EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 31985L0384

Id-Direttiva Tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Ġunju 1985 dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ xhieda oħra ta’ kwalifiki formali fl-arkitettura, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

SL L 223, 21.8.1985, p. 15–25 (DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL)
Posebno izdanje na malteškom jeziku: Poglavlje 06 Svezak 001 Str. 118 - 128

Drugo(a) posebno(a) izdanje(a) (ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, PL, SK, SL, BG, RO)

Status legali tad-dokument M’għadux fis-seħħ, Data tat-tmiem tal-validitàà: 19/10/2007; stavljeno izvan snage 32005L0036

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1985/384/oj

31985L0384



Official Journal L 223 , 21/08/1985 P. 0015 - 0025
Spanish special edition: Chapter 06 Volume 3 P. 0009
Portuguese special edition Chapter 06 Volume 3 P. 0009
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0099
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0099


Id-Direttiva Tal-Kunsill

ta’ l-10 ta’ Ġunju 1985

dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ xhieda oħra ta’ kwalifiki formali fl-arkitettura, inklużi miżuri biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi

(85/384/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 49, 57 u 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi, bis-saħħa tat-Trattat, hija projbita kull diskriminazzjoni msejsa fuq in-nazzjonalità fir-rigward ta’ stabbiliment u tal-provvista ta’ servizzi mill-aħħar tal-perjodu transitorju; billi l-prinċipju li jirriżulta ta’ trattament mhux diskriminatorju rigward in-nazzjonalità japplika fost ħwejjeġ oħra għall-konċessjoni ta’ kull awtorizzazzjoni meħtieġa biex persuna taqbad ix-xogħol fil-qasam ta’ l-arkitettura u wkoll biex tirreġistra ma ’jew tidħol membru ta’ organizzazzjonijiet jew korpi professjonali;

Billi jidher madankollu mixtieq li jiddaħħlu ċerti dispożizzjonijiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tad-dritt ta’ stabbiliment u tal-libertà li jipprovdu servizzi fil-qasam ta’ l-arkitettura;

Billi, skond it-Trattat, l-Istati Membri huma meħtieġa li ma jagħtu l-ebda forma ta’ għajnuna li x’aktarx tgħawweġ il-kondizzjonijiet ta’ stabbiliment;

Billi l-Artikolu 57(1) tat-Trattat jipprovdi illi għandhom jinħarġu direttivi għar-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, iċ-ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali;

Billi l-arkittettura, il-kwalità tal-bini, il-mod kif dan jintegra ma’ l-ambjent tiegħu, ir-rispett għall-ambjent naturali u urbanistiku u l-wirt kulturali kollettiv u individwali huma kollha ħwejjeġ ta’ interess pubbliku; billi, għalhekk, ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ xhieda oħra ta’ kwalifiki formali għandu jkun imsejjes fuq kriterji kwalitattivi u kwantitattivi biex jiġi żgurat illi d-detenturi tad-diplomi, ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki fomali rikonoxxuti jkunu kapaċi jifhmu u jagħtu espressjoni prattika tal-ħtiġiet ta’ l-individwi, ta’ gruppi soċjali u ta’ komunitajiet rigward il-programmazzjoni ta’ l-ispazju, id-disinn, l-organizzazzjoni u l-kostruzzjoni tal-bini, il-konservazzjoni u t-titjib fil-kwalità tal-wirt peritoniku u l-preservazzjoni tal-bilanċ naturali;

Billi l-metodi tat-tagħlim u tat-taħriġ għal dawk li jipprattikaw professjonalment fil-qasam ta’ l-arkitettura jvarjaw ħafna fil-preżent; billi, madankollu, għandha ssir dispożizzjoni għall-allineament progressiv ta’ l-edukazzjoni u tat-taħriġ li jwassal għall-issoktar tax-xogħol bit-titolu professjonali ta’ perit;

Billi, f’xi Stat Membri l-bidu u l-insegwiment tax-xogħol ta’ perit huma bil-kondizzjoni legali tal-pussess ta’ diploma fl-arkitettura; billi, f’ċerti Stati Membri oħra fejn din il-kondizzjoni ma teżistix, id-dritt li jinġieb it-titolu professjonali ta’ perit huwa madankollu regolat bil-liġi; billi, finalment, f’xi wħud mill-Istati Membri fejn la jinsabu ta’ l-ewwel u lanqas ta’ l-aħħar, qegħdin jitħejjew liġijiet u regolamenti għal min jibda u jsegwi dan ix-xogħol bit-titolu professjonali ta’ perit; billi, għalhekk, il-kondizzjonijiet li fuqhom dan ix-xogħol jista’ wieħed jidħol għalih u ssuktat f’dawn l-Istati Membri għadhom mhumiex preskritti; billi r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, iċ-ċertifikati u x-xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali jippresupponi illi dawn id-diplomi, ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali jawtorizzaw id-dħul għal ta’ ċerti xogħlijiet u l-issuktar tagħhom fl-Istati Membri tal-ħruġ; billi, għalhekk, ir-rikonoxximent ta’ ċerti ċertifikati skond din id-Direttiva għandu jissokta japplika biss sakemm u safejn id-detenturi ta’ dawn iċ-ċertifikati jiġu awtorizzati, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet legali li għad għandhom jiġu adottati fl-Istati Membri tal-ħruġ tagħhom, biex persuni jaqbdu x-xogħol bit-titolu professjonali ta’ perit;

Billi l-kisba tat-titolu professjonali legali ta’ perit huwa f’xi wħud mill-Istati Membri soġġett għat-tkomplija ta’ perjodu taż-żmien ta’ esperjenza prattika b’żieda mal-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew xhieda oħra ta’ kwalifiki formali; billi, ġaladarba din il-prattika fil-preżent tvarja minn Stat Membru għall-ieħor, biex jitwarrbu diffikultajiet possibbli għandha tiġi konoxxuta t-tkomplija ta’ perjodu ta’ żmien ugwali ta’ esperjenza xierqa ta’ prattika fi Stat Membru ieħor bħala li tilħaq din il-kondizzjoni;

Billi r-referenza fl-Artikolu 1(2) għal "xogħol fil-qasam ta’ l-arkittettura" bħala "dak ix-xogħol is-soltu segwit bit-titolu professjonali ta’ perit", li l-ġustifikazzjoni għalih qiegħda fil-kondizzjonijiet li jipprevalu f’ċerti Stati Membri, hija maħsuba biss biex tiġi indikata l-intenzjoni ta’ din id-Direttiva, mingħajr ma tippretendi li tagħti funzjoni legali tax-xogħol fil-qasam ta’ l-arkitettura;

Billi, fil-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, ix-xogħol fil-qasam ta’ l-arkitettura huwa segwit, bil-liġi jew fil-fatt, minn persuni li għandhom it-titolu ta’ perit, sewwa jekk waħdu u sewwa jekk flimkien ma’ titolu ieħor, mingħajr ma dawn il-persuni għandhom il-monopolju li jsegwu dan ix-xogħol għajr fejn hemm liġijiet għall-kuntrarju; billi x-xogħol imsemmi hawn fuq, jew xi parti minnu, jista’ wkoll isir minn membri ta’ professjonijiet oħra, partikolarment mill-inġiniera li jkunu ħadu taħriġ speċjali fl-inġinerija tal-kostruzzjoni jew tal-bini;

Billi r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki jiffaċilita d-dħul fl-attività fil-kwistjoni u l-issoktar tiegħu;

Billi f’wħud mill-Istati Membri jeżistu liġijiet li jippermettu li t-titolu professjonali legali ta’ perit jiġi konferit, bħala eċċezzjoni u minkejja l-ħtiġiet tas-soltu ta’ edukazzjoni u taħriġ biex jinkiseb it-titolu, fuq ċerti persuni distinti fil-qasam, li huma ftit fin-numru u li x-xogħol tagħhom juri talent eċċezzjonali fl-arkitettura; billi l-każ ta’ dawn l-periti għandu jiġi kopert b’din id-Direttiva, partikolarment ġaladarba dawn spiss igawdu fama internazzjonali;

Billi r-rikonoxximent ta’ numru ta’ diplomi, ċertifikati u xhieda oħra tal-kwalifiki formali eżistenti fl-arkitettura mniżżla fil-lista fl-Artikoli 10 sa 12 huwa maħsub biex jgħin lid-detenturi ta’ dawn il-kwalifiki jistabbilixxu lilhom infushom u biex jipprovdu servizzi fi Stati Membri oħra b’effett immedjat; billi d-dħul għall-għarrieda ta’ din id-dispożizzjoni fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu jista’, minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż, iwassal għal tagħwiġ fil-kompetizzjoni u jfixkel l-organizzazzjoni tal-professjoni; billi, bħala riżultat ta’ dan, jidher li jkun ġustifikat li dan l-Istat Membru jingħata perjodu addizzjonali taż-żmien għal aġġustament;

Billi, ġaladarba Direttiva dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikat u ta’ xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali fl-arkitettura mhux bil-fors timplika ekwivalenza prattika fl-edukazzjoni u t-taħriġ koperti b’dawn id-diplomi, ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali, l-użu tat-titoli għandu jiġi awtorizzat biss fl-ilsien ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew ta’ l-Istat Membru minn fejn jiġi ċ-ċittadin ta’ nazzjonalità barranija;

Billi, biex tiġi faċilitata l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu illi, b’żieda ma’ xhieda tal-kwalifiki, il-persuni li jissodisfaw il-ħtiġiet ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ din id-Direttiva jridu jipprovdu ċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru tagħhom ta’ l-oriġini jew tal-pajjiż minn fejn jiġu li jiddikjaraw li dawn il-kwalifiki huma dawk msemmija f’din id-Direttiva;

Billi d-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward il-fama tajba u l-kondotta tajba jistgħu jiġu applikati bħala standards biex ikun jista’ jsir id-dħul fl-attività; billi, barra minn hekk, fiċ-ċirkostanzi, għandha ssir distinzjoni bejn il-każijiet fejn il-persuni interessati ma jkunu qatt eżerċitaw xi xogħol fil-qasam ta’ l-arkitettura u dawk li diġà eżerċitaw dan ix-xogħol fi Stat Membru ieħor;

Billi, fil-każ tal-provvista tas-servizzi, il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni ma’, jew dħul bħala membru f’organizzazzjoniiet jew korpi professjonali, ġaladarba għandu x’jaqsam man-natura fissa u permanenti tax-xogħol segwit fl-Istat Membru ospitanti, mingħajr dubju jikkostitwixxi ostakolu lil min jipprovdi s-servizzi minħabba n-natura temporanja tax-xogħol tiegħu; billi din il-ħtieġa għandha għalhekk tiġi abolita; billi, madakollu, f’din l-okkażjoni għandu jiġi garantit il-kontroll fuq id-dixxiplina professjonali, li hija r-responsabbiltà ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jew korpi professjonali; billi, għal dan il-għan, għandu jiġi provdut, bla ħsara għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 62 tat-Trattat, illi l-persuna interessata tista’ tkun meħtieġa li tinnotifika l-għoti tas-servizzi lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru ospitanti;

Billi, safejn jirrigwarda x-xogħol tal-persuni impjegati fil-qasam ta’ l-arkitettura, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema ġewwa l-Komunità [4] ma jippreksrivi l-ebda dispożizzjoni li għandha x’taqsam mal-kondotta tajba jew il-fama tajba, mad-dixxiplina professjonali jew l-użu ta’ titolu għall-professjonijiet koperti; billi, dejjem jiddependi mill-Istat Membri individwali, dawn ir-regoli huma jew jistgħu jiġu applikati kemm għall-persuni impjegati u kemm għal dawk li jaħdmu għal rashom, jew mill-istess persuni fiż-żewġ kapaċitajiet fil-kors tal-karriera professjonali tagħhom; billi, biex jiġi inkoraġġit bis-sħiħ il-moviment liberu tal-membri tal-professjoni ġewwa l-Komunità, jidher għalhekk li din id-Direttiva għandha tiġi estiża lill-persuni impjegati fil-qasam ta’ l-arkitettura;

Billi din id-Direttiva ddaħħal ir-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi, taċ-ċertifikati u ta’ xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali li jagħtu aċċess għax-xogħol professjonali, mingħajr il-koordinament li jmur magħhom tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-edukazzjoni u t-taħriġ; billi, barra minn hekk, in-numru tal-membri fil-professjoni li huma involuti jvarja konsiderevolment minn Stat Membru għall-ieħor; billi l-ewwel snin minn meta tibda tiġi applikata din id-Direttiva għandhom għalhekk jiġu segwiti b’attenzjoni partikolari mill-Kummissjoni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA

IL-KAPITOLU I

KAMP

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura.

2. Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, l-attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura għandhom ikunu dawk l-attivitajiet li s-soltu jsiru taħt it-titolu professjonali ta’ perit.

IL-KAPITOLU II

ID-DIPLOMI, IĊ-ĊERTIFIKATI U XHIEDA OĦRA TA’ KWALIFIKI FORMALI LI JGĦINU LILL-PUSSESSUR TAGĦHOM JIDĦOL GĦAL XOGĦOL FIL-QASAM TA’ L-ARKITETTURA BIT-TITOLU PROFESSJONALI TA’ PERIT

L-Artikolu 2

Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali miksuba b’riżultat ta’ edukazzjoni u taħriġ li jħarsu l-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 3 u 4 u konferiti fuq ċittadini nazzjonali ta’ Stati Membri minn Stati Membri oħra, billi jagħtu lil dawn id-diplomi, ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali, rigward id-dritt li jaqbdu jew jissoktaw ix-xogħol imsemmi fl-Artikolu 1 bit-titolu professjonali ta’ perit skond l-Artikolu 23(1), l-istess effett fit-territorju tiegħu bħal dawk konferiti mill-Istat Membru nnifsu.

L-Artikolu 3

L-edukazzjoni u t-taħriġ li jwasslu għad-diplomi, iċ-ċertifikati u x-xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 2 għandhom jiġu provduti permezz ta’ korsijiet ta’ studju fil-livell universitarju li jirrigwardaw prinċipalment l-arkitettura. Dawn l-istudji għandhom ikunu bilanċjati bejn l-aspetti teoretiċi u dawk prattiċi tat-taħriġ fl-arkitettura u għandhom jiżguraw il-kisba ta’:

1. kapaċità għall-ħolqien ta’ disinji peritoniċi li jissodisfaw il-ħtiġiet kemm ta’ l-estetika u kemm tat-teknika,

2. tagħrif adegwat ta’ l-istorja u t-teoriji ta’ l-arkitettura u xogħlijiet artistiċi konnessi magħhom, it-teknoloġiji u x-xjenzi umani,

3. tagħrif adegwat dwar il-belle arti bħala influwenza fuq il-kwalità tad-disinn peritoniku,

4. tagħrif adegwat dwar id-disinn urbanistiku, il-pjanifikazzjoni u l-ħiliet involuti fil-proċess tal-proġettazzjoni,

5. li tkun mifhuma r-relazzjoni bejn in-nies u l-bini, u bejn il-bini u l-ambjent tiegħu, u tal-ħtieġa tar-relazzjoni bejn il-bini u l-ispazji bejniethom għall-ħtiġiet tal-bniedem u ta’ l-iskala,

6. li tkun mifhuma l-professjoni ta’ l-arkitettura u tar-rwol ta’ l-perit fis-soċjetà, partikolarment fit-tħejjija ta’ inkarigi li jqisu l-fatturi soċjali,

7. li jkunu mifhuma l-metodi ta’ l-investigazzjoni u t-tħejjija ta’ inkarigu għal proġett ta’ disinn,

8. li jkun mifhum id-disinn strutturali, il-problemi ta’ kostruzzjoni u ta’ inġinerija assoċjati mad-disinn tal-bini,

9. tagħrif adegwat tal-problemi fiżiċi u t-teknoloġiji u dwar il-funzjoni tal-bini biex jipprovduhom bil-kondizzjonijiet ta’ konfort interni u ta’ protezzjoni kontra l-klima,

10. il-ħiliet meħtieġa fid-disinn biex jintlaħqu l-ħtiġiet ta’ l-utenti tal-bini fir-restrizzjonijiet imposti mill-fatturi ta’ l-ispiża u mir-regolament tal-bini,

11. tagħrif adegwat ta’ l-industriji, l-organizzazzjonijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri involuti fil-qlib ta’ kunċetti tad-disinn f’bini u l-integrazzjoni tal-pjanti (tad-disinn) fil-pjanifikazzjoni ġenerali.

L-Artikolu 4

1. It-tagħlim u t-taħriġ imsemmija fl-Artikolu 2 għandhom jissodisfaw il-ħtiġiet definiti fl-Artikolu 3 kif ukoll il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) it-tul totali tat-tagħlim u t-taħriġ għandu jikkonsisti f’minimu jew ta’ erba’ snin ta’ studji full-time f’università jew istituzzjoni edukattiva paragunabbli, jew f’mill-inqas sitt snin ta’ studji f’università jew f’istituzzjoni edukattiva paragunabbli li minnhom mill-inqas tliet snin għandhom jkunu full-time;

(b) dan it-tagħlim u taħriġ għandhom jiġu konklużi bit-tkomplija b’suċċess ta’ eżami fil-livell stabbilit ta’ grad universitarju.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, ir-rikonoxximent skond l-Artikolu 2 għandu wkoll jingħata għal taħriġ mogħti fuq il-perjodu taż-żmien ta’ tliet snin fil-"Fachhochschulen" fir-Repubblika Federali Ġermaniża fil-forma li teżisti fiż-żmien tan-notifika ta’ din id-Direttiva u safejn u sakemm jissodisfa l-ħtiġiet preskritti fl-Artikolu 3, li jagħti aċċess għax-xogħol imsemmi fl-Artikolu 1 f’dan l-Istat Membru bit-titolu prefessjonali ta’ perit, basta illi dan it-taħriġ jiġi supplimentat b’erba’ snin ta’ esperjenza professjonali fir-Repubblika Federali Ġermaniża sanzjonat b’ċertifikat maħruġ mill-korp professjonali li fil-lista (reġistru) tiegħu jiġi reġistrat il-perit li jixtieq jibbenefika mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. Il-korp għandu qabel ikun stabblixxa illi x-xogħol imwettaq mill-perit interessat fil-qasam ta’ l-arkitettura jikkostitwixxi prova konklussiva ta’ l-applikazzjoni prattika tat-tagħrif kollu msemmi fl-Artikolu 3. Iċ-ċertifikat għandu jinħareġ skond l-istess proċedura bħal dik li tapplika għar-reġistrazzjoni fil-lista tal-periti.

Fuq il-bażi ta’ l-esperjenza miksuba u fil-waqt li jinżammu fil-moħħ l-iżviluppi fit-taħriġ fl-arkitettura, il-Kummissjoni għandha, tmien snin wara t-tmiem tal-perjodu taż-żmien speċifikat fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 31(1), tissottometti rapport lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-deroga u tal-proposti xierqa li fuqhom il-Kunsill għandu jiddeċiedi b’mod konformi mal-proċeduri preskritti fit-Trattat fi żmien sitt xhur.

2. Ir-rikonoxximent skond l-Artikolu 2 għandu wkoll jingħata għal edukazzjoni u taħriġ li, bħala parti mill-iskema ta’ titjib soċjali jew kors part-time f’università, jikkonforma mal-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 3 u jwassal għal eżami fl-arkitettura mitmum b’suċċess minn persuni li jkun ilhom impjegati fl-attività ta’ l-arkitettura għal mhux inqas minn seba’ snin taħt is-sorveljanza ta’ perit jew ditta ta’ periti. Dan l-eżami għandu jkun tal-livell ta’ lawreja u jkun ekwivalenti għall-eżami finali msemmi fil-paragrafu 1(b).

L-Artikolu 5

1. Iċ-ċittadini ta’ Stat Membru awtorizzati li jġibu t-titolu prefessjonali ta’ perit skond il-liġi li tagħti lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru l-possibbilità li tikkonferixxi dan it-titolu fuq ċittadini ta’ l-Istati Membri li jkunu ddistingwew ruħhom partikolarment bil-kisbiet tagħhom fil-qasam ta’ l-arkitettura għandhom jiġu kunsidrati bħala li jkunu laħqu l-ħtiġiet preskritti għas-segwiment tax-xogħol fl-arkitettura u jġibu t-titolu ta’ perit.

2. Fil-każ ta’ dawk il-persuni msemmija fil-paragrafu 1, ċertifikat maħruġ mill-Istat Membru li tiegħu il-pussessur huwa ċittadin nazzjonali, jew li jiġi minnu, għandu jikkostitwixxi prova ta’ l-istatus ta’ perit.

L-Artikolu 6

Iċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Federali Ġermaniża li jiċċertifikaw l-ekwivalenza tal-kwalifiki konferiti wara t-8 ta’ Mejju 1945 mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Demokratika Ġermaniża mal-kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 2 għandhom jiġu rikonoxxuti skond il-kondizzjonijiet preskritti f’dan l-Artikolu.

L-Artikolu 7

1. Kull wieħed mill-Istati Membri għandu jikkomunika malajr kemm jista’ jkun, simultanjament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni, il-lista tad-diplomi, iċ-ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali li jkunu ġew konferiti ġewwa t-territorju tiegħu u li jilħqu l-kriterji preskritti fl-Artikoli 3 u 4, flimkien ma’ l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet li jikkonferuhom.

L-ewwel lista għandha tintbagħat sa 12-il xahar wara n-notifika ta’ din id-Direttiva.

Kull wieħed mill-Istati Membri għandu, l-istess, jikkomunika kull emenda magħmula rigward id-diplomi, iċ-ċertifikati u x-xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali li jkunu ġew konferiti fit-territotju tiegħu, partikolarment dawk li ma jilħqux iktar il-ħtiġiet ta’ l-Artikoli 3 u 4.

2. Għall-għanijiet ta’ tagħrif, il-listi u l-aġġornamenti ta’ dawn għandhom jiġu pubblikati mill-Kummissjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej wara t-tmiem tal-perjodu taż-żmien ta’ tliet xhur wara l-komunikazzjoni tagħhom. Madankollu, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 8, il-pubblikazzjoni ta’ diploma, ċertifikat jew xhieda oħra ta’ kwalifiki formali għandha tiġi differita. Il-listi konsolidati għandhom jiġu pubblikati perjodikament mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 8

Jekk Stat Membru jew il-Kummissjoni jkollhom dubji dwar jekk diploma, ċertifikat jew xhieda oħra ta’ kwalifiki formali jilħqux il-kriterji preskritti fl-Artikoli 3 u 4, il-Kummissjoni għandha tressaq il-materja quddiem il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Edukazjoni u t-Taħriġ fil-Qasam ta’ l-Arkitettura fi żmien tliet xhur mill-komunikazzjoni skond l-Artikolu 7(1). Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien tliet xhur.

Id-diploma, iċ-ċertifikat jew ix-xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali għandhom jiġu pubblikati fi żmien tliet xhur wara l-għoti ta’ l-opinjoni jew wara li tispiċċa l-iskadenza għall-għoti tagħha għajr fiż-żewġ każi li ġejjin:

- fejn l-Istat Membru li jikkonferixxi jemenda l-komunikazzjoni magħmula bis-saħħa ta’ l-Artikolu 7(1)

jew

- fejn Stat Membru jew il-Kummissjoni jimplimentaw l-Artikoli 169 jew 170 tat-Trattat bil-ħsieb li jressqu l-materja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 9

1. Il-Kumitat Konsultattiv jista’ jiġi konsultat minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni kull meta Stat Membru jew il-Kummisjoni jkollhom dubji dwar jekk diploma, ċertifikat jew xhieda oħra ta’ kwalifiki formali inklużi f’waħda mil-listi pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ikunux għadhom jilħqu l-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 3 u 4. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien tliet xhur.

2. Il-Kummissjoni għandha tirtira diploma minn waħda mil-listi pubblikati fil – Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej jew bi ftehim ma’ l-Istat Membru interessat jew b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

KAPITOLU III

ID-DIPLOMI, IĊ-ĊERTIFIKATI U X-XHIEDA L-OĦRA TA’ KWALIFIKI FORMALI LI JGĦINU LILL-PUSSESSUR LI JIBDA XOGĦOL FIL-QASAM TA’ L-ARKITETTURA BIS-SAĦĦA TAD-DRITTIJIET STABBILITI JEW ID-DISPOŻIZZJONIJIET NAZZJONALI EŻISTENTI

L-Artikolu 10

Kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi d-diplomi, iċ-ċertifikati jew ix-xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali dikjarati fl-Artikolu 11, konferiti mill-Istati Membri l-oħra liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri, fejn dawn iċ-ċittadini jkunu diġà fil-pussess ta’ dawn il-kwalifiki fil-waqt tan-notifika ta’ din id-Direttiva jew li l-istudji tagħhom li jwassluhom għad-diplomi, iċ-ċertifikati jew xhieda oħra ta’ kwalifiki formali jkunu nbdew matul mhux iktar tard mit-tielet sena akkademika wara din in-notifika, ukoll jekk dawn il-kwalifiki ma jħarsux il-ħtiġiet minimi preskritti fil-Kapitolu II, billi jingħatalhom, rigward id-dħul għax-xogħol u l-issoktar tiegħu msemmija fl-Artikolu 1 u bla ħsara għall-konformità ma’ l-Artikolu 23, l-istess effett ġewwa t-territorju tiegħu daqs id-diplomi, iċ-ċertifikati u x-xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali li huwa jikkonferixxi fl-arkitettura.

Artikolu 11

Id-diplomi, iċ-ċertifikati u x-xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 10 għandhom ikunu kif ġejjin:

(a) fil-Ġermanja

- id-diplomi konferiti mill-istituzzjonijiet għoljin tal-Belle Arti (Dipl.-Ing., Architekt (HfbK));

- id-diplomi konferiti mid-dipartimenti ta’ l-arkitettura (Architektur/Hochbau) tat-"Technische Hochschulen", ta’ l-universitajiet tekniċi, ta’ l-unversitajiet u, safejn dawn l-istituzzjonijiet ikunu ngħaqdu fi "Gesamthochschulen", tal-"Gesamthochschulen" (Dipl.-Ing. u kull titolu ieħor li jista ’jkun preskritt għad-detenturi ta’ dawn id-diplomi;

- id-diplomi konferiti mid-dipartimenti ta’ l-arkitettura (Architektur/Hochbau) tal-"Fachhochschulen" u, safejn dawn l-istituzzjonijiet ingħaqdu fil-"Gesamthochschulen", mid-dipartimenti ta’ l-arkitettura (Architektur/Hochbau) tal-"Gesamthochschulen", akkumpanjati, fejn il-perjodu taż-żmien ta’ l-istudju huwa inqas minn erba’snin imma mill-inqas tliet snin, minn ċertifikat li jiċċertifika perjodu taż-żmien ta’ erba’ snin ta’ esperjenza professjonali fir-Repubblika Federali Ġermaniża maħruġ mill-korp professjonali b’mod konformi mat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(1) (Ingenieur grad. u kull titolu ieħor li jista’ jiġi preskritt iktar tard għad-detenturi ta’ dawn id-diplomi); id-diplomi (Pruefungszeugnisse) konferiti qabel l-1 ta’Jannar 1973 mid-dipartimenti ta’ l-arkitettura ta’ l-"Ingenieurschulen" u tal-"Werkkunstschulen", akkumpanjati minn ċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti li juri li l-persuna interessata għaddiet minn eżami fil-kwalifiki formali tagħha b’mod konformi ma l-Artikolu 13;

(b) fil-Belġju

- id-diplomi konferiti mill-iskejjel għoljin nazzjonali ta’ l-arkitettura jew l-istituti għoljin nazzjonali ta’ l-arkitettura (architecte — architect);

- id-diplomi konferiti mill-iskola għolja provinċjali ta’ l-arkitettura ta’ Hasselt (architect);

- id-diplomi konferiti mill-Akkademji Rjali tal-Belle Arti (architecte — architect);

- id-diplomi konferiti mill-"écoles Saint-Luc" (architecte — architect);

- id-diplomi universitarji fl-inġinerija ċivili, akkumpanjati minn-ċertifikat ta’ apprendisat konferiti mill-assoċjazzjoni ta’ l-periti li jintitolaw lill-pussessur li jġib it-titolu professjonali ta’ perit (architecte — architect);

- id-diplomi fl-arkittettura konferiti mill-bord ċentrali jew Statali fl-arkitettura (architecte — architect);

- id-diplomi fl-inġinerija ċivili/arkitettura u d-diplomi fl-arkitettura/inġinerija ċivili konferiti mill-fakultajiet tax-xjenzi applikati ta’ l-universitajiet u mill-Fakultà Politeknika ta’ Mons (ingénieur-architecte, ingenieur-architect);

(ċ) fid-Danimarka

- id-diplomi konferiti mill-Iskejjel Nazzjonali ta’ l-Arkitettura f’Copenhagen u Aarhus (arkitekt);

- iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni maħruġ mill-Bord ta’ l-Periti skond il-Liġi Nru 202 tat-28 ta’ Mejju 1975 (registreret arkitekt);

- id-diplomi konferiti mill-Iskejjel Għoljin ta’ l-Inġinerija Ċivili (bygningskonstruktoer), akkumpanjati biċ-ċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti li juru li l-persuna interessata għaddiet minn eżami dwar il-kwalifiki formali tagħha b’mod konformi ma’ l-Artikolu 13;

(d) fi Franza

- id-diploma tal-Gvern ta’ perit konferita mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni sas-sena 1959 u sussegwentement mill-Ministeru għall-Affarijiet Kulturali (architecte DPLG);

- id-diplomi konferiti mill-"Ecole spéciale d’architecture" (architecte DESA);

- id-diplomi konferiti mis-sena 1955 mid-dipartiment ta’ l-arkitettura ta’ l-"Ecole nationale supérieure des Arts et Industries de Strasbourg" (qabel l-"Ecole nationale d’ingénieurs de Strasbourg") (architecte ENSAIS);

(e) fil-Greċja

- id-diplomi fl-inġinerija/arkitettura konferiti mill-METSOVION POLYTECHNION ta’ Ateni, flimkien ma’ ċertifikat maħruġ mill-Kamra Teknika tal-Greċja li jagħti d-dritt lil persuna li ssegwi attvitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura;

- id-diplomi fl-inġinerija/arkitettura konferiti mill-ARISTOTELION PANEPISTIMION ta’ Thessaloniki, flimkien ma’ ċertifikat maħruġ mill-Kamra Teknika tal-Greċja li jagħti d-dritt li ssegwi attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura;

- id-diplomi fl-inġinerija/inġinerija ċivili konferiti mill-METSOVION POLYTECHNION ta’ Ateni, flimkien ma’ ċertifikat maħruġ mill-Kamra Teknika tal-Greċja li jagħti d-dritt li ssegwi attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura;

- id-diplomi fl-inġinerija/inġinerija ċivili konferiti mill-ARISTOTELION PANEPISTIMION ta’ Thessaloniki, flimkien ma’ ċertifikat maħruġ mill-Kamra Teknika tal-Greċja’s li jagħti d-dritt li ssegwi attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura;

- id-diplomi fl-inġinerija/inġinerija ċivili konferiti mill-PANEPISTIMION THRAKIS, flimkien ma’ ċertifikat maħruġ mill-Kamra Teknika tal-Greċja li jagħti d-dritt li ssegwi attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura;

- id-diplomi fl-inġinerija/inġinerija ċivili konferiti mill-PANEPISTIMION PATRON, flimkien ma’ ċertifikat maħruġ mill-Kamra Teknika tal-Greċja li jagħti d-dritt li ssegwi attivitajiet fil-qasam ta’ l-arkitettura;

(f) fl-Irlanda

- il-grad ta’ Bachelor of Architecture konferit mill-Università Nazzjonali ta’ l-Irlanda (B Arch. (NUI)) lill-gradwati fl-arkitettura tal-University College, Dublin;

- id-diploma fil-livell ta’ lawrea fl-arkitettura konferita mill-College of Technology, ta’ Bolton Street, Dublin (Dipl. Arch.); is-Certificate of Associateship tar-Royal Institute of Architecsof Ireland (ARIAI);

- is- Certificate of Membership of the Royal Institute of Architects of Ireland (MRIAI);

(g) fl-Italja

- id-diplomi ta’ "laurea in architettura" konferiti mill-universitajiet, l-istituti politekniċi u l-istituti għoljin ta’ l-arkitettura ta’ Venezja u Reggio Calabria, akkumpanjati bid-diploma li tintitola d-detentur li jissokta l-professjoni ta’ perit indipendentament, konferita mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni wara li l-kandidat ikun għadda, quddiem bord kompetenti, mill-eżami Statali li jintitolah li jeżerċita independentement il-professjoni ta’ perit (dott. Architetto);

- id-diplomi ta’ "laurea in ingegneria" fil-kostruzzjoni tal-bini/ inġinerija ċivili ("sezione costenzione civile") konferiti mill-universitajiet u l-istituti politekniċi, akkumpajnjati bid-diploma li tintitola d-detentur li jissokta xogħol fil-qasam ta’ l-arkitettura indipendentement, mogħti mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni wara li l-kandidat ikun għadda, quddiem bord kompetenti, mill-eżami Statali li jinitolah li jissokta indipendentement il-professjoni (dott. Ing. Architetto jew dott. Ing. in ingegneria civile);

(h) fl-Olanda

- iċ-ċertifikat li jiddikjara li d-detentur għadda mill-eżami fil-livell ta’ grad universitarju fl-arkitettura maħruġ mid-dipartimenti ta’ l-arkitettura tal-kulleġġi tekniċi ta’ Delft jew Eindhoven (bouwkundig ingenieur);

- id-diplomi konferiti minn akkademji ta’ l-arkitettura rikonoxxuti mill-Istat (architect);

- id-diplomi konferiti sas-sena 1971 minn dawk li qabel kienu l-kulleġġi ta’ l-arkitettura (Hoger Bouwkunstonderricht) (architect HBO);

- id-diplomi konferiti sas-sena 1970 minn dawk li qabel kienu kulleġġi ta’ l-arkitettura (Voortgezet Bouwkunstonderricht) (architect VBO);

- iċ-ċertifikat li jiddikjara illi l-persuna interessata għaddiet minn eżami organizzat mill-Kunsill tal-Periti tal-"Bond van Nederlandse Architecten" (l-Ordni tal-Periti Olandizi, BNA) (architect);

- id-diploma ta’ l-i "Stichting Instituut voor Architectuur" (il-Fondazzjoni Istitut ta’ l-Arkitettura) (IVA) konferita mat-tmiem ta’ kors organizzat minn din il-fondazzjoni u li jestendi fuq perjodu minimu ta żmien ta’ erba’ snin (architect), akkumpanjat minn ċertifikat mill-awtoritajiet kompetenti li juri li l-persuna interessata għaddiet mill-eżami dwar il-kwalifiki formali tagħha skond l-Artikolu 13;

- iċ-ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti li juri li, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-persuna interessata għaddiet mill-eżami għal-lawrea ta’ "Kandidaat in de bouwkunde" organizzat mill-kulleġġi tekniċi ta’ Delft jew ta’ Eindhoven u li, għal perjodu ta’ żmien ta’ ħames snin immedjatament qabel din d-data, tkun issoktat xogħol fl-arkittettura li n-natura u l-importanza tiegħu, b’mod konformi mal-ħtiġiet Olandiżi, jiggarantixxu li hija kompetenti li tissokta dan ix-xogħol (architect);

- ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti biss lil persuni li wara li jkunu għalqu l-40 sena qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, jiċċertifika illi, fuq perjodu ta’ żmien ta’ mill-inqas ħames snin immedjatament qabel din id-data, il-persuna interessata segwiet xogħol fl-arkitettura li n-natura u l-importanza tiegħu, b’mod konformi mal-ħtiġiet Olandiżi, jiggarantixxu li hija kompetenti f’dan ix-xogħol (architect);

iċ-ċertifikati msemmija fis-seba’ u t-tmien inċiżi ma għandhomx għalfejn ikunu iktar rikonoxxuti mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġijiet u r-regolamenti fl-Olanda fejn jirregolaw id-dħul għax-xogħol u l-prosegwiment ta’ servizzi bit-titolu prefessjonali ta’ perit, safejn u sakemm skond dawn id-dispożizzjonijiet dawn iċ-ċertifikati ma jawtorizzawx id-dħul għal dan ix-xogħol bit-titolu professjonali;(i)

(i) fir-Renju Unit

- il-kwalifiki konferiti wara suċċess fl-eżamijiet ta’:

- ir-"Royal Institute of British Architects";

- l-iskejjel ta’ l-arkitettura fi:

- l-universitajiet,

- il-politekniċi,

- il-kulleġġi,

- l-akkademji,

- l-iskejjel tat-teknoloġija u l-arti,

li kienu, jew huma fil-waqt ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, rikonoxxuti mill-Kunsill tar-Reġistrazzjoni tal-l-Periti tar-Renju Unit bil-għan ta’ dħul fir-Reġistru (Architect);

- ċertifikat li jiddikjara li d-detentur tiegħu għandu d-dritt stabbilit li jġib it-titolu professjonali ta’ perit bis-saħħa tat-taqsimiet 6(1)a, 6(1)b jew 6(1)d ta’ l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Periti ta’ l-1931 (Architect);

- ċertifikat li jiddikjara li d-detentur tiegħu għandu d-dritt stabbilit li jġib it-titolu professjonali ta’ perit bis-saħħa tat-Taqsima 2 ta’ l-Att dwar ir-Registrazzjoni tal-Periti ta’ l-1938 (Architect).

L-Artikolu 12

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10, kull Stat Membru għandu jirrikonoxxi, billi, rigward id-dħul għax-xogħol u l-issoktar tiegħu bit-titolu professjonali ta’ perit msemmi fl-Artikolu 1, jagħtihom l-istess effett ġewwa t-territorju tiegħu daqs id-diplomi, iċ-ċertifikati u x-xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali li joħroġ huwa stess:

- iċ-ċertifikati maħruġa liċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru minn Stati Membri li fihom jeżistu regoli fiż-żmien tan-notifika ta’ din id-Direttiva, li jirregolaw id-dħul fl-attività u l-issoktar tiegħu msemmi fl-Artikolu 1 bit-titolu professjonali ta’ perit qabel l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u li jkun eżerċita effettivament ix-xogħol fil-kwistjoni skond dawn ir-regolamenti għal mill-inqas tliet snin wara xulxin matul il-perjodu taż-żmien ta’ ħames snin qabel il-ħruġ taċ-ċertifikat;

- iċ-ċertifikati maħruġa liċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri minn Stati Membri li bejn iż-żmien tan-notifika u l-implimentazzjoni tad-Direttiva daħħlu regolamenti li jirregolaw id-dħul fl-attività u l-issoktar tiegħu msemmija fl-Artikolu 1 bit-titolu professjonali ta’ perit, li jiddikjaraw illi d-detentur irċieva l-awtorizzazzjoni li jġib it-titolu professsjonali ta’ perit fiż-żmien meta din id-Direttiva kienet qiegħda tiġi implimentata u li eżerċita effettivament ix-xogħol fil-kwistjoni skond dawn ir-regolamenti għal mill-inqas tliet snin wara xulxin matul il-ħames snin ta’ qabel il-ħruġ taċ-ċertifikat.

L-Artikolu 13

L-eżami dwar il-kwalifiki formali msemmija fl-Artikolu 11(a), ir-raba’ inċiż, fl-Artikolu 11(ċ), it-tielet inċiż, u fl-Artikolu 11(h), is-sitt inċiż, għandu jikkomprendi stima tal-pjanti mfassla u mwettqa mill-persuna interessata meta kienet attwalment issegwi l-attivitajiet msemmija fl-Artikolu 1 għal mhux inqas minn sitt snin.

L-Artikolu 14

Iċ-ċertifikati maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Federali Ġermaniża li jattestaw l-ekwivalenza tal-kwalifiki konferiti mit-8 ta’ Mejju 1945 ’il quddiem mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Demokratika Ġermaniża mal-kwalifiki formali mniżżla fil-lista fl-Artikolu 11 għandhom jiġu rikonoxxuti skond il-kondizzjonijiet imniżżla fil-lista f’dan l-Artikolu.

L-Artikolu 15

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu jiġi awtorizzat, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5, li jissospendi l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 10, 11 u 12 rigward ir-rikonoxximent ta’ diplomi, ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali mhux universitarji, biex jiġi evitat tagħwiġ fil-kompetizzjoni, għal perjodu transitorju taż-żmien ta’ erba’ snin u nofs mid-data tan-notifika ta’ din id-Direttiva.

IL-KAPITOLU IV

L-UŻU TAT-TITOLU AKKADEMIKU

L-Artikolu 16

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23, l-Istati Membri ospitanti għandhom jiżguraw illi ċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu II jew il-Kapitolu III għandhom id-dritt li jġibu t-titolu akkademiku legali tagħhom u, fejn xieraq, it-taqsira ta’ dan li tinħareġ mill-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn jiġu, fl-ilsien ta’ dawn l-Istati. L-Istati Membri ospitanti jistgħu jeħtieġu li dan it-titolu jġib warajh l-isem u l-post ta’ l-istituzzjoni jew tal-bord ta’ l-eżami li jkunu konferewh.

2. Jekk it-titolu akkademiku użat fl-Istat Membru ta’ l-oriġini, jew fl-Istat Membru li minnu jiġi ċ-ċittadin ta’ nazzjonalità barranija, jista’ jkun konfuż fl-Istat Membru ospitanti ma’ titolu li, f’dan l-Istat, jeħtieġ edukazzjoni jew taħriġ addizzjonali li l-persuna interessata ma tkunx ħadet, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li din il-persuna ġġib it-titolu użat fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew ta’ l-Istat Membru minn fejn tiġi f’għamla xierqa li għandha tiġi speċifikata mill-Istat Membru ospitanti.

IL-KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET BIEX JIFFAĊILITAW L-EŻERĊIZZJU EFFETTIV TAD-DRITT TA’ PERSUNA LI TISTABBILIXXI LILHA NFISHA U TAL-LIBERTÀ LI TIPPROVDI SERVIZZI.

A. Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-dritt li persuna tistabbilixxi lilha nfisha

L-Artikolu 17

1. Stat Membru ospitanti li jeħtieġ miċ-ċittadini tiegħu prova ta’ kondotta tajba jew ta’ fama tajba meta jidħlu għall-ewwel darba fl-attivitajiet msemmija fl-Artikolu 1 għandu jaċċetta bħala xhieda suffiċjenti, fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra, ċertifikat maħruġ minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew mill-Istat Membru minn fejn jiġi ċ-ċittadin ta’ nazzjonalità barranija, li jattesta illi ntlaħqu l-ħtiġiet ta’ dan l-Istat Membru dwar il-kondotta tajba jew il-fama tajba biex jidħol għall-attività fil-kwistjoni.

2. Meta l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn jiġi ċ-ċittadin ta’ nazzjonalità barranija ma jeħtiġux prova ta’ kondotta tajba jew ta’ fama tajba mill-persuni li jixtiequ jaqbdu l-attività fil-kwistjoni għall-ewwel darba, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li ċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn jiġi ċ-ċittadin ta’ nazzjonalità barranija ifornu estratt mir-reġistru ġudizzjarju’ jew, fin-nuqqas ta’ dan, dokument ekwivalenti maħruġ minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew fl-Istat Membru minn fejn jiġi ċ-ċittadin ta’ nazzjonalità barranija

3. Meta l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn jiġi ċ-ċittadin ta’ nazzjonalità barranija ma joħorġux il-prova dokumentarja msemmija fil-paragrafu 2, din il-prova tista’ tinbidel b’dikjarazzjoni ġuramentata — jew, fl-Istati fejn ma teżistix dikjarazzjoni ġuramentata, b’dikjarazzjoni solenni — magħmula mill-persuna interessata quddiem awtorità ġudizzjara jew amministtrattiva kompetenti jew, fejn xieraq, quddiem nutar jew korp professjonali kwalifikat ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew ta’ l-Istat Membru minn fejn tiġi din il-persuna; din l-awtorità jew dan in-nutar għandhom joħorġu ċertifikat li jattesta l-awtentiċità tad-dikjarazjoni ġuramentata jew tad-dikjarazzjoni solenni.

4. Jekk l-Istat Membru ospitanti jkollu tagħrif dettaljat dwar materja serja li tkun ġrat ’il barra mit-territorju tiegħu qabel ma l-persuna interessata tkun stabbiliet ruħha f’dan l-Istat, jekk isir jaf illi d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 jkun fiha tagħrif mhux korrett u jekk il-materja jew it-tagħrif x’aktarx li jaffettwa d-dħul fl-attività involuta ġewwa t-territorju tiegħu, jista’ jgħarraf lill-Istat Membru ta’ l-oriġini jew lill-Istat Membru minn fejn jiġi ċ-ċittadin ta’ nazzjonalità barranija.

L-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn jiġi ċ-ċittadin ta’ nazzjonalità barranija għandhom jivverifikaw l-eżattezza tal-fatti safejn u sakemm jaffettwa d-dħul fl-attività fil-kwistjoni f’dawn l-Istati Membri. L-awtoritajiet f’dawn l-Istati għandhom huma nfushom jiddeċiedu dwar in-natura u l-kobor ta’ l-investigazzjoni li għandha ssir u għandhom jgħarrfu lill-Istat Membru ospitanti b’kull azzjoni konsegwenzjali li jieħdu rigward iċ-ċertifikati jew id-dokumenti li jkunu ħarġu.

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tat-tagħrif mibgħut.

L-Artikolu 18

1. Fejn, fi Stat Membru ospitanti, il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet aministrattivi jimponu ħtiġiet dwar il-kondotta tajba u l-fama tajba, inklużi dispożizzjonijiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-issoktar ta’ l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1 biex tittieħed azzjoni dixxiplinarja rigward kondotta ħażina professjonali serja jew kundanna fuq offiżi kriminali, l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn jiġi ċ-ċittadin ta’ nazzjonalità barranija għandhom jibagħtu t-tagħrif kollu meħtieġ rigward kull miżura jew azzjoni dixxiplinarja ta’ natura professjonali jew amministrattiva meħudin kontra l-persuna interessata jew kull piena kriminali li tirrigwarda l-prattika tal-professjoni tiegħu fl-Istat Membru ta’ l-oriġini jew fl-Istat Membru minn fejn ikun ġie

2. Jekk l-Istat Membru ospitanti ikollu tagħrif dettaljat dwar materja serja li tkun ġrat ’il barra mit-territorju tiegħu qabel ma l-persuna interessata tkun stabbiliet lilha nfisha f’dan l-Istat u li x’aktarx taffettwa l-issoktar ta’ l-attività interessata f’dan l-Istat, jista’ jgħarraf lill-Istat Membru ta’ l-oriġini jew lill-Istat Membru minn fejn jiġi ċ-ċittadin ta’ nazzjonalità barranija.

L-Istat Membru ta’ l-oriġini jew l-Istat Membru minn fejn jiġi ċittadin ta’ nazzjonalità barranija għandhom jivverifikaw l-eżattezza tal-fatti safejn u sakemm dawn jistgħu jaffettwaw l-issoktar ta’ l-attivitajiet involuti f’dawn l-Istati. L-awtoritajiet ta’ dawn l-Istati għandhom huma nfushom jiddeċiedu dwar in-natura u l-firxa ta’ l-investigazzjoni li għandha issir u għandhom jgħarrfu lill-Istat Membru ospitanti dwar kull azzjoni konsegwenzjali li jieħdu rigward it-tagħrif mibgħut lilhom skond il-paragrafu 1.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tat-tagħrif mibgħut lilhom.

L-Artikolu 19

Id-dokumenti maħruġa b’mod konformi ma’ l-Artikoli 17 u 18 jistgħu ma jiġux preżentati iktar minn tliet xhur wara d-data tal-ħruġ tagħhom.

L-Artikolu 20

1. Il-proċedura biex il-persuna interessata tiġi awtorizzata li taqbad l-attivitjiet msemmija fl-Artikolu 1, skond l-Artikoli 17 u 18, għandha titlesta malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tad-dokumenti kollha li jkollhom x’jaqsmu ma’ din il-persuna, mingħajr preġudizzju għad-dewmien li jirriżulta minn kull appell li jista’ jsir wara t-tmiem ta’ din il-proċedura.

2. Fil-każijiet msemmija fl-Artikolu 17(4) u fl-Artikolu 18(2), talba għal eżami mill-ġdid għandha tissospendi l-perjodu tażżmien preskritt fil-paragrafu 1.

L-Istat Membru konsultat għandu jagħti t-tweġiba tiegħu fi żmien tliet xhur.

Malli jirċievi t-tweġiba jew fl-aħħar tal-perjodu l-Istat Membru ospitanti għandu jissokta bil-proċedura msemmija fil-paragrafu 1.

L-Artikolu 21

Fejn Stat Membru ospitanti jeħtieġ li ċ-ċittadini tiegħu stess li jixtiequ jaqbdu jew jissoktaw ix-xogħol msemmi fl-Artikolu 1 jieħdu ġurament jew jagħmlu dikjarazzjoni solenni u fejn il-forma ta’ dan il-ġurament jew din id-dikjarazzjoni ma jistgħux jintużaw minn ċittadini ta’ Stati Membri oħra, dan l-Istat Membru għandu jiżgura illi tiġi offruta forma ta’ ġurmanet jew ta’ dikjarazzjoni xierqa u ekwivalenti lill-persuna interessata.

B. Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-għoti ta’ servizzi

L-Artikolu 22

1. Fejn Stat Membru jeħtieġ illi ċ-ċittadini tiegħu stess li jixtiequ jaqbdu jew jissokktaw ix-xogħol imsemmi fl-Artikolu 1 jew bl-awtorizzazzjoni tar-reġistazzjoni f’organizzazzjoni jew korp professjonali jew bid-dħul bħala membru tagħhom, dan l-Istat Membru għandu, fil-każ ta’ għoti ta’ servizzi, jeżenta liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra minn din il-ħtieġa.

Il-persuna interessata għandha tipprovdi s-servizzi bl-istess drittijiet u obbligi bħaċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru ospitanti; partikolarment għandha tkun soġġetta għar-regoli tal-kondotta ta’ natura professjonali jew amministrattiva li japplikaw f’dan l-Istat Membru.

Għal dan il-għan u b’żieda mad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 li għandha x’taqsam mal-provvista ta’ servizzi, l-Istati Membri jistgħu, biex jippermettu l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kondotta professjonali fis-seħħ fit-territorju tagħhom, jeħtieġu reġistrazzjoni temporanja awtomatika jew reġistrazzjoni pro forma f’organizzazzjoni jew korp professjonali jew f’reġistru, basta iżda illi din ir-reġistrazzjoni ma sservix ta’ dewmien jew b’xi mod tikkomplika l-għoti tas-servizzi jew timponi spejjeż addizzjonali fuq il-persuna li tipprovdi s-servizzi,

Fejn Stat Membru ospitanti jadotta miżura bis-saħħa tat-tieni subparagrafu jew isir jaf fatti li jmorru kontra dawn id-dispożizzjonijiet, għandu mill-ewwel jgħarraf lill-Istat Membru fejn il-persuna interessata tkun stabbiliet lilha nfisha.

2. L-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ illi l-persuna interessata tagħmel dikjarazzjoni minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti dwar is-servizzi li tkun sejra tipprovdi fejn dawn jinvolvu t-twettiq ta’ proġett fit-territorju tiegħu.

3. Skond il-paragrafi 1 u 2, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ illi l-persuna interessata tforni dokument wieħed jew iktar li jkun fihom il-partikolarijiet li ġejjin:

- id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 2,

- ċertifikat li jiddikjara illi l-persuna interessata tkun qiegħda tissokta legalment ix-xogħol fil-kwistjoni fl-Istat Membru fejn tkun stabbiliet lilha nfisha,

- ċertifikat illi l-persuna interessata għandha d-diploma/i, iċ-ċertifikat/i jew xhieda oħra ta’ kwalifiki formali meħtieġa għall-għoti tas-servizzi fil-kwistjoni u li dawn il-kwalifiki jikkonformaw mal-kriterji tal-Kapitolu II jew kif imniżżla fil-lista fil-Kapitolu III ta’ din id-Direttiva;

- fejn xieraq, iċ-ċertifikat msemmi fl-Artikolu 23(2).

4. Id-dokument jew dokumenti speċifikati fil-paragrafu 3 ma jistgħux jiġu prodotti iktar minn 12-il xahar wara d-data tal-ħruġ tagħhom.

5. Fejn Stat Membru jċaħħad temporanjament jew permanentement, fl-intier tiegħu jew parti minnu, wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkunu stabbilixxew lilhom infushom fit-territorju tiegħu mid-dritt li jissuktaw ix-xogħol msemmi fl-Artikolu 1, għandu, kif xieraq, jiżgura l-irtirar temporanju jew permanenti taċ-ċertifikat msemmi fit-tieni inċiż tal-paragrafu 3.

Ċ. Dispożizzjonijiet komuni għad-dritt li persuna tistabbilixxi lilha nfisha u tal-libertà li tipprovdi servizzi

L-Artikolu 23

1. Meta fi Stat Membru ospitanti l-użu tat-titolu professjonali ta’ perit li għandu x’jaqsam ma’ l-attivitajiet msemmija fl-Artikolu 1 huwa regolat, iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri l-oħra li jwettqu l-kondizzjonijiet preskriti fil-Kapitolu II jew li d-diplomi, iċ-ċertifikati u x-xhieda l-oħra tal-kwalifiki formali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 11 ikunu ġew rikonoxxuti skond l-Artikolu 10 għandhom jiġu vestiti bit-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti u l-għamla mqassra tiegħu ġaladarba jkunu wettqu kull kondizzjoni rigward esperjenza ta’ taħriġ prattiku preskritt minn dan l-Istat.

2. Jekk, fi Stat Membru id-dħul fl-attività msemmija fl-Artikolu 1 jew l-issuktar ta’ dan ix-xogħol bit-titolu ta’ perit huwa soġġett, b’żieda mal-ħtiġiet dikjarati fil-Kapitolu II jew għall-pussess ta’ diploma, ċertifikat jew xhieda oħra ta’ kwalifiki formali kif msemmija fl-Artikolu 11, għat-tkomplija ta’ perjodu ta’ żmien stabbilit ta’ esperjenza prattika, l-Istat Membru interessat għandu jaċċetta bħala suffiċjenti x-xhieda ta’ ċertifikat mill-Istat Membru ta’ l-oriġini jew tar- residenza ta’ qabel li jiddikjara illi ġiet miksuba esperjenza prattika għal perjodu korrispondenti ta żmien f’dawn il-pajjiżi. Iċ-ċertifikat msemmi fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(1) għandu jiġi rikonoxxut bħala prova suffiċjenti fit-tifsira ta’ dan il-paragrafu.

L-Artikolu 24

1. Fejn l-Istat Membru ospitanti jeħtieġ li ċ-ċittadini tiegħu li jixtiequ jaqbdu jaħdmu u jissoktaw fl-attività msemmija fl-Artikolu 1 li jfornu prova li qatt ma kienu falluti qabel u fejn it-tagħrif provdut skond l-Artikoli 17 u 18 ma jkunx fih prova ta’ dan, dan l-Istat għandu jaċċetta dikjarazzjoni ġuramentata — jew, fi Stati fejn ma teżisti l-ebda dispożizzjoni ta’ ġurament, dikjarazzjoni solenni — magħmula mill-persuna interessata quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva, nutar jew korp professjonali kwalifikat ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini jew ta’ l-Istat Membru minn fejn il-persuna tiġi; din l-awrorità jew dan in-nutar għandhom joħorġu ċertifikat tad-dikjarazzjoni ġuramentata jew tad-dikjarazzjoni solenni. Fejn, fl-Istat Membru ospitanti għandha tiġi pruvata bażi finanzjarja soda, dan l-Istat Membru għandu jaċċetta ċertifikati maħruġa mill-banek ta’ Stati Membri oħra bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikati maħruġa fit-territorju tiegħu.

2. Id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 ma jistgħux jiġu prodotti iktar tard minn tliet xhur wara d-data tal-ħruġ tagħhom.

L-Artikolu 25

1. Fejn Stat Membru ospitanti jeħtieġ li ċ-ċittadini tiegħu li jixtiequ jaqbdu jew jissuktaw ix-xogħol msemmi fl-Artikolu 1 li jfornu prova li huma koperti bl-assigurazzjoni kontra konsegwenzi finanzjarji għar-responsabbilità professsjonali tagħhom, dan l-Istat għandu jaċċetta ċ-ċertifikati maħruġa minn impriżi ta’ l-assikurazzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra bħala ekwivalenti għaċ-ċertifikati maħruġa fit-territorju tiegħu Dawn iċ-ċertifikati jridu jispeċifikaw illi min ikun assigurat ikun ikkonforma mal-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti rigward il-kondizzjonijiet u safejn tasal il-kopertura.

2. Iċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafu 1 ma jistgħux jiġu prodotti iktar tard minn tliet xhur wara d-data tal-ħruġ tagħhom.

L-Artikolu 26

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jgħinu lill-persuni interessati li jiksbu tagħrif dwar il-liġijiet u, fejn tapplika, dwar l-etika professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu jiftħu ċentri ta’ tagħrif li minnhom dawn il-persuni jistgħu jiksbu t-tagħrif meħtieġ. Fil-każ fejn il-persuni interessati jistabbilixxu lilhom infushom, l-Istati Membri ospitanti jistgħu jeħtiġuhom jikkuntattjaw dawn iċ-ċentri.

2. L-Istati Membri jistgħu jiftħu ċ-ċentri msemmija fil-paragrafu 1 taħt l-awspiċi ta’ l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti li huma jinnomaw qabel it-tmiem tal-limitu taż-żmien preskritt fl-ewwel subparagrafu tal– 31(1).

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn xieraq, il-persuni interessati jiksbu, fl-interess tagħhom infushom u tal-klijenti tagħhom, il-tagħrif fl-ilsien meħtieġ biex isegwu l-professjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti.

IL-KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 27

Fejn jeżisti dubju leġittimu, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor li jikkonfermaw l-awtentiċità tad-diplomi, iċ-ċertifikati u x-xhieda l-oħra ta’ kwalifiki formali konferiti f’dan l-Istat Membru u msemmija fil-Kapitoli II u III.

L-Artikolu 28

Fil-limitu taż-żmien preskritt fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 31(1), l-Istati Membri għandhom jinnominaw l-awtoritajiet u l-korpi mogħtija l-poter li joħorġu jew jirċievu diplomi, ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali kif ukoll id-dokumenti u t-tagħrif msemmija f’din id-Direttiva, u għandhom jgħarrfu bihom fil-pront lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni.

L-Artikolu 29

Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għaċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri li, b’mod konformi mar-Regolament (KEE) Nru 1612/68, ikunu qegħdin jew ikunu sejrin jissoktaw bħala persuni impjegati l-attivitajiet msemmija fl-Artikolu 1.

L-Artikolu 30

Mhux iktar minn tliet snin wara t-tmiem tal-perjodu taż-żmien provdut fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 31(1), il-Kummissjoni għandha tirrevedi din id-Direttiva fuq il-bażi ta’ l-esperjenza u jekk meħtieġ, tissottometti lill-Kunsill proposti għal emendi wara li tikkonsulta l-Kumitat Konsultattiv. Il-Kunsill għandu jeżamina dawn il-proposti fi żmien sena.

L-Artikolu 31

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien 24 xahar min-notifika tagħha u għandhom jgħarrfu bihom mill-ewwel lill-Kummissjoni.

L-Istati Membri, madankollu, għandu jkollhom żmien tliet snin mid-data tan-notifika biex fihom jikkonformaw ma’ l-Artikolu 22.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġijiet nazjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 32

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Ġunju 1985.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Fioret

[1] ĠU C 239, ta’ l-4.10.1967, p. 15.

[2] ĠU C 72, tad-19.7.1968, p. 3.

[3] ĠU C 24, tat-22.3.1968, p. 3.

[4] ĠU L 257, tad-19.10.1968, p. 2.

--------------------------------------------------

Fuq