Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ipproċessar tal-ikel mingħajr periklu: standards komuni għas-solventi tal-estrazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2009/32/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-solventi tal-estrazzjoni użati fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2009/32/KE tissostitwixxi leġiżlazzjoni preċedenti u tistabbilixxi lista unika ta’ solventi tal-estrazzjoni* li tista’ tintuża fl-ipproċessar tal-ikel, ingredjenti tal-ikel u materja prima skont prattika tajba ta’ manifattura.

PUNTI EWLENIN

Solventi tal-estradizzjoni permessi biex jintużaw konformi ma’ prattika tajba ta’ manifattura għall-użi kollha huma:

  • ilma li miegħu sustanzi li jirregolaw l-aċidità jew alkalinità setgħu kienu miżjuda u sustanzi oħra tal-ikel li jkollhom proprjetajiet ta’ solvent
  • propan
  • butan
  • aċetat tal-etil
  • etanol
  • dijossidu tal-karbonju
  • aċetone u
  • ossidu tan-nitroġenu.

Solventi tal-estrazzjoni li għalihom kundizzjonijiet dettaljati għall-użu huma speċifikati f’Anness I tad-Direttiva 2009/32/KE:

  • hexane
  • 2-metilossolan
  • aċetat tal-metil
  • etilmetilketone
  • diklorometane
  • metanol
  • propan-2-ol
  • dimethyl ether
  • diethyl ether
  • ċikloeżan
  • butan-1-ol
  • butan-2-ol
  • propan-1-ol
  • 1,1,1,2-tetrafluworoetan.

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu l-bejgħ ta’ ikel jew ingredjenti tal-ikel jekk dawn is-solventi jkunu ntużaw b’konformità mal-leġiżlazzjoni.

Il-Istati Membri ma jistgħux jawtorizzaw l-użu ta’ sustanzi jew materjali oħrajn bħala solventi tal-estrazzjoni.

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jissospendu jew jirrestrinġu temporanjament l-użu ta’ solvent tal-estrazzjoni permess jekk ikollhom bażi dettaljata li l-użu tiegħu fl-ikel jista’ jipperikola s-saħħa tal-bniedem.

Huma għandhom jinformaw minnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni Ewropea li jinvestigaw l-evidenza fornuta għad-deċiżjoni tagħhom.

Is-sustanzi użati bħala solventi tal-estrazzjoni għandhom jipprovdu ċerti dettalji viżibbli, li jinqraw u li ma jitħassrux fuq l-imballaġġ, il-kontenituri jew it-tikketti tagħhom. Dawn jinkludu:

  • isem kummerċjali;
  • indikazzjoni ċara tal-adegwatezza għall-estrazzjoni ta’ ikel jew ingredjenti tal-ikel; u
  • kwalunkwe kundizzjonijiet ta’ ħażna speċjali.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Id-direttiva ilha tapplika mis-26 ta’ Ġunju 2009.

TERMINI EWLENIN

Solvent tal-estrazzjoni. Sustanza li tintuża matul l-ipproċessar ta’ ikel li mbagħad titneħħa. Din tista’ tħalli residwi jew derivattivi mhux intenzjonati, iżda teknikament inevitabbli, fl-ikel.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2009/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward is-solventi tal-estrazzjoni użati fil-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel u l-ingredjenti tal-ikel (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 141, 6.6.2009, pp. 3–11).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2009/32/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 05.07.2024

Top