This document is an excerpt from the EUR-Lex website
L-Artikolu 16(8) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 15(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jitolbu lill-Kunsill sabiex jiltaqa’ fil-pubbliku meta jikkunsidra u jivvota dwar abbozz ta’ att leġiżlattiv. L-Artikolu 15(3) jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiżguraw fir-Regoli ta’ Proċedura tagħhom li l-proċedimenti tagħhom ikunu trasparenti.
Is-sessjonijiet pubbliċi tal-Kunsill jistgħu jiġu segwiti permezz ta’ trasmissjoni fuq l-internet. Il-minuti u d-dettalji u l-ispjegazzjonijiet tal-voti tal-pajjiżi tal-UE f’dawn is-sessjonijiet huma wkoll disponibbli għall-pubbliku.
L-aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill huwa rregolat mir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 rigward l-aċċess pubbliku għal dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. Il-Kunsill, bħall-istituzzjonijiet l-oħrajn tal-UE, għandu jagħmel reġistru tad-dokumenti disponibbli għall-pubbliku.