Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0508

2011/508/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Awwissu 2011 dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien mid-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Litwanja (notifikata bid-dokument numru C(2011) 5798) Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 209, 17.8.2011, pp. 53–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/09/2011; Imħassar b' 32011D0546

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/508/oj

17.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 209/53


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Awwissu 2011

dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien mid-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Litwanja

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 5798)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/508/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta’ ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq, (2) intern u b’mod partikulari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-marda tal-infafet vesikolari (deni klassiku) tal-ħnieżer (3), u b’ mod partikolari l-Artikolu 11(1)(f) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (4), u b’mod partikolari l-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 4(3) tagħha,

Billi:

(1)

Seħħew tifqigħat tad-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Litwanja.

(2)

Minħabba l-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin u ta’ ċerti prodotti tal-ħnieżer, dawn it-tifqigħat jistgħu joħolqu periklu għall-merħliet ta’ Stati Membri oħra.

(3)

Jeħtieġ li jkunu rinforzati l-miżuri li ttieħdu mil-Litwanja fil-qafas tad-Direttiva 2001/89/KE.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/106/KE tal-1 ta’ Frar 2002 li tapprova Manwal Djanjostiku li jwaqqaf proċeduri djanjostiċi, metodi tal-kampjunar u kriterji għall-istima tat-testijiet fil-laboratorju għall-konferma tad-deni klassiku tal-majjali (5) jistipula dwar protokolli tas-sorveljanza li jkunu adatti għar-riskju.

(5)

Il-kundizzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni għall-kummerċ tal-ħnieżer ħajjin huma stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa tal-annimali li jaffettwaw il-kummerċ ta’ annimali bovini u suwini ġewwa l-Komunità (6).

(6)

Il-kundizzjonijiet dwar is-saħħa tal-annimali u r-rekwiżiti għaċ-ċertifikazzjoni għall-kummerċ tas-semen tal-ħnieżer huma stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-bhejjem applikabbli għal kummerċ intra-Komunitarju u għall-importazzjonijiet ta’ semen ta’ bhejjem domestiċi tal-ispeċi tal-majjali (7).

(7)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) ma’ Direttiva 90/425/KEE (8).

(8)

Il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa għall-kummerċ fl-Unjoni tas-semen, tal-ova u tal-embrijuni ta’ annimali tal-ispeċijiet ovina u kaprina u tal-ova u l-embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi porċina huma stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/470/UE tas-26 ta’ Awwissu 2010 li tistabbilixxi mudell taċ-ċertifikati tas-saħħa għall-kummerċ fl-Unjoni tas-semen, l-ova u l-embrijuni ta’ annimali tal-ispeċijiet ekwina, ovina u kaprina u tal-ova u l-embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi porċina (9).

(9)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (10) jirrigwarda, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet sanitarji għall-produzzjoni u l-bejgħ ta’ laħam frisk, laħam ikkapuljat, laħam separat mekkanikament, preparati tal-laħam, laħam tal-kaċċa minn stabbilimenti agrikoli, prodotti tal-laħam, inklużi stonkijiet, vexxiki (bżieżaq) u msaren ittrattati, u prodotti tal-ħalib.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (11) jirrigwarda, fost l-oħrajn, l-immarkar sanitarju ta’ ikel ta’ oriġini mill-annimali.

(11)

Jeħtieġ li ċ-ċertifikat stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 599/2004 tat-30 ta’ Marzu 2004 li jikkonċerna l-adozzjoni ta’ mudell armonizzat ta’ ċertifikat u rapport tal-ispezzjoni marbuta mal-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali (12) jitkompla b’attestazzjoni uffiċjali dwar is-saħħa tal-annimali li għandha tiġi stabbilita f’Anness ma’ din id-Deċiżjoni.

(12)

L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/275/KE tas-17 ta’ April 2007 dwar il-listi ta’ annimali u prodotti li huma soġġetti għal kontrolli fil-postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntieri skont id-Direttivi tal-Kunsill 91/496/KEE u 97/78/KE (13) jistipula deroga mill-iċċekkjar veterinarju għal ċerti prodotti li jkollhom prodotti tal-annimali. Jixraq li jitħalla jsir dispaċċ miż-żoni fejn hemm ir-restrizzjonijiet fuq prodotti bħal dawn skont sistema ta’ ċertifikazzjoni ssimplifikata.

(13)

Id-Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE (14) tipprovdi għal rekwiżiti fir-rigward tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodotti mhux soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti f’regoli Komunitarji speċifiċi msemmija fl-Anness A(I) għad-Direttiva 89/662/KEE u, fejn jidħlu l-patoġeni, għad-Direttiva 90/425/KEE.

(14)

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (15), jistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-ipproċessar tal-prodotti sekondarji tal-annimali meħudin minn annimali f’żoni ristretti.

(15)

Fejn il-prodotti mediċinali ddefiniti fid-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti medicinali veterinarji (16), fid-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (17), u fid-Direttiva 2001/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrelataw għall-implimentazzjoni ta’ prattika korretta ta’ klinika fit-twettiq ta’ provi kliniċi fuq prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (18), ma għadhomx jaqgħu aktar fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 għandhom jiġu esklużi mir-restrizzjonijiet marbutin mas-saħħa tal-annimali stabbiliti minn din id-Deċiżjoni.

(16)

Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mil-Litwanja, jixraq li jinżammu l-miżuri protettivi rigward id-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Litwanja għal perjodu twil biżżejjed biex ikunu jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet meħtieġa.

(17)

Jeħtieġ ukoll li l-miżuri jiġu stabbiliti, biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-kuntatti ma’ u bejn stabbilimenti tal-ħnieżer f’ċerti partijiet tal-Litwanja, u li jkun hemm l-esiġenza ta’ limitazzjoni reġjonali ta’ ċerti servizzi relatati mal-ħnieżer, bil-għan li l-marda ma titħalliex tinxtered.

(18)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Litwanja għandha tiżgura li ebda ħanżir ma jintbagħat lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi minn:

(a)

żoni elenkati fl-Anness I;

(b)

stabbilimenti fit-territorju tagħha li jinsabu barra miż-żoni elenkati fl-Anness I li rċevew xi ħnieżer mill-1 ta’ Marzu 2011 minn xi stabbiliment li jinsab fiż-żoni elenkati fl-Anness I.

Artikolu 2

Il-Litwanja għandha tassigura li:

(a)

ebda ħanżir ma jiġi ttrasportat minn stabbilimenti fiż-żoni elenkati fil-parti A tal-Anness I;

(b)

it-trasport tal-ħnieżer għall-qatla li jkunu ġejjin minn stabbilimenti barra ż-żoni elenkati fil-parti A tal-Anness I lejn biċċeriji li jinsabu f’dawk iż-żoni u t-tranżitu ta’ ħnieżer minn dawk iż-żoni huma permessi biss:

(i)

minn toroq ewlenin jew bil-ferroviji, u

(ii)

skont l-istruzzjonijiet dettaljati maħruġa mill-awtorità kompetenti biex il-ħnieżer ikkonċernati ma jitħallewx jiġu f’kuntatt dirett jew indirett ma’ ħnieżer oħra matul it-trasport u fil-biċċerija.

(c)

ebda ħanżir ma jiġi ttrasportat miż-żoni elenkati fil-parti B tal-Anness I lejn żoni oħra fil-Litwanja, ħlief għat-trasport dirett ta’:

(i)

ħnieżer għall-qatla lejn biċċerija għall-qatla immedjata, bil-kundizzjoni li l-ħnieżer ikunu ġejjin minn stabbiliment wieħed;

(ii)

ħnieżer għat-trobbija u għall-produzzjoni lejn stabbiliment, bil-kundizzjoni li l-ħnieżer kienu residenti għal mill-inqas 30 jum, jew mit-twelid jekk ta’ età inqas minn 30 jum, fi stabbiliment wieħed:

li ma jkunx irċieva ħnieżer ħajjin matul iż-żmien ta’ 30 jum immedjatament qabel id-data tad-dispaċċ tal-ħnieżer; u

li jkun sarlu eżami kliniku skont il-Kapitolu IV(D)(2) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2002/106/KE b’riżultati negattivi.

Artikolu 3

1.   B’deroga mill-paragrafu 2(a), l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza t-trasport tal-ħnieżer minn stabbiliment li jkun jinsab f’waħda miż-żoni elenkati fil-parti A tal-Anness I iżda ‘l barra minn żona ta’ ħarsien jew sorveljanza:

(a)

direttament lejn biċċerija f’dawk iż-żoni, jew f’każi eċċezzjonali, lejn biċċeriji magħżula fil-Litwanja li jkunu jinsabu barra dawk iż-żoni, għall-qatla immedjata, bil-kundizzjoni li dawk il-ħnieżer ikunu ntbagħtu minn stabbiliment li jkun sarlu eżami kliniku skont il-Kapitolu IV(D)(3) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2002/106/KE b’riżultati negattivi;

(b)

lejn razzett li jinsab ġo dawk iż-żoni, bil-kundizzjoni li l-ħnieżer kienu residenti għal mill-inqas 45 jum, jew mit-twelid jekk ikunu ta’ età inqas minn 45 jum, f’razzett wieħed ta’ oriġini:

(i)

li ma jkunx irċieva ħnieżer ħajjin matul iż-żmien ta’ 45 jum immedjatament qabel id-data tad-dispaċċ tal-ħnieżer;

(ii)

li jkun sarlu eżami kliniku skont il-Kapitolu IV(D)(2) u skont it-tieni sar-raba’ paragrafi tal-Kapitolu IV(D)(4) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2002/106/KE b’riżultati negattivi;

(c)

lejn razzett li jinsab ġo dawk iż-żoni, bil-kundizzjoni li l-ħnieżer kienu residenti għal mill-inqas 45 jum, jew mit-twelid jekk ikunu ta’ età inqas minn 45 jum, f’razzett wieħed ta’ oriġini:

(i)

li ma jkunx irċieva ħnieżer ħajjin matul l-20 jum immedjatament qabel id-data tad-dispaċċ tal-ħnieżer, bil-kundizzjoni li matul is-sitt xhur immedjatament qabel id-data tad-dispaċċ tal-ħnieżer, l-istabbiliment ta’ oriġini ma jkunx irċieva ebda ħnieżer oħra minbarra ħnieżer nisa żgħar mill-istess stabbiliment;

(ii)

li jkun sarlu eżami kliniku skont il-Kapitolu IV(D)(2) u skont it-tieni sar-raba’ paragrafi tal-Kapitolu IV(D)(4) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2002/106/KE b’riżultati negattivi;

(d)

lejn stabbiliment li jinsab f’dawk iż-żoni, bil-kundizzjoni li l-ħnieżer kienu residenti għal mill-inqas 45 jum, jew mit-twelid jekk ikunu ta’ età inqas minn 45 jum, fi stabbiliment wieħed ta’ oriġini, u li:

(i)

l-istabbiliment ta’ oriġini ma rċieva ebda ħnieżer oħra minbarra ħnieżer nisa żgħar, li sarulhom it-testijiet tal-laboratorju li twettqu fuq kampjuni li ttieħdu mhux aktar minn 10 ijiem qabel id-data tad-dispaċċ, b’riżultati negattivi għal dan li ġej:

test biex jinstabu l-antikorpi,

żewġ testijiet konsekuttivi b’intervall ta’ sebat ijiem biex jinstab il-ġenomu tal-vajrus tad-deni klassiku tal-ħnieżer (RT-PCR), imwettaq fil-laboratorju nazzjonali ta’ referenza;

(ii)

li l-eżami kliniku li twettaq fuq l-istabbiliment ta’ oriġini skont il-Kapitolu IV(D)(2) u t-tieni sar-raba’ paragrafi tal-Kapitolu IV(D)(4) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2002/106/KE jkun ta riżultati negattivi.

2.   B’deroga mill-Artikolu 2(a), l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza t-trasportazzjoni diretta tal-ħnieżer minn xi stabbiliment li jinsab fil-limiti taż-żona ta’ sorveljanza lejn stabbiliment nominat fejn ma jkun hemm ebda ħnieżer, u li jkun jinsab fil-limiti tal-istess żona ta’ sorveljanza, bil-kundizzjoni li:

(a)

ikunu applikati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(1)(f) u fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2001/89/KE fl-istabbiliment nominat għad-destinazzjoni;

(b)

it-testijiet previsti fil-Kapitolu IV(D)(2) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2002/106/KE jkunu tlestew b’eżitu negattiv rigward l-istabbilment minn fejn jintbagħtu l-ħnieżer.

3.   B’deroga mill-Artikolu 2(a), l-awtorità kompetenti tista’ tawtorizza t-trasportazzjoni diretta tal-ħnieżer minn stabbliment li jinsab f’żona ta’ sorveljanza lejn stabbiliment nominat fiż-żona ta’ ħarsien, bil-kundizzjoni li:

(a)

l-istabbiliment nominat għad-destinazzjoni jinstab tal-anqas 10 km mill-fruntiera nazzjonali ma’ Stat Membru ieħor u li ma kien hemm ebda ħnieżer f’dak l-istabbiliment għal tal-anqas 21 jum wara d-data ta’ tlestija ta’ tindif u diżinfezzjoni skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/89/KE;

(b)

l-istabbiliment nominat għad-destinazzjoni għadda mit-tielet tindifa u diżinfezzjoni taħt superviżjoni veterinarja qabel ma ddaħħlu l-ħnieżer;

(c)

il-ħnieżer kollha jaslu fl-istabbiliment nominat għad-destinazzjoni fi żmien 20 jum;

(d)

il-ħnieżer fl-istabbiliment nominat għad-destinazzjoni huma soġġetti għal eżami seroloġiku skont il-Kapitolu IV(E) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2002/106/KE, imwettaq fuq kampjuni meħuda mhux qabel 40 jum wara d-data tal-wasla tal-aħħar ħnieżer f’dak l-istabbiliment;

(e)

ebda ħanżir ma jista’ jitlaq l-istabbilitment nominat għad-destinazzjoni ħlief biex jiġi ttrasportat lejn biċċerija li tinsab fiż-żoni elenkati fil-parti A tal-Anness I, għall-qatla immedjata, bil-kundizzjoni li jkun twettaq l-eżami msemmi fil-punt (d) u ta riżultati negattivi.

4.   L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra t-trasport tal-ħnieżer imsemmi fil-paragrafi 1 sa 3 u tinforma lill-Kummissjoni dwaru fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

Artikolu 4

Il-Litwanja għandha tiżgura li l-ebda kunsinja tal-prodotti li ġejjin ma tintbagħat lejn Stati Membri oħra jew lejn pajjiżi terzi:

(a)

is-semen tal-ħnieżer, sakemm is-semen ma joriġinax minn ħnieżer miżmuma f’ċentru ta’ ġbir kif jissemma fl-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 90/429/KEE u li jkun jinsab barra ż-żoni elenkati fl-Anness I;

(b)

l-ova u l-embrijuni tal-ħnieżer, sakemm l-ova u l-embrijuni ma joriġinawx minn ħnieżer miżmuma fi stabbiliment li jkun jinsab barra ż-żoni elenkati fl-Anness I.

Artikolu 5

Il-Litwanja għandha tassigura li

1.

iċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat fl-Anness F (il-Mudell 2) għad-Direttiva 64/432/KEE li jintbagħat mal-ħnieżer mil-Litwanja lejn Stati Membri oħra jkun jinkludi l-kliem:

“Annimali li jikkonformaw għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/508/UE tas-16 ta' Awwissu 2011 dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien mid-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Litwanja”;

2.

iċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat fl-Anness D għad-Direttiva 90/429/KEE li jintbagħat mas-semen tal-ħnieżer mil-Litwanja lejn Stati Membri oħra jkun jinkludi l-kliem:

“Semen li jikkonforma għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/508/UE tas-16 ta' Awwissu 2011 dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien mid-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Litwanja”;

3.

iċ-ċertifikati tas-saħħa stipulati fl-Anness V għad-Deċiżjoni 2010/470/UE li jintbagħat mal-ova u l-embrijuni tal-ħnieżer mil-Litwanja lejn Stati Membri oħra jkunu jinkludu l-kliem:

“Ova/Embrijuni (ħassar fejn hemm bżonn) li jikkonformaw għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/508/UE tas-16 ta' Awwissu 2011 dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien mid-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Litwanja”;

Artikolu 6

1.   B’deroga mir-raba’ inċiż tal-Artikolu 10(3)(f) tad-Direttiva 2001/89/KE, il-Litwanja tista’ tapplika l-marka tas-saħħa stipulata fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 u tista’ tippermetti li l-laħam frisk ma jerġax jgħaddi minn trattament sussegwenti, skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2002/99/KE, fil-każ ta’ laħam tal-majjal li jiġi minn ħnieżer li jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu nqatlu qabel tnax-il siegħa wara li jaslu fil-biċċerija;

(b)

ikunu oriġinaw minn stabbiliment:

(i)

li jinsab f’żona ta’ sorveljanza stabbilita skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2001/89/KE fiż-żoni elenkati fil-parti A tal-Anness I ma’ din id-Deċiżjoni, u fl-inħawi ta’ żona ta’ ħarsien fejn:

ma nstabet l-ebda tifqigħa tad-deni klassiku tal-ħnieżer matul perjodu ta’ 21 jum qabel ma l-ħnieżer ittieħdu l-biċċerija u meta għaddew tal-inqas 21 jum mit-tlestija tad-diżinfezzjoni tal-istabbiliment infettat;

saru eżamijiet kliniċi għad-deni klassiku tal-ħnieżer fl-istabbilimenti kollha f’dawk iż-żoni ta’ ħarsien u sorveljanza wara s-sejba ta’ deni klassiku tal-ħnieżer, b’riżultati negattivi;

(ii)

li kien awtorizzat mill-awtoritajiet kompetenti biex il-ħnieżer jintbagħtu f’biċċerija nominata, u:

li ma kellu l-ebda kuntatt ma’ stabbiliment infettat, wara l-inkjesta epidemjoloġika;

li ġie suġġett għal spezzjonijiet regolari minn veterinarji wara t-twaqqif ta’ żona ta’ sorveljanza u li dawn l-ispezzjonijiet inkludew lill-ħnieżer kollha li nżammu fl-istabbiliment;

fejn il-ħnieżer kollha ntbagħtu għal eżamijiet kliniċi u tal-laboratorji skont il-paragrafi 1, 3, 4 u 5 tal-Kapitolu IV(D) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2002/106/KE.

2.   Il-Litwanja għandha tiżgura li l-biċċerija msemmija fil-paragrafu 1(a):

(a)

tinsab fiż-żoni elenkati fil-parti A tal-Anness I;

(b)

ma taċċettax, fl-istess jum, ħnieżer għall-qatla, ħlief il-ħnieżer imsemmija fil-paragrafu 1.

3.   Il-Litwanja għandha tiżgura li l-vetturi użati għat-trasport tal-ħnieżer imsemmija fil-paragrafu 1 jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati darbtejn wara kull trasport.

Artikolu 7

1.   Il-Litwanja għandha tiżgura li l-laħam tal-ħnieżer imsemmi fl-Artikolu 6 jiġi akkumpanjat minn ċertifikat maħruġ skont l-Anness għar-Regolament (KE) Nru 599/2004 (19) u li jkun imtela’ mill-veterinarju uffiċjali flimkien mal-attestazzjoni dwar is-saħħa tal-annimali kif stabbilit fl-Anness II ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   Il-Litwanja għandha tiżgura li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jitwasslilhom it-tagħrif li ġej dwar il-ħnieżer imsemmija fl-Artikolu 6:

(a)

qabel il-qatla tal-ħnieżer, l-isem u l-post tal-biċċeriji nominati biex jirċievu l-ħnieżer għall-qatla;

(b)

wara l-qatla tal-ħnieżer, ta’ kull ġimgħa, rapport li fih tagħrif dwar:

(i)

l-għadd ta’ ħnieżer maqtula fil-biċċeriji nominati;

(ii)

is-sistema ta’ identifikazzjoni u l-kontrolli fuq il-moviment applikati biex tiġi żgurata l-konformità mal-Artikolu 11(1)(f) tad-Direttiva 2001/89/KE.

Artikolu 8

1.   Il-Litwanja ma għandhiex tibgħat lejn Stati Membri oħra jew lejn pajjiżi terzi konsenji ta’

(a)

prodotti tal-ħnieżer mhux imsemmija fl-Artikoli 6 u 7 li jkunu ġejjin miż-żoni elenkati fil-parti A tal-Anness I;

(b)

prodotti magħmulin minn ħnieżer li jkunu oriġinaw fiż-żoni elenkati fil-parti A tal-Anness I;

(c)

ħmieġ u demel ta’ ħnieżer li jkunu oriġinaw fiż-żoni elenkati fil-parti A tal-Anness I.

2.   Il-projbizzjoniji stipulata fil-paragrafu 1(a) u (b) ma għandhiex tapplika għal:

(a)

prodotti dderivati minn ħnieżer li:

(i)

ġew soġġetti għal trattament tas-sħana:

f’kontenitur ermetikament issiġillat b’valur Fo ta’ 3,00 jew aktar, jew

li fih it-temperatura ċentrali titla’ sa talanqas 70 °C; jew

(ii)

ġew prodotti barra ż-żoni elenkati fl-Anness I skont il-kundizzjonijiet imniżżla fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, u minn mindu ddaħħlu fil-Litwanja nħażnu u ġew trasportati separatament minn prodotti tal-annimali mhux eliġibbli għad-dispaċċ skont il-paragrafu 1;

(b)

id-demm u l-prodotti tad-demm kif definiti fil-punti 2 u 4 tal-Anness I għar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 142/2011 (20) li jkunu għaddew minn talanqas wieħed mit-trattamenti stipulati fil-punt 3.1(a) tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tal-Anness XIV għar-Regolament (KE) Nru 142/2011, segwiti b’eżami tal-effikaċja, jew ġew importati skont il-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tal-Anness XIV għar-Regolament (KE) Nru 142/2011;

(c)

il-lardu u x-xaħmijiet ikkjarifikati permezz tat-tidwib li jkunu ġew ipproċessati bil-metodu ta’ proċessar 1 (sterilizzazzjoni taħt pressjoni) jew skont wieħed mill-metodi l-oħra ta’ proċessar imsemmijin fil-Kapitolu III tal-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

(d)

l-ikel tal-annimali tal-kumpanija li jikkonforma mar-rekwiżiti tal-punti 3(a) u 3(b)(i),(ii) u (iii) tal-Kapitolu II tal-Anness XIII għar-Regolament (KE) Nru 142/2011;

(e)

it-trofej tal-kaċċa skont il-punt C.2 tal-Kapitolu VI tal-Anness XIII għar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

(f)

il-lanżit tal-majjali li jkun inħasel fil-fabbrika jew li jkun ittieħed waqt l-ikkonzar, u lanżit tal-majjali mhux ipproċessat li jkun imgeżwer sew fil-pakketti u jkun niexef;

(g)

il-prodotti tal-annimali ppakkjati maħsuba għall-użu bħala reaġenti dijanjostiċi in-vitro tal-laboratorju;

(h)

il-prodotti mediċinali kif deskritti fid-Direttiva 2001/83/KE, it-tagħmir mediku manifatturat bl-użu ta’ tessut tal-annimali li jiġi rrendut mhux vijabbli kif imsemmi fl-Artikolu 1(5)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/42/KEE (21), il-prodotti mediċinali veterinarji kif iddefiniti fid-Direttiva 2001/82/KE u l-prodotti mediċinali investigattivi kif iddefiniti fid-Direttiva 2001/20/KE;

(i)

l-imsaren konformi mal-kundizzjonijiet fil-Parti A tal-Kapitolu 2 tal-Anness I għad-Direttiva 92/118/KEE u li jkunu tnaddfu, inbarxu, u mbagħad jew tmellħu, ġew ibbliċjati jew tnixxfu, u li wara jkunu tteħdulhom passi effikaċi biex ma jerġgħux jiġu kkontaminati;

(j)

il-prodotti komposti li mhumiex suġġetti għal aktar ipproċessar u li fihom prodotti ta’ oriġini mill-annimali, fil-fehma li t-trattament mhuwiex meħtieġ għall-prodotti finali li l-ingredjenti tagħhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet rispettivi tas-saħħa tal-annimali stipulati b’din id-Deċiżjoni.

3.   Il-Litwanja għandha tiżgura li l-prodotti tal-annimali msemmija fil-paragrafu 2 li jintbagħtu lejn Stati Membri oħra jkunu akkumpanjati b’ċertifikat uffiċjali li jkun fih il-kliem li ġej:

“Prodotti tal-annimali li jikkonformaw għad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2011/508/UE tas-16 ta' Awwissu 2011 dwar ċerti miżuri ta’ ħarsien mid-deni klassiku tal-ħnieżer fil-Litwanja”.

Artikolu 9

B’deroga mill-Artikolu 8(3), ikun biżżejjed, fil-każ ta’:

(a)

prodotti msemmija fil-paragrafu 2(a) sa (d) u (i) tal-Artikolu 8, li jkun hemm firma skont l-Artikolu 10 li tafferma l-konformità mal-kundizzjonijiet tat-trattament iddikjarati fid-dokument kummerċjali mitluba skont il-leġiżlazzjoni rispettiva tal-Unjoni;

(b)

prodotti msemmija fil-paragrafu 2(f) tal-Artikolu 8, li jkunu akkumpanjati minn dokument kummerċjali li jiddikjara li:

(i)

inħaslu fil-fabbrika, jew

(ii)

inkisbu mill-ikkunzar, jew

(iii)

jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stipulati fil-punt A.1 tal-Kapitolu VII tal-Anness XIII għar-Regolament (UE) Nru 142/2011;

(ċ)

prodotti msemmija fil-paragrafu 2(g) u (h) tal-Artikolu 8, li jkunu akkumpanjati minn dokument kummerċjali li jiddikjara li l-prodotti jkunu għall-użu bħala reaġenti dijanjostiċi in-vitro tal-laboratorju, prodotti mediċinali jew tagħmir mediku, bil-kundizzjoni li l-prodotti jkollhom tikketta li tgħid ċar “għall-użu dijanjostiku in-vitro biss” jew “għall-użu fil-laboratorju biss”, bħala “prodotti mediċinali” jew bħala “tagħmir mediku”;

(d)

prodotti msemmija fil-paragrafu 2(j) tal-Artikolu 8 li jkunu saru fi stabbiliment li jopera l-HACCP u proċedura standard verifikabbli tal-operat li tiżgura li l-ingredjenti pproċessati minn qabel jikkonformaw mal-kundizzjonijiet rispettivi tas-saħħa tal-annimali stipulati f’din id-Deċiżjoni, li dan jitniżżel fid-dokument kummerċjali li jakkumpanja l-konsenja, u li jkun iffirmat skont l-Artikolu 10;

(e)

prodotti komposti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2007/275/KE, li jkunu akkumpanjati minn dokument kummerċjali li fih il-kliem li ġej:

“Dawn il-prodotti komposti għandhom ħajja fit-tul f’temperatura ambjentali jew fil-manifattura tagħhom għaddew b’mod ċar minn proċess komplut ta’ tisjir jew trattament bis-sħana mas-sustanza kollha tagħhom, biex kull materjal nej ġie żnaturat”.

Artikolu 10

1.   Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li d-dokument kummerċjali mitlub mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-kummerċ bejn l-Istati Membri jkun approvat permezz ta’ hemża ta’ kopja ta’ ċertifikat uffiċjali li jiddikjara li:

(a)

il-prodotti kkonċernati saru:

(i)

fi proċess ta’ produzzjoni li kien ivverifikat u li nstab konformi mar-rekwiżiti xierqa fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar saħħet l-annimali u tajjeb biex jeqred il-virus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer; jew

(ii)

minn materjali pproċessati minn qabel li kienu ġew iċċertifikati li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 8 u 9; u

(b)

ikun hemm fis-seħħ dispożizzjonijiet biex tkun evitata l-possibilità ta’ kontaminazzjoni mill-ġdid bil-virus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer wara t-trattament.

2.   Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu:

(a)

jinkludi referenza għal din id-Deċiżjoni;

(b)

ikun validu għal 30 jum;

(c)

jinkludi d-data ta’ skadenza;

(d)

jista’ jiġġedded wara spezzjoni tal-istabbiliment.

Artikolu 11

1.   L-awtorità kompetenti għandha tidentifika ż-żoni ta’ riskju fiż-żoni elenkati fl-Anness I.

2.   Is-servizzi pprovduti minn nies li jiġu f’kuntatt dirett mal-ħnieżer, jew dawk is-servizzi li jeħtieġu li n-nies jidħlu fil-postijiet fejn jinżammu l-ħnieżer għandhom ikunu limitati għal dawn iż-żoni ta’ riskju u ma għandhomx jinqasmu ma’ partijiet oħra tal-Unjoni. L-istess japplika għas-servizzi li jeħtieġu l-użu ta’ vetturi għat-trasport tal-għalf, tad-demel, jew tal-annimali mejtin minn jew lejn stabbilimenti fejn jinżammu l-ħnieżer fiż-żoni elenkati fl-Anness I.

3.   Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għas-servizzi, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-vetturi, it-tagħmir u kull mezz ieħor ta’ infezzjoni jkunu tnaddfu u ġew iddiżinfettati;

(b)

il-persuni, il-vetturi u t-tagħmir ma ġewx f’kuntatt dirett mal-ħnieżer jew ma’ stabbilimenti tal-ħnieżer għal mill-inqas tlett ijiem.

4.   Il-Litwanja għandha tassigura li:

(a)

jitwettqu l-miżuri ta’ sorveljanza fiż-żoni elenkati fl-Anness I,

(i)

kull każ ta’ mard li jittieħed fi stabbilimenti tal-ħnieżer li għalih huwa indikat trattament bl-antibijotiċi jew b’mediċinali antibatteriċi oħra għandu jiġi rrappurtat lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien, u qabel ma jinbeda t-trattament,

(ii)

fl-istabbilimenti tal-ħnieżer imsemmija f’(a), l-eżamijiet kliniċi u l-proċeduri għat-teħid tal-kampjuni stabbiliti fil-Kapitolu IV(A) tal-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/106/KE jitwettqu mingħajr dewmien minn veterinarju;

(b)

il-miżuri għall-prevenzjoni tal-mard jiġu applikati kif ikun meħtieġ, skont l-Artikolu 4(3)(a) tad-Direttiva 2001/89/KE;

(c)

kampanja ta’ informazzjoni adegwata tiġi indirizzata lejn l-operaturi tat-trobbija tal-ħnieżer.

Artikolu 12

Il-Litwanja għandha tiżgura li fiż-żoni elenkati fil-parti A tal-Anness I:

(a)

il-miżuri fiż-żoni ta’ ħarsien u sorveljanza jkomplu japplikaw tal-inqas sakemm jgħaddu 40 jum wara t-tlestija ta’ diżinfezzjoni u tindif preliminari fl-istabbilimenti infettati;

(b)

il-ħnieżer fl-istabbilimenti kollha fiż-żoni ta’ sorveljanza, barra mill-eżamijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3)(b) tad-Direttiva 2001/89/KE u qabel ma jiġu rrevokati l-miżuri previsti fid-Direttiva 2001/89/KE fiż-żona ta’ sorveljanza, jkunu tpoġġew għal eżamijiet kliniċi u tal-laboratorji mwettqa skont il-Kapitolu IV(F) tal-Anness għad-Deċiżjoni 2002/106/KE; dawn l-eżamijiet ma jridux isiru qabel ma jgħaddu 30 jum mit-tlestija tat-tindif preliminari u l-miżuri ta’ diżinfezzjoni fl-istabbilimenti infettati.

Artikolu 13

1.   Stati Membri oħra minbarra l-Litwanja ma għandhomx jibagħtu l-ħnieżer f’biċċeriji fiż-żoni elenkati fil-parti A tal-Anness I.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:

(a)

il-vetturi li jkunu ntużaw għat-trasport tal-ħnieżer fil-Litwanja jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati darbtejn wara kull trasport f’dan l-Istat Membru u li ma jerġgħux jittrasportaw ħnieżer għal mill-inqas tlett ijiem wara d-diżinfezzjoni;

(b)

il-vetturi li jkunu daħlu fi stabbiliment fejn jinżammu l-ħnieżer fil-Litwanja jitnaddfu u jiġu ddiżinfettati mill-inqas darbtejn wara li jitilqu minn dak l-istabbiliment u ma jerġgħux jittrasportaw ħnieżer għal mill-inqas tlett ijiem wara d-diżinfezzjoni;

(c)

lill-awtorità kompetenti, it-trasportaturi jagħtuha prova ta’ dan it-tindif u diżinfezzjoni.

Artikolu 14

L-Istati Membri għandhom jemendaw il-miżuri li japplikaw għall-kummerċ sabiex jiġu konformi ma’ din id-Deċiżjoni u għandhom jippubbliċizzaw b’mod xieraq u immedjat il-miżuri adottati. Huma għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

Artikolu 15

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Ottubru 2011.

Artikolu 16

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)   ĠU L 316, 1.12.2001, p. 5.

(4)   ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

(5)   ĠU L 39, 9.2.2002, p. 71.

(6)   ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.

(7)   ĠU L 224, 18.8.1990, p. 62.

(8)   ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(9)   ĠU L 228, 31.8.2010, p. 15.

(10)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(11)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(12)   ĠU L 94, 31.3.2004, p. 44.

(13)   ĠU L 116, 4.5.2007, p. 9.

(14)   ĠU L 62, 15.3.1993, p. 49.

(15)   ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1.

(16)   ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1.

(17)   ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

(18)   ĠU L 121, 1.5.2001, p. 34.

(19)   ĠU L 94, 31.3.2004, p. 44.

(20)   ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1.

(21)   ĠU L 169, 12.7.1993, p. 1.


ANNESS I

Parti A:

Id-distretti ta’ Jonava, Kaišiadorys, Kėdainiai fil-kontea ta’ Kaunas u d-distretti ta’ Ukmergė u Širvintos fil-kontea ta’ Vilnius.

Parti B:

It-territorju kollu tal-Litwanja, ħlief il-parti msemmija fil-Parti A.


ANNESS II

Image 1

Test ta 'immaġni

Top