Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Politika tal-UE għall-iżvilupp: aġenda għall-bidla

SOMMARJU TAD-DOKUMENT::

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (COM(2011) 637 finali) — Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla

SOMMARJU

X’TAGĦMEL IL-KOMUNIKAZZJONI?

Dan id-dokument tal-politika tal-Kummissjoni Ewropa jippreżenta l-ideat dwar kif l-UE tista’ tgħin lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jeqirdu l-faqar, li huwa l-għan primarju tal-politika tal-UE għall-iżvilupp.

PUNTI EWLENIN

Aktar ma’ l-popolazzjoni dinjija qed tkompli tikber, hemm bżonn ta’ aktar azzjoni sabiex jiġu indirizzati sfidi bħall-prevenzjoni ta’ kunflitti, is-sigurtà , il-protezzjoni ambjentali u t-tibdil fil-klima u t-twassil tal-benefiċċji pubbliċi globali bħas-sigurtà tal-ikel, l-aċċess għall-ilma u għas-sanità, is-sigurtà tal-enerġija u l-migrazzjoni.

Wieħed miż-żewġ għanijiet huwa li jappoġġja l-bidla meħtieġa fil-pajjiżi msieħba (il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li għandhom ftehimiet mal-UE) biex jitħaffef il-progress lejn it-tnaqqis tal-faqar u l-Għanjiet ta’ Żvilupp tal-Millennju (li mill-2016 ġew sostitwiti bl-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli).

Il-Kummissjoni trid li l-Aġenda għall-Bidla twassal għal numru ta’ titjib, inkluż żieda fil-volum u fis-sehem tal-għajnuna mill-UE lill-pajjiżi l-aktar fil-bżonn u fejn l-UE jista’ jkollha impatt reali (inkluż stati fraġli).

L-għan l-ieħor huwa li tgħin fil-ħolqien tat-tkabbir f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw sabiex dawn ikollhom il-mezzi biex jintrefgħu mill-faqar. Għalhekk, l-għajnuna se tiffoka f’oqsma partikolari:

  • il-ħarsien soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjiegi;
  • l-ambjent tan-negozju, l-integrazzjoni reġjonali u s-swieq globali;
  • agrikoltura sostenibbli u l-enerġija.

Waħda mill-ideat ewlenin hi li jkun hemm approċċ differenzjat tal-UE biex jgħin fl-allokazzjoni u sħubijiet biex jagħti r-riżorsi fejn l-aktar huma meħtieġa, biex jiġi miġġieled il-faqar. Fil-prattika, dan ifisser allokazzjoni ta' fondi tal-UE għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp skont

  • il-bżonnijiet ta’ pajjiż,
  • il-kapaċitajiet tiegħu li jiġġenera sorsi ta’ finanzjament (eż. l-impożizzjoni ta' taxxi) u
  • il-prestazzjoni tagħha f’oqsma bħall-edukazzjoni jew is-saħħa.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li l-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni flimkien għandhom iħejju l-istrateġiji u l-programmi tagħhom u jaqsmu aħjar bejniethom il-kompitu li jiġi żgurat li l-għajnuna mogħtija mill-UE tkun aktar effettiva.

Idea oħra hija li jiġu esplorati modi innovattivi ta’ żvilupp tal- finanzjament, bħal pereżempju bl- “għaqda” (jiġifieri l-kombinazzjonijiet tal-għotjiet u s-self).

ATT

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Inżidu l-impatt tal-Politika tal-UE għall-Iżvilupp: Aġenda għall-Bidla (KUMM(2011) 637 finali tat-13.10.2011)

l-aħħar aġġornament 27.01.2016

Top