This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 22005D0297
2005/297/EC: Decision No 1/2005 of the ACP-EC Council of Ministers of 8 March 2005 concerning the adoption of the Rules of Procedure of the ACP-EC Council of Ministers
Deċiżjoni Nru 1/2005 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE tat- 8 ta’ Marzu 2005 dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE
Deċiżjoni Nru 1/2005 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE tat- 8 ta’ Marzu 2005 dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE
ĠU L 95, 14.4.2005, p. 44–47
(ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 159M, 13.6.2006, p. 355–358
(MT)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Replacement | 22001D0214(01) | 08/03/2005 |
13.6.2006 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea |
355 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2005 TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-KE
tat-8 ta’ Marzu 2005
dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE
(2005/297/KE)
IL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-KE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE ffirmat f’Kotonu fit-23 ta’ Ġunju 2000, u b’mod partikolari, l-Artikolu 15(5) tiegħu,
Billi
(1) |
bid-Deċiżjoni Nru 1/2001 tat-30 ta’ Jannar 2001 il-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP-KE adotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE b’delega ta’ poter; |
(2) |
Billi ċerti emendi huma neċessarji biex jittieħed kont ta’ l-adeżjoni ta’ l-Istati Membri l-ġodda ma’ l-Unjoni Ewropea; |
(3) |
Billi fid-29 sessjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE, li nżamm f’Gaborone, Botswana fis-6 ta’ Mejju 2004, ittieħdet id-deċiżjoni biex jiġu emendati r-Regoli ta’ Proċedura għaldaqstant; |
IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Dati u postijiet tal-laqgħat
1. Kif previst fl-Artikolu 15(1) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim AKP-KE”, il-Kunsill tal-Ministri AKP-KE, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kunsill”, għandu normalment jiltaqa’ darba fis-sena, u kull meta meħtieġ fuq talba ta’ wieħed mill-partijiet.
2. Il-Kunsill għandu jitlaqqa’ mill-President. Id-dati tal-laqgħat tiegħu għandhom ikunu stabbiliti bi qbil komuni bejn il-partijiet.
3. Il-Kunsill għandu jiltaqa’ jew fejn is-soltu jinżammu l-laqgħat tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea jew fis-sede tas-Segretarjat tal-Grupp ta’ Stati AKP jew f’belt ta’ wieħed mill-Istati AKP, skond id-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill.
Artikolu 2
Aġenda tal-laqgħat
1. L-aġenda proviżorja għal kull laqgħa għandha titfassal mill-President. Din għandha tiġi kkomunikata lill-membri l-oħra tal-Kunsill mill-inqas 30 ġurnata qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda provviżorja għandha tikkonsisti f’dawk il-punti li l-President ikun irċieva talba għall-inklużjoni tagħhom mill-inqas 30 ġurnata qabel il-bidu tal-laqgħa.
Il-punti li jidhru fuq l-aġenda provviżorja għandhom ikunu dawk li dwarhom tkun ġiet trasmessa dokumentazzjoni lis-Segretarjat tal-Kunsill fil-ħin biex tilħaq tintbagħat lill-membri tal-Kunsill u lill-membri tal-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP-KE, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”, mill-inqas 21 ġurnata qabel il-bidu tal-laqgħa.
2. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kunsill fil-bidu ta’ kull laqgħa. F’każijiet urġenti l-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq it-talba ta’ l-Istati AKP jew tal-Komunità, li jinkludi fuq l-aġenda punti li għalihom ma jkunux ġew osservati l-limiti taż-żmien stabbiliti fil-paragrafu 1.
3. L-aġenda provviżorja tista’ tinqasam f’Parti A, Parti B u Parti Ċ.
Il-punti mdaħħla f’Parti A għandhom ikunu dawk li jistgħu jiġu approvati mill-Kunsill mingħajr diskussjoni.
Il-punti mdaħħla f’Parti B huma dawk il-kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu diskussi mill-Kunsill qabel jiġu approvati.
Il-punti mdaħħla f’Parti Ċ għandhom jiġu diskussi fi skambju informali ta’ fehmiet.
Artikolu 3
Proċedimenti
1. Skond l-Artikolu 15(3) tal-Ftehim AKP-KE, il-Kunsill tal-Ministri għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu bi ftehim komuni tal-Partijiet.
2. Il-proċedimenti tal-Kunsill għandhom ikunu validi biss jekk mill-inqas nofs il-membri tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, membru tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”) u żewġ terzi tal-membri li jirrappreżentaw il-Gvernijiet ta’ l-Istati AKP ikunu preżenti.
3. Il-membri kollha tal-Kunsill li ma jkunux jistgħu jattendu jistgħu jkunu rappreżentati. F’dan il-każ dawn għandhom jinfurmaw lill-President u għandhom jindikaw il-persuna jew id-delegazzjoni awtorizzata biex tirrapreżentahom. Ir-rappreżentant għandu jeżerċita d-drittijiet kollha tal-membru li ma jistax jattendi.
4. Il-membri tal-Kunsill jistgħu jkunu akkumpanjati minn konsulenti biex jassistuhom.
5. Il-kompożizzjoni ta’ kull delegazzjoni għandha tiġi kkomunikata lill-President qabel il-bidu ta’ kull sessjoni.
6. Rappreżentant tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Bank”, għandu jkun preżenti għas-sessjonijiet tal-Kunsill meta kwistjonijiet mill-oqsma li jikkonċernaw il-Bank ikunu fuq l-aġenda.
Artikolu 4
Proċeduri bil-Miktub
Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jieħu deċiżjonijiet b’korrispondenza fuq kwistjonijiet urġenti. Approvazzjoni għal din il-proċedura tista’ tinkiseb waqt laqgħa tal-Kunsill jew fi ħdan il-Kumitat.
Fl-istess ħin li tiġi deċiża din il-proċedura, jista’ jiġi stipulat limitu ta’ żmien li fih jeħtieġ li jingħataw ir-risposti. Meta jiskadi dan il-limitu ta’ żmien, il-President tal-Kunsill għandu jiddeċiedi, fuq bażi ta’ rapport miż-żewġ Segretarji tal-Kunsill, jekk, fid-dawl tar-risposti rċevuti, jistax jiġi kkunsidrat li ntlaħaq qbil komuni.
Artikolu 5
Kumitati u Gruppi ta’ Ħidma
Il-Kunsill jista’ jwaqqaf kumitati jew gruppi ta’ ħidma biex iwettqu xogħol li hu jikkunsidra bħala meħtieġ, u b’mod partikolari biex jippreparaw il-proċedimenti tiegħu fejn xieraq f’oqsma ta’ kooperazzjoni jew aspetti speċifiċi tas-Sħubija.
Is-superviżjoni tax-xogħol ta’ dawn il-kumitati u gruppi ta’ ħidma tista’ tiġi delegata lill-Kumitat.
Artikolu 6
Subgruppi Ministerjali
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 5, il-Kunsill jista’, matul il-laqgħat tiegħu, jiddelega t-tħejjija tal-proċedimenti u l-konklużjonijiet tiegħu dwar punti speċifiċi fuq l-aġenda lil subgruppi ta’ ministri komposti fuq bażi ta’ parità.
Artikolu 7
Kumitati Ministerjali
1. Skond l-Artikolu 83 tal-Ftehim AKP-KE, qiegħed jiġi b’dan stabbilit il-Kumitat għall-Kooperazzjoni ta’ Finanzjament għall-Iżvilupp ta’ l-AKP-KE. Il-Kunsill għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura għal dan il-Kumitat.
2. Il-Kunsill għandu jeżamina kwistjonijiet dwar il-politika tal-kummerċ u rapporti mill-Kumitat Ministerjali Konġunt għall-Kummerċ AKP-KE stabbilit bl-Artikolu 38 tal-Ftehim AKP-KE..
Artikolu 8
Stati li jattendu bi status ta’ osservaturi
1. Ir-Rappreżentanti ta’ l-Istati firmatarji tal-Ftehim AKP-KE, li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ikunu għadhom ma temmewx il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 93(1) u (2) tiegħu, jistgħu jattendu s-sessjonijiet tal-Kunsill bħala osservaturi. Jistgħu f’dan il-każ jiġu awtorizzati li jieħdu sehem fid-dibattiti tal-Kunsill.
2. L-istess regola għandha tapplika għall-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 93(6) tal-Ftehim AKP-KE.
3. Il-Kunsill jista’ jawtorizza rappreżentanti ta’ pajjiż applikant għas-sħubija fil-Ftehim AKP-KE biex jieħdu sehem fil-proċedimenti tal-Kunsill bħala osservaturi.
Artikolu 9
Kunfidenzjalità u pubblikazzjonijiet uffiċjali
1. Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill m’għandhomx ikunu pubbliċi. Aċċess għal-laqgħat tal-Kunsill għandu jirrikjedi pass.
2. Mingħajr preġudizzju għal tali dispożizzjonijiet oħra applikabbli, id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill għandhom ikunu koperti mill-obbligu ta’ segretezza professjonali, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor.
3. Kull parti tista’ tiddeċiedi li tippubblika d-deċiżjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet tal-Kunsill fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali rispettivi tagħhom.
Artikolu 10
Djalogu ma’ atturi mhux governattivi
1. Il-Kunsill jista’ jistieden rappreżentanti ekonomiċi u soċjali tas-soċjetà ċivili fl-Istati ta’ l-AKP u ta’ l-Unjoni Ewropea biex jieħdu sehem fi skambju ta’ fehmiet fil-marġni tal-laqgħat ordinarji tiegħu bl-iskop li jinfurmahom u li jisma’ l-opinjonijiet u s-suġġerimenti tagħhom dwar punti fuq l-aġedna.
2. L-iskambji ta’ fehmiet mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili għandhom jiġu organizzati mis-Segretarjat tal-Kunsill. Dan jista’ jiddelega dan il-kompitu, bi ftehim mal-Kummissjoni, lil organizzazzjonijiet rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili. B’mod partikolari, is-Segretarjat tal-Kunsill jista’ jiddelega xogħol konness ma’ skambji ta’ fehmiet ma’ rappreżentanti ekonomiċi u soċjali tas-soċjetà ċivili ta’ l-AKP u l-UE lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
3. Il-punti fuq l-aġenda li għandhom jiġu diskussi ma’ atturi mhux governattivi għandhom jiġu deċiżi mill-President, waqt li jaġixxi fuq proposta mis-Segretarjat tal-Kunsill. Dawn għandhom jiġu kkomunikati lill-membri l-oħra tal-Kunsill fl-istess ħin bħall-aġenda provviżorja għal kull laqgħa.
Artikolu 11
Organizzazzjonijiet Reġjonali u Sub-reġjonali
Organizzazzjonijiet reġjonali u sub-reġjonali ta’ l-AKP jistgħu jkunu rappreżentati f’laqgħat tal-Kunsill u tal-Kumitat bħala osservaturi, soġġett għall-qbil minn qabel mill-Kunsill.
Artikolu 12
Komunikazzjonijiet u minuti tal-laqgħat
1. Il-komunikazzjonijiet kollha previsti f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għandhom jiġu trasmessi permezz tas-Segretarjat tal-Kunsill lir-rappreżentanti ta’ l-Istati AKP, lis-Segretarjat tal-Grupp ta’ Stati AKP, lir-Rappreżentanti Permanenti ta’ l-Istati Membri, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni.
Tali komunikazzjonijiet għandhom jintbagħatu wkoll lill-President tal-Bank meta dawn jikkonċernaw il-Bank.
2. Għandhom jinżammu minuti ta’ kull laqgħa, li jinnutaw b’mod partikolari d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill.
Wara l-approvazzjoni tagħhom mill-Kunsill, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President Attwali u miż-żewġ Segretarji tal-Kunsill u għandhom jinżammu fl-arkivji tal-Kunsill. Kopja tal-minuti għandha tintbagħat lid-destinatarji msemmija fil-paragrafu 1.
Artikolu 13
Dokumentazzjoni
Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-Kunsill għandu jmexxi d-deliberazzjonijiet tiegħu abbażi ta’ dokumenti mfassla bil-lingwi uffiċjali tal-partijiet.
Artikolu 14
Forma ta’ l-Atti
1. Id-deċiżjonijiet, ir-riżoluzzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 15(3) tal-Ftehim AKP-KE, għandhom jinqasmu f’artikoli.
Dawn għandhom jiġu konklużi bil-formula “Magħmula fi ...”, “[data]”, bid-data tkun id-data ta’ l-adozzjoni tagħhom mill-Kunsill.
2. Id-deċiżjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 15(3) tal-Ftehim AKP-KE, għandhom jiġu intitolati “Deċiżjoni”, segwiti b’numru tas-serje, data ta’ adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.
Id-deċiżjonijiet għandhom jispeċifikaw d-data li fiha għandhom jidħlu fis-seħħ. Huma għandhom jinkorporaw is-sentenza li ġejja: “L-Istati ta’ l-AKP, il-Komunità u l-Istati Membri tagħha għandhom jiġu mitluba, kull wieħed għalih, biex jieħdu l-passi neċessarji biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni”.
3. Ir-riżoluzzjonijiet, id-dikjarazzjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 15(3) tal-Ftehim AKP-KE, għandhom jiġu intitolati “Riżoluzzjoni”, “Dikjarazzjoni”, “Rakkomandazzjoni” jew “Opinjoni”, segwiti b’numru tas-serje, data ta’ adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.
4. Atti adottati mill-Kunsill għandhom jiġu ffirmati mill-President u għandhom jinżammu fl-arkivji tal-Kunsill.
L-atti għandhom jiġu trasmessi, permezz taż-żewġ Segretarji tal-Kunsill, lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 12(1).
Artikolu 15
Presidenza
Il-kariga ta’ President tal-Kunsill għandha tinżamm b’mod alternat kif gej:
— |
mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Settembru minn membru tal-Gvern ta’ Stat ta’ l-AKP, |
— |
mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Marzu minn membru tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea. |
Artikolu 16
Il-Kumitat
1. Il-Kunsill jista’ jiddelega uħud mill-poteri tiegħu lill-Kumitat skond l-Artikolu 15(4) tal-Ftehim AKP-KE.
2. Il-kondizzjonijiet li taħthom jiltaqa’ l-Kumitat għandhom ikunu stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu.
3. Il-Kumitat għandu jkun responsabbli għat-tħejjijiet tal-laqgħat tal-Kunsill u għat-twettieq ta’ kwalunkwe mandat li l-Kunsill jista’ jafdalu.
Artikolu 17
Parteċipazzjoni fl-Assemblea Parlamentari Konġunta
Meta l-Kunsill jattendi laqgħat ta’ l-Assemblea Parlamentari Konġunta għandu jkun rappreżentat mill-President tiegħu.
F’każ li l-President ma jkunx jista’ jattendi, hu għandu jaħtar il-membru li jkun ser jieħu postu.
Artikolu 18
Konsistenza fil-politika Komunitarja u l-impatt fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim AKP-KE
1. Meta l-Istati AKP jitolbu konsultazzjonijiet skond l-Artikolu 12 tal-Ftehim AKP-KE, dawn il-konsultazzjonijiet għandhom jinżammu fil-pront, bħala regola ġenerali fi żmien ħmistax-il jum mit-talba.
2. Il-korp responsabbli jista’ jkun il-Kunsill, il-Kumitat, wieħed miż-żewġ Kumitati Ministerjali msemmija fl-Artikolu 7, jew Grupp ta’ Ħidma ad hoc.
Artikolu 19
Segretarjat
Is-Segretarjat tal-Kunsill u tal-Kumitat, għandu jitmexxa b’mod konġunt minn żewġ Segretarji.
Dawn iż-żewġ Segretarji għandhom jinħatru wara konsultazzjoni konġunta, wieħed mill-Istati ta’ l-AKP u l-ieħor mill-Komunità.
Is-Segretarji għandhom iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’indipendenza sħiħa bi ħsieb biss fl-interessi tal-Ftehim u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn xi Gvern, organizzazzjoni jew awtorità għajr il-Kunsill u l-Kumitat.
Korrispondenza intenzjonata għall-Kunsill għandha tintbagħat lill-President tiegħu fis-sede tas-Segretarjat tal-Kunsill.
Artikolu 20
Id-Deċiżjoni preżenti tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni Nru 1/2001 tat-30 ta’ Jannar 2001 tal-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP-KE dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE.
Magħmula fi Brussel, nhar it-8 ta’ Marzu 2005.
Għall-Kunsill tal-Ministri AKP-KE
Il-President
J. ASSELBORN