Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02021R0771-20210511

Consolidated text: Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/771 tal-21 ta’ Jannar 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għall-verifiki tal-kontijiet dokumentarji fil-qafas tal-kontrolli uffiċjali fil-produzzjoni organika u l-kontrolli uffiċjali tal-gruppi ta’ operaturi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/771/2021-05-11

02021R0771 — MT — 11.05.2021 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/771

tal-21 ta’ Jannar 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għall-verifiki tal-kontijiet dokumentarji fil-qafas tal-kontrolli uffiċjali fil-produzzjoni organika u l-kontrolli uffiċjali tal-gruppi ta’ operaturi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 165 11.5.2021, p. 25)


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 410, 18.11.2021, p.  198 (2021/771)




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/771

tal-21 ta’ Jannar 2021

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi kriterji u kundizzjonijiet speċifiċi għall-verifiki tal-kontijiet dokumentarji fil-qafas tal-kontrolli uffiċjali fil-produzzjoni organika u l-kontrolli uffiċjali tal-gruppi ta’ operaturi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Verifiki ta’ kontijiet dokumentarji

1.  
L-ispezzjoni fiżika fuq il-post skont l-Artikolu 38(3) tar-Regolament (UE) 2018/848 għandha tinkludi verifika tat-traċċabilità u verifika tal-bilanċ tal-massa tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi mwettqa permezz ta’ verifiki tal-kontijiet dokumentarji.
2.  
L-awtorità kompetenti, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll għandhom iwettqu l-verifika tat-traċċabilità u l-verifika tal-bilanċ tal-massa skont il-mudell standard dokumentat fir-rekord miktub imsemmi fl-Artikolu 38(6) tar-Regolament (UE) 2018/848.
3.  
Għall-fini tal-verifika tat-traċċabilità u l-verifika tal-bilanċ tal-massa, l-għażla tal-prodotti, tal-gruppi ta’ prodotti u tal-perjodu taħt verifika għandha ssir abbażi tar-riskju.
4.  

Il-verifika tat-traċċabilità għandha tkopri mill-inqas l-elementi li ġejjin, iġġustifikati minn dokumenti xierqa inkluż ir-rekords tal-istokk u dawk finanzjarji:

(a) 

l-isem u l-indirizz tal-fornitur u, meta dawn ikunu differenti, tas-sid jew tal-bejjiegħ, jew l-esportatur tal-prodotti;

(b) 

l-isem u l-indirizz tad-destinatarju u, meta dawn ikunu differenti, tal-bejjiegħ jew tal-importatur tal-prodotti;

(c) 

iċ-ċertifikat tal-fornitur f’konformità mal-Artikolu 35(6) tar-Regolament (UE) 2018/848;

▼C1

(d) 

l-informazzjoni msemmija fil-punt 2.1.1 tal-Anness III tar-Regolament (UE) 2018/848;

▼B

(e) 

l-identifikazzjoni xierqa tal-lott.

5.  

Meta rilevanti, il-verifika tal-bilanċ tal-massa għandha tkopri mill-inqas l-elementi li ġejjin, iġġustifikati minn dokumenti xierqa inkluż ir-rekords tal-istokk u dawk finanzjarji:

(a) 

in-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti kkonsenjati lill-unità u, meta rilevanti, tal-materjali mixtrija u l-użu tat-tali materjali u, meta rilevanti, il-kompożizzjoni tal-prodotti;

(b) 

in-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti maħżuna fil-postijiet;

(c) 

in-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti li jkunu ħallew l-unità tal-operatur jew tal-grupp ta’ operaturi lejn il-postijiet jew il-faċilitajiet tal-ħżin tad-destinatarju;

(d) 

f’każ li l-operaturi li jixtru u jbigħu l-prodott(i) mingħajr ma jimmanipulaw il-prodott(i), in-natura u l-kwantitajiet tal-prodotti li nxtraw jew nbiegħu, u l-fornituri, u meta dawn ikunu differenti, il-bejjiegħa jew l-esportaturi u x-xerrejja, u meta dawn ikunu differenti, id-destinatarji;

(e) 

ir-rendiment tal-prodotti miksuba, miġbura jew maħsuda tul is-sena preċedenti;

(f) 

ir-rendiment reali tal-prodotti miksuba, miġbura jew maħsuda tul is-sena kurrenti;

(g) 

in-numru u/jew il-piż fil-każ ta’ bhejjem ġestiti tul is-sena kurrenti u dik preċedenti;

(h) 

kull telf, żieda jew tnaqqis fil-kwantità tal-prodotti fi kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, tal-preparazzjoni u tad-distribuzzjoni;

(i) 

il-prodotti organiċi jew fil-każi ta’ konverżjoni li jinbiegħu fis-suq bħala mhux organiċi.

Artikolu 2

Kontrolli uffiċjali tal-gruppi ta’ operaturi

1.  
Sabiex jiċċertifikaw u jivverifikaw il-konformità ta’ grupp ta’ operaturi, l-awtorità kompetenti u, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom jassenjaw spetturi kompetenti biex jivvalutaw is-sistemi għall-kontrolli interni (ICS).
2.  

Għall-fini tal-evalwazzjoni tal-istabbiliment, tal-funzjonament u taż-żamma tal-ICS ta’ grupp ta’ operaturi, l-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom mill-inqas jiddeterminaw li:

(a) 

il-proċeduri dokumentati tal-ICS li ddaħħlu fis-seħħ jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/848;

(b) 

il-lista tal-membri tal-grupp ta’ operaturi bl-informazzjoni meħtieġa għal kull membru hija aġġornata kontinwament u allinjata mal-ambitu taċ-ċertifikat;

(c) 

il-membri kollha tal-grupp ta’ operaturi jikkonformaw mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 36(1)(a), (b) u (e) tar-Regolament (UE) 2018/848 matul il-parteċipazzjoni tagħhom fil-grupp ta’ operaturi;

(d) 

in-numru, it-taħriġ u l-kompetenzi tal-ispetturi tal-ICS huma proporzjonati u adegwati u l-ispetturi tal-ICS ma għandhomx kunflitti ta’ interess;

(e) 

l-ispezzjonijiet interni tal-membri kollha tal-grupp ta’ operaturi u l-attivitajiet u l-unitajiet jew il-postijiet tal-produzzjoni tagħhom, inkluż iċ-ċentri tax-xiri u tal-ġbir, twettqu mill-inqas darba fis-sena u huma ddokumentati;

(f) 

membri ġodda jew unitajiet ta’ produzzjoni ġodda jew attivitajiet ġodda ta’ membri eżistenti, inkluż iċ-ċentri tax-xiri u tal-ġbir ġodda, ġew aċċettati biss wara li ġew approvati mill-maniġer tal-ICS abbażi tar-rapport ta’ spezzjoni interna skont il-proċeduri dokumentati tal-ICS li ddaħħlu fis-seħħ;

(g) 

il-maniġer tal-ICS jieħu l-miżuri xierqa f’każ ta’ nonkonformità, inkluż is-segwitu tagħhom, skont il-proċeduri ddokumentati tal-ICS li tqiegħdu fis-seħħ;

(h) 

in-notifiki tal-maniġer tal-ICS lill-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, lill-awtorità ta’ kontroll jew lill-korp ta’ kontroll, huma xierqa u biżżejjed;

(i) 

it-traċċabilità interna għall-prodotti u l-membri kollha tal-grupp ta’ operaturi hija żgurata billi jiġu stmati l-kwantitajiet u billi ssir kontroverifika tar-rendimenti ta’ kull membru tal-grupp ta’ operaturi;

(j) 

il-membri tal-grupp ta’ operaturi jirċievu taħriġ adegwat dwar il-proċeduri tal-ICS u r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2018/848.

3.  
L-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom japplikaw valutazzjoni tar-riskju biex jagħżlu kampjun tal-membri tal-grupp ta’ operaturi għall-ispezzjonijiet mill-ġdid f’konformità mal-Artikolu 38(4)(d) tar-Regolament (UE) 2018/848. Meta jsir dan, għandhom iqisu mill-inqas il-volum u l-valur tal-produzzjoni u l-valutazzjoni tal-probabbiltà tan-nonkonformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/848. L-ispezzjonijiet mill-ġdid għandhom jitwettqu fiżikament fuq il-post fil-preżenza tal-membri magħżula.
4.  
L-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom jallokaw żmien raġonevoli għall-kontroll ta’ grupp ta’ operaturi, proporzjonat mat-tip, mal-istruttura, mad-daqs, mal-prodotti, mal-attivitajiet u mal-produzzjoni tal-produzzjoni organika tal-grupp ta’ operaturi.
5.  
L-awtorità kompetenti, jew meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom iwettqu awditi ta’ osservazzjoni sabiex jiġu verifikati l-kompetenza u l-għarfien tal-ispetturi tal-ICS.
6.  
L-awtorità kompetenti jew, meta xieraq, l-awtorità ta’ kontroll jew il-korp ta’ kontroll, għandhom jivvalutaw jekk hemmx nuqqas tal-ICS abbażi tan-numru ta’ nonkonformitajiet mhux individwati mill-ispetturi tal-ICS u r-riżultat tal-investigazzjoni tal-kawża u tan-natura tan-nonkonformitajiet.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Top