement between the European Community and the Republic of the Seychelles
Ftehim ta’ sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles
Ftehim ta’ sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles
ĠU L 290, 20.10.2006, p. 2–5
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(BG, RO, HR)
ĠU L 200M, 1.8.2007, p. 63–66
(MT)
No longer in force, Date of end of validity: 23/02/2020; Imħassar b' 22020A0228(01)
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repeal | 21987A0507(02) | 02/11/2007 |
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Repealed by | 22020A0228(01) | 24/02/2020 |
Ftehim ta’ sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles
Official Journal L 290 , 20/10/2006 P. 0002 - 0005
Official Journal L 200 , 01/08/2007 P. 0063 - 0066
20061005 Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa "l-Komunità", u IR-REPUBBLIKA TAS-SEYCHELLES, minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala "Seychelles", minn hawn 'il quddiem imsejħin "il-Partijiet", FID-DAWL tar-relazzjonijiet ta' koperazzjoni mill-qrib bejn il-Komunità u s-Seychelles, b'mod partikolari fil-qafas tal-Konvenzjoni ta' Cotonou, kif ukoll ix-xewqa reċiproka tagħhom li jsaħħu dawn ir-relazzjonijiet, FILWAQT LI JINNUTAW il–Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, KONXJI mill-importanza tal-prinċipji stabbiliti mill-Kodiċi ta' kondotta għal sajd responsabbli adottat mill-Konferenza tal-FAO fl-1995, DETERMINATI li jikkoperaw, fl-interess reċiproku tagħhom, favur l-iżvilupp ta' sajd responsabbli sabiex jiżguraw il-konservazzjoni fit-tul u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, KONVINTI li din il-koperazzjoni għandha tkun imsejsa fuq il-komplementarjetà ta' l-inizjattivi u l-azzjonijiet imwettqa kemm b'mod konġunt kif ukoll minn kull waħda mill-Partijiet sabiex jiżguraw il-koerenza tal-politika u s-sinerġija ta' l-isforzi. DEĊIŻI, għal dawn il-finijiet, li jagħtu bidu għal djalogu dwar id-definizzjoni ta' politika settorali għas-sajd fis-Seychelles, l-identifikazzjoni tal-mezzi adatti li jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi ta' din il-politika kif ukoll l-involviment ta' l-operaturi ekonomiċi u s-soċjetà ċivili fil-proċess. ĦERQANA li jistabbilixxu l-metodi u l-kondizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet ta' sajd tal-bastimenti tal-Komunità fl-ibħra tas-Seychelles, u dawk li jirrigwardaw l-appoġġ mogħti mill-Komunità għall-iżvilupp ta' sajd responsabbli f'dawn l-istess ibħra, DEĊIŻI li jikkoperaw ekonomikament aktar mill-qrib fil-qasam ta' l-industrija tas-sajd u f'attivitajiet relatati, permezz tal-ħolqien u ta' l-iżvilupp ta' impriżi konġunti li jinvolvu impriżi miż-żewġ Partijiet. JIFTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 Għan Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-prinċipji, ir-regolamenti u l-proċeduri li jirregolaw: - il-koperazzjoni ekonomika, finanzjarja, teknika u xjentifika fil-qasam tas-sajd sabiex ikun hemm żvilupp ta' sajd responsabbli fl-ibħra tas-Seychelles sabiex ikunu żgurati l-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u l-iżvilupp tas-settur tas-sajd tas-Seychelles. - il-kundizzjonijiet ta' l-aċċess tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità għall-ibħra tas-Seychelles; - il-metodi ta' kontroll tas-sajd fl-ibħra tas-Seychelles sabiex ikunu żgurati l-osservanza tal-kondizzjonijiet imsemmija hawn fuq, l-effikaċja tal-miżuri ta' konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat; - l-arranġamenti ta' sħubija bejn impriżi li jfittxu li jiżviluppaw, fl-interess komuni, attivitajiet ekonomiċi fil-qasam tas-sajd u l-attivitajiet relatati. Artikolu 2 Definizzjonijiet Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim: (a) "awtoritajiet tas-Seychelles" tfisser l-Awtorità tas-Sajd tas-Seychelles; (b) "awtoritajiet tal-Komunità" tfisser il-Kummissjoni Ewropea; (ċ) "bastiment tal-Komunità" tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta' Stat Membru tal-Komunità u rreġistrat fil-Komunità; (d) "impriża konġunta" tfisser kumpannija kummerċjali kostitwita fis-Seychelles minn sidien jew impriżi nazzjonali tal-Partijiet sabiex jeżerċitaw attivitajiet ta' sajd jew attivitajiet relatati; (e) "Kumitat Konġunt" tfisser kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità u tas-Seychelles li l-funzjonijiet tiegħu huma deskritti fl-Artikolu 9 ta' dan il-Ftehim. Artikolu 3 Il-prinċipji u l-għanijiet li jispiraw l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim 1. Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu s-sajd responsabbli fl-ibħra tas-Seychelles fuq il-bażi li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn il-flotot preżenti f'dawn l-ibħra, mingħajr preġudizzju għal xi ftehim milħuq bejn pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw fl-istess reġjun ġeografiku, inkluż xi ftehim ta' reċiproċità fi kwistjoni relatata mas-sajd. 2. Mingħajr preġudizzju għas-sovranità tas-Seychelles, il-Partijiet għandhom jikkoperaw fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika settorali dwar is-sajd fl-ibħra tas-Seychelles u, għal dan il-għan, jagħtu bidu għal djalogu politiku dwar ir-riformi meħtieġa. Huma jintrabtu li ma jeħdux miżuri f'dan il-qasam mingħajr ma jikkonsultaw lil xulxin minn qabel. 3. Il-Partijiet għandhom jikkoperaw ukoll fit-twettiq ta' valutazzjonijiet qabel, waqt u wara, kemm b'mod konġunt kif ukoll fuq inizjattiva unilaterali, tal-miżuri, programmi u azzjonijiet li jittieħdu skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim. 4. Il-Partijiet jintrabtu li jiżguraw it-twettiq ta' dan il-Ftehim skond l-prinċipji ta' tmexxija ekonomika u soċjali tajba. 5. B'mod partikolari, l-impjieg tal-baħrin tas-Seychelles fuq il-bastimenti tal-Komunità huwa regolat mid-Dikjarazzjoni ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali tax-xogħol li japplikaw ipso jure fil-qafas tal-kuntratti kkonċernati u l-kundizzjonijiet ġenerali tax-xogħol. Dan jirrigwarda, b'mod partikolari, il-libertà ta' l-assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt tal-ħaddiema għan-negozjar kollettiv u l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fi kwistjonijiet ta' xogħol u professjoni. Artikolu 4 Koperazzjoni fil-qasam xjentifiku 1. Waqt il-perjodu kopert b'dan il-Ftehim, il-Komunità u s-Seychelles għandhom jissorveljaw l-evoluzzjoni tar-riżorsi fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles; għandha ssir laqgħa xjentifika konġunta kull sena b'dak il-għan, darba fil-Komunità u darba fis-Seychelles. 2. Skond il-konklużjonijiet tal-laqgħa xjentifika annwali u l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw ma' xulxin fil-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 9 u, fejn hemm ikun meħtieġ u permezz ta' ftehim komuni, jieħdu miżuri sabiex jiżguraw l-immaniġġar sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd. 3. Il-Partijiet hawnhekk jintrabtu li jikkonsultaw lil xulxin, jew direttament jew fi ħdan il-Kummissjoni ta' l-Oċean Indjan tat-Tonn (IOTC), sabiex jiżguraw il-ġestjoni u l-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi fl-Oċean Indjan u jikkoperaw fil-qafas ta' l-attivitajiet relatati ta' riċerka xjentifika. Artikolu 5 L-aċċess tal-bastimenti tal-Komunità għaż-żoni tas-sajd fl-ibħra tas-Seychelles 1. Is-Seychelles jintrabtu li jawtorizzaw lill-bastimenti tal-Komunità li jeżerċitaw l-attivitajiet ta' sajd fiż-żona ta' sajd tagħhom skond dan il-Ftehim inklużi l-Protokoll u l-Anness. 2. L-attivitajiet ta' sajd imsemmija f'dan il-Ftehim huma suġġetti għal-liġijiet u regolamenti fis-seħħ fis-Seychelles. L-awtoritajiet tas-Seychelles għandhom jinfurmaw lill-Komunità dwar kull tibdil li jsir fil-leġiżlazzjoni msemmija. 3. Il-Partijiet jassumu r-responsabbiltà fejn tidħol l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kontroll tas-sajd ipprovduti fil-Protokoll. Il-bastimenti tal-Komunità għandhom jikkoperaw ma' l-awtoritajiet tas-Seychelles għat-twettiq ta' dawn il-kontrolli. 4. Il-Komunità tintrabat li twettaq id-dispożizzjonijiet kollha adegwati sabiex tiżgura l-osservanza, mill-bastimenti tagħha, tad-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim kif ukoll tal-leġislazzjoni li tirregola s-sajd fl-ibħra rilevanti taħt il-ġuriżdizzjoni tas-Seychelles. Artikolu 6 Liċenzji 1. Il-bastimenti tal-Komunità ma' jistgħux jeżerċitaw l-attivitajiet ta' sajd fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles sakemm ma jkollhomx liċenzja għas-sajd maħruġa fil-qafas ta' dan il-Ftehim. 2. Il-proċedura għall-ħruġ ta' liċenzja tas-sajd għall-bastiment, it-taxxi applikabbli u l-metodu ta' ħlas mis-sid huma stabbiliti fl-Anness tal-Protokoll. Artikolu 7 Kumpens finanzjarju 1. Il-Komunità għandha tħallas lis-Seychelles kumpens finanzjarju skond it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fil-Protokoll u l-Anness. Dan il-kumpens uniku huwa ffurmat minn żewġ komponenti relattivi, rispettivament, a) l-aċċess tal-bastimenti tal-Komunità għaż-żoni tas-sajd fl-ibħra tas-Seychelles, u b) l-appoġġ finanzjarju mill-Komunità għall-iżvilupp ta' sajd responsabbli u l-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ibħra tas-Seychelles. 2. Il-komponent tal-kumpens finanzjarju msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jkun determinat u amministrat fid-dawl ta' l-għanijiet identifikati permezz ta' qbil komuni bejn il-Partijiet skond il-Protokoll, li jrid jintlaħaq fil-kuntest tal-politika settorali tas-sajd fis-Seychelles u ta' programmazzjoni annwali u pluriennali sabiex jiġi implimentat. 3. Il-kumpens finanzjarju mogħti mill-Komunità għandu jitħallas kull sena konformement mal-modalitajiet stabbiliti fil-Protokoll, u suġġett għal dan il-Ftehim u l-Protokoll f'każ li jkun hemm xi tibdil fl-ammont ta' l-ammont tiegħu minħabba: (a) avvenimenti gravi, barra fenomeni naturali, li jżommu milli jsiru attivitajiet tas-sajd fl-ibħra tas-Seychelles; (b) tnaqqis, permezz ta' ftehim bejn il-Partijiet, fl-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità fl-applikazzjoni ta' miżuri ta' mmaniġġar ta' l-istokkijiet konċernati fejn dan jitqies meħtieġ sabiex ikunu ikkonservati u użati b'mod sostenibbli r-riżorsi skond l-aħjar parir xjentifiku disponibbli; (ċ) żieda, permezz ta' ftehim bejn il-Partijiet, fl-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità jekk, skond l-aħjar parir xjentifiku disponibbli, din tkun permissibbli fid-dawl ta' l-istat tar-riżorsi; (d) valutazzjoni mill-ġdid tal-kundizzjonijiet ta' l-appoġġ finanzjarju mill-Komunità sabiex tkun implimentata l-politika settorali tas-sajd fis-Seychelles fejn dan ikun ġustifikat mir-riżultati tal-programmazzjoni annwali u pluriennali stabbiliti mill-Partijiet; (e) id-denunzja ta' dan il-Ftehim konformement mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 12. (f) is-sospensjoni ta' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim konformement mad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 13. Artikolu 8 Promozzjoni tal-koperazzjoni bejn operaturi ekonomiċi u fis-soċjetà ċivili 1. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-koperazzjoni ekonomika, kummerċjali, xjentifika u teknika fis-settur tas-sajd u s-setturi konnessi miegħu. Għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jikkoordinaw id-diversi azzjonijiet li huma prevedibbli f'dan ir-rigward. 2. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-teknika u l-apparat tas-sajd, il-metodi ta' konservazzjoni u l-proċeduri industrijali għall-ipproċessar tal-prodotti tas-sajd. 3. Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom sabiex joħolqu l-kundizzjoinijiet adatti għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-impriżi tagħhom, fil-materji tekniċi, ekonomiċi u kummerċjali, billi jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' ambjent favorevoli għall-iżvilupp ta' impriżi u ta' l-investiment. 4. Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu, b'mod partikolari, it-twaqqif ta' impriżi konġunti li jkollhom interess komuni. Il-ħolqien ta' impriżi konġunti fis-Seychelles u t-trasferiment ta' l-bastimenti tal-Komunità lill-impriżi konġunti għandu jikkonforma b'mod sistematiku mal-liġijiet tas-Seychelles u tal-Komunità. Artikolu 9 Kumitat Konġunt 1. Huwa b'dan stabbilit Kumitat Konġunt inkarigat mill-kontroll ta' l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt għandu jeżerċita l-funzjonijiet li ġejjin: a) jikkontrolla l-eżekuzzjoni, l-interpretazzjoni, u l-implimentazzjoni tal-Ftehim, b'mod partikolari d-definizzjoni u l-valutazzjoni ta' l-implimentazzjoni tal-programmazzjoni annwali u pluriennali prevista fl-Artikolu 7(2); b) jiżgura l-kuntatti meħtieġa dwar kwistjonijiet ta' interess komuni fil-qasam tas-sajd; ċ) iservi ta' forum għar-riżoluzzjoni bonarja tal-vertenzi li jistgħu jinqalgħu mill-interpretazzjoni jew applikazzjoni ta' dan il-Ftehim; d) jivvaluta mill-ġdid, jekk ikun hemm il-ħtieġa, il-livell ta' sajd possibbli u, konsegwentement, tal-kumpens finanzjarju; e) kwalunkwe funzjoni oħra li l-Partijiet jiftiehmu li jagħtuh. 2. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa' mill-anqas darba fis-sena, darba fis-Seychelles u darba fil-Komunità, u jkun presedut mill-Parti fejn issir il-laqgħa. Għandha ssir laqgħa straordinarja fuq it-talba ta' xi waħda mill-Partijiet. Artikolu 10 Żona ġeografika li għaliha japplika l-Ftehim Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, fit-territorji fejn japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-imsemmi Trattat, u, min-naħa l-oħra, fit-territorju tas-Seychelles. Artikolu 11 Tul Dan il-Ftehim għandu japplika għal sitt snin mid-data li fiha jidħol fis-seħħ; huwa jista' jiġġedded għal perjodi supplimentari ta' sitt snin, sakemm ma jiġix denunzjat skond l-Artikolu 12. Artikolu 12 Denunzja 1. Dan il-Ftehim jista' jiġi denunzjat minn xi waħda mill-Partijiet f'każ ta' ċirkostanzi gravi relatati ma', fost oħrajn, id-degradazzjoni ta' l-istokkijiet konċernati, id-determinazzjoni ta' tnaqqis fil-livell ta' l-użu ta' l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Komunità, jew in-nuqqas ta' konformità ma' l-impenji assunti mill-Partijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux dikjarat u mhux regolat. 2. Il-Parti konċernata għandha tgħarraf bil-miktub lill-Parti l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tiddenunzja l-Ftehim ta' l-inqas sitt xhur qabel ma jiskadi l-perjodu inizjali jew kull perjodu supplimentari. 3. Kif tintbagħat in-notifika msemmija fil-paragrafu ta' qabel għandhom jibdew konsultazzjonijiet mill-Partijiet. 4. Il-ħlas tal-kumpens finanzjarju msemmi fl-Artikolu 7 għas-sena li fiha ssir effettiva d-denunzja għandu jitnaqqas proporzjonalment u pro rata temporis. Artikolu 13 Sospensjoni 1. L-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim tista' tiġi sospiża fuq inizjattiva ta' xi waħda mill-Partijiet f'każ ta' nuqqas ta' ftehim serju fir-rigward ta' l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu. Din is-sospensjoni hija suġġetta għal avviż mill-parti kkonċernata, bil-miktub, mhux anqas minn tliet xhur qabel id-data meta din is-sospensjoni ikollha tidħol fis-seħħ. Mill-ħruġ ta' dan l-avviż, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bil-għan li jirranġaw bonarjament in-nuqqas ta' ftehim. 2. Il-ħlas tal-kumpens finanzjarju stipulat fl-Artikolu 7 għandu jitnaqqas b'mod proporzjonali u pro rata temporis skond it-tul tas-sospensjoni. Artikolu 14 Protokoll u Anness Il-Protokoll u l-Anness jiffurmaw partijiet integranti minn dan il-Ftehim. Artikolu 15 Tħassir u dispożizzjonijiet tranżitorji 1. Dan il-Ftehim iħassar u jieħu post il-Ftehim konkluż bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar sajd 'il barra mis-Seychelles ta' l-1987 sad-data li fiha jidħol fis-seħħ. 2. Madankollu, il-Protokoll li jiddefinixxi għall-perjodu mit- 18 ta' Jannar 2005 sas- 17 ta' Jannar 2011 l-opportunitajiet ta' sajd u l-kumpens finanzjarju li jaħseb għalih dan il-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles dwar sajd 'il barra mis-Seychelles jibqa' fis-seħħ waqt il-perjodu msemmi fl-Artikolu 1 tiegħu u jsir parti integranti minn dan il-Ftehim. Artikolu 16 Il-lingwi tal-Ftehim u d-dħul fis-seħħ Dan il-Ftehim, imfassal duplikatament biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Eston, bil-Finlandiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan u bl-Ungeriż, b'kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku, għandu jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dan il-għan. --------------------------------------------------